Brussell, 19.12.2018

COM(2018) 856 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IT-TIENI RAPPORT TAĦT IL-MEKKANIŻMU TA' SOSPENSJONI TAL-VIŻA

{SWD(2018) 496 final}


I.    Introduzzjoni

Ir-reġim mingħajr viża jġib miegħu benefiċċji importanti għaċ-ċittadini u jsaħħaħ ir-rabtiet soċjali, kulturali u ekonomiċi bejn l-UE u s-sħab tagħha. Fl-istess ħin, ir-reġim mingħajr viża jġib miegħu wkoll responsabbiltajiet biex isostni l-progress miksub permezz tad-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża u jiżgura migrazzjoni ġestita tajjeb u ambjent ta’ sigurtà, inkluż permezz ta’ politika tal-viża li hija allinjata mal-acquis tal-UE.

Dan it-Tieni Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża jirriżulta mid-dmir tal-Kummissjoni li tissorvelja t-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi u li tirrapporta, mill-inqas darba fis-sena 1 , dwar dawk il-kwistjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-perjodu ta’ valutazzjoni jibda mid-data tal-adozzjoni tal-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża 2 f’Diċembru 2017. F’termini ta’ ambitu ġeografiku, ir-rapport ikompli jkopri dawk il-pajjiżi li kkonkludew b’suċċess id-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan ir-rapport ikompli jiffoka fuq oqsma speċifiċi 3 fejn huma meħtieġa azzjonijiet ulterjuri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-progress miksub. Għalhekk, bħal fil-każ tal-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, il-parametri referenzjarji b’rekord ta’ implimentazzjoni stabbli mhumiex koperti f’dan ir-rapport.

Il-parti statistika ta’ dan ir-rapport tkopri 26 Stat Membru tal-UE li japplikaw ir-Regolament (UE) 2018/1806 u l-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (minn hawn’ il quddiem “iż-żona Schengen+”) 4 . Il-valutazzjoni ta’ oqsma speċifiċi hija primarjament ibbażata fuq informazzjoni pprovduta lill-Eurostat 5 mill-pajjiżi fiż-żona Schengen+, informazzjoni pprovduta mill-Aġenziji tal-UE (Europol, eu-LISA, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Eurojust) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-awtoritajiet tal-pajjiżi mingħajr viża. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni ta’ sfond aktar dettaljata dwar l-iżviluppi identifikati għal oqsma speċifiċi. 

II.    Valutazzjoni ta’ oqsma speċifiċi skont il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża

II.1    Il-Balkani tal-Punent

L-Albanija

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, l-għadd totali ta’ rifjuti ta’ dħul żdied bi 13 % (minn 30 305 għal 34 310). In-numru ta’ soġġorni illegali żdied ukoll b’madwar 11 % (minn 33 445-il soġġorn illegali fl-2016 għal 37 325 fl-2017). Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet għall-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018, jindikaw tnaqqis fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u ta’ soġġorni illegali 6 . Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil, dawn naqsu b’32 % fl-ewwel nofs tal-2018 meta mqabbla mal-ewwel nofs tal-2017 (minn 12 635 għal 8 525). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil tal-2017 hija ta’ 5.19 % (żieda meta mqabbla mal-2016 meta kienet 2.12 %) 7 . Ir-riammissjoni u r-ritorn qed jiffunzjonaw tajjeb, bil-pajjiż jonora malajr it-talbiet ta’ riammissjoni mill-Istati Membri kemm għaċ-ċittadini tagħhom kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi terzi. Ir-rata ta’ ritorn (aktar minn 100 % 8 fl-2017), turi li ċ-ċittadini Albaniżi li ġew ordnati jitilqu huma effettivament ritornati (29 850 fl-2017). Dan ir-riżultat tajjeb għandu jinżamm.

L-Albanija ħadet azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża biex tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, b’mod partikolari tal-applikazzjonijiet għall-ażil infondati ppreżentati minn ċittadini Albaniżi. L-Albanija kisbet riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni kontra l-migrazzjoni irregolari, li tiffoka fuq il-kooperazzjoni operazzjonali fil-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u fil-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti. Kompliet ukoll iżżid il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri l-aktar affettwati mill-migrazzjoni irregolari. Sabiex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet u l-obbligi tar-reġim mingħajr viża, l-awtoritajiet Albaniżi wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li xxandru fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali kollha.

