Brussell, 21.3.2018

COM(2018) 147 final

2018/0072(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti

{SWD(2018) 81 final}
{SWD(2018) 82 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ekonomija diġitali qiegħda tittrasforma l-mod kif ninteraġixxu, nikkunsmaw u nagħmlu negozju. Il-kumpaniji diġitali qegħdin jikbru b’rata ferm iktar mgħaġġla mill-ekonomija inġenerali, u huwa mistenni li din ix-xejra tkompli. It-teknoloġiji diġitali jwasslu bosta benefiċċji għas-soċjetà u, mill-perspettiva tat-taxxa, joħolqu opportunitajiet għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u joffru soluzzjonijiet biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll biex tiġi indirizzata l-evażjoni tat-taxxa.

Madankollu, id-diġitalizzazzjoni qiegħda tagħmel pressjoni wkoll fuq is-sistema tat-tassazzjoni internazzjonali, hekk kif il-mudelli tan-negozju jinbidlu. Attwalment, il-fassala tal-politika qegħdin jitħabtu biex isibu soluzzjonijiet li jistgħu jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija qiegħda taċċellera, u r-regoli eżistenti dwar it-tassazzjoni korporattiva huma wisq antikwati biex ilaħħqu ma’ tali evoluzzjoni. L-applikazzjoni tar-regoli attwali tat-taxxa korporattiva fuq l-ekonomija diġitali wasslet għal allinjament ħażin bejn il-post fejn jiġu intaxxati l-profitti u l-post fejn jinħoloq il-valur. B’mod partikolari, ir-regoli attwali ma għadhomx tajbin għall-kuntest attwali fejn ġie ffaċilitat il-kummerċ transfruntiera onlajn mingħajr ebda preżenza fiżika, fejn in-negozji jiddependu ferm fuq assi intanġibbli li diffiċli tehmżilhom valur, u fejn il-kontenut iġġenerat mill-utenti u l-ġbir tad-dejta saru l-attivitajiet ewlenin għall-ħolqien tal-valur tan-negozji diġitali. Hemm rikonoxximent fil-livell internazzjonali, minn korpi bħall-G20, li jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex ir-regoli dwar it-taxxa korporattiva jiġu adattati għall-ekonomija diġitali. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) eżaminat din il-kwistjoni fil-kuntest tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20 1 . Fil-laqgħa tagħhom ta’ Marzu 2017, il-G20 talab lill-OECD biex tfassal rapport interim dwar l-implikazzjonijiet għat-tassazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u tippreżentah lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f’April 2018. Madankollu, x’aktarx li tkun għadma iebsa li jintlaħaq qbil fil-livell globali.

Dawn l-isfidi ġew identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwarSistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali”, li ġiet adottata fil-21 ta’ Settembru 2017. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-analiżi tagħha tal-isfidi tat-taxxa minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija globali. Din ġiet segwita mill-konklużjonijiet li ġew adottati fid-19 ta’ Ottubru 2017 mill-Kunsill Ewropew 2 , li enfasizzaw il-ħtieġa għal sistema effettiva u ġusta ta’ tassazzjoni adegwata għall-era diġitali u l-istennija b’interess għall-proposti xierqa mill-Kummissjoni sa kmieni fl-2018. Il-Kunsill ECOFIN fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2017 3 stqarr li kien qed jistenna bil-ħerqa wkoll proposti xierqa mill-Kummissjoni sa kmieni fl-2018, “b’kont meħud tal-iżviluppi rilevanti fil-ħidma li għaddejja tal-OECD u wara valutazzjoni tal-fattibbiltà legali u teknika kif ukoll tal-impatt ekonomiku tar-reazzjonijiet possibbli għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali”.

Ir-regoli attwali tat-taxxa korporattiva huma mibnija fuq il-prinċipju li l-profitti jridu jiġu intaxxati fil-post fejn jinħoloq il-valur. Madankollu, dawn ir-regoli nħolqu prinċipalment fil-bidu tas-seklu 20 għal negozji ‘b’ħanut fiżiku’ u jiddefinixxu x’jagħti lok għad-dritt tal-intaxxar f’pajjiż (“fejn tiġi imposta t-taxxa”) u kemm mill-introjtu korporattiv jiġi allokat għal kull pajjiż (“l-ammont tat-taxxa imposta”) fil-biċċa l-kbira abbażi ta’ preżenza fiżika f’dak il-pajjiż u mingħajr ma jiġi rifless il-valur li jinħoloq mill-parteċipazzjoni tal-utenti f’dik il-ġurisdizzjoni. Dan ifisser li għall-finijiet tat-tassazzjoni, dawk li mhumiex residenti jiġu intaxxati f’pajjiż biss jekk ikollhom preżenza li tammonta għal stabbiliment permanenti hemmhekk 4 . Madankollu, dawk ir-regoli ma jkoprux il-firxa dinjija tal-attivitajiet diġitali, fejn il-preżenza fiżika ma għadhiex rekwiżit biex jiġu pprovduti s-servizzi diġitali. Għalhekk huma meħtieġa indikaturi ġodda għall-preżenza ekonomika sinifikanti sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-intaxxar fir-rigward tal-mudelli tan-negozju diġitalizzati l-ġodda.

Ladarba n-negozju jkun taxxabbli f’pajjiż, il-profitti ġġenerati minn dan in-negozju jkunu għadhom iridu jiġu stabbiliti u attribwiti lil dan il-pajjiż. Fil-qafas attwali tat-taxxa korporattiva, ir-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti jintużaw biex il-profitti tal-gruppi multinazzjonali jiġu attribwiti lill-pajjiżi differenti abbażi ta’ analiżi tal-funzjonijiet, tal-assi u tar-riskji fil-katina tal-valur tal-grupp. Fil-kuntest tat-tassazzjoni tal-profitti tan-negozju attribwibbli lil stabbiliment permanenti, entità separata tiġi ipotizzata 5 u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti japplikaw b’analoġija. Madankollu, ir-regoli attwali, li ġew żviluppati għal mudelli ta’ negozju tradizzjonali, ma jirriflettux il-fatt li l-mudelli ta’ negozju diġitali jkollhom karatteristiki differenti minn dawk tradizzjonali f’termini ta’ kif jinħoloq il-valur. Dan joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollu impatt negattiv fuq id-dħul pubbliku. L-ekonomija diġitali tiddependi ħafna fuq l-assi intanġibbli bħal pereżempju d-dejta tal-utenti u tavvanza l-metodi analitiċi tad-dejta sabiex tasal għall-estrazzjoni tal-valur mid-dejta tal-utenti. Kulma jmur dawn il-mudelli tan-negozju qed jixprunaw il-valur fil-gruppi multinazzjonali u diffiċli li l-valur jiġi kkwantifikat. L-isfida li jiġu identifikati l-assi intanġibbli u li jiġi kkwantifikat il-valur tagħhom, kif ukoll li jiġi stabbilit il-kontribut tagħhom għall-ħolqien tal-valur fi grupp, teħtieġ metodi ġodda għall-attribuzzjoni tal-profitti li jaqbdu aħjar il-ħolqien ta’ valur fil-mudelli l-ġodda ta’ negozju.

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-ekonomija diġitali billi tistabbilixxi soluzzjoni komprensiva fis-sistemi eżistenti tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri. Il-proposta tipprovdi sistema komuni għall-intaxxar tal-attivitajiet diġitali fl-UE li tikkunsidra sew il-karatteristiki tal-ekonomija diġitali.

L-ewwel nett, din il-proposta tistabbilixxi regoli għall-istabbiliment ta’ rabta taxxabbli għan-negozji diġitali transfruntiera f’każ ta’ preżenza kummerċjali mhux fiżika (minn hawn ’il quddiem: “preżenza diġitali sinifikanti”). Għalhekk huma meħtieġa indikaturi ġodda għal tali preżenza ekonomika sinifikanti, sabiex jiġu stabbiliti u protetti d-drittijiet tal-intaxxar tal-Istati Membri fir-rigward tal-mudelli tan-negozju diġitalizzati l-ġodda.

Barra minn hekk, din il-proposta tistabbilixxi prinċipji għall-attribuzzjoni tal-profitti lil negozju diġitali. Jenħtieġ li dawn il-prinċipji jaqbdu aħjar il-ħolqien tal-valur ta’ mudelli ta’ negozju diġitali li jiddependu ferm fuq l-assi intanġibbli.

