Brussell, 2.3.2018

COM(2018) 85 final

2018/0040(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 (“il-Kodiċi”) ilhom sa mill-1 ta’ Mejju 2016 jiġu applikati. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kodiċi huwa li jkun hemm bidla lejn l-użu sħiħ tas-sistemi elettroniċi għall-interazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u bejn l-awtoritajiet doganali nfushom, u li jintemm l-użu tal-proċessi doganali bbażati fuq il-karta.

Il-Kodiċi jistipula li s-sistemi elettroniċi jridu jkopru proċessi doganali differenti u jistipula wkoll li d-dettalji tat-tali sistemi u l-ippjanar għalihom iridu jiġu stabbiliti fi Programm ta’ Ħidma separat. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (il-KDU) 2 ifassal l-ippjanar għal sbatax-il sistema elettronika tal-KDU b’kollox, abbażi tal-Pjan Strateġiku Pluriennali (l-MASP) għall-proġetti doganali elettroniċi kollha li jitħejja u jiġi aġġornat b’mod regolari skont Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2008 3 . Is-sistemi jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji:

(a)erbatax-il sistema trans-Ewropea, fosthom xi sistemi li għandhom komponenti nazzjonali li jridu jiżviluppaw l-Istati Membri; u

(b)tliet sistemi nazzjonali li l-Istati Membri jridu jiżviluppaw jew jaġġornaw waħedhom.

L-Artikolu 278 tal-Kodiċi jistipula li s-sistemi elettroniċi u s-sistemi bbażati fuq il-karta li jeżistu jistgħu jibqgħu jintużaw għall-proċessi doganali sa ma jsiru operattivi s-sistemi elettroniċi l-ġodda kollha previsti fil-Kodiċi. Dan l-Artikolu jistabbilixxi tmiem l-2020 bħala d-data l-aktar tard sa meta jrid jintemm l-użu ta’ dawn l-arranġamenti tranżizzjonali. F’konformità ma’ din l-iskadenza, il-Programm ta’ Ħidma jistabbilixxi pjanijiet pass pass biex ix-xogħol fuq is-sistemi elettroniċi jitlesta sal-2020.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin fit-triq it-tajba biex ilestu fil-ħin il-biċċa l-kbira tax-xogħol fuq is-sistemi elettroniċi. Fl-2017, ġew implimentati tliet sistemi mis-sbatax-il waħda u tlestiet l-ewwel fażi ta’ sistema oħra, u dan kollu sar fiż-żmien skedat. Fil-fatt sa dik id-data se jkun tlesta kważi tmenin fil-mija mix-xogħol tal-Kummissjoni fuq is-sistemi trans-Ewropej previst fil-Programm ta’ Ħidma. Madankollu, ta’ spiss l-aħħar stadji tal-iżvilupp tas-sistemi tal-IT ikunu l-itwal u għalhekk, għalkemm ħafna mis-sistemi se jitlestew sal-2020, sa dak iż-żmien xi wħud se jitlestew biss b’mod parzjali. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna sfidi fl-implimentazzjoni tas-sbatax-il sistema elettronika. Fost dawn l-isfidi, li ma setgħu jiġu previsti bl-ebda mod meta ġiet stabbilita l-iskadenza, insibu dawn li ġejjin:

·id-dewmien inevitabbli fit-tlestija tat-tfassil tas-sistemi elettroniċi. Meta kienet ġiet stabbilita l-iskadenza tal-2020, kien previst li r-regoli li jissupplimentaw il-KDU u li jimplimentawh (jiġifieri r-Regolament Delegat dwar il-KDU 4 , ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-KDU 5 u r-Regolament Delegat dwar regoli tranżizzjonali għall-KDU 6 ) kienu se jiġu adottati ftit wara l-adozzjoni tal-KDU fl-2013, biex b’hekk id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu meta jiġu żviluppati s-sistemi tal-IT. Madankollu, kif ġew l-affarijiet, id-diskussjonijiet ħadu ħafna iktar żmien milli kien mistenni u l-atti ġew adottati fil-verżjoni finali tagħhom lejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016. Dan id-dewmien wassal għal dewmien fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi ta’ ħafna mis-sistemi elettroniċi;