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata li jitkellmu bl-Albaniż normalment huma polikriminali u għadhom partikolarment attivi f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali fl-UE. Dawn il-gruppi tal-kriminalità organizzata jittrafikaw l-eroina fi kwantitajiet kbar u jikkooperaw ma’ gruppi tal-kriminalità organizzata li jitkellmu bit-Tork u l-Albaniż tul ir-rotot tat-traffikar. Diversi postijiet ewlenin fl-Albanija kienu sors ta’ radikalizzazzjoni u reklutaġġ, iżda kien hemm tnaqqis fit-tluq ta’ ġellieda terroristi barranin reklutati lejn żoni ta’ kunflitt fis-Sirja u l-Iraq.

L-Albanija ħadet passi ulterjuri biex ittejjeb l-effettività tal-isforzi tagħha tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, kif deskritt fl-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Il-pjan ta’ azzjoni kontra l-kannabis ġie adottat fl-aħħar ta’ Mejju 2018. L-arranġament ta’ ħidma bejn l-Albanija u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga ġie inizjalat fil-5 ta’ Ottubru 2018. Dan l-arranġament se jippermetti li tingħata kompetenza kruċjali lill-awtoritajiet Albaniżi fil-ġlieda kontra d-drogi. L-Albanija għandha arranġament ta’ ħidma fis-seħħ mal-Aġenzija Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi u tipparteċipa fil-Programm dwar il-Ġustizzja tal-UE sa minn Frar 2018. Fl-1 ta’ Novembru 2018, il-Parlament Albaniż irratifika l-Ftehim ta’ Kollegament mal-Europol li jippermetti li uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol jiġi stazzjonat fl-Albanija kmieni fl-2019. F’Ottubru 2018 ġie ffirmat Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Albanija. 

Filwaqt li liġi ġdida dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, adottata fl-2017, saħħet il-qafas leġiżlattiv ġenerali, l-Albanija tpoġġiet taħt segwitu msaħħaħ, wara l-adozzjoni tar-rapport Moneyval. 9 F’Settembru 2018, il-Gvern adotta Pjan ta’ Azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet Moneyval.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Filwaqt li sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Aktar tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Tkompli titjieb l-effettività tal-isforzi ta’ prosekuzzjoni u ta’ infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

·Jiġu implimentati malajr ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Moneyval dwar il-finanzjament kontra l-ħasil tal-flus/kontra t-terroriżmu.

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, l-għadd totali ta’ rifjuti ta’ dħul żdied b'28 % (minn 2 495 rifjut fl-2016 għal 3 200 rifjut fl-2017). L-għadd ta’ soġġorni illegali żdied ukoll b’43 % fl-2017 (6 555) meta mqabbel mal-2016 (4 595). Fir-rigward tax-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018, skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, kien hemm żieda fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u l-ebda żieda ta’ soġġorni illegali. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil, fl-ewwel nofs tal-2018, tressqu 2 360 applikazzjoni għall-ażil, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 39 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2017, meta tressqu total ta’ 3 860 applikazzjoni għall-ażil. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil baqgħet baxxa (0.81 % fl-2016 u 1.45 % fl-2017). Ir-riammissjoni u r-ritorn qed jiffunzjonaw tajjeb u għandhom jiġu mtejba fil-futur. Ir-rata ta’ ritorn (li laħqet 130 % fl-2017) turi li ċ-ċittadini tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li ġew ordnati jitilqu huma effettivament ritornati (5 580 fl-2017).

L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet tieħu azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Ġew imsaħħa l-kontrolli fuq il-fruntieri u kontrolli aktar stretti tad-dokumenti. Il-Ministeru tal-Intern organizza taħriġ għall-pulizija tal-fruntieri fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. L-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex titjieb l-għajnuna għall-popolazzjonijiet vulnerabbli ssaħħet iżda huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jinżammu l-miżuri fis-seħħ. 

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, il-gruppi tal-kriminalità organizzata mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma attivi fit-traffikar u d-distribuzzjoni tad-drogi. Uħud huma gruppi polikriminali involuti f’forom oħra ta’ traffikar (oġġetti, sigaretti). L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha sors ta’ oġġetti arkeoloġiċi traffikati, oġġetti reliġjużi u oġġetti kulturali lejn l-UE. In-netwerks tat-traffikar tal-migranti huma attivi f’żoni tal-fruntiera, speċjalment mal-Greċja u s-Serbja, minkejja diversi arresti matul is-sena.

