27.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/67


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ M.7801 — Wabtec/Faiveley Transport

(2018/C 113/06)

1.

Fl-4 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet avviż ta’ tranżazzjoni proposta (minn hawn ’il quddiem “it-Tranżazzjoni Proposta”) skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2), li biha Westinghouse Air Brake Technologies Corporation (“Wabtec”) għandha l-ħsieb li takkwista l-kontroll uniku indirett tal-intrapriża Faiveley Transport S.A. (“Faiveley”) kollha kemm hi permezz ta’ xiri ta’ ishma. Wabtec hija minn issa ’l quddiem imsejħa “il-Parti Notifikanti” filwaqt Wabtec u Faiveley huma kollettivament imsemmija bħala l-“Partijiet”.

2.

Fit-12 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet filwaqt li sabet li t-Tranżazzjoni Proposta tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE f’rabta mas-swieq għal sistemi tal-ibbrejkjar pnewmatiċi kompleti u s-sottosistemi tagħhom (brejkijiet bogie u kontrolli tal-brejkijiet pnewmatiċi), pantografi, diski tal-brejkijiet u materjali tal-frizzjoni.

3.

Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li bija estendiet il-perjodu tat-tieni fażi għar-rieżami tat-Tranżazzjoni Proposta u l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali b’20 jum bi qbil tal-Parti Notifikanti.

4.

Fit-8 ta’ Lulju 2016, l-imsemmi limitu ta’ żmien kien sospiż skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet (3). Is-sospensjoni spiċċat fit-13 ta’ Lulju 2016.

5.

Fil-25 ta’ Lulju 2016, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji lill-Kummissjoni (“l-Ewwel Impenji”) u l-Kummissjoni nediet test tas-suq biex tivvaluta jekk dawn l-Ewwel Impenji kinux adatti biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni matul ir-riezami tagħha fit-tieni fażi fir-rigward is-swieq għall-produzzjoni u l-provvista ta’ pads u blocks tal-brejkijiet sinterizzati fis-suq indipendenti ta’ wara l-bejgħ (independenr aftermarket, “IAM”) fiż-ŻEE.

6.

Fis-16 ta’ Awwissu 2016, il-Parti Notifikanti ppreżentat lill-Kummissjoni impenji riveduti (“l-Impenji Finali”), wara li rċeviet il-feedback mingħand il-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha tal-Ewwel Impenji, inklużi r-riżultati tal-eżami tas-suq.

7.

Ma kien hemm l-ebda applikazzjoni għal smigħ bħala terza persuna interessata f’dawn il-proċedimenti.

8.

Il-Kummissjoni ma ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet. Ma kien hemm l-ebda smigħ orali formali f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

9.

L-abbozz tad-Deċiżjoni jiddikjara li t-Tranżazzjoni Proposta hija kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, soġġett għall-konformità sħiħa mill-Parti mal-Impenji Finali bħala kundizzjonijiet u obbligi annessi mal-abbozz tad-Deċiżjoni.

10.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz tad-Deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom. Nikkonkludi li jagħmel dan.

11.

Jien ma rċevejt ebda talba jew ilment proċedurali matul dawn il-proċeduri u, b’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1) (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet”).