Din id-Direttiva, ladarba tiġi implimentata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, se tapplika għall-attivitajiet diġitali transfruntiera fl-Unjoni, anke jekk it-trattati applikabbli kontra it-tassazzjoni doppja bejn l-Istati Membri ma jkunux ġew modifikati skont dan. Se tapplika wkoll jekk negozju stabbilit f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni jopera permezz ta’ preżenza diġitali sinifikanti fi Stat Membru, fejn ma jeżisti l-ebda trattat kontra t-tassazzjoni doppja fis-seħħ bejn l-Istat Membru kkonċernat u dik il-ġurisdizzjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija parti mill-isforzi li qed isiru fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali sabiex il-qafas attwali tat-taxxa jiġi adattat għall-ekonomija diġitali.

Fil-livell internazzjonali, l-isfida li jiġi żgurat li l-atturi kollha fl-ekonomija diġitali huma intaxxati b’mod ġust fuq l-introjtu tagħhom kienet diġà ġiet identifikata fir-rapport dwar l-Azzjoni 1 tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20, u fir-rapport interim tal-OECD dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali 6 li ġie ppreżentat lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f’Marzu 2018. Ir-rapport interim jirrifletti fuq għażliet differenti biex tiġi indirizzata din l-isfida u sal-2020 l-OECD beħsiebha tasal għal soluzzjoni bbażata fuq il-kunsens.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-approċċ ideali jkun li jinstabu soluzzjonijiet multilaterali u internazzjonali biex tiġi intaxxata l-ekonomija diġitali, minħabba n-natura globali ta’ din l-isfida. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mill-qrib mal-OECD sabiex tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali. Madankollu, il-progress fil-livell internazzjonali huwa għadma iebsa, minħabba n-natura kumplessa tal-problema u l-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u jaf jieħu ż-żmien biex jintlaħaq kunsens internazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni. Il-proposta preżenti hija maħsuba biex tagħti kontribut fil-ħidma li għaddejja fil-livell tal-OECD, li tibqa’ essenzjali sabiex jintlaħaq kunsens globali dwar dan is-suġġett. Billi tistabbilixxi l-viżjoni tal-UE dwar kif għandhom jiġu indirizzati b’mod komprensiv l-isfidi tal-ekonomija diġitali, id-Direttiva proposta se sservi bħala eżempju biex tinfluwenza d-diskussjonijiet internazzjonali dwar soluzzjoni globali. Jenħtieġ li l-UE tħeġġeġ u tappoġġa lis-sħab globali biex jimxu f’dik id-direzzjoni.

Fil-livell tal-UE, din il-proposta tibni fuq id-diversi inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata tassazzjoni korporattiva ġusta u effiċjenti fl-Unjoni 7 .

F’kuntest usa’, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-proposta għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) tkun is-soluzzjoni ottimali biex tiġi żgurata tassazzjoni korporattiva iktar ġusta u effiċjenti fl-UE. Madankollu, il-BKKTK, bl-ambitu attwali tagħha, ma toffrix soluzzjoni strutturali għal uħud mill-isfidi importanti fl-intaxxar tan-negozji tal-ekonomija diġitali. Dan peress li l-BKKTK għandha ambitu limitat (hija obbligatorja biss għall-kumpaniji multinazzjonali kbar) u peress li d-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti fil-BKKTK issegwi dik li tiġi applikata attwalment fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-profitti (il-formula tat-tqassim) fil-BKKTK jaf ma jaqbdux b’mod suffiċjenti l-attivitajiet diġitali ta’ kumpanija. Jenħtieġ li r-regoli dwar rabta taxxabbli għall-attivitajiet diġitali jiġu inklużi fil-BKKTK. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allokazzjoni tal-profitti ta’ gruppi multinazzjonali kbar, jenħtieġ li l-approċċ tal-formula tat-tqassim fil-BKKTK jiġi adattat sabiex effettivament l-attivitajiet diġitali jiġu koperti. Il-Kummissjoni tilqa’ l-emendi fir-rapporti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew dwar il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva u l-BKKTK bħala bażi tajba għal ħidma ulterjuri biex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta tal-attivitajiet diġitali 8 . Il-Kummissjoni lesta li taħdem mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew biex teżamina kif id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva jistgħu jiġu inkorporati fil-BKKTK.

Din id-Direttiva hija parti minn pakkett li jinkludi wkoll Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jiġu inklużi r-regoli korrispondenti dwar preżenza diġitali sinifikanti u l-allokazzjoni tal-profitti fit-trattati tagħhom kontra t-tassazzjoni doppja ma’ pajjiżi terzi, proposta għal Direttiva li tinkludi soluzzjoni temporanja, u Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-kuntest u li tispjega l-artikolazzjoni bejn il-proposti.

Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Istati Membri jirreplikaw id-dispożizzjonijiet inklużi f’din id-Direttiva fit-trattati kontra t-tassazzjoni doppja ma’ pajjiżi terzi, peress li f’każ li jkun hemm trattat kontra t-tassazzjoni doppja bejn Stat Membru u ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni, ir-regoli tat-trattat applikabbli kontra t-tassazzjoni doppja jaf imorru kontra d-dispożizzjonijiet proposti dwar preżenza diġitali sinifikanti.

Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni qiegħda tressaq proposta għal Direttiva għal soluzzjoni temporanja, it-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali (TSD), bħala soluzzjoni temporanja sempliċi għat-tassazzjoni tal-attivitajiet diġitali fl-UE. It-TSD tistabbilixxi taxxa fuq id-dħul mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali 9 . Jenħtieġ li t-TSD tapplika fuq bażi temporanja sakemm ikun hemm soluzzjoni komprensiva fis-seħħ.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 10 , fejn il-Kummissjoni ntrabtet li tiżgura l-aċċess għall-attivitajiet onlajn għall-individwi u għan-negozji fil-qafas ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, kif ukoll li tiftaħ opportunitajiet diġitali għan-nies u għan-negozji, u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala mexxejja dinjija fl-ekonomija diġitali.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna t-taxxa għajr dik fuq il-fatturat taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Din id-dispożizzjoni tistipula li l-miżuri ta’ approssimazzjoni skont dan l-artikolu għandhom jaffettwaw direttament l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Peress li n-negozji diġitali kapaċi jkunu transfruntiera fl-operat tagħhom mingħajr ma jkollhom l-ebda preżenza fiżika, kemm fl-Unjoni u kemm minn pajjiżi terzi, huma meħtieġa regoli uniformi biex jiġi żgurat li jħallsu t-taxxi fejn jagħmlu l-profitti. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-attivitajiet diġitali, hija meħtieġa inizjattiva tal-UE, li żżid il-valur meta mqabbla ma’ dak li jistgħu jiksbu għadd kbir ta’ miżuri nazzjonali. Hija meħtieġa inizjattiva komuni fis-suq intern għall-applikazzjoni diretta u armonizzata tar-regoli dwar preżenza diġitali sinifikanti fl-Unjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-Istati Membri kollha u sabiex il-kontribwenti jkollhom ċertezza tad-dritt. Approċċi unilaterali u diverġenti minn kull Stat Membru jistgħu ma jkunux effettivi u jifframmentaw is-suq uniku billi joħolqu kunflitti fil-politika nazzjonali, distorsjonijiet u ostakli tat-taxxa għan-negozji fl-UE. Jekk l-għan huwa li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern kollu, il-pass xieraq ’il quddiem jista’ jsir biss permezz ta’ inizjattivi kkoordinati fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

Id-Direttiva proposta hija meħtieġa, adegwata u xierqa biex jintlaħaq l-għan mixtieq. Din ma timplikax armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa korporattiva fl-UE, u għaldaqstant ma tirrestrinġix il-kapaċità tal-Istati Membri li jinfluwenzaw l-ammont mixtieq tagħhom ta’ dħul mit-taxxa korporattiva. Id-Direttiva ma tinterferix fl-għażliet ta’ politika nazzjonali fir-rigward tad-daqs tal-intervent tas-settur pubbliku u l-kompożizzjoni tad-dħul mit-taxxa. Tipproponi mod iktar effiċjenti biex jiġu intaxxati l-attivitajiet diġitali tal-kontribwenti korporattivi li joperaw fl-UE bil-ħsieb li jkun hemm suq intern iktar effiċjenti.