Il-Ministeru tal-Intern wettaq operazzjonijiet biex jiġġieled kontra t-traffikar tad-drogi u kompla bl-attivitajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Twaqqfu task force nazzjonali u timijiet mobbli biex jipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin u jappoġġjaw l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi potenzjali. L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro ffirmaw ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja żviluppat Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata tagħha stess, kif ukoll waħda reġjonali mas-Serbja u l-Montenegro. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ma’ sħab tal-Balkani tal-Punent, l-Italja u s-Slovenja tjiebet, bħalma tjiebet il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol. L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ħatret prosekutur ta’ kollegament, li ntbagħat lill-Eurojust minn Novembru 2018.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Aktar tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Titjieb l-effettività tal-isforzi tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata speċjalment involuti fit-traffikar tad-drogi u biex jiġi pprovdut rekord kredibbli;

·Jiżdiedu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata, inklużi dawk involuti fit-traffikar tal-migranti.

Il-Bożnija-Ħerzegovina 

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni



Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, ma kien hemm l-ebda żieda fir-rifjuti ta’ dħul (minn 5 150 għal 5 145), filwaqt li n-numru ta’ soġġorni illegali żdied bi ftit b’madwar 13 % (minn 3 645 għal 4 135). Fir-rigward tax-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018, skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, hemm żieda fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u l-ebda żieda ta’ soġġorni illegali. Fl-ewwel nofs tal-2018, tressqu 1 080 applikazzjoni għall-ażil minn ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 27 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017, meta tressqu total ta’ 1 485 applikazzjoni għall-ażil. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil kienet ta’ 3.10 % fl-2016 u żdiedet għal 5.66 % fl-2017. Id-Deċiżjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina li tagħti vjaġġar mingħajr viża liċ-ċittadini Ċiniżi (deċiżjoni effettiva f’Mejju 2018) jeħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib. Dwar ir-riammissjoni u r-ritorn, il-kooperazzjoni qed taħdem sew. Ir-rata ta’ ritorn tibqa’ tajba iżda għandha tittejjeb aktar bl-Istati Membri kollha (u tilħaq 72 % fl-2017, b’2 680 ċittadin Bożnijaku li ġew ritornati effettivament).

 

Il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil (2016–2020) ġiet implimentata. Twettqu kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ reġim mingħajr viża. Fil-15 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill tal-Ministri adotta Pjan ta’ Azzjoni għal Miżuri ta’ Emerġenza. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kienet affettwata min-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-livelli responsabbli ta’ governanza. B’mod partikolari, il-pulizija tal-fruntiera ntlaqtet minn din il-kwistjoni u bħalissa hija nieqsa mill-persunal.

L-ordni pubblika u s-sigurtà



Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, il-gruppi tal-kriminalità organizzata mill-Bożnija-Ħerzegovina huma fost l-aktar irrapportati għar-reati organizzati fuq il-proprjetà organizzata fl-UE, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar ta’ drogi illeċiti. Barra minn hekk, il-Bożnja-Ħerzegovina huwa pajjiż destinatarju għal vetturi misruqa fl-Istati Membri. Għad hemm ħażniet kbar ta’ armi fil-Bożnija-Ħerzegovina, li huma ta’ riskju fil-qafas tat-traffikar tal-armi tan-nar. Il-Bożnija-Ħerzegovina adottat Strateġija ġdida dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u qed timplimenta l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

L-awtoritajiet komplew iżidu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata u l-investigazzjonijiet. Madankollu, huwa meħtieġ titjib biex jiġi garantit segwitu ġudizzjarju aktar effettiv. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2016-2019 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għadha għaddejja. F’Mejju 2017, ġie ffirmat ftehim dwar l-istazzjonament ta’ uffiċjal ta’ kollegament għall-Europol. Sal-lum, il-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma ħatritx Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali previst fil-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Operazzjonali mal-Europol. Il-Bożnija-Ħerzegovina ma tistax tibgħat lill-uffiċjal ta’ kollegament tagħha lill-Europol sakemm ikun stabbilit Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tiżdied l-allokazzjoni effettiva u sostenibbli ta’ riżorsi suffiċjenti għall-ġestjoni tal-fruntieri u jkomplu jsaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri, anke fil-kuntest ta’ miżuri ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Jinħatar Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali kif meħtieġ fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni fis-seħħ mal-Europol;

·Huma meħtieġa aktar sforzi biex b’mod effettiv jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus, b’mod koordinat fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Il-Montenegro 