·il-volum enormi tax-xogħol biex jiġu interkonnessi sbatax-il sistema elettronika fl-UE kollha u l-kumplessità speċifika ta’ ċerti sistemi elettroniċi. Dawn l-elementi ħarġu fid-dieher biss meta nbeda x-xogħol fuq l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tas-sistemi. Issa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom stampa sħiħa wara li sar ix-xogħol fuq l-ispeċifikazzjonijiet, huma waslu għall-konklużjoni li f’ċerti każijiet hemm bżonn li tiġi rriveduta d-data fil-mira għat-tlestija tas-sistemi. Dan jgħodd b’mod partikulari għal dawk is-sistemi elettroniċi li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet se jitlestew biss fl-2018;

·diffikultajiet marbutin mal-armonizzazzjoni tad-dejta. Minn meta ġew adottati r-Regolament Delegat u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ix-xogħol fuq l-armonizzazzjoni tad-dejta pprovduta mill-operaturi ekonomiċi wkoll kompla għaddej b’pass mgħaġġel. Dan l-element huwa importanti ferm għall-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi differenti tal-KDU, għall-applikazzjoni armonizzata tar-regoli ġuridiċi u għall-kooperazzjoni ma’ servizzi pubbliċi oħrajn li jaħdmu mal-fruntieri. Il-fatt li d-dejta tiġi armonizzata ma’ mudelli internazzjonali tad-dejta bħal dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali jiżgura wkoll li jkun hemm konnessjonijiet aħjar mas-sistemi tal-IT ta’ pajjiżi terzi u b’hekk jiffaċilita ferm il-kummerċ. Madankollu, dan ix-xogħol jinvolvi ħafna iktar ħin u flus milli kien mistenni biex jerġgħu jiġu pprogrammati għalkollox xi wħud mis-sistemi elettroniċi eżistenti;

·it-tqegħid f’sekwenza. Huma u jiġu ppjanati skedi taż-żmien u kostijiet realistiċi, trid tingħata attenzjoni kbira lill-impatt tal-bidliet elettroniċi proposti fuq l-ekosistema doganali u tal-kummerċ. Minħabba li s-sistemi elettroniċi huma interkonnessi sew bejniethom, huwa importanti li dawn jiddaħħlu fl-ordni t-tajba (it-tqegħid f’sekwenza) sabiex ikun żgurat li jitħarsu l-interdipendenzi ta’ bejniethom u li l-bidliet jiddaħħlu b’mod strutturat u koerenti għall-amministrazzjonijiet u għall-kummerċ.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, sar hemm il-ħtieġa li tiġi prevista data iktar tard sa meta għandu jitlesta għalkollox ix-xogħol fuq xi wħud mis-sistemi (li għandha tkun l-aktar tard l-2025). Din id-data fil-mira se tiżgura li sal-2020 jiġu implimentati bla problemi l-biċċa l-kbira tas-sistemi u li, wara, f’dati bejn l-2021 u l-2025, jiġu implimentati fl-ordni x-xierqa s-sistemi li jkun għad fadal. Nofs is-sistemi li għalihom se jittawwal il-perjodu taż-żmien għall-implimentazzjoni diġà jeżistu u qegħdin jiġu aġġornati biss fil-kuntest tal-KDU, filwaqt li n-nofs l-ieħor huma sistemi ġodda.

Is-sistemi li għandhom jiġu posposti huma dawn li ġejjin:

·l-aġġornamenti li l-isfida teknika ewlenija tagħhom hija l-armonizzazzjoni tad-dejta, jiġifieri l-aġġornamenti tas-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni (l-ICS), tas-sistema ġdida ta’ tranżitu kompjuterizzata (in-NCTS), tas-sistema awtomatizzata tal-esportazzjoni (l-AES) u tas-sistema nazzjonali tal-esportazzjoni (fosthom il-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-proċeduri speċjali); u

·tliet sistemi ġodda mfasslin biex jiġu applikati karatteristiċi innovattivi tal-Kodiċi, jiġifieri l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni (is-CCI), il-prova ta’ status tal-Unjoni (il-PoUS) u l-ġestjoni tal-garanzija (il-GUM).