Għażla tal-istrument

Id-distorsjonijiet fis-suq intern, kif ġie identifikat iktar ’il fuq, jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ regoli ġuridiċi vinkolanti u permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tat-taxxa b’qafas leġiżlattiv komuni. Il-liġi mhux vinkolanti tkun għażla subottimali, peress li l-Istati Membri jkunu liberi li ma jimplimentawhiex, jew inkella tista’ twassal għal approċċ frammentat. Dan l-eżitu assolutament mhuwiex mixtieq. Jissogra li joħloq inċertezza tad-dritt għall-kontribwenti, kif ukoll li jxekkel l-għanijiet għal sistema tat-taxxa korporattiva kkoordinata u koerenti fis-suq intern.

Abbażi tal-Artikolu 115 tat-TFUE, “il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament ... joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern”. Għaldaqstant, it-Trattat jippreskrivi li fit-tassazzjoni għajr dik fuq il-fatturat (koperta bl-Artikolu 113 tat-TFUE), il-leġiżlazzjoni għandha tkun esklużivament fil-forma ta’ direttivi.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni ffokat fuq tliet gruppi ewlenin ta’ partijiet ikkonċernati: l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, in-negozji u ċ-ċittadini. Iż-żewġ attivitajiet ewlenin ta’ konsultazzjoni kienu jikkonsistu minn konsultazzjoni pubblika miftuħa, li rċeviet total ta’ 446 tweġiba matul 12-il ġimgħa mis-26 ta’ Ottubru 2017 sat-3 ta’ Jannar 2018, u stħarriġ immirat li ntbagħat lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fl-UE kollha. Fir-rigward ta’ soluzzjoni komprensiva, l-approċċ ippreferut minn iktar minn nofs il-persuni li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kien proposta għal preżenza diġitali fl-UE 11 . L-għażla ppreferuta kienet tikkoinċidi għaż-żewġ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati: 14-il awtorità tat-taxxa nazzjonali minn 21 kif ukoll 58 % tal-446 persuna li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa jemmnu li l-proposta għal “preżenza diġitali fl-UE” tista’ tindirizza bl-aqwa mod il-problemi attwali marbuta mar-regoli internazzjonali dwar it-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali. Il-partijiet ikkonċernati ma ġewx mitluba espliċitament għall-approċċ ippreferut tagħhom fir-rigward ta’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-UE. Il-membri tal-Pjattaforma għal Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa (magħmula mill-awtoritajiet kollha tat-taxxa tal-UE u minn 15-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-prattikanti tat-taxxa) ġew infurmati wkoll b’din l-inizjattiva u ntalbet l-opinjoni tagħhom. Tqiesu wkoll il-kontributi spontanji.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fis-7 ta’ Frar 2018. Il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-proposta flimkien ma’ xi rakkomandazzjonijiet, li tqiesu. L-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u l-ispjegazzjoni ta’ kif tqiesu, huma inklużi fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ din il-proposta. Ara l-Anness 3 għal ħarsa ġenerali lejn min ikun affettwat b’din il-proposta u kif.

Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ din il-proposta eżaminat kemm l-għażliet ta’ riforma fundamentali kif ukoll għażliet oħra għal bidliet fis-sistema internazzjonali eżistenti tat-taxxa. Minħabba limiti fil-fattibbiltà ġuridika u/jew politika, iktar riformi fundamentali ġew skartati peress li f’dan l-istadju jirrappreżentaw għażliet mhux realistiċi. Minflok, jenħtieġ li s-soluzzjoni tiffoka fuq reviżjoni tal-kunċett eżistenti ta’ stabbiliment permanenti u tar-regoli ta’ allokazzjoni tal-profitti. Fl-istess waqt, soluzzjoni fil-qafas tal-proposta għal BKKTK biss ġiet miċħuda fuq il-bażi li jkollha ambitu wisq dejjaq biex tiġi proposta soluzzjoni strutturali li jkollha wkoll l-possibbiltà li twassal għal soluzzjoni lil hinn mill-UE. Għalhekk, l-għażla ppreferuta biex tindirizza l-kwistjoni fl-UE kienet Direttiva awtonoma li timmodernizza r-regoli dwar l-istabbiliment permanenti u r-regoli dwar l-allokazzjoni tal-profitti.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta għal Direttiva mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Jenħtieġ li r-regoli f’din il-proposta jiġu integrati fis-sistemi tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu tal-Istati Membri u fil-proposta tal-Kummissjoni għal BKKTK, u jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar jiġu riflessi b’bidliet korrispondenti fil-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (l-MKT tal-OECD) fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva ladarba tiġi adottata, kif ukoll l-applikazzjoni tagħha b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kamp ta’ Applikazzjoni (l-Artikolu 2)

Din il-proposta taffettwa lill-kontribwenti korporattivi li huma inkorporati jew stabbiliti fl-UE, kif ukoll l-impriżi li huma inkorporati jew stabbiliti f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li magħha ma jeżisti l-ebda trattat kontra t-tassazzjoni doppja mal-Istat Membru fejn tiġi identifikata preżenza diġitali sinifikanti tal-kontribwent. Il-proposta ma taffettwax lill-impriżi li huma inkorporati jew stabbiliti f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li magħha hemm trattat kontra t-tassazzjoni doppja fis-seħħ mal-Istat Membru tal-preżenza diġitali sinifikanti, sabiex jiġi evitat li tikkawża xi ksur ta’ dawk it-trattati kontra t-tassazzjoni doppja. Dan jaf ikun kemxejn differenti jekk it-trattat applikabbli dwar it-taxxa fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni jinkludi dispożizzjoni simili dwar preżenza diġitali sinifikanti li toħloq drittijiet u obbligi simili fir-rigward ta’ dik il-ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni.

Definizzjonijiet (l-Artikolu 3)

Dan l-Artikolu jipprovdi definizzjonijiet ta’ diversi kunċetti meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva (fost l-oħrajn, is-servizzi diġitali, l-interfaċċa diġitali, id-dħul, l-entità, l-utenti u l-perjodu tat-taxxa).

Servizz diġitali huwa servizz ipprovdut permezz tal-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku, u li n-natura tiegħu twassal biex il-provvista tas-servizz tkun essenzjalment awtomatizzata u tkun tinvolvi intervent uman minimu. Din id-definizzjoni tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ “servizzi fornuti b’mod elettroniku” fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u tinkludi l-istess tip ta’ servizzi.

Sabiex tiġi eskluża rabta taxxabbli abbażi tal-post tal-konsum biss, is-sempliċi bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ffaċilitat bl-użu tal-internet jew ta’ netwerk elettroniku ma jitqiesx bħala servizz diġitali. Pereżempju, l-għoti ta’ aċċess (għal remunerazzjoni) għal suq diġitali għax-xiri u għall-bejgħ tal-karozzi huwa servizz diġitali, iżda l-bejgħ stess ta’ karozza permezz ta’ sit web bħal dan mhuwiex servizz diġitali.

L-“involviment ta’ intervent uman minimu” tfisser li s-servizz jinvolvi intervent uman minimu min-naħa tal-fornitur mingħajr ma jitqies il-livell ta’ intervent uman min-naħa tal-utent. Servizz għandu jitqies ukoll li jeħtieġ biss intervent uman minimu f’sitwazzjonijiet fejn il-fornitur inizjalment jistabbilixxi sistema, iwettaq manutenzjoni regolari tas-sistema jew isewwiha meta jinqalgħu problemi marbuta mal-funzjonament tagħha.

Preżenza diġitali sinifikanti (l-Artikolu 4)

Il-kunċett ta’ preżenza diġitali sinifikanti huwa maħsub biex tiġi stabbilita rabta taxxabbli f’ġurisdizzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jitqies bħala żieda flimkien mal-kunċett eżistenti ta’ stabbiliment permanenti. Ir-regoli proposti għall-istabbiliment ta’ rabta taxxabbli ta’ negozju diġitali fi Stat Membru huma bbażati fuq id-dħul mill-provvista ta’ servizzi diġitali, fuq in-numru ta’ utenti ta’ servizzi diġitali jew fuq in-numru ta’ kuntratti għal servizz diġitali. Dawn il-kriterji huma mod kif tiġi stabbilita l-“impronta diġitali” ta’ negozju f’ġurisdizzjoni abbażi ta’ ċerti indikaturi tal-attività ekonomika. Jenħtieġ li dawn jirriflettu d-dipendenza tan-negozji diġitali fuq bażi kbira ta’ utenti, fuq l-involviment tal-utenti u fuq il-kontributi tal-utenti, kif ukoll il-valur li jinħoloq mill-utenti għal dawn in-negozji. Jenħtieġ li l-kriterji jkunu jistgħu jiġu applikati għal tipi differenti ta’ mudelli ta’ negozju. Il-mudelli ta’ negozju diġitali huma eteroġenji ħafna. Uħud jaf ikollhom bażi kbira ħafna ta’ utenti, filwaqt li oħrajn jaf ikollhom bażi iżgħar ta’ utenti, iżda xorta waħda jkollhom kontributi sinifikanti mill-utenti jekk kull utent individwali jikkontribwixxi valur kbir. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kriterji jiżguraw trattament komparabbli fi Stati Membri differenti, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, u jenħtieġ li jħallu barra l-każijiet trivjali.