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul żdied b’madwar 63 % (minn 335 għal 545), filwaqt li l-għadd ta’ soġġorni illegali żdied ukoll b'42 % fl-2017 (810 fl-2017 meta mqabbel ma’ 570 fl-2016). Iċ-ċifri, madankollu, għadhom baxxi f’termini assoluti. Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018 jindikaw żieda żgħira fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u ta’ soġġorni illegali. Fl-ewwel nofs tal-2018, tressqu 330 applikazzjoni għall-ażil minn ċittadini Montenegrini, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 38 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017, meta tressqu total ta’ 530 applikazzjoni għall-ażil. B’kollox, fl-2017 kollha kienu sottomessi total ta’ 970 applikazzjoni għall-ażil, meta mqabbla ma’ 1 830 fl-2016 (tnaqqis ta’ 47 %). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil hija baxxa (0.96 % fl-2016 u 2.10 % fl-2017). Ir-riammissjoni u r-ritorn qed jiffunzjonaw tajjeb, bil-pajjiż jonora malajr it-talbiet ta’ riammissjoni mill-Istati Membri kemm għaċ-ċittadini tagħhom kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi terzi. Ir-rata ta’ ritorn (aktar minn 100 % fl-2017), turi li ċ-ċittadini Montenegrini ordnati jitilqu mill-UE huma ritornati b’mod effettiv (820 fl-2017) u dan jeħtieġ li jitkompla.

 

Il-Montenegro ħa azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Filwaqt li ma organizzatx kampanja tal-midja dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża fl-2018, hemm waħda prevista għall-2019. F’Marzu 2018, il-Gvern adotta Pjan ta’ Azzjoni ġdid taħt l-Istrateġija ta’ Riintegrazzjoni għal Persuni Irritornati skont il-Ftehim ta’ Riammissjoni, sabiex tittejjeb l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ ċittadini riammessi. Il-qafas legali dwar il-migrazzjoni legali u irregolari ġie allinjat mal-qafas tal-UE bl-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar il-Barranin f’Frar 2018. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni Internazzjonali u Temporanja ta’ Barranin daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

Fit-22 ta’ Novembru 2018 il-Montenegro adotta skema ta’ ċittadinanza tal-investituri. Jeħtieġ li l-iskema taċ-ċittadinanza tal-investituri tiġi mmonitorjata mill-qrib, peress li tista’ toħloq riskji migratorji u tas-sigurtà. Għalhekk, għandhom jiġu applikati d-diliġenza dovuta u l-kontrolli tas-sigurtà.

L-ordni pubblika u s-sigurtà



Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, sors ta’ tħassib jibqa’ t-tranżitu tad-droga mill-Montenegro fl-UE. Gruppi ta’ kriminalità organizzata huma attivi fit-traffikar tal-kannabis u tal-kokaina (b’rabtiet diretti ma’ gruppi kriminali fl-Amerika t’Isfel). Minkejja s-suċċess ta’ diversi inizjattivi mmexxija mill-awtoritajiet tal-Montenegro biex titnaqqas il-prevalenza tal-armi tan-nar, dawn għadhom disponibbli b’mod wiesa’. Il-Montenegro huwa pajjiż ta’ tranżitu importanti u sors potenzjali ta’ ffalsifikar u ta’ kuntrabandu tas-sigaretti.

Il-Montenegro għandu kooperazzjoni stabbilita sew mal-Europol u l-Interpol. Il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-Istati Membri tal-UE qed tissaħħaħ b’mod konsistenti, kif muri f’operazzjonijiet konġunti reċenti tal-pulizija. Il-kooperazzjoni mal-Eurojust hija wkoll bla xkiel, u fl-2018 il-Montenegro kienet involuta f’16-il każ irreġistrat tal-Eurojust. Bosta investigazzjonijiet dwar każijiet kriminali ta’ profil għoli ilhom għaddejjin mill-2017, li fihom il-ħasil tal-flus jiġi mħarrek bħala reat awtonomu. F’Lulju 2018, il-Montenegro adotta emendi għal-Liġi dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif ukoll il-Liġi dwar Miżuri Restrittivi Internazzjonali. Sabiex titjieb il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti, ġie stabbilit dipartiment speċjalizzat fis-servizzi tal-pulizija. Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Montenegro u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmaw ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin investigati u mħarrka għadu baxx.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Jiġi kkonsolidat ir-rekord fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni ta’ livell għoli.