Il-fatt li d-data aħħarija għat-tlestija ta’ dawn is-sistemi elettroniċi tiġi posposta għall-2025 imur kontra l-Artikolu 278 tal-Kodiċi, li jippermetti l-użu tal-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni, minbarra s-sistemi elettroniċi previsti, biss sal-2020. Għalhekk, l-iskadenza mogħtija fl-Artikolu 278 trid tittawwal għas-sistemi li se jiġu posposti. Barra minn hekk, trid tittieħed azzjoni malajr sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, minħabba li n-negozji u l-amministrazzjonijiet doganali jkollhom problemi gravi jekk xi wħud mis-sistemi elettroniċi ma jkunux implimentati sal-2020 iżda, fl-istess ħin, il-liġi ma tkunx tippermettilhom ikomplu jużaw b’mod tranżizzjonali arranġamenti alternattivi minflok.

Minħabba li, bħala medja, l-Istati Membri u n-negozji jkollhom bżonn sentejn biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għal kull sistema elettronika, sal-2018 il-Kummissjoni trid tipprovdi ċertezza dwar l-ippjanar mill-ġdid għal xi wħud mis-sistemi u dwar it-titwil relatat ma’ dan taż-żmien tal-applikabbiltà tal-arranġamenti tranżizzjonali wara l-2020 u sal-2025.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-emenda tal-Artikolu 278 tal-Kodiċi hija konsistenti mal-iskeda tal-ippjanar għall-IT mogħtija fil-Pjan Strateġiku Pluriennali (l-MASP), u l-Programm ta’ Ħidma tal-Kodiċi dalwaqt se jiġi aġġornat abbażi ta’ dan permezz ta’ Deċiżjoni ġdida ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 33 u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) (li jittrattaw il-kooperazzjoni doganali u l-politika kummerċjali komuni).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-UE skont l-Artikolu 3(1)(e) tat-TFUE. •Proporzjonalità

Il-proposta ma tinvolvi l-ebda żvilupp ġdid ta’ politika meta mqabbla mal-att leġiżlattiv li għandha l-għan li temenda — hija tibdel dispożizzjoni waħda ta’ dak l-att leġiżlattiv sabiex ittawwal l-iskadenza għall-użu tal-miżuri tranżizzjonali għal ftit proċessi doganali sabiex tkun tista’ tiġi żgurata aħjar għażla ta’ politika eżistenti (il-bidla gradwali għal ambjent elettroniku). Billi l-Kodiċi huwa att legali tal-UE, jista’ jiġi emendat biss b’att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu b’mod individwali f’dan il-qasam.

Għażla tal-istrument

Sabiex tittratta l-problema msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qed tipproponi li tibdel l-Artikolu 278 tal-Kodiċi sabiex l-arranġamenti tranżizzjonali għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni doganali (jiġifieri s-sistemi elettroniċi u s-sistemi bbażati fuq il-karta li jeżistu) jkunu jistgħu jibqgħu jintużaw wara l-2020 għall-proċessi doganali koperti mis-sistemi elettroniċi li mhux se jilħqu jiġu implimentati sa dik is-sena.

L-emenda proposta ma tneħħix l-iskadenza tal-2020 mill-Artikolu 278, iżda fl-istess ħin tipprevedi skadenza mtawla għall-2025 għall-proċessi doganali koperti mis-sistemi elettroniċi msemmijin hawn fuq li mhux se jkunu operattivi sal-2020.

3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni kkonsultat ħafna lill-Istati Membri u tat widen għat-tħassib tagħhom dwar il-ħtieġa li jkun hemm skeda taż-żmien iktar realistika b’rabta mal-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar il-ħtieġa korrispondenti li l-arranġamenti tranżizzjonali għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni doganali jkomplu jibqgħu japplikaw wara l-iskadenza attwali tagħhom tal-2020. Minbarra li għamlet xi konsultazzjonijiet bilaterali u bil-miktub, il-Kummissjoni ddiskutiet dawn il-kwistjonijiet fid-dettall ukoll mal-Istati Membri waqt laqgħat li kellha magħhom fil-31 ta’ Marzu 2017 u fid-29 u fit-30 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju ddettaljat lill-Istati Membri biex tikseb informazzjoni dwar il-preferenzi tagħhom b’rabta mas-sistemi li għandhom jiġu posposti, jekk ikollu jsir dan. L-iskadenza l-ġdida proposta u l-iskeda l-ġdida tal-ippjanar proposta għas-sistemi elettroniċi jqisu t-tweġibiet tal-Istati Membri għal dan il-kwestjonarju.

Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lir-rappreżentanti tan-negozji fil-forum tal-grupp ta’ esperti li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti minn diversi assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, jiġifieri l-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ , waqt laqgħat plenarji li saru fis-27 ta’ April 2017 u fit-12 ta’ Lulju 2017. In-negozji għandhom bżonn ta’ skedi taż-żmien realistiċi u jaqblu li, fil-każ tas-sistemi elettroniċi li se jkunu lesti wara l-2020, trid tittawwal l-iskadenza għall-użu tal-arranġamenti tranżizzjonali għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni doganali.

Valutazzjoni tal-impatt

Din l-inizjattiva ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt għax ma għandhiex x’taqsam ma’ għażla ta’ politika. Hija tissuġġerixxi biss li jittawwal l-użu tal-arranġamenti tranżizzjonali li diġà huma previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni biex dawn jibqgħu jintużaw għal perjodu addizzjonali taż-żmien. Fil-fatt, dan it-titwil taż-żmien se jiżgura li l-għażla ta’ politika mogħtija fil-Kodiċi biex ikun hemm bidla gradwali għall-użu sħiħ tas-sistemi elettroniċi għall-interazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u bejn l-awtoritajiet doganali nfushom, u biex jintemm l-użu tal-proċeduri bbażati fuq il-karta, tiġi implimentata mingħajr daqshekk problemi u b’mod li jkun inqas ta’ tfixkil.

Il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fosthom tas-sistemi elettroniċi tiegħu, u dwar l-impatt li l-Kodiċi kellu s’issa, li fih jingħataw iktar dettalji dwar il-kuntest tad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi sistemi elettroniċi 7 .

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-Kodiċi għandu l-għan li jiżgura bidla lejn ambjent li jkun kompletament elettroniku għall-proċessi doganali kollha sabiex ikun żgurat qafas għad-dwana tal-UE li jkun adattat għar-realtajiet kummerċjali moderni u b’hekk tittejjeb il-kompetittività tan-negozji Ewropej, filwaqt li jitħarsu aħjar l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll is-sigurtà u s-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE. Madankollu, l-iskadenza tal-2020 għall-implimentazzjoni tas-sbatax-il sistema elettronika rilevanti titfa’ pressjoni konsiderevoli fuq dawk kollha li huma involuti, jiġifieri fuq l-Istati Membri, fuq il-Kummissjoni u fuq il-komunità tan-negozju. Il-posponiment tal-implimentazzjoni ta’ ftit sistemi li qed jiġi propost se jgħin biex tkun tista’ tingħata attenzjoni lit-tlestija effettiva tas-sistemi l-oħrajn sal-2020. Barra minn hekk, il-posponiment jista’ jsir b’din l-emenda tal-qafas legali sabiex wara l-2020 jitħallew ikompli jintużaw b’mod tranżizzjonali l-arranġamenti eżistenti fil-każ tal-kwistjonijiet doganali li jittrattawhom is-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu posposti. Fil-fatt, f’ċerti każijiet, dawn l-arranġamenti eżistenti diġà jinvolvu s-sistemi elettroniċi u d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi jipprevedu biss l-aġġornament tagħhom. Għalhekk, il-posponiment tal-iskadenza għat-tlestija ta’ xi sistemi tal-IT mhux se jhedded l-ilħiq tal-għanijiet tal-KDU.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-possibbiltà li jintużaw mezzi alternattivi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni doganali fil-każ ta’ xi sistemi elettroniċi tal-KDU ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji fuq perjodu qasir taż-żmien. Minħabba li din l-inizjattiva tipprovdi xibka ta’ sikurezza legali għall-ftit sistemi elettroniċi li għandhom jiġu implimentati wara l-2020, hija tippermetti li, fis-sentejn li ġejjin, l-attenzjoni kollha tingħata lix-xogħol biex ikun żgurat li l-biċċa l-kbira tas-sistemi jkunu ffinalizzati sa dik id-data. B’hekk hija tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-KDU, fosthom dak li li jiġi żgurat li jitħarsu aħjar ir-riżorsi finanzjarji tal-UE.