Għat-tliet kriterji bbażati fuq l-utenti li ġew imsemmija hawn fuq (id-dħul, in-numru ta’ utenti u n-numru ta’ kuntratti) ġew stabbiliti livelli limitu applikabbli differenti. Hemm preżenza diġitali sinifikanti fi Stat Membru jekk wieħed jew iktar mill-kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati: jekk id-dħul mill-provvista ta’ servizzi diġitali lill-utenti f’ġurisdizzjoni jaqbeż is-EUR 7 000 000 f’perjodu tat-taxxa, jekk in-numru ta’ utenti ta’ servizz diġitali fi Stat Membru jaqbeż il-100 000 f’perjodu tat-taxxa, jew jekk in-numru ta’ kuntratti ta’ negozju għal servizzi diġitali jaqbeż l-3 000.

Kif ġie spjegat fil-Valutazzjoni tal-Impatt 12 , huwa essenzjali li kull livell limitu jiġi stabbilit f’livell għoli biżżejjed biex żgur jiġu esklużi l-każijiet iż-żgħar fejn il-profitti attribwibbli għal preżenza diġitali lanqas biss ikunu jkopru l-kost tal-konformità mat-taxxa għal stabbiliment permanenti, u għaldaqstant tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-miżura waqt li jintużaw dawn it-tliet livelli limitu alternattivi. Il-livell limitu tad-dħul jiġi stabbilit biex ikopri l-istima tal-kostijiet tal-konformità għall-operat ta’ stabbiliment permanenti addizzjonali, anke b’rati baxxi. Jenħtieġ li l-livell limitu fir-rigward tan-numru ta’ utenti jkun jirrifletti valur simili f’termini monetarji abbażi tad-dħul medju għal kull utenti. Jenħtieġ li l-livell limitu għan-numru ta’ kuntratti ta’ negozju jirrifletti li għandhom jitqiesu biss il-kuntratti “minn negozju għal negozju” peress li l-valur irrappreżentat b’dawn il-kuntratti x’aktarx li jkun iktar sostanzjali minn dak ta’ kuntratti konklużi ma’ individwi. Għalhekk, jenħtieġ li livell limitu għan-numru ta’ kuntratti minn negozju għal negozju jkun ferm iktar baxx mil-livell limitu bbażat fuq l-utenti.

Profitti attribwibbli lill-preżenza diġitali sinifikanti (l-Artikolu 5)

Ir-regoli proposti għall-allokazzjoni tal-profitti lil preżenza diġitali sinifikanti huma mibnija fuq il-qafas attwali applikabbli għall-istabbilimenti permanenti. Dawn jikkonfermaw il-prinċipju li bih jenħtieġ li preżenza diġitali sinifikanti tiġi attribwita l-profitti li kienet taqla’ permezz ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi sinifikanti mwettqa permezz ta’ interfaċċa diġitali, b’mod partikolari fl-attivitajiet tagħha ma’ partijiet oħra tal-impriża, li kieku kienet impriża separata u indipendenti involuta fl-istess attivitajiet jew f’attivitajiet simili bl-istess kundizzjonijiet jew b’kundizzjonijiet simili, filwaqt li jitqiesu l-assi li jkunu ntużaw, il-funzjonijiet li jkunu twettqu u r-riskji li jkunu ġew meħuda. Għalhekk, l-approċċ awtorizzat tal-OECD (AAO) jibqa’ l-prinċipju sottostanti għall-attribuzzjoni tal-profitti lil preżenza diġitali sinifikanti. Minkejja dan, jeħtieġ li l-qafas jiġi adattat b’mod konsistenti, sabiex jirrifletti l-mod kif jinħoloq il-valur fl-attivitajiet diġitali. Fil-fatt, fl-analiżi funzjonali tal-istabbiliment permanenti, il-kriterju ta’ funzjonijiet sinifikanti ta’ persuni rilevanti għat-teħid tar-riskju u għas-sjieda ekonomika tal-assi fil-kuntest tal-attivitajiet diġitali, mhuwiex biżżejjed biex jiżgura attribuzzjoni tal-profitti lill-preżenza diġitali sinifikanti li tirrifletti l-ħolqien ta’ valur. Din is-sitwazzjoni sseħħ meta preżenza diġitali sinifikanti topera permezz ta’ interfaċċa diġitali mingħajr ebda preżenza fiżika f’ġurisdizzjoni partikolari jew meta l-ebda funzjoni sinifikanti ta’ persuni ma titwettaq fil-ġurisdizzjoni tal-preżenza diġitali sinifikanti.

Fl-analiżi funzjonali tal-preżenza diġitali sinifikanti, jenħtieġ li l-attivitajiet imwettqa mill-impriża permezz ta’ interfaċċa diġitali fir-rigward tad-dejta u tal-utenti jitqiesu bħala funzjonijiet sinifikanti ekonomikament għall-attribuzzjoni tas-sjieda ekonomika tal-assi u tar-riskji lill-preżenza diġitali sinifikanti. Jenħtieġ li l-attribuzzjoni tal-profitti tqis l-iżvilupp, it-titjib, iż-żamma, il-protezzjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli fil-prestazzjoni tal-attivitajiet sinifikanti ekonomikament mill-preżenza diġitali anke jekk dawn ma jkunux marbuta ma’ funzjonijiet ta’ persuni fl-istess Stat Membru.

Pereżempju, is-sett ta’ assi intanġibbli li jkunu attribwibbli lin-negozju tan-netwerk soċjali jaqdi rwol ewlieni biex jiġu attirati utenti ġodda lejn in-netwerk soċjali u jiġu ggarantiti l-esternalitajiet pożittivi tan-netwerk, jiġifieri li l-utenti jkunu jistgħu jaqbdu ma’ numru kbir ta’ utenti oħra. It-tkabbir tan-netwerk li jinkiseb permezz tal-preżenza diġitali sinifikanti jtejjeb l-istess sett ta’ assi intanġibbli. Dan is-sett ta’ assi intanġibbli jkun imsaħħaħ iktar permezz tal-ipproċessar tad-dejta fil-livell tal-utenti sabiex in-netwerk soċjali jkun jista’ jbigħ l-ispazju tar-reklamar bi primjum ladarba dan ikun imfassal apposta skont l-interessi tal-utenti.

B’hekk ikun jirriżulta li l-funzjonijiet marbuta mal-iżvilupp, mat-titjib, maż-żamma, mal-protezzjoni u mal-isfruttament ta’ assi intanġibbli uniċi jkunu tipiċi għal preżenza diġitali sinifikanti. L-attivitajiet sinifikanti ekonomikament kollha jikkontribwixxu b’mod uniku għall-ħolqien tal-valur fil-mudelli ta’ negozju diġitali u huma parti integrali minn dawn il-mudelli. Għalhekk, il-metodu tat-tqassim tal-profitti ta’ sikwit ikun jitqies bħala l-iżjed metodu xieraq għall-attribuzzjoni tal-profitti lill-preżenza diġitali sinifikanti. F’dan il-kuntest, il-fatturi possibbli tat-tqassim jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni (attribwibbli lill-preżenza diġitali sinifikanti fir-rigward tal-ispejjeż attribwibbli lill-uffiċċju prinċipali u/jew kwalunkwe preżenzi diġitali sinifikanti oħra fi Stati Membri oħra) kif ukoll in-numru ta’ utenti fi Stat Membru u d-dejta miġbura għal kull Stat Membru.

