16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 168/11


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”

(2019/C 168/03)

Relatur:

Jan TREI (EE/PPE), Sindku tal-Muniċipalità Rurali ta’ Viimsi

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa

COM(2018) 237 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti Ġenerali

1.

jilqa’ l-komunikazzjoni dwar “L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”, u jappoġġja bis-sħiħ l-għan li jiġi żviluppat approċċ komuni sabiex tingħata spinta lill-investiment, nitħejjew għall-bidliet soċjoekonomiċi, tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u jkunu abbozzati linji gwida etiċi; madankollu jiddispjaċih dwar l-għoti ta’ żmien qasir wisq mill-Kummissjoni Ewropea għall-konsultazzjoni dwar dawn il-linji gwida (1);

2.

jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-bidla eċċezzjonali u bla preċedent li seħħet minħabba l-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali; jenfasizza r-rwol ewlieni li l-IA jista’ jkollha biex tagħmel lill-Unjoni Ewropea aktar kompetittiva, aktar inklużiva u aktar sostenibbli u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej;

3.

iħeġġeġ lill-UE biex taħtaf l-opportunità sabiex tuża l-magni u l-intelliġenza artifiċjali (IA) ħalli tawtomatizza proċeduri u kompiti rikorrenti, li dawn jistgħu jagħmlu fuq skala ferm akbar u ħafna aktar malajr milli kieku kellu jagħmilhom il-bniedem; Fl-istess waqt, iwissi kontra l-perikli tat-tagħlim awtomatiku mingħajr superviżjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, li jdgħajfu d-dimensjoni umana u l-valur miżjud li jipprovdu l-persuni;

4.

jenfasizza li l-IA attwalment qed tagħti bidu għal bidla importanti fis-soċjetà u fl-ekonomija tal-Ewropa — żvilupp li se jibqa’ għaddej — u jikkondividi l-fehma li hemm il-ħtieġa għal qafas Ewropew ċar għall-IA;

5.

jaqbel li l-mexxejja politiċi għandhom jiżguraw li jkun stabbilit ambjent tal-IA u jkunu abbozzati linji gwida etiċi għall-ekosistema tal-IA. Madanakollu, jieħu nota tal-fatt li hemm bżonn urġenti għal proposti leġislattivi fil-livell Ewropew;

6.

jinnota l-isforzi konġunti ta’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati (Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali) sabiex iżidu progressivament il-volum totali tal-investiment sal-2020 u lil hinn;

7.

jenfasizza l-importanza ta’ integrazzjoni aħjar bejn il-politiki u l-programmi diversi tal-Unjoni Ewropea (inklużi l-FEIS, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Orizzont Ewropa, l-Ewropa Diġitali, l-Erasmus) sabiex titmexxa ’l quddiem l-intelliġenza artifiċjali;

8.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkontribwixxu sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u ambjent favorevoli għal żieda fl-investiment fl-IA fis-snin li ġejjin u li dawn il-miżuri għandhom jiġu kkoordinati fil-livell nazzjonali u dak Ewropew sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu mħeġġa jsiru kemm produtturi kif ukoll konsumaturi ta’ innovazzjonijiet;

9.

jinnota li l-investiment fl-intelliġenza artifiċjali jrid imur id f’id ma’ qafas legali adattat, definizzjoni tal-interazzjoni tiegħu mas-servizzi pubbliċi u approċċ regolatorju għall-użu tad-data u l-użu tagħha fl-ispazju pubbliku kif ukoll it-taħriġ tal-pubbliku ġenerali, il-ħaddiema, l-intraprendituri, l-amministrazzjonijiet u l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-impenji fid-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku (2) u jirrimarka li l-użu tal-IA fl-UE kollha jista’ jtejjeb l-effiċjenza u t-trasparenza tas-servizzi pubbliċi u l-aċċess għalihom;

11.

jenfasizza l-importanza li jiżdied l-investiment fir-riċerka fl-awtomazzjoni tal-industrija bl-użu tal-IA, filwaqt li tiżdied sostanzjalment il-produttività fir-reġjuni kollha tal-Ewropa;

12.