Se jkun hemm bżonn ta’ finanzjament għal wara l-2020 fil-kuntest tal-ġenerazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE fil-qasam doganali li jmiss, sabiex ikun żgurat li x-xogħol fuq l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi tal-KDU jkun jista’ jitkompla sal-2025.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Sal-2021 il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni interim tal-qafas legali tal-KDU u tas-sistemi elettroniċi li jkunu ġew implimentati sa dik id-data. Hija se tniedi kontroll iktar komprensiv tal-idoneità wara l-2025, ladarba jkunu ġew implimentati s-sistemi elettroniċi kollha, sabiex tara jekk hemmx nuqqasijiet jew żbalji fil-Kodiċi li jridu jiġu indirizzati bi proposta iktar komprensiva għal emenda.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

F’konformità mal-approċċ leġiżlattiv użat għall-kliem attwali tal-Artikolu 278 u għall-Kodiċi kollu kemm hu, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Artikolu 278 emendat ma jsemmix is-sistemi elettroniċi posposti. Minflok, l-emenda se tirreferi għall-gruppi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li s-sistemi elettroniċi kkonċernati jkunu mfasslin biex japplikaw, kif ġej:

·il-ġestjoni tal-garanzija (il-GUM) se tissejjaħ is-sistema elettronika mfassla biex tapplika l-Artikoli 89 sa 98 tal-Kodiċi (li jittrattaw il-garanzija għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti);

·is-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni (l-ICS) se tissejjaħ is-sistema elettronika mfassla biex tapplika l-Artikoli 127 sa 130 tal-Kodiċi (li jittrattaw id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul);

·il-prova ta’ status tal-Unjoni (il-PoUS) se tissejjaħ is-sistema elettronika mfassla biex tapplika l-Artikoli 153 sa 155 tal-Kodiċi (li jittrattaw l-istatus doganali tal-merkanzija);

·l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni (is-CCI) se jissejjaħ is-sistema elettronika mfassla biex tapplika l-Artikolu 179 tal-Kodiċi;

·is-sistema ġdida ta’ tranżitu kompjuterizzata (in-NCTS) se tissejjaħ is-sistema elettronika mfassla biex tapplika l-Artikoli 210(a), 215(2), 226 sa 230 u 233 sa 234 tal-Kodiċi (li jittrattaw it-tranżitu); u

·is-sistema awtomatizzata tal-esportazzjoni (l-AES), kif ukoll l-aġġornament tas-sistema nazzjonali tal-esportazzjoni (dan l-aġġornament ikopri wkoll il-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-proċeduri speċjali) se jissejħu s-sistemi elettroniċi mfasslin biex japplikaw l-Artikoli 210(d), 215(1), 263, 264, 267, 269 sa 272, 274 u 275 tal-Kodiċi (kif japplikaw għall-merkanzija maħruġa mit-territorju doganali tal-Unjoni).

Is-sistema awtomatizzata tal-esportazzjoni (l-AES) hija mfassla wkoll biex tapplika l-iżdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni (l-Artikolu 179 tal-Kodiċi), iżda minħabba li kemm l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni (is-CCI) kif ukoll l-AES għandhom jitlestew wara l-2020, ma hemmx bżonn li tissemma b’mod espliċitu r-rabta bejn l-Artikolu 179 u l-AES fil-paragrafu l-ġdid tal-Artikolu 278 tal-Kodiċi li qed jiġi propost.

Jekk jiġi adottat, it-test emendat se jippermetti tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti bbażati l-iktar fuq il-karta għall-ambjent elettroniku l-ġdid previst fil-Kodiċi. L-arranġamenti tranżizzjonali għal kull waħda mis-sistemi elettroniċi li qed jiġu żviluppati, li b’hekk kieku jkomplu japplikaw fil-każ tas-sistemi posposti, huma spjegati fid-dettall fir-Regolament Delegat dwar regoli tranżizzjonali għall-KDU. Jekk l-Artikolu 278 tal-Kodiċi jiġi emendat kif spjegat hawn fuq, dan ikollu l-konsegwenza legali li ċerti miżuri tranżizzjonali jibqgħu japplikaw għal perjodu itwal taż-żmien. L-iktar miżuri importanti ta’ dan it-tip huma dawn li ġejjin:

·is-sistemi elettroniċi biex jiġu ttrattati d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, il-proċedura ta’ tranżitu u l-kontroll tal-esportazzjoni se jibqgħu jkunu l-verżjonijiet tal-ICS, tan-NCTS u tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni eżistenti;