Ir-regoli proposti jistabbilixxu biss il-prinċipji ġenerali għall-allokazzjoni tal-profitti lil preżenza diġitali sinifikanti peress li linji gwida iktar speċifiċi dwar l-allokazzjoni tal-profitti jistgħu jiġu żviluppati fil-fora internazzjonali xierqa jew fil-livell tal-UE.

2018/0072 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 13 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)It-trasformazzjoni rapida tal-ekonomija globali bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni qiegħda twassal pressjonijiet ġodda fuq is-sistemi tat-taxxa korporattiva kemm fil-livell tal-Unjoni u kemm fil-livell internazzjonali, u qiegħda tpoġġi f’dubju l-kapaċità li jiġi stabbilit fejn jenħtieġ li l-kumpaniji diġitali jħallsu t-taxxi tagħhom u kemm jenħtieġ li jħallsu. Għalkemm huwa rikonoxxut fil-livell internazzjonali, minn korpi bħall-G20, li jeħtieġ li r-regoli dwar it-taxxa korporattiva jiġu adattati għall-ekonomija diġitali, x’aktarx li tkun għadma iebsa li jintlaħaq qbil fil-livell globali.

(2)F’Ottubru 2015, ir-rapport tal-OECD dwar l-Azzjoni 1 tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) “Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi tat-Taxxa tal-Ekonomija Diġitali) stabbilixxa diversi approċċi differenti għall-intaxxar tal-ekonomija diġitali li ġew eżaminati b’mod ulterjuri fir-rapport tal-OECD “Tax challenges Arising from Digitalisation – Interim Report 2018” (L-Isfidi tat-Taxxa li Ġejjin mid-Diġitalizzazzjoni – Rapport Interim tal-2018). Kulma jmur qiegħda tikber il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet li jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva tal-kumpaniji diġitali hekk kif qiegħda taċċellera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija.

(3)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali”, li ġiet adottata fil-21 ta’ Settembru 2017, iddikjarat li huma meħtieġa regoli internazzjonali ġodda marbuta mal-isfidi speċifiċi mqajma mill-ekonomija diġitali sabiex jiġi stabbilit fejn jinħoloq il-valur tan-negozji u kif jenħtieġ li dak il-valur jiġi attribwit għall-finijiet tat-taxxa. Dawn ir-regoli ġodda jimplikaw riforma tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti u tal-attribuzzjoni tal-profitti applikabbli għall-attivitajiet diġitali.

(4)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2017 enfasizzaw il-ħtieġa għal sistema effettiva u ġusta ta’ tassazzjoni adegwata għall-era diġitali u stennew b’interess proposti xierqa mill-Kummissjoni sa kmieni fl-2018 15 . Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tal-5 ta’ Diċembru 2017 enfasizzaw li definizzjoni li tkun aċċettata globalment għal stabbiliment permanenti u għar-regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment u l-attribuzzjoni ta’ profitti marbuta miegħu għandha tibqa’ ċentrali meta jiġu indirizzati l-isfidi ta’ tassazzjoni fuq il-profitti tal-ekonomija diġitali, u ħeġġew kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE, l-OECD u sħab oħra internazzjonali fir-reazzjoni għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali 16 .

F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinkludu regoli fis-sistemi tagħhom tat-taxxa korporattiva nazzjonali fuq l-introjtu sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tal-intaxxar tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu ċċarati d-diversi taxxi korporattivi applikabbli fl-Istati Membri. Jenħtieġ li dawn ir-regoli jestendu d-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti u jistabbilixxu rabta taxxabbli għal preżenza diġitali sinifikanti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali għall-allokazzjoni tal-profitti taxxabbli għal dik il-preżenza diġitali. Fil-prinċipju, jenħtieġ li dawk ir-regoli japplikaw għall-kontribwenti korporattivi kollha irrispettivament minn fejn ikunu residenti għat-taxxa, kemm fl-Unjoni jew xi mkien ieħor.

(5)Madankollu, jenħtieġ li r-regoli ma japplikawx għal entitajiet li jkunu residenti għat-taxxa f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li jkollha Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja fis-seħħ mal-Istat Membru li fih ikun hemm preżenza diġitali sinifikanti, sakemm dik il-Konvenzjoni ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar preżenza diġitali sinifikanti li joħolqu drittijiet u obbligi simili għal dawk li nħolqu b’din id-Direttiva, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni. Dan sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mal-Konvenzjonijiet kontra t-Tassazzjoni Doppja ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni, peress li ġeneralment dawn mhumiex marbuta bid-dritt tal-Unjoni.

(6)Sabiex ikun hemm definizzjoni soda ta’ rabta taxxabbli ta’ negozju diġitali fi Stat Membru, jeħtieġ li din id-definizzjoni tkun ibbażata fuq id-dħul mill-provvista ta’ servizzi diġitali, fuq in-numru ta’ utenti jew fuq in-numru ta’ kuntratti ta’ negozju għal servizzi diġitali. Jenħtieġ li l-livelli limitu applikabbli jirriflettu s-sinifikat tal-preżenza diġitali għal tipi differenti ta’ mudelli ta’ negozju u jakkomodaw il-gradi differenti ta’ kontribut għall-proċess tal-ħolqien tal-valur. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiżguraw trattament kompatibbli fi Stati Membri differenti, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, u jenħtieġ li jħallu barra l-każijiet trivjali. Jenħtieġ li l-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jiġi ffaċilitat bl-użu tal-internet jew ta’ netwerk elettroniku ma jitqiesx bħala servizz diġitali skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

(7)Sabiex il-preżenza diġitali sinifikanti ta’ impriża tkun tista’ tiġi intaxxata f’ġurisdizzjoni oħra skont il-liġi domestika ta’ dik il-ġurisdizzjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-attribuzzjoni tal-profitti lil dik il-preżenza diġitali sinifikanti. Jenħtieġ li r-regoli jkunu mibnija fuq il-prinċipji attwali għall-attribuzzjoni tal-profitti u jkunu bbażati fuq analiżi funzjonali tal-funzjonijiet imwettqa, tal-assi użati u tar-riskji meħuda minn preżenza diġitali sinifikanti fit-twettiq tal-attivitajiet sinifikanti ekonomikament tagħha permezz ta’ interfaċċa diġitali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li parti sinifikanti mill-valur ta’ negozju diġitali jinħoloq fejn ikunu bbażati l-utenti u fejn tinġabar u tiġi pproċessata d-dejta marbuta mal-utenti, kif ukoll fejn jiġu pprovduti s-servizzi diġitali. Peress li l-attivitajiet sinifikanti ekonomikament li jitwettqu minn preżenza diġitali sinifikanti jikkontribwixxu b’mod uniku għall-ħolqien tal-valur fil-mudelli ta’ negozju diġitali, jenħtieġ li l-metodu tat-tqassim tal-profitti jintuża normalment biex wieħed jasal għal allokazzjoni ġusta tal-profitti lill-preżenza diġitali sinifikanti. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jipprevjenix li kontribwent ikun jista’ juża metodu alternattiv skont il-prinċipji aċċettati fil-livell internazzjonali jekk dan jista’ juri bil-provi li, abbażi tal-eżitu tal-analiżi funzjonali, ikun iktar xieraq li jintuża metodu alternattiv skont il-prinċipji aċċettati fil-livell internazzjonali. Huwa essenzjali wkoll li l-fatturi tat-tqassim tal-profitti jkollhom korrelazzjoni qawwija mal-ħolqien tal-valur.

(8)Għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa t-titjib tar-reżiljenza tas-suq intern kollu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti permezz tal-azzjoni individwali tal-Istati Membri peress li n-negozji diġitali kapaċi jkunu transfruntiera fl-operat tagħhom mingħajr ma jkollhom l-ebda preżenza fiżika f’ġurisdizzjoni, u għalhekk huma meħtieġa regoli biex jiġi żgurat li jħallsu t-taxxi fil-ġurisdizzjonijiet fejn jagħmlu l-profitti. Minħabba din id-dimensjoni transfruntiera, inizjattiva fil-livell tal-Unjoni żżid il-valur meta mqabbla ma’ dak li jistgħu jiksbu għadd kbir ta’ miżuri nazzjonali. Hija meħtieġa inizjattiva komuni fis-suq intern kollu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni diretta u armonizzata tar-regoli dwar preżenza diġitali sinifikanti fl-Unjoni. Approċċi unilaterali u diverġenti minn kull Stat Membru jistgħu ma jkunux effettivi u jifframmentaw is-Suq Uniku billi joħolqu kunflitti fil-politika nazzjonali, distorsjonijiet u ostakli tat-taxxa għan-negozji fl-Unjoni. Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(9)Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali li jitwettaq fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, jitwettaq b’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 , inklużi l-obbligi li jiġu pprovduti miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa għall-konformità mal-obbligi imposti b’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk marbuta mal-legalità tal-ipproċessar, mas-sigurtà tal-attivitajiet tal-ipproċessar, mal-għoti ta’ informazzjoni u mad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, kif ukoll tal-protezzjoni tad-dejta mid-disinn u b’mod awtomatiku.  Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li d-dejta personali ssir anonima.

(10)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat konsultattiv, il-Kumitat DigiTax, sabiex jeżamina kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva.

(11)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 18 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġġustifikata.

(12)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva mill-perjodu tat-taxxa li jmiss, minn wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni. Dan sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jibdew japplikaw f’kull Stat Membru minn data li tkun kemm jista’ jkun allinjata, iżda filwaqt li jitqies il-fatt li Stati Membri differenti jaf ikollhom perjodi tat-taxxa differenti,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



KAPITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jestendu l-kunċett ta’ stabbiliment permanenti, kif japplika għall-finijiet tat-taxxa korporattiva f’kull Stat Membru, sabiex tiġi inkluża l-preżenza diġitali sinifikanti li permezz tagħha jitwettaq negozju sħiħ jew parzjali. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ċerti prinċipji għall-attribuzzjoni tal-profitti lil preżenza diġitali sinifikanti jew fir-rigward tagħha għall-finijiet tat-taxxa korporattiva.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-entitajiet irrispettivament minn fejn ikunu residenti għall-finijiet tat-taxxa korporattiva, kemm fi Stat Membru u kemm jekk f’pajjiż terz.

Madankollu, fil-każ ta’ entitajiet li jkunu residenti għall-finijiet tat-taxxa korporattiva f’pajjiż terz li miegħu l-Istat Membru partikolari inkwistjoni jkollu konvenzjoni għall-evitar tat-tassazzjoni doppja, din id-Direttiva tapplika biss jekk dik il-konvenzjoni tinkludi dispożizzjonijiet simili għall-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-pajjiż terz u jekk dawk id-dispożizzjonijiet ikunu fis-seħħ.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “taxxa korporattiva” tfisser waħda mit-taxxi korporattivi elenkati fl-Anness I jew taxxa simili li tiddaħħal sussegwentement;

(2) “interfaċċa diġitali” tfisser kwalunkwe softwer, inklużi sit web jew parti minnu u applikazzjonijiet, fosthom applikazzjonijiet mobbli, aċċessibbli mill-utenti;

(3) “indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP)” tfisser serje ta’ ċifri assenjati lil apparati imqabbda ma’ netwerk li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejniethom fuq l-internet;

(4) “utent” tfisser kwalunkwe individwu jew negozju;

(5) “servizzi diġitali” tfisser servizzi li jiġu pprovduti permezz tal-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku u li n-natura tagħhom twassal biex il-provvista tas-servizz tagħhom tkun essenzjalment awtomatizzata u tkun tinvolvi intervent uman minimu, kif ukoll li jkun impossibbli li jiġu żgurati fin-nuqqas tat-teknoloġija tal-informatika, inkluż b’mod partikolari:

(a) il-provvista ta’ prodotti diġitalizzati, li b’mod ġenerali jinkludu softwer u tibdiliet jew aġġornamenti fis-softwer;

(b) servizzi li jipprovdu jew li jappoġġaw negozju jew preżenza personali fuq netwerk elettroniku bħal pereżempju sit web jew paġna web;

(c) servizzi li jiġu ġġenerati awtomatikament minn kompjuter permezz tal-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku, b’rispons għal dejta speċifika mdaħħla mir-riċevitur;

(d) it-trasferiment bi ħlas tad-dritt tat-tqegħid ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għall-bejgħ fuq sit web li jopera bħala suq onlajn li fuqu xerrejja potenzjali jagħmlu l-offerti tagħhom permezz ta’ proċedura awtomatizzata u li fuqu l-partijiet jiġu nnotifikati dwar bejgħ permezz ta’ posta elettronika ġġenerata awtomatikament minn kompjuter;

(e) Pakketti ta’ informazzjoni li joffru Servizz fuq l-Internet (PSI) u li fihom il-komponent tat-telekomunikazzjoni jifforma parti anċillari u subordinata, jiġifieri pakketti li joffru iktar minn sempliċi aċċess għall-internet u li jinkludu elementi oħra bħal paġni b’kontenut li jagħtu aċċess għall-aħbarijiet, ir-rapporti tat-temp jew dwar l-ivvjaġġar, il-postijiet tal-logħob, l-ospitar tas-siti web, l-aċċess għal dibattiti onlajn jew kwalunkwe element simili ieħor;

(f) is-servizzi elenkati fl-Anness II.

Is-servizzi diġitali ma għandhomx jinkludu s-servizzi elenkati fl-Anness III jew il-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra li jiġi ffaċilitat permezz tal-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku.

(6) “dħul” tfisser ir-rikavati mill-bejgħ u minn tranżazzjonijiet oħra, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi u dazji oħra miġbura f’isem aġenziji tal-gvern, kemm ta’ natura monetarja kif ukoll ta’ natura mhux monetarja, inkluż ir-rikavati mid-disponimenti ta’ assi u ta’ drittijiet, l-imgħax, id-dividendi u distribuzzjonijiet oħra ta’ profitti, ir-rikavati mil-likwidazzjonijiet, ir-royalties, is-sussidji u l-għotjiet, ir-rigali riċevuti, il-kumpens u l-pagamenti ex gratia. Id-dħul għandu jinkludi wkoll ir-rigali mhux monetarji mogħtija minn kontribwent korporattiv. Id-dħul ma għandux jinkludi l-ekwità li jiġma’ kontribwent korporattiv jew id-dejn imħallas għaliha;

(7) “entità” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament ġuridiku li jwettqu negozju permezz ta’ kumpanija jew permezz ta’ struttura li tkun trasparenti għall-finijiet tat-taxxa;

(8) “perjodu tat-taxxa” tfisser sena tat-taxxa korporattiva, sena kalendarja jew kwalunkwe perjodu applikabbli ieħor għall-finijiet tat-taxxa korporattiva;

(9) “impriża assoċjata” tfisser entità relatata mal-entità partikolari inkwistjoni b’mod wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a) waħda minnhom tipparteċipa fil-ġestjoni tal-oħra billi tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza sinifikanti fuq l-entità l-oħra;

(b) waħda minnhom tipparteċipa fil-kontroll tal-oħra permezz ta’ parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fl-entità l-oħra li taqbeż l-20 % tad-drittijiet tal-vot;

(c) waħda minnhom tipparteċipa, direttament jew indirettament, fil-kapital tal-oħra permezz ta’ dritt ta’ sjieda fl-entità l-oħra li taqbeż l-20 % tal-kapital.

Jekk iktar minn entità waħda jipparteċipaw fil-ġestjoni, fil-kontroll jew fil-kapital tal-istess entità b’mod wieħed jew iktar minn dawk speċifikati fil-punti (a) sa (c), dawk l-entitajiet kollha għandhom jitqiesu bħala impriżi assoċjati ta’ xulxin ukoll.

Jekk l-istess entità tipparteċipa fil-ġestjoni, fil-kontroll jew fil-kapital ta’ iżjed minn entità waħda b’mod wieħed jew iktar minn dawk speċifikati fil-punti (a) sa (c), dawk l-entitajiet kollha għandhom jitqiesu bħala impriżi assoċjati ta’ xulxin ukoll.

F’każ ta’ parteċipazzjonijiet indiretti, l-issodisfar tal-kriterji stabbiliti fil-punti (b) u (c) għandu jiġi stabbilit bil-multiplikazzjoni tar-rati ta’ persentaġġ ta’ parteċipazzjoni tul is-saffi suċċessivi. Entità li jkollha iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot għandha titqies li għandha 100 %.

KAPITOLU II

PREŻENZA DIĠITALI SINIFIKANTI

Artikolu 4

Preżenza diġitali sinifikanti

1. Għall-finijiet tat-taxxa korporattiva, stabbiliment permanenti għandu jitqies li jeżisti jekk teżisti preżenza diġitali sinifikanti li permezz tagħha jitwettaq negozju sħiħ jew parzjali.

2. Il-paragrafu 1 għandu jiżdied ma’ kwalunkwe test ieħor, mingħajr ma jaffettwa jew jillimita l-applikazzjoni tiegħu, skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti fi Stat Membru għall-finijiet tat-taxxa korporattiva, kemm speċifikament fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi diġitali u kemm b’mod ieħor.

3. Għandha titqies li teżisti “preżenza diġitali sinifikanti” fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jekk in-negozju li jitwettaq permezz tagħha jkun jikkonsisti għalkollox jew parzjalment mill-provvista ta’ servizzi diġitali permezz ta’ interfaċċa diġitali, u waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-provvista ta’ dawk is-servizzi mill-entità li twettaq dak in-negozju, flimkien mal-provvista ta’ kwalunkwe servizz bħal dawk permezz ta’ interfaċċa diġitali minn kull waħda mill-impriżi assoċjati ta’ dik l-entità b’mod aggregat:

(a) il-proporzjon tad-dħul totali miksub f’dak il-perjodu tat-taxxa u li jirriżulta mill-provvista ta’ dawk is-servizzi diġitali lill-utenti li jkunu jinsabu f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa jaqbeż is-EUR 7 000 000;

(b) in-numru ta’ utenti ta’ wieħed jew iktar minn dawk is-servizzi diġitali li jkunu jinsabu f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa jaqbeż l-100 000;

(c) in-numru ta’ kuntratti ta’ negozju għall-provvista ta’ kwalunkwe servizz diġitali bħal dawk imsemmija, li jiġu konklużi f’dak il-perjodu tat-taxxa minn utenti li jkunu jinsabu f’dak l-Istat Membru, jaqbeż it-3 000.

4. Fir-rigward tal-użu tas-servizzi diġitali, utent għandu jitqies li jkun jinsab fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jekk l-utent juża apparat f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa sabiex jaċċessa l-interfaċċa diġitali li permezz tagħha jiġu pprovduti s-servizzi diġitali.

5. Fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi diġitali:

(a) kuntratt għandu jgħodd bħala kuntratt ta’ negozju jekk l-utent jikkonkludi l-kuntratt waqt li jkun qed jagħmel negozju;

(b) utent għandu jitqies li jinsab f’ġurisdizzjoni f’perjodu tat-taxxa jekk l-utent ikun residenti għall-iskopijiet tat-taxxa korporattiva f’dik il-ġurisdizzjoni f’dak il-perjodu tat-taxxa jew ikollu stabbiliment permanenti f’dik il-ġurisdizzjoni f’dak il-perjodu tat-taxxa.

6. L-Istat Membru fejn jintuża apparat ta’ utent għandu jkun stabbilit b’referenza għall-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP) tal-apparat jew, jekk b’mod aktar preċiż, b’referenza għal kwalunkwe metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni.

7. Il-proporzjon tad-dħul totali msemmi fil-paragrafu 3(a) għandu jiġi stabbilit b’mod proporzjonali għan-numru ta’ drabi li jintużaw l-apparati f’dak il-perjodu tat-taxxa minn utenti li jkunu jinsabu jkun fejn ikun fid-dinja biex jaċċessaw l-interfaċċa diġitali li permezz tagħha jiġu pprovduti s-servizzi diġitali.

Artikolu 5

Profitti attribwibbli lill-preżenza diġitali sinifikanti jew fir-rigward tagħha

1. Il-profitti li jkunu attribwibbli lil preżenza diġitali sinifikanti jew fir-rigward tagħha fi Stat Membru għandhom ikunu taxxabbli fil-qafas tat-taxxa korporattiva ta’ dak l-Istat Membru biss.

2. Il-profitti attribwibbli lill-preżenza diġitali sinifikanti jew fir-rigward tagħha għandhom ikunu dawk li dik il-preżenza diġitali kienet taqla’ li kieku kienet impriża separata u indipendenti li twettaq l-istess attivitajiet jew attivitajiet simili bl-istess kundizzjonijiet jew b’kundizzjonijiet simili, b’mod partikolari fl-attivitajiet tagħha ma’ partijiet oħra tal-impriża, filwaqt li jitqiesu l-funzjonijiet imwettqa, l-assi użati u r-riskji meħuda, permezz ta’ interfaċċa diġitali.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-istabbiliment tal-profitti attribwibbli lill-preżenza diġitali sinifikanti jew fir-rigward tagħha għandu jsir abbażi ta’ analiżi funzjonali. Sabiex jiġu stabbiliti l-funzjonijiet tal-preżenza diġitali sinifikanti, kif ukoll tiġi attribwita lilha s-sjieda ekonomika tal-assi u tar-riskji, għandhom jitqiesu l-attivitajiet sinifikanti ekonomikament imwettqa minn dik il-preżenza permezz ta’ interfaċċa diġitali. Għal dan l-għan, l-attivitajiet imwettqa mill-impriża permezz ta’ interfaċċa diġitali fir-rigward tad-dejta jew tal-utenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet sinifikanti ekonomikament tal-preżenza diġitali sinifikanti li jattribwixxu r-riskji u s-sjieda ekonomika tal-assi lil dik il-preżenza.

4. Meta jiġu stabbiliti l-profitti attribwibbli skont il-paragrafu 2, għandhom jitqiesu kif suppost l-attivitajiet sinifikanti ekonomikament imwettqa mill-preżenza diġitali sinifikanti li jkunu rilevanti għall-iżvilupp, għat-titjib, għaż-żamma, għall-protezzjoni u għall-isfruttament tal-assi intanġibbli tal-impriża.

5. L-attivitajiet sinifikanti ekonomikament imwettqa mill-preżenza diġitali sinifikanti permezz ta’ interfaċċa diġitali jinkludu, fost l-oħrajn, dawn l-attivitajiet li ġejjin:

(a)    il-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar, l-analiżi, it-twassil u l-bejgħ tad-dejta fil-livell tal-utenti;

(b)    il-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar u l-wiri ta’ kontenut iġġenerat mill-utenti;

(c)    il-bejgħ ta’ spazju tar-reklamar onlajn;

(d)    it-tqegħid ta’ kontenut maħluq minn partijiet terzi f’suq diġitali għad-disponibbiltà tal-utenti;

(e)    il-provvista ta’ kwalunkwe servizz diġitali mhux elenkat fil-punti (a) sa (d).

6. Meta jistabbilixxu l-profitti attribwibbli skont il-paragrafi 1 sa 4, il-kontribwenti għandhom jużaw il-metodu tat-tqassim tal-profitti sakemm il-kontribwent ma jurix bil-provi li, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-analiżi funzjonali, metodu alternattiv ibbażat fuq prinċipji aċċettati fil-livell internazzjonali jkun iktar xieraq. Il-fatturi tat-tqassim jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll in-numru ta’ utenti u d-dejta miġbura għal kull Stat Membru.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Rieżami

1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 7

Kumitat dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali

1. Kumitat konsultattiv dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, imsejjaħ il-“Kumitat DigiTax”, huwa b’dan stabbilit.

2. Il-Kumitat DigiTax għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Il-president tal-Kumitat għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni.

3. Il-Kumitat DigiTax għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

4. Il-Kumitat DigiTax għandu jeżamina l-kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif imqajma mill-President tal-Kumitat, kemm jekk fuq inizjattiva tal-President stess u kemm jekk fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru, u għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-konklużjonijiet tiegħu.

Artikolu 8

Limitazzjoni tad-dejta miġbura mingħand l-utenti

Id-dejta li tista’ tinġabar mingħand l-utenti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun limitata għal dejta li tindika l-Istat Membru li jinsabu fih l-utenti, mingħajr ma tippermetti l-identifikazzjoni tal-utenti.

Artikolu 9

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2020 fir-rigward tal-perjodi tat-taxxa li jibdew minn dik id-data jew minn warajha.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-rapport tal-OECD dwar l-Azzjoni 1 tal-BEPS “Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi tat-Taxxa tal-Ekonomija Diġitali), 2015.
(2)

   Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (id-19 ta’ Ottubru 2017) – (dok. EUCO 14/17).

