Brussell, 19.3.2018

COM(2018) 138 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Patt Globali għall-Ambjent


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

L-iżvilupp ta’ strument ġdid tal-liġi ambjentali internazzjonali li jimmira li jikkomplementa u jtejjeb il-koerenza tal-liġi ambjentali internazzjonali, kif ukoll li jħaffef l-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti fil-qafas tal-liġi ambjentali internazzjonali, inbeda minn grupp internazzjonali ta’ esperti legali, bl-appoġġ tal-gvern Franċiż. Fl-24 ta’ Ġunju 2017, ġie ppreżentat fl-Università ta’ Sorbonne f’Pariġi abbozz ta’ “Patt Globali għall-Ambjent” (minn hawn ’il quddiem “il-Patt”). F’dik l-okkażjoni, il-President tar-Repubblika Franċiża ntrabat li jippreżenta l-proġett tal-Patt lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Din il-preżentazzjoni saret fid-19 ta’ Settembru 2017, fil-marġni tal-ġimgħa ministerjali tat-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali.

L-għanijiet ewlenin tal-Patt, kif stipulati minn dawk li qed jipproponuh, huma kif ġej:

·Li jiġu inklużi fi trattat legalment vinkolanti l-prinċipji fundamentali tal-liġi ambjentali – li huma inklużi diġà f’dikjarazzjonijiet politiċi universali – sabiex ikunu jistgħu jiġu infurzati quddiem qrati internazzjonali.

·Li d-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ konvenzjonijiet legalment vinkolanti li mhumiex universali jsiru universali.

·Li jiżdiedu prinċipji ġodda fid-dawl ta’ sfidi ġodda – pereżempju, l-abbozz imħejji mill-avukati jinkludi prinċipji ta’ nonregressjoni u ta’ reżiljenza, kif ukoll id-dmir li jitħares l-ambjent.

[Din il-parti se tiġi aġġornata wara li r-Riżoluzzjoni tkun tressqet u/jew tkun ġiet adottata formalment] Wara l-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2017 fi New York, grupp ad hoc ta’ pajjiżi mmexxi minn Franza ħejja l-abbozz ta’ riżoluzzjoni proċedurali biex tadottah l-Assemblea Ġenerali. Fl-20 ta’ Diċembru 2017, l-abbozz ta’ riżoluzzjoni sar disponibbli elettronikament għall-kosponsorizzazzjoni, [u fi [daħħal id-data] 2018 tressaq uffiċjalment lill-Assemblea Ġenerali]. Il-mira ta’ dawk li qed jipproponu l-patt hija li r-riżoluzzjoni tiġi adottata f'Marzu 2018, sabiex in-negozjati formali dwar il-Patt ikunu jistgħu jibdew matul ir-rebbiegħa tal-2018. Dik ir-riżoluzzjoni għadha soġġetta għal diskussjoni informali fi New York u għadha ma tressqitx formalment, iżda permezz tagħha, l-Assemblea Ġenerali jkollha:

·tiddeċiedi li tiżviluppa strument internazzjonali, imsejjaħ “Patt Globali għall-Ambjent”, bil-għan li jikkomplementa u jtejjeb il-koerenza tal-liġi ambjentali internazzjonali, u li jħaffef l-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti fil-qafas tal-liġi ambjentali internazzjonali;

·tiddeċiedi li toħloq, qabel ma tospita konferenza intergovernattiva, grupp ta’ ħidma intergovernattiv u miftuħ sabiex jinnegozja Patt Globali għall-Ambjent, u li jiltaqa’ fi New York mill-2018 sa (preferibbilment) l-2020;

·titlob lill-President tal-Assemblea Ġenerali jaħtar żewġ kofaċilitaturi biex imexxu l-konsultazzjonijiet u n-negozjati tal-grupp ta’ ħidma, f’koordinazzjoni u konsultazzjoni regolari mal-Istati Membri, mal-gruppi reġjonali, u mal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti;

·tiddeċiedi li l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ ħidma teżamina kwistjonijiet marbutin mal-organizzazzjoni tal-ħidma fost il-membri tal-grupp;

·titlob lis-Segretarju Ġenerali jipprevedi l-għoti ta’ appoġġ mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), għat-twettiq tal-ħidma tal-grupp, għas-servizzi ta’ segretarjat, u għall-forniment ta’ informazzjoni essenzjali ta’ sfond u dokumenti rilevanti;

·titlob lill-UNEP jipprovdi l-għajnuna meħtieġa għall-konsultazzjonijiet mad-diversi partijiet ikkonċernati, sabiex jinġabru kontributi dwar l-elementi ewlenin ta’ Patt Globali għall-Ambjent;

·tirrakkomanda li l-grupp ta’ ħidma intergovernattiv u miftuħ itemm xogħlu sa mhux iktar tard mill-2020.

Dawk li qed jipproponu l-Patt għamluha ċara li matul il-proċess tan-negozjati, il-ħidma tal-esperti legali mhux se titqies bħala “abbozz żero”.