·l-awtoritajiet doganali se jkomplu japprovaw il-formola fuq il-karta msejħa “T2L” bħala prova tal-istatus tal-Unjoni;

·l-Anness 9 tar-Regolament Delegat dwar regoli tranżizzjonali se jistabbilixxi r-rekwiżiti tad-dejta applikabbli għad-dikjarazzjonijiet u għan-notifiki fis-sistemi tal-IT imsemmijin hawn fuq li se jiġu implimentati wara l-2020, u mhux l-Anness B tar-Regolament Delegat;

·il-proċeduri ta’ tranżitu eżistenti tal-Unjoni bbażati fuq il-karta se jkomplu japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, bl-ajru jew bil-baħar;

·id-dokumenti stampati jkunu jistgħu jkomplu jintużaw għan-notifiki tal-ħruġ tal-merkanzija mit-territorju doganali;

·filwaqt li l-Istati Membri involuti f’awtorizzazzjoni għal żdoganar ċentralizzat għandhom jikkooperaw, huma se jkunu intitolati wkoll jirrifjutaw awtorizzazzjoni meta l-għoti tagħha jkun se joħloq piż amministrattiv sproporzjonat; u

·l-informazzjoni dwar il-garanziji użati f’diversi Stati Membri għal skopijiet oħrajn minbarra t-tranżitu se jkollha tiġi skambjata bejn l-Istati Membri bil-posta elettronika u se jkollha tinħażen fis-sistemi nazzjonali tagħhom.

2018/0040 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 8 (“il-Kodiċi”), l-iskambji kollha tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u l-ħażna tat-tali informazzjoni jridu jsiru bl-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta.

(2)Madankollu, il-Kodiċi jippermetti li, matul perjodu tranżitorju, jintużaw mezzi oħrajn għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta, safejn is-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi jkun għadhom mhumiex operattivi, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)F’konformità mal-Kodiċi, l-Istati Membri jridu jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżviluppaw, iżommu u jħaddmu sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni doganali u għall-ħażna tagħha, u l-Kummissjoni trid tfassal programm ta’ ħidma dwar l-iżvilupp u l-użu ta’ dawk is-sistemi elettroniċi.

(4)Il-Programm ta’ Ħidma ġie stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 9 . Dan fih lista ta’ sbatax-il sistema elettronika li jridu jiġu żviluppati għall-applikazzjoni tal-Kodiċi, jew mill-Istati Membri waħedhom (fil-każ ta’ sistemi li jridu jiġu amministrati fil-livell nazzjonali, imsejħin “sistemi nazzjonali”) jew mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mill-qrib bejniethom (fil-każ ta’ sistemi għall-Unjoni kollha, li xi wħud minnhom fihom kemm komponenti tal-Unjoni kollha u kemm komponenti nazzjonali, imsejħin “sistemi trans-Ewropej”).

(5)Il-Programm ta’ Ħidma jistabbilixxi l-iskeda tal-ippjanar għall-implimentazzjoni ta’ dawk is-sistemi nazzjonali u trans-Ewropej.

(6)Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna sfidi biex jistabbilixxu s-sistemi elettroniċi kollha meħtieġa sal-2020. L-ewwel nett, f’ċerti każijiet, l-armonizzazzjoni tal-elementi tad-dejta abbażi ta’ mudelli tad-dejta aċċettati b’mod internazzjonali kif jeżiġi l-Kodiċi titlob li jerġgħu jiġu pprogrammati għalkollox is-sistemi elettroniċi eżistenti u titlob ħafna iktar investimenti milli kien mistenni fiż-żmien meta ġie adottat il-Kodiċi, kemm mil-lat tal-ħin, kif ukoll mil-lat tal-flus. It-tieni nett, minħabba li s-sistemi elettroniċi huma interkonnessi sew bejniethom, huwa importanti li dawn jiddaħħlu fl-ordni t-tajba. Għalhekk, huwa inevitabbli li d-dewmien fl-iżvilupp ta’ sistema partikulari jwassal għal dewmien fl-iżvilupp ta’ sistemi oħrajn. It-tielet nett, il-Kodiċi (inkluża d-data tal-31 ta’ Diċembru 2020 bħala d-data meta għandhom jintemmu l-miżuri tranżizzjonali) ġie adottat fl-2013, filwaqt li r-regoli li jissupplimentawh u li jimplimentawh, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 10 , ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 11 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 12 , ġew adottati biss fl-2015 u fl-2016. Id-diskussjonijiet dwar dawn ir-regoli ħadu ħafna iktar żmien milli kien mistenni u dan wassal għal dewmien fl-istabbiliment tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi meħtieġa biex jiġu żviluppati s-sistemi elettroniċi.