(3)    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill (il-5 ta’ Diċembru 2017) – Nirreaġixxu għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali (FISC 346 ECOFIN 1092).
(4)    L-Artikolu 5 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OECD.
(5)    L-Artikolu 7 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OECD.
(6)    OECD (2018), Tax Challenges Arising from Digitalisation – Interim Report 2018: Inclusive Framework on BEPS, OECD Publishing, Pariġi. http://dx.doi.org/10.1787/9789264293083-en .
(7)    COM(2015) 302 final.
(8)

   Ir-Rapport tat-22 ta’ Frar 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva

(COM(2016) 0685 – C8-0472/2016 – 2016/0337(CNS)) u r-Rapport tas-26 ta’ Frar 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill fuq Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2016) 0683 – C8-0471/2016 – 2016/0336(CNS)).

(9)    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fuq id-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali (it-“Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali”), COM(2018) 148 final.
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (COM(2015) 192 final tas-6 ta’ Mejju 2015).
(11)    Ara l-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(12) Fit-Taqsima 6.3.
(13)    ĠU C , , p. .    
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (id-19 ta’ Ottubru 2017) – (dok. EUCO 14/17).
(16)    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill (il-5 ta’ Diċembru 2017) – Nirreaġixxu għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali (FISC 346 ECOFIN 1092).
(17)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(18)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Brussell,21.3.2018

COM(2018) 147 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti

{SWD(2018) 81 final}
{SWD(2018) 82 final}


ANNESS I

Lista tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 3(1):

— impôt des sociétés/vennootschapsbelasting fil-Belġju,

— корпоративен данък fil-Bulgarija,

— daň z příjmů právnických osob fir-Repubblika Ċeka,

— selskabsskat fid-Danimarka,

— Körperschaftssteuer fil-Ġermanja,

— tulumaks fl-Estonja,

— corporation tax fl-Irlanda,

— φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων κερδοσκοπικού χαρακτήρα fil-Greċja,

— impuesto sobre sociedades fi Spanja,

— impôt sur les sociétés fi Franza,

— porez na dobit fil-Kroazja,

— imposta sul reddito delle società fl-Italja,

— φόρος εισοδήματος f’Ċipru,

— uzņēmumu ienākuma nodoklis fil-Latvja,

— pelno mokestis fil-Litwanja,

— impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu,

— társasági adó, osztalékadó fl-Ungerija,

— taxxa fuq l-income f’Malta,

— vennootschapsbelasting fin-Netherlands,

— Körperschaftssteuer fl-Awstrija,

— podatek dochodowy od osób prawnych fil-Polonja,

— imposto sobre o rendimento das pessoas colectivas fil-Portugall,

— impozit pe profit fir-Rumanija,

— davek od dobička pravnih oseb fis-Slovenja,

— daň z príjmov právnických osôb fis-Slovakkja,

— yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund fil-Finlandja,

— statlig inkomstskatt fl-Iżvezja,

— corporation tax fir-Renju Unit.



ANNESS II

Lista tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 3(5)(f):

(a)l-ospitar tas-siti web u tal-paġni web;

(b)il-manutenzjoni awtomatizzata, onlajn u mill-bogħod tal-programmi;

(c)l-amministrazzjoni ta’ sistemi mill-bogħod;

(d)il-ħżin tad-dejta onlajn fejn id-dejta speċifika tinħażen u tinkiseb b’mod elettroniku;

(e)il-forniment onlajn ta’ spazju għall-ħżin meta dan jintalab;

(f)l-aċċess għal softwer jew it-tniżżil tiegħu (inklużi l-programmi tal-akkwist/tal-kontabbiltà u s-softwer kontra l-vajrusijiet tal-kompjuter), u l-aġġornamenti tiegħu;

(g)is-softwer li jintuża biex jimblokka l-wiri tar-reklami, magħruf ukoll bħala Bannerblockers;

(h)id-drivers għat-tniżżil tad-dejta, bħal pereżempju softwer li jservi ta’ interfaċċa bejn il-kompjuters u t-tagħmir periferali (bħall-printers);

(i)l-installazzjoni awtomatizzata onlajn ta’ filtri fuq is-siti web;

(j)l-installazzjoni awtomatizzata onlajn ta’ firewalls;

(k)l-aċċess għal temi għad-desktop jew it-tniżżil tagħhom;

(l)l-aċċess għal immaġnijiet fotografiċi jew bl-istampi jew għal screensavers, jew it-tniżżil tagħhom;

(m)il-kontenut diġitalizzat ta’ kotba u ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra;

(n)l-abbonament għal gazzetti u għal ġurnali onlajn;

(o)l-istatistika dwar il-weblogs u s-siti web;

(p)l-aħbarijiet, l-informazzjoni dwar it-traffiku u r-rapporti tat-tbassir tat-temp onlajn;

(q)l-informazzjoni onlajn iġġenerata b’mod awtomatiku b’softwer minn dejta speċifika mdaħħla mill-klijent, bħal pereżempju d-dejta ġuridika u finanzjarja (b’mod partikolari d-dejta bħal dik dwar is-suq tal-istokks li tiġi aġġornata kontinwament u f’ħin reali);

(r)il-provvista ta’ spazju għar-reklamar, inklużi strixxuni tar-reklami fuq sit web/paġna web;

(s)l-użu ta’ magni tat-tiftix u ta’ direttorji tal-internet;

(t)l-aċċess għal mużika fuq il-kompjuters u l-mowbajls, jew it-tniżżil tagħha;

(u)l-aċċess għal jingles, siltiet, ringtones jew ħsejjes oħra, jew it-tniżżil tagħhom;

(v)l-aċċess għal films jew it-tniżżil tagħhom;

(w)it-tniżżil ta’ logħob fuq il-kompjuters u l-mowbajls;

(x)l-aċċess għal logħbiet awtomatizzati onlajn li jiddependu fuq l-internet, jew fuq netwerks elettroniċi simili oħra, fejn dawk li jilagħbuhom ikunu ġeografikament ’il bogħod minn xulxin;

(y)it-tagħlim awtomatizzat mill-bogħod li jiddependi fuq l-internet jew fuq netwerk elettroniku simili biex jiffunzjona u li l-forniment tiegħu ma jkun jirrikjedi l-ebda intervent uman jew intervent limitat, li jinkludi l-klassijiet virtwali, għajr meta l-internet jew netwerk elettroniku simili jintużaw sempliċiment bħala għodda għall-komunikazzjoni bejn l-għalliem u l-istudent;

(``)il-workbooks li jitlestew onlajn mill-istudenti u li jiġu mmarkati b’mod awtomatiku, mingħajr intervent uman.


ANNESS III

Lista ta’ servizzi li jitqiesu li mhumiex servizzi diġitali kif imsemmi fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(5):

(a) is-servizzi tax-xandir televiżiv u bir-radju;

(b) is-servizzi tat-telekomunikazzjoni;

(c) l-oġġetti, fejn l-ordni u l-ipproċessar isiru b’mod elettroniku;

(d) is-CD-ROMs, il-floppy disks u mezzi informatiċi tanġibbli simili;

(e) il-materjal stampat, bħal pereżempju kotba, bullettini, gazzetti jew ġurnali;

(f) is-CDs u l-cassettes tal-awdjo;

(g) il-cassettes tal-vidjo u d-DVDs;

(h) il-logħob fuq CD-ROM;

(i) is-servizzi ta’ professjonisti bħal pereżempju l-avukati u l-konsulenti finanzjarji, li jagħtu konsulenza lill-klijenti tagħhom permezz tal-posta elettronika;

(j) is-servizzi tat-tagħlim, fejn il-kontenut tal-kors jiġi mgħallem minn għalliem fuq l-internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku (jiġifieri permezz ta’ konnessjoni mill-bogħod);

(k) is-servizzi offlajn tat-tiswija fiżika tat-tagħmir tal-kompjuter;

(l) is-servizzi offlajn tal-ħżin massiv tad-dejta;

(m) is-servizzi tar-reklamar, b’mod partikolari fil-gazzetti, fuq il-posters u fuq it-televixin;

(n) is-servizzi tal-għajnuna telefonika;

(o) is-servizzi tat-tagħlim li jinvolvu esklużivament il-korsijiet b’korrispondenza, bħal pereżempju l-korsijiet bil-posta;

(p) is-servizzi tal-irkantaturi konvenzjonali li jiddependu fuq intervent uman dirett, isiru kif isiru l-offerti;

(q) is-servizzi telefoniċi b’komponent viżiv, magħrufa wkoll bħala servizzi vidjofoniċi;

(r) l-aċċess għall-internet u għall-World Wide Web;

(s) is-servizzi telefoniċi pprovduti permezz tal-internet.