Is-Serbja 

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, ma kien hemm l-ebda żieda fir-rifjuti ta’ dħul (minn 8 070 għal 7 910), filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstabu li kienu illegalment preżenti żdied b’31 % bejn l-2016 u l-2017 (minn 11 180 għal 14 665 fl-2017). Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018 jindikaw żieda fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u ta’ soġġorni illegali. Fl-ewwel nofs tal-2018, tressqu 3 460 applikazzjoni għall-ażil minn ċittadini Serbi, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ aktar minn 20 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017, meta tressqu 4 375 applikazzjoni għall-ażil. In-numru totali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fl-2017 huwa ta’ 8 325, tnaqqis ta’ 38 % meta mqabbel mal-2016 meta kien hemm 13 515 applikazzjoni. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil għadha baxxa (1.57 % fl-2016 u 3.23 % fl-2017). Ir-rata ta’ ritorn (aktar minn 100 % fl-2017), turi li ċ-ċittadini Serbi li ġew ordnati jitilqu mill-UE huma ritornati b’mod effettiv (7 920 fl-2017). Il-kooperazzjoni tas-Serbja dwar ir-riammissjoni u r-ritorn taċ-ċittadini proprji tagħha qed taħdem tajjeb u għandha titkompla. Madankollu, in-nuqqas kontinwu ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja jibqa’ ta’ tħassib, speċjalment għar-Rumanija u l-Bulgarija.

 

Is-Serbja ħadet azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Uffiċjal ta’ kollegament reġjonali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ġie stazzjonat f’Belgrad minn Settembru 2017.

Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar ir-reġim mingħajr viża mogħti liċ-ċittadini Iranjani mis-Serbja fl-Ewwel Rapport tagħha taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża adottat f’Diċembru 2017. Fid-dawl tan-numru sinifikanti ta’ ċittadini Iranjani li jabbużaw mill-ivvjaġġar mingħajr viża lejn is-Serbja, bl-intenzjoni li jimxu lejn l-UE, din id-deċiżjoni kienet ta’ detriment kbir għal ġestjoni tal-migrazzjoni sikura u sikura. L-istatistika disponibbli turi li mit-2 ta’ Settembru 2017 sas-16 ta’ Ottubru 2018, ġew irreġistrati 46 493 ċittadin Iranjan mad-dħul, 33 568 ġew irreġistrati mal-ħruġ. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv it-tħabbira tas-Serbja li twaqqaf l-istatus mingħajr viża għaċ-ċittadini Iranjani, b’effett mis-17 ta’ Ottubru 2018. L-istatus mingħajr viża mogħti mis-Serbja lil pajjiżi oħra li huma fuq il-lista meħtieġa tal-viża tal-UE jibqa’ sors ta’ tħassib minħabba riskji migratorji u ta’ sigurtà possibbli u jeħtieġ li jiġi mmonitorjat mill-qrib. Dan ir-riskju ġie osservat dan l-aħħar fir-rigward ta’ ċittadini mill-Indja, b’indikazzjonijiet ta’ abbuż tar-reġim mingħajr viża tas-Serbja b’xejra simili bħal dik osservata maċ-ċittadini Iranjani. Barra minn hekk, il-proċedura tal-ħruġ ta’ viżi għandha tkun allinjata wkoll mal-istandards tal-politika tal-viża tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli tal-applikanti għal viża, minħabba r-riskji migratorji u tas-sigurtà.

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, iċ-ċittadini Serbi jkomplu jiġu rrappurtati bħala waħda min-nazzjonalitajiet irrappurtati l-aktar ta’ spiss għal reati ta’ proprjetà organizzata fl-UE, b’mod partikolari fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Italja. Iċ-ċittadini Serbi komplew ukoll ikunu wieħed mill-aktar vittmi frekwenti tat-traffikar tal-bnedmin li joriġina mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata magħmula minn ċittadini Iranjani huma involuti fit-traffikar tal-eroina tul din ir-rotta, kif ukoll ir-rotta tal-Kawkasu tan-Nofsinhar. Għad hemm ħażniet kbar ta’ armi fis-Serbja, li huwa riskju fil-qafas tat-traffikar tal-armi tan-nar.

Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Ġuriżdizzjoni tal-Awtoritajiet tal-Gvern fis-Soppressjoni tal-Kriminalità Organizzata, it-Terroriżmu u l-Korruzzjoni daħlet fis-seħħ f’Marzu 2018. Sabiex issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha, f’Ġunju 2018, is-Serbja waqqfet Korp ta’ Koordinazzjoni ġdid għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu. L-arranġament ta’ ħidma bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija ġie ratifikat f’Marzu 2018 u daħal fis-seħħ f’April 2018. Għaddejja ħidma preparatorja biex jiġi skjerat uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol lis-Serbja.