Id-delegazzjoni Franċiża għarrfet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea b’din l-inizjattiva fil-qafas ta’ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Ambjentali Internazzjonali (WPIEI-Global), li bdew f'Settembru 2017.

2.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Billi huma magħrufin biss l-għanijiet ewlenin tal-inizjattivi, u billi l-abbozz tal-Patt tal-esperti legali ma għandux status uffiċjali, f’dan l-istadju, kull konsultazzjoni dwar l-inizjattiva tkun ta’ valur limitat. Fil-15 ta’ Frar 2018 ġie ppubblikat pjan direzzjonali biex jispjega lill-partijiet ikkonċernati għala din ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill kienet qiegħda titħejja, u x’kienu l-miri tagħha. Il-partijiet ikkonċernati kellhom perjodu ta’ 4 ġimgħat wara l-pubblikazzjoni tal-pjan direzzjonali biex jibagħtu l-kummenti tagħhom. Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati se jiġu kkonsultati wara li l-proċess ikun tnieda formalment mill-Assemblea Ġenerali. Se jintuża kull mezz xieraq ta’ konsultazzjoni ladarba l-istrument internazzjonali l-ġdid ikun qed jissawwar fil-kuntest tal-grupp ta’ ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jinkludu r-rappreżentanti tal-amministrazzjonjiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iċ-ċittadini tal-UE u l-pubbliku ġenerali, u jistgħu jinkludu lil partijiet ikkonċernati oħra skont kif jiżviluppa l-proċess tan-negozjati.

B’mod simili, ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt, billi l-ambitu u l-kontenut preċiżi tan-negozjati għad iridu jiġu ddeterminati. L-għan tal-UE fin-negozjati huwa li kemm jista’ jkun tqarreb l-istrument internazzjonali lejn il-liġi rilevanti tal-UE u internazzjonali.

3.L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

L-għan ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa li tikseb mill-Kunsill l-awtorizzazzjoni għall-Kummissjoni biex tinnegozja l-Patt Globali futur f’isem l-UE. Il-bażi ġuridika għall-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

Is-suġġett ta’ dan il-Patt jaqa’ ġeneralment fil-politiki u l-kompetenzi tal-UE, b’mod partikulari fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent (l-Artikolu 192(1)), u b’hekk, bħala kwistjoni tal-liġi tal-UE, in-negozjati ma jistgħux isiru mingħajr is-sehem tal-UE.

Ir-regoli tal-liġi internazzjonali u tal-liġi tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent jeħtieġ li jibqgħu konsistenti, u għalhekk, hemm bżonn ta’ azzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 216(1) tat-TFUE, sabiex titħares l-integrità tal-liġi tal-UE.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Patt Globali għall-Ambjent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni hija parti għal għadd kbir ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali, u tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni effettiva tagħhom permezz tal-politiki interni u esterni tagħha kif ukoll permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha.

(2)Fi [ippjanat għal Marzu 2018 – daħħal id-data preċiża], l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-riżoluzzjoni "Żvilupp ta’ Patt Globali għall-Ambjent biex isaħħaħ l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali internazzjonali" [iċċekkja t-titlu aħħari, żid ir-referenza], li tistabilixxi grupp ta’ ħidma [intergovernattiv] biex jinnegozja Patt Globali għall-Ambjent (“il-Patt”), u li tiddeċiedi li l-grupp ta’ ħidma [intergovernattiv] u miftuħ għandu jibda jiltaqa’ fl-2018.

(3)L-Artikolu 191 tat-Trattat jispeċifika l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Sabiex titħares l-integrità tal-liġi tal-Unjoni, u sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-liġi internazzjonali u tal-liġi tal-Unjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent jibqgħu konsistenti, jeħtieġ li l-Unjoni tieħu sehem fin-negozjati dwar il-Patt.

(4)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata awtorizzazzjoni biex tibda negozjati f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Patt Globali għall-Ambjent. 

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali, li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President


Brussell,19.3.2018

COM(2018) 138 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Patt Globali għall-Ambjent


ANNESS

Fil-qafas tan-negozjati dwar Patt Globali għall-Ambjent (“il-Patt”), il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura li:

-    il-Patt iżid valur sinifikanti lill-ġabra eżistenti tal-liġi ambjentali internazzjonali, u jħaffef l-implimentazzjoni tagħha;

-    id-dispożizzjonijiet tal-Patt ikunu konsistenti mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll ma’ ftehimiet multilaterali rilevanti li l-Unjoni hija parti għalihom;

-    il-metodi tal-grupp ta’ ħidma [intergovernattiv] u miftuħ jippermettu lill-Unjoni tieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu;

-    il-Patt jinkludi dispożizzjonijiet xierqa li jippermettu lill-Unjoni ssir Parti għalih u tipparteċipa bis-sħiħ f’kull mekkaniżmu li jinħoloq għall-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li n-negozjati jsiru f’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali, li għandu jiddaħħal mill-Kunsill]. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati.