5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rivoluzzjoni diġitali fid-dawl tal-ħtiġijiet u d-drittijiet taċ-ċittadini”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 190/03)

Relatur: Ulrich SAMM

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

12.7.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.2.2019

Adottata fil-plenarja

20.1.2019.

Sessjoni plenarja Nru

541

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-rivoluzzjoni diġitali attwali għandha l-potenzjal li tibdel b’mod fundamentali s-soċjetà, l-ekonomija u l-post tax-xogħol u tipprovdi benefiċċji fit-tul kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja b’impatt fuq is-setturi kollha, billi tibdel il-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw. Il-KESE esprima b’mod ċar l-opinjoni tiegħu li t-trasformazzjoni – imwettqa mill-bniedem – għandha tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-KESE għalhekk jilqa’ l-azzjonijiet politiċi u tas-soċjetà ċivili kollha li jgħinu liċ-ċittadini Ewropej. Din l-opinjoni tindirizza primarjament il-ħtiġijiet u t-tħassib taċ-ċittadini, kemm jekk bħala impjegati, bħala impjegaturi jew bħala konsumaturi b’mod ġenerali, u tidentifika oqsma fejn l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali. Huwa biss bil-formazzjoni b’mod proattiv tat-tranżizzjoni diġitali li se nagħmluha storja ta’ suċċess.

1.2.

Il-progress tad-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari fejn jiġu introdotti prodotti u servizzi diġitali ġodda, jista’ jkun mgħaġġel ħafna (bħal fil-każ tal-ismartphones) jew jista’ jkun kajman f’ċerti oqsma, fejn il-pubbliku u s-soċjetà inġenerali ma jaċċettawx it-teknoloġija kif ġieb u laħaq, bħalma huwa l-każ meta jiġu affettwati l-awtonomija, ir-responsabbiltà, is-sigurtà, id-dinjità u l-privatezza tal-bniedem.

1.3.

Id-diġitalizzazzjoni toffri ħafna possibiltajiet ġodda li jippermettu lin-nies jagħmlu għażliet għal ħajja aħjar b’mod bla preċedent. Min-naħa l-oħra, aktar ma d-diġitalizzazzjoni tiddomina lil ħajjitna, aktar nistgħu nkunu wkoll immanipulati. Dan jista’ jdgħajjef l-awtonomija tagħna f’oqsma bħas-sewqan tal-karozzi, l-għażla tal-ikel, il-kura tas-saħħa tagħna, it-tisħin ta’ djarna, it-tipjip, ix-xorb, l-amministrazzjoni tal-finanzi tagħna u ħafna aktar. Il-KESE jitlob li jiġu żviluppati, adattati u applikati regoli trasparenti għal dawn it-teknoloġiji li qed jevolvu malajr. Teknoloġija persważiva tajba għandha tinvolvi taħriġ, mhux manipulazzjoni, u tikkonforma mal-prinċipju tal-għażla ħielsa tan-nies, sabiex tiggarantixxi l-awtonomija tal-bniedem.

1.4.

Il-KESE għandu stampa ċara dwar il-kwistjoni sa fejn huwa etikament aċċettabbli li jiġi ddelegat it-teħid ta’ deċiżjonijiet (b’implikazzjonijiet morali) lil sistemi bbażati fuq l-IA: is-sistemi awtomatizzati, irrispettivament minn kemm huma kumplessi, għandhom joperaw skont il-prinċipju tal-bniedem li jikkmanda. Il-bnedmin biss jieħdu d-deċiżjoni finali u jassumu r-responsabbiltà għaliha.

1.5.

Aktar ma tiżdied l-awtomatizzazzjoni fid-djar, aktar qed tiżviluppa firxa ta’ punti ta’ aċċess għall-hackers. Hemm bżonn li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar dawn ir-riskji u li jingħata appoġġ għal miżuri ta’ sigurtà, b’mod partikolari meta l-hackers jippruvaw jikkontrollaw apparat intelliġenti. Il-KESE jistieden lill-UE tirrevedi r-regolamenti eżistenti tas-sigurtà u tiżviluppa u tadatta regoli stretti ta’ sigurtà għal teknoloġiji ġodda li qed jevolvu għall-protezzjoni taċ-ċittadini fid-djar tagħhom.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ li jtejjeb is-sikurezza fit-toroq billi jdaħħal aktar teknoloġija diġitali fil-karozzi, iżda jesprimi wkoll tħassib dwar il-pass kajman ta’ dan it-titjib. Biex titħaffef it-tranżizzjoni għal sewqan aktar awtomatiku, il-KESE jitlob li jiġu żviluppati inċentivi tal-UE biex jiġu indirizzati l-ispejjeż impenjattivi (il-ħtieġa li jinxtraw karozzi ġodda) u l-aċċettazzjoni insuffiċjenti tas-sistemi ta’ għajnuna (kumplessità, nuqqas ta’ taħriġ). Il-KESE jemmen li trid tiġi żviluppata strateġija Ewropea biex tadatta u timmodifika s-sistema tat-toroq tagħna sabiex vetturi kompletament awtonomi b’sikurezza ta’ 100 % jistgħu jkunu ta’ suċċess.

1.7.

Il-KESE jitlob li l-GDPR jiġi adattat u rivedut fid-dawl tat-teknoloġija diġitali li qed tinbidel malajr. It-teknoloġiji ġodda ta’ rikonoxximent tal-wiċċ, b’mod partikolari, huma theddida għall-privatezza tagħna. Hekk kif din it-teknoloġija ssir irħas u faċilment aċċessibbli għal kulħadd, fl-aħħar mill-aħħar tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn ma jkunx aktar possibbli li wieħed jimxi fit-triq jew imur jixtri b’mod anonimu. It-theddida għall-privatezza u l-awtonomija hija saħansitra akbar meta dawn it-teknoloġiji jintużaw għat-tfassil ta’ profili jew għall-klassifikazzjoni. Il-KESE jinsisti li n-nies għandu jkollhom id-dritt li jkunu privati fi spazji pubbliċi wkoll. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi b’mod regolari l-GDPR u r-regolamenti relatati skont kemm jinbidlu malajr dawn it-teknoloġiji.

1.8.

Il-konsumatur individwali, li m’għandux ħiliet diġitali professjonali, jeħtieġ appoġġ kbir fl-użu ta’ sistemi diġitali kumplessi, kemm jekk dawn ikunu apparat domestiku kif ukoll jekk ikunu pjattaformi diġitali. Il-manwali tal-utent jistgħu jkunu twal ħafna u l-permess biex tintuża ċerta data spiss jingħata inkonxjament. Il-KESE huwa konvint li t-trasparenza mhijiex biżżejjed: għalhekk huma meħtieġa simplifikazzjoni u proċeduri standardizzati madwar l-UE biex jgħinu lill-konsumatur.

1.9.

Il-pjattaformi diġitali jistgħu jintraċċaw lill-utenti tagħhom faċilment b’għodod sempliċi. Dan ifisser li għall-protezzjoni tal-privatezza, il-GDPR mhuwiex biżżejjed meta d-data tintuża ħażin apposta mingħajr l-għarfien tan-nies. Il-KESE huwa konvint li l-privatezza tista’ tkun garantita biss billi jiġi ristrett l-aċċess għal data sensittiva wkoll, għal numru limitat ta’ persuni ċċertifikati biss. Iridu jiġu żviluppati miżuri ta’ sigurtà tal-ogħla u tal-aktar standards affidabbli, li jinkludu verifika regolari minn korpi indipendenti tal-UE.

1.10.

Il-KESE huwa mħasseb li s-sistemi ta’ sorveljanza bbażati fuq il-bijometrika jistgħu jirriżultaw fi klassifikazzjoni ħażina u fi stigmatizzazzjoni, billi awtomatikament jitfgħu lil xi ħadd f’ċerta kategorija, bħal terrorist, kriminal jew individwu mhux affidabbli. Is-sistemi li awtomatikament jidentifikaw u jikklassifikaw lin-nies bħala suspettużi qatt ma għandhom jaħdmu mingħajr interazzjoni umana mill-qrib u verifika dettaljata.

1.11.

L-użu tar-robotika fis-settur tal-kura tas-saħħa huwa antiċipat. Iżda r-robots huma apparat li ma jistax jirreplika l-kapaċitajiet empatiċi u r-reċiproċità tar-relazzjonijiet ta’ kura umana. Jekk ma jintużawx taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ qafas, ir-robots jistgħu jimminaw id-dinjità tal-bniedem. Ir-robots tal-kura, għaldaqstant, għandhom jintużaw biss għal kompiti ta’ kura li ma jeħtieġu ebda involviment emozzjonali, intimu jew personali.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li, kull meta jiġu ppjanati sistemi awtomatizzati ġodda fl-industrija, fil-kummerċ u fis-settur tas-servizzi, għandhom jintużaw metodi xjentifiċi oġġettivi li jottimizzaw u jevalwaw l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni. Il-metodi xjentifiċi tal-ergonomija konjittiva jagħmluha possibbli li wieħed jevalwa b’mod oġġettiv il-ħtiġijiet mentali waqt li jiġu ttrattati sistemi ġodda ta’ assistenza teknika. Din tikkombina diversi dixxiplini ta’ riċerka, bħall-psikoloġija u l-ergonomija, sabiex tevalwa l-interfaċċi tal-utent. Il-KESE huwa konvint li d-diġitalizzazzjoni tista’ tirnexxi biss fit-tul permezz ta’ disinn iċċentrat fuq il-bniedem.

1.13.

Il-KESE jitlob li jiġu vvalutati d-differenzi fl-iżviluppi reġjonali u l-iskala tal-inugwaljanzi soċjali possibbli u l-effetti possibbli tagħha fuq l-integrità tal-UE kkawżati minn aċċess irregolari għal teknoloġiji diġitali ġodda u nuqqas ta’ ħiliet.

2.   Introduzzjoni

2.1.

F’opinjonijiet preċedenti (1) l-KESE laqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet programm Ewropa Diġitali, li jenfasizza l-intenzjoni li l-Ewropa ssir attur ewlieni fid-diġitalizzazzjoni u biex tiżdied is-saħħa ekonomika u l-kompetittività tagħha fix-xena dinjija, filwaqt li jippermetti li s-suq uniku diġitali jidħol fis-seħħ u li tissawwar it-trasformazzjoni diġitali b’mod pożittiv għaċ-ċittadini Ewropej kollha.

2.2.

Ir-rivoluzzjoni diġitali attwali biddlet is-soċjetà u se tagħmel hekk dejjem aktar fil-futur. Dawn il-bidliet jaffettwaw l-ekonomija u l-post tax-xogħol, billi jipprovdu benefiċċji fit-tul kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja b’impatt fuq is-setturi kollha, billi jinbidel il-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw. Il-KESE esprima b’mod ċar l-opinjoni tiegħu (2) li t-trasformazzjoni – imwettqa mill-bniedem – għandha tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-KESE għalhekk jilqa’ l-azzjonijiet politiċi u tas-soċjetà ċivili kollha li jgħinu liċ-ċittadini Ewropej. Din l-opinjoni tiffoka primarjament fuq il-ħtiġijiet u t-tħassib taċ-ċittadini, kemm bħala impjegati, bħala impjegaturi jew bħala konsumaturi b’mod ġenerali. Tidentifika oqsma fejn l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali għall-iffurmar b’mod proattiv tat-tranżizzjoni diġitali u biex issir storja ta’ suċċess.

2.3.

Il-progress tad-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari fejn jiġu introdotti prodotti u servizzi diġitali ġodda, jista’ jkun mgħaġġel ħafna (bħal fil-każ tal-ismartphones) jew jista’ jkun kajman f’ċerti oqsma, fejn il-pubbliku u s-soċjetà inġenerali ma jaċċettawx it-teknoloġija kif ġieb u laħaq, bħalma huwa l-każ meta jiġu affettwati l-awtonomija, ir-responsabbiltà, is-sigurtà, id-dinjità u l-privatezza tal-bniedem. L-analiżi f’din l-opinjoni hija parzjalment ibbażata fuq pubblikazzjoni minn Royakkers et al., Ethics Inf Technol (2018).

2.4.

L-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet diġitali ġodda qed jiġi promoss minn ħafna segwaċi fl-industrija, fil-laboratorji u fl-universitajiet, u mhux biss, kif jaħsbu ħafna nies, minn ġganti tal-Internet bħalma huma Google, Apple, Facebook, Amazon jew Microsoft. Dan l-entużjażmu huwa kondiviż minn ħafna fis-soċjetà; madankollu, hemm ukoll minoranza sinifikanti ta’ nies li huma xettiċi jew anzjużi, jew minħabba theddid għall-privatezza, l-awtonomija, is-sigurtà eċċ. tagħhom, jew forsi minħabba nuqqas ta’ għarfien u biża’ bażika tal-futur. It-tranżizzjoni diġitali mhijiex immexxija biss mit-teknoloġija. Il-ħtiġijiet u x-xewqat tan-nies u tas-soċjetà, kif ukoll id-drittijiet tagħhom, għandu jkollhom impatt deċiżiv fuq żvilupp teknoloġiku ulterjuri. Għal tranżizzjoni diġitali ta’ suċċess, l-involviment tan-nies fil-proċessi ta’ tfassil u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet huwa sfida ċara għal kulħadd, u għas-soċjetà ċivili b’mod partikolari. Dan ifisser ukoll li l-aċċess għal konnessjonijiet tal-Internet siguri u bi prezz raġonevoli għandu jkun garantit sabiex nevitaw id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni.

3.   Il-veloċità tat-tranżizzjoni diġitali

3.1.

Ir-rivoluzzjoni diġitali hija l-bidla mit-teknoloġija mekkanika u elettronika analoga għall-elettronika diġitali li seħħet bejn l-aħħar tas-snin ħamsin u l-aħħar tas-snin sebgħin, bl-adozzjoni u l-proliferazzjoni ta’ kompjuters diġitali mainframe u kompjuters personali. Matul is-snin tmenin, it-teknoloġija diġitali saret mifruxa f’ħafna oqsma. L-użu tat-tablets u tal-ismartphones dalwaqt jiżboq l-użu tal-kompjuters personali.

3.2.

Mill-1991, l-aċċessibilità tal-worldwide web għall-pubbliku pprovdiet infrastruttura ġdida li għamlet possibbli l-konnessjoni ta’ apparat diġitali u ħolqot funzjonijiet ġodda li jmorru ferm lil hinn mill-karatteristiċi ta’ apparat diġitali wieħed waħdu. Il-kombinazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji bidlet radikalment il-mod kif nikkomunikaw, naħdmu u kif nagħmlu n-negozju. Il-pjattaformi diġitali ħolqu modi ġodda radikali ta’ kif nagħmlu l-affarijiet – Airbnb, Uber u Amazon huma ftit eżempji, li fi ftit snin saru atturi ekonomiċi ewlenin.

3.3.

Jidher li ma hemmx limiti għal aktar diġitalizzazzjoni. L-użu dejjem jikber ta’ sensuri intelliġenti jagħmel possibbli l-qari u l-ipproċessar ta’ data (il-pożizzjoni, il-moviment, data ambjentali, data bijoloġika, data kimika) relatata ma’ kwalunkwe oġġett (Internet tal-Oġġetti). Kważi ma hemm ebda limitu għan-numru ta’ sensuri, u għalhekk huwa teoretikament possibbli li tiġi ġġenerata mappa diġitali tal-ambjent fiżiku kollu tagħna. Fil-futur il-broadband veloċi (5G) se jagħmilha possibbli li wieħed jirreaġixxi għad-data mis-sensuri fil-ħin reali.

3.4.

Ammonti kbar ta’ data minn sensuri u attivitajiet tal-pjattaformi (big data) se jiġu pproċessati minn programmi tal-kompjuter ibbażati fuq ċerti algoritmi. Il-programmaturi se jkunu jistgħu jew jiddefinixxu dawn l-algoritmi fid-dettall, jew jiġġenerawhom b’mod dinamiku permezz ta’ sett ta’ data ta’ input (it-tagħlim tal-magni jew IA). Ħafna qegħdin jistennew skoperti teknoloġiċi sinifikanti, b’mod partikolari (3) mill-IA. Il-mistoqsija ta’ kemm inħallu lill-magni jagħmlu għażliet (b’implikazzjonijiet morali) hija ta’ importanza kruċjali u teħtieġ kontroll soċjali u politiku. Diġà hemm domanda qawwija biex jitpoġġew limitazzjonijiet fuq sistemi tal-kompjuter awtomatiċi f’ċerti oqsma (bħal fintech) minħabba telf sinifikanti ta’ kontroll u nuqqas ta’ trasparenza.

3.5.

Il-pass tal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni fis-soċjetà huwa mgħaġġel ħafna. L-organizzazzjonijiet pubbliċi u n-negozji qegħdin jadottaw ħafna approċċi ġodda, kif ippruvat minn proġetti pilota jew prodotti li diġà qegħdin jidħlu fis-suq. Il-penetrazzjoni fis-suq ta’ dawn il-prodotti ġodda tista’ tkun differenti ħafna, skont is-settur. Min-naħa l-oħra, tista’ tkun kajmana f’ċerti oqsma, fejn it-teknoloġija ma tiġix aċċettata kif ġieb u laħaq, kif deskritt fil-paragrafi li ġejjin.

3.6.

Eżempju tipiku tal-Internet ta’ Oġġetti b’aċċettazzjoni limitata huwa l-awtomazzjoni tad-dar jew tas-sistemi tad-dar intelliġenti, biex jikkontrollaw id-dawl, it-tisħin, apparat jew unitajiet tad-divertiment, apparat tad-dar u ħafna iktar. Sistemi ta’ kontroll tal-aċċess u ta’ allarm b’kameras tas-sigurtà jistgħu jtellgħu vidjos. Is-sistemi ta’ awtomatizzazzjoni domestika m’għandhomx standards tekniċi, li jagħmluha diffiċli li jiġu żviluppati applikazzjonijiet li jaħdmu b’mod konsistenti għal oġġetti differenti. Dawn jistgħu jeħtieġu wkoll ħiliet avvanzati u aġġornament kontinwu. Diffikultà oħra tinstab fil-fatt li ħafna mid-djar huma ambjenti kondiviżi, b’nies li għandhom interessi, ħiliet u abilitajiet differenti (pereżempju tfal, anzjani u mistednin). Huwa ħafna aktar faċli li wieħed jgħix f’dar intelliġenti li timmaniġġja l-ħajja ta’ persuna waħda.

3.7.

Is-sensuri intelliġenti tal-karozzi jagħmlu l-mobilità konnessa u awtomatizzata possibbli, billi joffru għadd kbir ta’ karatteristiċi ġodda għall-konvenjenza u sigurtà aħjar u eventwalment, b’awtomatizzazzjoni sħiħa, l-ogħla grad ta’ sigurtà fit-trasport bit-triq (4). It-teknoloġija għas-sewqan awtomatizzat hija pjuttost matura, iżda għal numru ta’ raġunijiet l-applikazzjoni wiesgħa tagħha qed tiżviluppa biss b’mod kajman. L-ewwel nett, grad għoli ta’ sewqan assistit huwa possibbli biss fi ftit karozzi, fejn is-sensuri u l-unitajiet kompjuterizzati huma parti integrali mill-vettura. L-ispejjeż ta’ dan għall-individwi u għas-soċjetà huma ostaklu għall-penetrazzjoni fis-suq. It-tieni nett, għadd dejjem jikber ta’ sistemi ta’ assistenza jistgħu jagħmlu s-sewqan ta’ karozza ħafna aktar ikkumplikat, u jikkawżaw aċċettazzjoni limitata. It-tielet, id-domanda sabiex il-vetturi kompletament awtonomi jkunu 100 % siguri huwa ostaklu kbir sakemm dawn il-vetturi jkollhom jaqsmu t-triq mal-karozzi konvenzjonali u utenti tat-triq oħrajn. Il-vetturi kompletament awtomatiċi huma sfida minħabba li jkunu jeħtieġu tfassil mill-ġdid sinifikanti tas-sistemi tat-toroq.

3.8.

Google u Facebook diġà jużaw l-IA b’mod intensiv u b’suċċess sabiex “jottimizzaw”il-wiri tal-informazzjoni u r-reklamar. Iżda hemm ħafna iktar oqsma fejn l-IA tista’ tintuża u se tintuża, fejn tipprovdi assistenza qawwija fix-xogħol konjittiv, bħal fil-professjonijiet ibbażati fuq l-għarfien. Uħud minn dawn l-oqsma, madankollu, jistgħu jiġu żviluppati b’mod ħafna aktar kajman milli mistenni minħabba ċerta problema fundamentali, kif iddikjarat dan l-aħħar: “limitazzjoni għall-IA mhijiex it-teknoloġija (qawwa komputazzjonali) iżda n-nuqqas ta’ fehim bażiku tagħna ta’ kif il-bnedmin jitgħallmu u jaħsbu eżatt”. Li taħseb b’mod oriġinali u permezz tal-esperjenza tal-ħajja xorta waħda għadu privileġġ tal-bniedem.

3.9.

Hemm xi pijunieri li kellhom suċċess kbir li biddlu s-servizzi pubbliċi f’soluzzjonijiet elettroniċi flessibbli. Pereżempju fl-Estonja, numru kbir ta’ servizzi bħall-gvern elettroniku, it-taxxa elettronika, is-saħħa elettronika jew il-votazzjoni elettronika huma aċċettati sew, użati ħafna u meqjusa minn ħafna bħala mudell ta’ teknoloġija li għandu jkun implimentat fil-pajjiżi kollha tal-UE, preferibbilment bl-istess standards, sabiex tkun possibbli l-interoperabbiltà. Bi strateġija madwar l-UE u proġetti ffinanzjati tajjeb biss nistgħu negħlbu l-ostakli maħluqa mid-diversità kbira eżistenti tar-reġjuni, l-istituzzjonijiet u l-kulturi, u d-domanda għas-sussidjarjetà fuq il-gvern ċentrali.

4.   Tħassib u rakkomandazzjonijiet

4.1.   Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru (5) li wera li 76 % tan-nies li jużaw l-Internet kuljum jgħidu li l-impatt ta’ dawn it-teknoloġiji fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom kien pożittiv, iżda 38 % tan-nies qatt ma jużaw l-Internet. Dan l-aħħar perċentwal jista’ jkun dovut għal nuqqas ta’ ħiliet diġitali, iżda hemm numru sinifikanti ta’ persuni li jista’ jkollhom il-ħiliet iżda għandhom tħassib serju dwar l-użu tal-Internet, li jġiegħlhom jaħsbuha qabel ma jagħmlu l-istess. Din il-perspettiva trid tiġi rrispettata u meħuda bis-serjetà. Jintwera wkoll b’mod partikolari tħassib dwar il-kwistjonijiet ta’ awtonomija, responsabbiltà, sigurtà, dinjità tal-bniedem, privatezza u kundizzjonijiet tax-xogħol, kif spjegat hawn taħt.

4.2.   Awtonomija

4.2.1.

Nitkellmu fuq paternaliżmu jekk xi ħadd jiddikjara li jaf aktar x’inhu tajjeb għal nies oħra milli jafu huma stess. Fil-każ tal-paternaliżmu teknoloġiku, il-paternaliżmu huwa “delegat”lit-teknoloġija. Il-paternaliżmu jista’ jkun persważiv jew konvinċenti. Teknoloġija persważiva tajba għandha tinvolvi taħriġ, mhux manipulazzjoni, u tikkonforma mar-rekwiżit tal-għażla ħielsa tan-nies, sabiex tiggarantixxi l-awtonomija tal-bniedem. Id-diġitalizzazzjoni toffri ħafna possibiltajiet ġodda li jippermettu lin-nies jagħmlu għażliet għal ħajja aħjar b’mod bla preċedent. Min-naħa l-oħra, aktar ma d-diġitalizzazzjoni tiddomina lil ħajjitna, aktar nistgħu nkunu mmanipulati. Dan idgħajjef l-awtonomija tagħna f’oqsma bħas-sewqan tal-karozzi, l-għażla tal-ikel, il-kura tas-saħħa tagħna, it-tisħin ta’ djarna, it-tipjip, ix-xorb, l-amministrazzjoni tal-finanzi tagħna u, kif ġie osservat f’avvenimenti riċenti, anke elezzjonijiet li, jekk jiġu mmanipulati, jistgħu jkunu ta’ theddida għad-demokrazija. Il-KESE jitlob l-iżvilupp, l-adattament u l-applikazzjoni ta’ regoli trasparenti u meta xieraq, miżuri legali stretti għal dawn it-teknoloġiji li qed jevolvu malajr.

4.2.2.

L-aktar eżempju impressjonanti ta’ użu estrem ta’ teknoloġija diġitali biex tinfluwenza n-nies jinsab fiċ-Ċina. Għal kull wieħed miċ-ċittadini tiegħu il-Gvern Ċiniż iżomm punteġġ taċ-ċittadini, biex jiddetermina jekk persuna hijiex eliġibbli għal self, viża jew impjieg. Dan imur ferm kontra l-valuri u d-drittijiet Ewropej (protezzjoni tad-data, privatezza, protezzjoni soċjali, sostenibbiltà).

4.2.3.

Ġiet osservata t-tendenza fejn in-nies jiżviluppaw xewqa dejjem akbar għal ħajja aktar analoga, għall-inqas għal ċertu ammont ta’ ħin. Jeżistu kampijiet ta’ mistrieħ ’il bogħod mid-dar, fejn l-adulti jmorru għal tmiem il-ġimgħa mingħajr konnessjoni, jew nies li jqattgħu ħin offlajn sabiex jiffukaw fuq it-tfal, il-familji u l-ħbieb – li jfisser ebda telefown fl-idejn. Hemm domanda stabbli għal affarijiet li issa huma meqjusa analogi, għalkemm jeżistu alternattivi diġitali: kotba, mużika maħluqa mingħajr kompjuters, diski tal-vinil, karta, pinen u ħafna aktar. Għadd ta’ diriġenti ta’ livell għoli huma magħrufa li jħassru t-traffiku tal-posta elettronika tagħhom kultant żmien. Dan ifisser li jħassru kull messaġġ elettroniku fl-inbox tagħhom jew jagħlqu għalkollox il-kont tagħhom, sabiex jirkupraw mill-valanga ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-KESE jemmen li t-tranżizzjoni diġitali teħtieġ ukoll kontropiżijiet bħal dawn biex tirnexxi u tkun aċċettabbli għal kulħadd, u jwissi kontra l-imbuttar wisq biex jiġu sostitwiti t-tekniki analogi.

4.3.   Responsabbiltà

“Man out of-the-loop”(“il-bniedem barra mill-attività”) tirreferi għal awtomatizzazzjoni sħiħa, fejn is-sistema tieħu deċiżjoni mingħajr l-intervent tal-bniedem. Xi eżempji jinkludu sistemi ta’ għarfien li jagħmlu dijanjożijiet mediċi abbażi ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni, jew robots militari li jieħdu deċiżjonijiet ta’ ħajja jew mewt billi jużaw informazzjoni minn diversi sorsi. Il-mistoqsija kruċjali u l-aktar frekwenti hija: sa liema punt huwa etikament aċċettabbli li wieħed jiddelega r-responsabbiltà għal deċiżjonijiet morali (b’implikazzjonijiet morali) lil sistemi bbażati fuq l-IA? Il-KESE diġà esprima opinjoni ċara dwar dan (6): il-kelmiet “responsabbiltà”u “morali”huma marbuta esklussivament mal-bnedmin, filwaqt li ċerti karatteristiċi mentali jew tal-personalità ma jistgħux jiġu attribwiti lir-robots. Is-sistemi awtomatizzati, irrispettivament minn kemm huma kkumplikati, għandhom joperaw skont il-prinċipju tal-bniedem jikkmanda. Il-bnedmin biss jieħdu d-deċiżjoni finali u jassumu r-responsabbiltà għaliha.

4.4.   Sigurtà u konsumaturi

4.4.1.

Għalkemm oġġetti ġodda u sbieħ jagħmlu d-djar tagħna aktar intelliġenti, dawn qed jagħmluhom ukoll aktar vulnerabbli. B’aktar u aktar apparat li qed jiġi konness mal-Internet – televixins intelliġenti, webcams, konsols tal-logħob, arloġġi intelliġenti – huwa kruċjali li jkollok pjan ta’ difiża tajjeb għan-netwerk tad-dar tiegħek. L-arloġġi intelliġenti u apparat li jintlibes ieħor huma estensjoni ta’ smartphone, u jagħtu aċċess istantanju għal applikazzjonijiet b’saħħithom, għall-posta elettronika, għall-messaġġi testwali u għall-web. Minbarra li jieħdu informazzjoni li hija ta’ valur għall-hackers, jistgħu jikkontrollaw apparat intelliġenti. Ir-riċerkaturi tas-sigurtà urew kemm huwa faċli li wieħed jikseb il-kontroll mhux awtorizzat tal-pupa ġugarell Cayla jew li wieħed jista’ saħansitra jieħu kontroll ta’ pompa tal-insulina jew jgħasses fuq persuna li tkun liebsa arloġġ intelliġenti. Il-konsumaturi għandhom isiru konxji ta’ dawn ir-riskji. Il-KESE jistieden lill-UE tirrevedi r-regolamenti eżistenti tas-sigurtà u tiżviluppa u tadatta regoli stretti ta’ sigurtà għal teknoloġiji ġodda li qed jevolvu għall-protezzjoni taċ-ċittadini fid-djar tagħhom.

4.4.2.

L-applikazzjoni tal-bijometrija (ir-rikonoxximent tal-wiċċ, tal-marki tas-swaba’, l-iskanjar tal-ħabba tal-għajn) hija xi ħaġa tajba jekk is-sistema taħdem tajjeb. Iżda n-nies li s-sistema tidentifikahom bħala suspettużi bi żball, spiss isibuha diffiċli ħafna li jirranġaw l-iżbalji. L-applikazzjoni tal-bijometrika tista’ tirriżulta fi klassifikazzjoni ħażina u fi stigmatizzazzjoni, billi titfa’ lil xi ħadd awtomatikament f’ċerta kategorija, bħal terrorist, kriminal jew individwu mhux affidabbli. Dan jista’ jwassal għall-qlib tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Jidher ukoll li l-bijometrija ma tistax tintuża għal kulħadd. Pereżempju, 2 % tal-marki tas-swaba’ tan-nies ma jistgħux “jinqraw”minħabba li huma ta’ ċittadini anzjani jew minħabba ċerti professjonijiet jew trattamenti ta’ kimoterapija. Is-sistemi diġitali li tuża s-soċjetà tagħna għandhom ikunu mfassla sabiex ma jeskludux jew jiddiskriminaw kontra nies li ma jissodisfawx ċerti kriterji standard. Is-sistemi li awtomatikament jikklassifikaw lin-nies bħala suspettużi qatt ma għandhom jaħdmu mingħajr interazzjoni umana mill-qrib u verifika dettaljata.

4.4.3.

Il-frodi tal-identità hija problema kbira. Il-frodi tal-identità hija l-kisba, l-approprjazzjoni, is-sjieda jew il-ħolqien intenzjonali ta’ identifikaturi foloz, għat-twettiq jew bl-intenzjoni ta’ twettiq ta’ azzjoni illegali. Is-soċjetà tagħna għandha bżonn appoġġ legali suffiċjenti sabiex tipproteġi lill-vittmi ta’ frodi tal-identità bħal din.

4.5.   Id-dinjità tal-bniedem

4.5.1.

L-użu tar-robotika fis-settur tal-kura tas-saħħa huwa kwistjoni ta’ tħassib. Ir-robots huma apparat li ma jistax jirreplika l-kapaċitajiet empatiċi u r-reċiproċità tar-relazzjonijiet ta’ kura umana. Ir-robots tal-kura, għaldaqstant, għandhom jintużaw biss għal kompiti ta’ kura li ma jeħtieġu ebda involviment emozzjonali, intimu jew personali. Jekk ma jintużawx taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ qafas, ir-robots jistgħu jimminaw id-dinjità tal-bniedem.

4.6.   Privatezza

4.6.1.

Ir-rikonoxximent tal-wiċċ iqabbel il-profil tal-wiċċ ta’ persuna ma’ bażi tad-data sabiex jara jekk il-persuna skanjata tidhirx f’dik il-bażi tad-data. Jintuża fl-investigazzjonijiet tal-pulizija jew għall-kameras tas-sigurtà fi spazji pubbliċi u l-użu tiegħu huwa rregolat bil-liġi. Tali informazzjoni ferm sensittiva għandha tkun maħżuna b’mod sigur u sikur. Ir-rikonoxximent tal-wiċċ, madankollu, se jorħos u se jkun aktar aċċessibbli għal kulħadd, għall-użu minn kwalunkwe ħanut, negozju jew saħansitra individwu. Hemm tentattivi biex jintużaw dawn it-tekniki anke għar-rikonoxximent emozzjonali. Il-biża’ hija li t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ tista’ fl-aħħar mill-aħħar twassal għal sitwazzjoni fejn ma jkunx aktar possibbli li wieħed jimxi fit-triq jew imur jixtri b’mod anonimu. Il-KESE jitlob li n-nies ikollhom id-dritt li jkunu privati fi spazji pubbliċi wkoll. B’mod ġenerali, ir-rikonoxximent mill-kameras, mingħajr l-għarfien tal-persuni osservati, għandu jkun ipprojbit.

4.6.2.

Filwaqt li x-xenarju tal-big brother, fejn il-gvern qed jgħasses fuq kulħadd, huwa diġà magħruf sew, ix-xenarju tal-little brother, fejn individwi jew kumpaniji żgħar jgħassu fuq xulxin, qed isir possibbiltà dejjem akbar. Pereżempju, in-nuċċalijiet intelliġenti jistgħu jintużaw sabiex jirreġistraw u jiksbu data dwar interlokutur jew viżitatur. Aġġeġġi ta’ għassa elettroniċi oħrajn se jitfaċċaw hekk kif tiġi żviluppata aktar teknoloġija avvanzata u affordabbli. Il-KESE jenfasizza li lil hinn mill-GDPR attwali, għandna bżonn regoli ċari u stretti biex inħarsu l-privatezza tan-nies.

4.6.3.

B’aktar awtomatizzazzjoni domestika, id-dar, li hija meqjusa privata, qed issir aktar trasparenti. Id-distinzjoni bejn id-dar u d-dinja esterna qed tonqos, peress li l-ħitan m’għadhomx jipproteġu dar mill-għajnejn kurjużi. L-apparat ta’ divertiment, is-sistemi ta’ allarm bil-kameras tas-sigurtà u s-sistemi ta’ kontroll ċentrali (kompjuter desktop, smartphone, smart speaker) jipprovdu firxa ta’ punti ta’ aċċess għall-hackers. Il-KESE jitlob azzjoni kkoordinata tal-UE biex tinforma lill-konsumaturi dwar dawn ir-riskji u tipprovdi appoġġ għal miżuri ta’ sigurtà.

4.6.4.

Riskju partikolari tas-sistemi diġitali jinsab fil-kumplessità tagħhom. B’mod partikolari, il-konsumatur individwali, li m’għandux ħiliet diġitali professjonali, għandu bżonn appoġġ qawwi. Pereżempju, il-manwali tal-utent għat-tagħmir diġitali jistgħu jkunu twal ħafna. Normalment dawn iwissu lill-utent dwar il-kwistjonijiet ta’ privatezza, iżda l-permess biex tintuża ċerta data spiss tingħata inkonxjament, peress li n-nies mhumiex kapaċi jifhmu l-manwal kollu jew qed ibatu minn dik li tissejjaħ għeja ta’ kunsens, minħabba l-ħafna permessi li jridu jagħtu lill-apparat li jaqbad id-data biex juża d-data tagħhom. Dan iqajjem il-mistoqsija dwar ta’ min hi r-responsabbiltà f’dan il-proċess. Il-KESE jitlob is-simplifikazzjoni u jipproponi li jiġu introdotti proċeduri standard tal-UE jew pakketti standard tal-privatezza li huma faċli biex jinftiehmu għal kulħadd.

4.6.5.

Il-kwistjoni tal-privatezza tapplika wkoll għall-pjattaformi diġitali. Il-pjattaformi jistgħu jintraċċaw lill-utenti tagħhom faċilment b’għodod sempliċi. Pereżempju, l-impjegati ta’ Uber kienu qegħdin jużaw l-għodda tal-kumpanija God View sabiex jintraċċaw politiċi, ċelebritajiet u oħrajn, u dan twaqqaf wara każ fil-qorti. It-teknoloġija, madankollu, għadha qed taqbad data ta’ traċċar u ta’ konnessjoni. Il-KESE huwa konvint li l-privatezza tista’ tkun garantita biss permezz ta’ miżuri addizzjonali: billi jiġi ristrett l-aċċess għal data sensittiva għal numru limitat ta’ persuni ċċertifikati biss. Dawn il-miżuri ta’ sigurtà għandhom jiġu żviluppati fl-ogħla u fl-aktar standards affidabbli, inklużi verifiki regolari minn korpi indipendenti tal-UE.

4.7.   Ix-xogħol tal-futur

4.7.1.

Ix-xogħol se jibqa’ s-sors ċentrali tad-dħul fl-era diġitali. L-impjegabbiltà mill-perspettiva ta’ impjegatur u l-abbiltà li jaħdem mill-perspettiva ta’ impjegat huma żewġ naħat tal-istess munita fit-trasformazzjoni diġitali. L-adattabbiltà tal-impjegati għal kompiti ġodda hija ugwali għall-possibbiltà li x-xogħol jiġi adattat bit-teknoloġija diġitali ma’ talbiet ta’ xogħol individwali. Peress li qed tiġi dejjem iżjed imċajpra l-linja bejn li wieħed jaħdem biex jaqla’ l-flus u li wieħed jaħdem għal skopijiet privati, l-imsieħba soċjali b’mod partikolari qed jiġu sfidati biex isibu u jistabbilixxu kriterji ġodda għall-kejl b’mod ġust tal-prestazzjoni individwali. L-antiċipazzjoni tal-bidla diġitali teħtieġ l-involviment tal-impjegati permezz ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni. Is-sigurtà soċjali, is-servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali u s-salvagwardja tal-għajxien ekoloġiku jibqgħu prerekwiżiti għas-soċjetà tax-xogħol futura fit-trasformazzjoni diġitali.

4.7.2.

L-awtomazzjoni u r-robots se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-futur tax-xogħol. Pereżempju, l-użu ta’ sistemi ta’ trasport bla xufier (DTS) huwa diġà komuni għat-trasport tal-materjali fl-imħażen. Ir-robots jistgħu jissostitwixxu wkoll xogħol monotonu, diffiċli jew perikoluż u ġenerazzjoni ġdida tal-hekk imsejħa “robots kollaborattivi”jistgħu jsiru sħab fiżiċi għall-ħaddiema, utli, b’mod partikolari, għall-persuni b’diżabilità fiżika. Ir-robots tal-lum jissostitwixxu l-aktar ix-xogħol manwali, iżda r-robots li jużaw l-IA se jagħmlu wkoll xogħol intellettwali. Se jiġi affettwat numru sinifikanti ta’ professjonijiet, peress li r-robots jassumu ċerti kompiti jew saħansitra jissostitwixxu għalkollox lill-ħaddiema bnedmin, kif rajna fl-aħħar għexieren ta’ snin. Huwa stmat li l-impjieg fis-setturi industrijali kollha se jibqa’ stabbli sal-2022. Ħarsa lejn kumpaniji kbar saħansitra turi li ċ-ċaqliq tat-tqassim tax-xogħol bejn il-bniedem u l-magni ħoloq kważi darbtejn l-ammont ta’ impjiegi u rwoli funzjonali daqs kemm neħħa. Il-KESE ddiskuta dawn il-kwistjonijiet f’ħafna opinjonijiet (7).

4.7.3.

L-aċċess irregolari għal teknoloġiji diġitali ġodda u nuqqas ta’ ħiliet jistgħu jkunu sors ta’ differenzi li qed jikbru gradwalment fl-iżvilupp reġjonali b’impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u, konsegwentement, l-iżvilupp soċjali ta’ dawk ir-reġjuni. Il-KESE jitlob li tiġi vvalutata l-iskala ta’ inugwaljanzi soċjali possibbli u l-effetti possibbli tagħha fuq l-integrità tal-UE.

4.7.4.

Il-ħaddiema li jikkollaboraw jew jinteraġixxu ma’ sistemi awtomatizzati, jew li jaħdmu b’ammont kbir ta’ informazzjoni, jistgħu jiffaċċjaw ċerti problemi. Iridu jiffaċċjaw kompiti kkumplikati b’użu intensiv ta’ informazzjoni. Ir-realtà virtwali, pereżempju, tintuża għal skopijiet ta’ taħriġ u ppjanar, filwaqt li r-realtà awmentata tappoġġja l-proġetti ta’ manutenzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li, kull meta jiġu ppjanati sistemi awtomatizzati ġodda fl-industrija u fil-kummerċ, għandhom jintużaw metodi xjentifiċi oġġettivi li jipperfezzjonaw u jevalwaw l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni.

4.7.5.

Dawk li jħaddmu, min-naħa l-oħra, jiffaċċjaw l-isfida tal-għażla ta’ soluzzjonijiet diġitali adattati minn firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji ġodda. Huwa importanti li jiġu żviluppati sistemi ta’ assistenza teknoloġika xierqa għall-attivitajiet u għall-proċessi tax-xogħol tal-kumpaniji. Qabel jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, huwa rrakkomandat ukoll li tiġi stabbilita l-kompetenza teknoloġika tal-ħaddiema u, jekk ikun meħtieġ, jiġi offrut it-taħriġ. Il-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda hija wkoll fattur importanti.

4.7.6.

Il-qasam tar-riċerka tal-ergonomija konjittiva qed jitjieb fl-era tad-diġitalizzazzjoni. Il-metodi xjentifiċi tal-ergonomija konjittiva jagħmluha possibbli li wieħed jevalwa b’mod oġġettiv il-ħtiġijiet mentali waqt li jiġu ttrattati sistemi ġodda ta’ assistenza teknika. Din tikkombina diversi dixxiplini ta’ riċerka, bħall-psikoloġija u l-ergonomija, sabiex tevalwa l-interfaċċi tal-utent. Il-mira hija disinn ottimali tal-post tax-xogħol u sitwazzjoni fejn jirbħu kemm l-impjegati kif ukoll min iħaddimhom. F’tali sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd, l-impjegati jiksbu livell ottimali ta’ sodisfazzjon mix-xogħol, benesseri u saħħa u jipprovdu lill-kumpanija prestazzjoni u produttività mill-aħjar u fit-tul. Il-KESE jirrakkomanda li tali metodi ta’ evalwazzjoni jsiru standard, għall-benefiċċju tal-impjegati u tal-kumpaniji. It-trasformazzjoni diġitali għandha tkun immonitorjata permezz ta’ riċerka komprensiva u orjentata lejn ix-xogħol iffinanzjata mill-Ewropa f’“diġitalizzazzjoni għall-benefiċċju ta’ xogħol deċenti”. Il-KESE huwa konvint li huwa biss b’disinn effiċjenti u faċli biex jintuża mill-impjegati tas-sistemi tal-Industrija 4.0 li d-diġitalizzazzjoni tista’ tirnexxi fit-tul.

Brussell, l-20 Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.

(2)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(3)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(4)  ĠU C 62, 15.2.2019, p.274.

(5)  Ewrobarometru Speċjali 460 – Stħarriġ immexxi minn TNS opinion & social, Marzu 2017.

(6)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(7)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.