 

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Huwa mistenni aktar titjib fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-ħtieġa li titnaqqas il-migrazzjoni irregolari. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Allinjament ulterjuri mal-politika tal-UE dwar il-viża, li hija kundizzjoni sottostanti għall-issodisfar kontinwu tal-parametru referenzjarju tal-ġestjoni tal-migrazzjoni;

·Aktar tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tiġi intensifikata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Serbja għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Ratifika tal-Ftehim ta’ Kollegament tal-Europol mill-aktar fis possibbli, sabiex tippermetti l-iskjerament f’waqtu tal-uffiċjal ta’ kollegament;

·Ikomplu jiżdiedu l-investigazzjonijiet immexxija mill-intelligence bil-għan li jiġi żviluppat rekord sostenibbli ta’ kundanni finali u l-iżmantellar tal-kriminalità organizzata.

II.2    Is-Sħubija tal-Lvant

Il-Moldova

   

L-immigrazzjoni irregolari, inkluża r-riammissjoni

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul żdied b’56 % (minn 4 660 għal 7 270). In-numru ta’ soġġorni illegali żdied bi ftit minn 7 660 fl-2016 għal 8 785 fl-2017 (żieda ta’ 15 %). Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018 jindikaw żieda fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u żieda konsiderevoli ta’ soġġorni illegali. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil, wara tnaqqis importanti ta’ aktar minn 50 % bejn l-2016 u l-2017 (minn 3 675 għal 1 610), fl-ewwel nofs tal-2018 ġew irreġistrati total ta’ 1 665 applikazzjoni, li huwa 128 % ogħla mill-istess perjodu fl-2017 (730 applikazzjoni). Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil hija baxxa (1.48 % fl-2016 u 1.35 % fl-2017). Ir-rata ta’ ritorn (madwar 83 % fl-2017) żdiedet b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-2016 (madwar 48 %) b’3 835 ċittadin tal-Moldova li effettivament marru lura fl-2017. Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorn mal-Moldova qed taħdem tajjeb u għandha titkompla.

Il-Moldova qed timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni 2016–2020 fil-qafas tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 2011–2020. Il-Moldova żiedet l-isforzi biex jiġu żviluppati kampanji ta’ informazzjoni mmirati biex jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi rigward l-ivvjaġġar mingħajr viża. Il-kategoriji vulnerabbli kienu speċifikament immirati b’kampanji ta’ informazzjoni inkluż dwar ir-riskju ta’ permanenza żejda fiż-żona Schengen+ u l-penali marbuta magħha. F’Novembru 2018 il-Moldova nediet skema ta’ ċittadinanza tal-investituri, li teħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib, peress li tista’ toħloq riskji migratorji u ta’ sigurtà. Għalhekk, għandhom jiġu applikati d-diliġenza dovuta u l-kontrolli tas-sigurtà.

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata tal-Moldova għadhom jirrappreżentaw theddida importanti għas-sigurtà, b’mod partikolari fl-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja u l-Polonja. L-oqsma ta’ attività ewlenin tagħhom ikopru l-kriminalità tal-proprjetà, il-kummerċ illeċitu tat-tabakk, it-traffikar tad-droga (eroina), il-frodi fis-sisa, il-frodi fil-ħlasijiet bil-kard u l-ħasil tal-flus. B’mod partikolari, il-gruppi tal-kriminalità organizzata li jitkellmu bir-Russu jisfruttaw il-Moldova bħala pajjiż ta’ tranżitu biex jaħslu l-flus u jittrasferuhom fl-UE. Il-fatturi ta’ riskju ewlenin relatati mat-terroriżmu huma l-użu ta’ territorju tal-Moldova bħala żona ta’ tranżitu f’żoni ta’ kunflitt fil-Lvant Nofsani, f’attivitajiet ta’ radikalizzazzjoni u merċenarji fil-Lvant tal-Ukrajna. Hemm għadd dejjem jikber ta’ servizzi taċ-ċiberkriminalità mill-Moldova u attakki kontra magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus (ATMs), bħal attakki bil-kaxxa sewda.

Il-Moldova ħadet xi azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, inkluża l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida kontra l-ħasil tal-flus, it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet operattivi kontra l-korruzzjoni, it-twessigħ tal-ambitu tal-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi Kriminali u l-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni relatati ma’ vjaġġar mingħajr viża. Madankollu, għad fadal nuqqasijiet sinifikanti fl-iżgurar tat-twettiq tal-parametru referenzjarju ta’ kontra l-korruzzjoni. L-adozzjoni tal-pakkett ta’ liġijiet dwar ir-riforma fiskali f’Lulju 2018 qajmet tħassib dwar ir-rieda politika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-inizjattivi legali fil-pakkett jinkludu amnestija kapitali u fiskali, li qabel kienet ġiet irtirata mill-aġenda leġiżlattiva wara kritika mill-UE, fost oħrajn. Tinkludi wkoll l-hekk imsejjaħ “pakkett tan-negozju”, li jintroduċi mill-ġdid id-“dekriminalizzazzjoni” ta’ diversi reati ekonomiċi.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Fl-ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, il-Kummissjoni nnutat li l-issodisfar tal-parametri referenzjarji kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus jistgħu jiġu pperikolati sakemm ma jittiħdux azzjonijiet immedjati sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni kontinwa u sostenibbli. Madankollu, uħud mill-azzonijiet rakkomandati ma ġewx implimentati. Hemm bżonn ta’ azzjonijiet immedjati biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, inkluż fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn ċittadini tal-Moldova. Il-Moldova teħtieġ ukoll li tieħu azzjonijiet immedjati bħala kwistjoni ta’ urġenza biex tiżgura li jkun hemm konformità mal-paramentru referenzjarju ta’ kontra l-korruzzjoni. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva biex jinkiseb tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil imressqa minn ċittadini tal-Moldova fiż-żona Schengen+;

·Jiġu allinjati l-liġijiet dwar ir-riformi fiskali mal-istandards tal-UE;

·Tissaħħaħ l-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità billi jinħatar l-għadd meħtieġ ta’ spetturi tal-integrità. Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi fir-rigward tal-atturi kollha ta’ livell għoli;

·Jiżdiedu l-isforzi sabiex jinbena rekord tajjeb fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livell għoli, tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi u tiġi żgurata prosekuzzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-frodi bankarja, l-irkupru tal-fondi miżapproprjati u li dawk kollha responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien.

Il-Ġeorġia

 

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul żdied b’madwar 200 % (minn 810 għal 2 655), filwaqt li kien hemm żieda żgħira ta’ soġġorn illegali bejn l-2016 (5 240) u l-2017 (5 860). Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018 jindikaw żieda konsiderevoli fin-numru ta’ rifjuti ta’ dħul u żieda ta’ soġġorni illegali. Fl-ewwel nofs tal-2018, in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil irdoppja meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017, b'9 680 applikazzjoni għall-ażil sottomessi fl-ewwel nofs tal-2018 meta mqabbla ma’ 4 770 fl-istess perjodu tal-2017. Il-Ġermanja u Franza huma l-pajjiżi ewlenin affettwati minn din iż-żieda. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil kienet 14.09 % fl-2016 u 5.48 % fl-2017, u dan juri tnaqqis konsiderevoli. Il-kooperazzjoni tal-Georgia dwar ir-riammissjoni u r-ritorn qed tiffunzjona tajjeb u għandha titkompla. Ir-rata ta’ ritorn (madwar 63 % fl-2017) żdiedet meta mqabbla mal-2016 (madwar 56 %) b’4 560 ċittadin Georgjan effettivament ġew irritornati fl-2017.

Il-Georgia ħadet azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża u kompliet tindirizza l-isfida ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u biex iżżid il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri l-aktar affettwati mill-migrazzjoni irregolari.

Il-Georgia introduċiet bidliet leġiżlattivi importanti biex tindirizza ż-żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil u biex tipprevjeni l-migrazzjoni irregolari, inkluża emenda tal-Liġi dwar l-Atti Ċivili (li rrestrinġiet it-termini u l-kundizzjonijiet għat-tibdil tal-aħħar isem) f’April 2018. Il-Georgia għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni 2016–2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha . It-tielet mewġa ta’ kampanja ta’ informazzjoni intensiva ffinanzjata mill-UE dwar id-drittijiet u l-obbligi skont ir-reġim mingħajr viża, b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-abbuż tal-proċeduri tal-ażil tal-UE, tnediet f’Ottubru 2018. L-awtoritajiet tal-Georgia ppubblikaw ktieb ta’ gwida bilingwi dwar il-migrazzjoni legali u żviluppaw Applikazzjoni Mobbli ta’ Schengen/UE li tippermetti liċ-ċittadini tal-Georgia jikkalkulaw il-perjodu li jqattgħu fiż-żona Schengen+ u l-jiem li jifdal biex tiġi evitata l-permanenza żejda.

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Gruppi ta’ kriminalità organizzata mill-Ġeorġja għadhom irrappurtati bħala waħda mill-aktar nazzjonalitajiet li mhumiex tal-UE li huma involuti fil-kriminalità serja u organizzata fl-UE, b’mod partikolari fi Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Iżvezja. Id-delitt kontra l-proprjetà għadu l-att kriminali ewlieni li fih il-gruppi ta’ kriminalità organizzata Ġeorġjani huma involuti, filwaqt li jkomplu jkunu attivi fil-ħasil ta’ flus minn rikavat kriminali. It-traffikar tad-drogi għadu kwistjoni li għandha tiġi mmonitorjata. Fis-snin reċenti l-awtoritajiet Ġeorġjani kienu ta’ suċċess fiż-żarmar ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata bbażati fil-Ġeorġja.