(7)Sar evidenti li, filwaqt li ħafna mis-sistemi se jiġu implimentati sal-2020, xi oħrajn se jkunu jistgħu jitlestew biss b’mod parzjali sa dik id-data.

(8)Wara li kkonsultat lill-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li x-xogħol fuq żewġ gruppi ta’ sistemi jitkompla wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Grupp wieħed huwa magħmul minn sistemi elettroniċi eżistenti li jridu jiġu aġġornati sabiex jitqiesu ċerti rekwiżiti tal-Kodiċi, bħall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar id-dejta li trid tiddaħħal fis-sistemi. Dan il-grupp huwa magħmul minn tliet sistemi trans-Ewropej (is-sistema li tittratta d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, dik li tittratta t-tranżitu estern u intern u dik li tittratta l-merkanzija maħruġa mit-territorju doganali tal-Unjoni), u mis-sistema nazzjonali tal-esportazzjoni (fosthom il-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-proċeduri speċjali). Il-grupp l-ieħor huwa magħmul minn tliet sistemi trans-Ewropej ġodda (is-sistemi marbutin mal-garanziji għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti, mal-istatus doganali tal-merkanzija u mal-iżdoganar ċentralizzat). Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni fasslet skeda taż-żmien iddettaljata sabiex dawn is-sistemi jiġu implimentati b’mod gradwali sa tmiem l-2025.

(9)F’konformità mal-ippjanar il-ġdid għall-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi, il-perjodu stabbilit fil-Kodiċi li matulu jistgħu jintużaw, fuq bażi tranżizzjonali, mezzi oħrajn għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi, jenħtieġ li wkoll jittawwal sal-2025 għal dawk iż-żewġ gruppi ta’ sistemi elettroniċi.

(10)Għas-sistemi l-oħrajn li jridu jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi, jenħtieġ li tibqa’ tapplika d-data ġenerali tal-31 ta’ Diċembru 2020 għat-tmiem tal-użu tal-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi.

(11)Għalhekk jenħtieġ li l-Kodiċi jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)l-Artikolu 278 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 278

Miżuri tranżizzjonali

1.Għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data msemmijin fl-Artikolu 6(1), il-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 meta s-sistemi elettroniċi li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni tal-provvedimenti tal-Kodiċi, minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 2, ikun għadhom mhumiex operattivi.

2.Il-mezzi l-oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data msemmijin fl-Artikolu 6(1) jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025 meta s-sistemi elettroniċi li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni tal-provvedimenti tal-Kodiċi li ġejjin ikun għadhom mhumiex operattivi:

(a)il-provvedimenti dwar il-garanziji għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti stabbiliti fl-Artikoli 89 sa 98;

(b)il-provvedimenti dwar id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul stabbiliti fl-Artikoli 127 sa 130;

(c)il-provvedimenti dwar l-istatus doganali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 153 sa 155;

(d)il-provvedimenti dwar ir-rilaxx ċentralizzat stabbiliti fl-Artikolu 179;

(e)il-provvedimenti dwar it-tranżitu stabbiliti fl-Artikolu 210(a), fl-Artikolu 215(2), fl-Artikoli 226 sa 230 u fl-Artikoli 233 sa 234; u

(f)il-provvedimenti dwar il-merkanzija maħruġa mit-territorju doganali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 210(d), fl-Artikolu 215(1), fl-Artikoli 263 sa 264, fl-Artikolu 267, fl-Artikoli 269 sa 272 u fl-Artikoli 274 sa 275.”;

(2)fl-Artikolu 279, il-kliem “fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 278” huwa sostitwit bil-kliem “fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 278”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21).
(4)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(5)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(6)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).
(7)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 284 tiegħu (COM(2018) 39 final).
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).
(10)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1). 
(11)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(12)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).