jinnota li l-intelliġenza artifiċjali u l-investimenti relatati fl-innovazzjoni rivoluzzjonarja għandhom jittieħdu serjament fl-ogħla livelli politiċi sabiex jingħata kontribut għat-titjib tal-kompetittività tal-Ewropa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha;

13.

jirrikonoxxi l-isforzi biex tingħata spinta lill-investiment fl-IA kemm matul il-perjodu attwali, kif ukoll fil-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, iżda jesprimi tħassib li l-ammont propost mhux se jkun biżżejjed sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni u sabiex tingħata reazzjoni għall-politiki ta’ pajjiżi oħrajn fid-dinja;

14.

jiddispjaċih li l-istrateġija proposta mhijiex vinkolanti għall-Istati Membri, minkejja li l-IA hija importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku. Jekk l-Ewropa beħsiebha tinvolvi ruħha serjament fl-intelliġenza artifiċjali, għandu jkun hemm impenn politiku u finanzjarju reali fid-diversi livelli;

15.

jenfasizza, b’mod partikolari, li d-diversi miżuri ta’ politika u programmi tal-UE (bħalma huma l-FEIS, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Ewropa Diġitali, l-Erasmus, eċċ.) għandhom ikunu amalgamati aħjar sabiex titmexxa ’l quddiem l-intelliġenza artifiċjali, u jappella għal viżjoni ċara f’dan ir-rigward;

16.

jenfasizza li jeħtieġ jitfasslu mekkaniżmi aktar flessibbli għall-implimentazzjoni tal-IA u għall-finanzjament ta’ innovazzjonijiet rilevanti, peress li s-settur qed jikber b’mod mgħaġġel u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament fit-tul mhumiex flessibbli biżżejjed biex ilaħħqu ma’ dawn il-bidliet;

17.

jaqbel li l-interoperabbiltà u li jsir l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali — inkluża l-IA — huma fundamentali għas-settur pubbliku u l-oqsma ta’ interess pubbliku;

18.

jinnota li l-Komunikazzjoni tiffoka fuq sforzi konġunti mis-setturi pubbliċi u privati (nazzjonali u Ewropej) sabiex irawmu l-kapaċità teknoloġika u industrijali tal-UE u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-setturi kollha;

19.

jirrimarka li l-miżuri previsti ma jkoprux is-settur pubbliku fil-livell lokali u reġjonali u jemmen li dawn iż-żewġ livelli ta’ governanza u amministrazzjoni ma għandhomx jiġu traskurati, peress li jaqdu rwol importanti fl-investiment fl-IA, fil-promozzjoni tal-investiment u fl-ekosistema tal-IA fit-territorju tagħhom;

20.

jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni interreġjonali permezz ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dan ifisser kollaborazzjoni intrareġjonali u interreġjonali abbażi ta’ kooperazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ partijiet interessati mill-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, li tiffaċilita l-innovazzjoni mmexxija mid-domanda u soluzzjonijiet kollettivi li jistgħu, fost l-oħrajn, iwittu t-triq għall-intelliġenza artifiċjali kemm fis-settur pubbliku, kif ukoll f’dak privat;

21.

jemmen, f’dan il-kuntest, li l-ħolqien ta’ ekosistemi reġjonali u ċentri ta’ innovazzjoni jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-istabbiliment ta’ konnessjonijiet territorjali effettivi u jagħti spinta lill-kompetittività u l-koeżjoni tal-UE;

22.

jappoġġja l-idea li tinħoloq pjattaforma wiesgħa b’diversi partijiet interessati — Alleanza Europea għall-IA — li tindirizza l-aspetti kollha ta’ intelliġenza artifiċjali, u jinnota li f’din il-ħidma għandhom jiġu involuti wkoll partijiet interessati reġjonali u lokali;

23.

huwa favur il-promozzjoni tal-interazzjoni tal-Alleanza Ewropea għall-IA mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

24.

jilqa’ l-appoġġ ippjanat għall-istabbiliment ta’ infrastrutturi ta’ ttestjar u esperimentazzjoni li jistgħu jkunu użati min-negozji ta’ kull daqs fir-reġjuni kollha;

25.

jappoġġja l-istabbiliment propost ta’ pjattaforma ta’ “AI fuq talba” li l-aċċess għaliha jkun iffaċilitat miċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali;

26.

jemmen li ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali jistgħu jaqdu rwol kruċjali fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali kemm fis-settur privat, kif ukoll f’dak pubbliku;

27.

jinnota li l-inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea għandha l-għan li tiżgura li kull reġjun ikollu ċentru tal-innovazzjoni diġitali sas-sena 2020. Madankollu, ħafna reġjuni għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fin-netwerk eżistenti;

28.

jappella għal azzjoni rapida għat-titjib, abbażi tal-ħtiġijiet, tal-għarfien u l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini, kemm fis-settur pubbliku, kif ukoll f’dak privat, sabiex tkun evitata l-inugwaljanza bejn iċ-ċittadini, ir-reġjuni u s-setturi fl-UE;

29.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-proġetti pilota tas-settur pubbliku fir-reġjuni sabiex jiġi promoss l-użu tal-IA fl-ambjent tal-ġejjieni (inklużi t-trasport u s-servizzi soċjali abbażi tad-domanda, bliet intelliġenti, eċċ.) u li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jaċċettaw l-IA u jużawha għall-vantaġġ tagħhom;

30.

jirrimarka li l-IA tista’ tappoġġja t-tkabbir sostenibbli permezz tal-ekonomiji ta’ skala, iżda fil-fatt toħloq ukoll valur miżjud sostanzjali permezz tal-beni ġodda, servizzi u innovazzjonijiet li din tagħmel possibbli;

31.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u riżorsi finanzjarji sabiex it-taħriġ mill-ġdid jista’ jiġi organizzat b’rabta ma’ dawk l-impjiegi li se jinbidlu jew mhux se jibqgħu jeżistu minħabba l-intelliġenza artifiċjali;

32.

jenfasizza li għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-iżvilupp tal-IA (inkluż għall-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021–2027) fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tal-UE (2021–2027);

33.

jenfasizza li l-interfaċċa bejn it-tkabbir urban, it-teknoloġija, l-infrastruttura u r-rekwiżiti kapitali tippreżenta sett uniku ta’ opportunitajiet u sfidi għall-bliet u r-reġjuni, li jiġġenera domanda għal governanza f’diversi livelli u investiment f’infrastruttura fiżika, diġitali u soċjali. Jenfasizza l-importanza ta’ ħidma mas-settur privat sabiex ikun żgurat li l-leġislazzjoni f’dan il-qasam tkun adattata għall-iskop tagħha;

34.

jenfasizza li l-IA mhijiex għan fiha nnifisha u li fil-ġejjieni, l-IA għandha tiġi adattata għall-Gvern elettroniku u għas-s-servizzi pubbliċi;

35.

iqis fundamentali li fl-iżvilupp tal-IA, il-privatezza u d-drittijiet tal-individwu jkunu garantiti;

36.

jenfasizza l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali, u r-rabtiet mar-Realtà estiża (XR), VR, AR, it-teknoloġiji 3D u r-robotika, li se jiffurmaw bażi ġdida għan-negozju globali, l-ekonomija tal-pjattaformi u l-pjattaformi tat-tagħlim. Dan jgħin sabiex jingħata aċċess ugwali għal kontenut edukattiv u kulturali differenti u sabiex jinħolqu pjattaformi innovattivi għat-trasferiment tal-għarfien għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema.

37.

jenfasizza li l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet relatati mal-intelliġenza artifiċjali huwa xprun għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u anke tas-settur pubbliku;

38.

jenfasizza li sabiex tinbena b’suċċess Ewropa diġitali, l-Unjoni teħtieġ b’mod partikolari swieq tax-xogħol u sistemi ta’ taħriġ u edukazzjoni adegwati għall-era diġitali. It-teknoloġiji diġitali avvanzati, bħalma huma l-informatika ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà u l-intelliġenza artifiċjali, issa huma maturi biżżejjed biex iħallu l-ispazji tar-riċerka u jiġu implimentati, applikati u żviluppati aktar fil-livell tal-UE.

Brussell, is-6 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/draft-ethics-guidelines-trustworthy-ai

(2)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku ġiet iffirmata fil-laqgħa ministerjali waqt il-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE fis-6 ta’ Ottubru 2017.