Il-Ġeorġja ħadet azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża u żiedet il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali biex tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità organizzata. Jeħtieġ li l-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida 2017–2020 għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Pjan ta’ Azzjoni 2017–2018 jiġu implimentati fil-ħin u b’mod effettiv. Wara r-rakkomandazzjonijiet tas-sena li għaddiet, qed isir progress fir-riformi tal-pulizija fuq l-intelligence u l-attivitajiet tal-pulizija tal-komunità, kif ukoll it-twaqqif ta’ sistema unifikata ta’ analiżi tal-kriminalità. Attachés tal-pulizija huma stazzjonati fl-Istati Membri ewlenin u qed jiġu konklużi ftehimiet ġodda tal-infurzar tal-liġi. Aktar kooperazzjoni tal-pulizija mal-Istati Membri l-aktar milquta hija meħtieġa biex ikompli jitnaqqas l-impatt ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata tal-Georgia fuq l-UE. F’Marzu 2018, il-Memorandum ta’ Ftehim dwar Linja ta’ Komunikazzjoni u Ftehim ta’ Kollegament kienu ffirmati mal-Europol u uffiċjal ta’ kollegament ġie skjerat fl-Europol f’Settembru 2018. In-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Eurojust ġew iffinalizzati.

Kollox ma’ kollox, il-Ġeorġja għandha rekord tajjeb fl-implimentazzjoni tar-riformi kontra l-korruzzjoni, għalkemm il-korruzzjoni f’livell għoli u l-involviment ulterjuri tas-soċjetà ċivili għadhom oqsma fejn jista’ jsir titjib. Il-mekkaniżmu għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, introdott f’Jannar 2017, ġie implimentat b’mod effettiv u se jkompli jiġi appoġġat mill-UE. Filwaqt li f’Lulju 2018 il-Ġeorġja għażlet l-Unità tal-Integrazzjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni bħala l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi nazzjonali tagħha, għandu jitwaqqaf uffiċċju indipendenti għall-irkupru tal-assi.

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Filwaqt li ġew stabbiliti miżuri konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, hija meħtieġa aktar azzjoni immedjata biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, inklużi ż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali mal-pajjiżi kkonċernati biex jinkiseb tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn ċittadini Ġeorġjani fiż-żona Schengen+;

·Jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi transfruntiera għall-ġlieda kontra gruppi ta’ kriminalità organizzata mill-Ġeorġja;

·Tiġi finalizzata r-riforma dwar attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence u l-ħolqien ta’ sistema ta’ analiżi tal-kriminalità bħala kwistjoni ta’ prijorità;

·Jitkompla t-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni, inkluż permezz tat-twaqqif ta’ Uffiċċju indipendenti għall-Irkupru tal-Assi.

L-Ukrajna

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil

Fir-rigward tal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, bejn l-2016 u l-2017, iċ-ċaħdiet tad-dħul żdiedu b'47 % (minn 22 495 rifjut għal 33 105 rifjut). In-numru ta’ Ukreni li nstabu preżenti illegalment żdied bi ftit (13 % aktar) fl-2017 (33 485) meta mqabbel mal-2016 (29 570). Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ix-xejriet bejn l-ewwel nofs tal-2017 u l-ewwel nofs tal-2018 jindikaw żieda konsiderevoli fin-numru ta’ ċaħdiet ta’ dħul u l-ebda żieda ta’ soġġorni illegali. Fl-ewwel nofs tal-2018, in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil naqas b'9 %, b'4 710 applikazzjoni ppreżentati mill-Ukreni, meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2017, meta kien hemm 5 280 applikazzjoni. L-għadd totali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fl-2017 kollha kien ta’ 10 075, tnaqqis ta’ 19 % meta mqabbel mal-2016, meta kien hemm 12 460 applikazzjoni għall-ażil. Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil kienet 20.41 % fl-2016 u 16.24 % fl-2017. Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorn qed tiffunzjona tajjeb u għandha titkompla. Ir-rata ta’ ritorn għadha stabbli (madwar 79 % fl-2017) b'25 330 ċittadin Ukren li effettivament irritornaw fl-2017.

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri tibqa’ sfida u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji għadha insuffiċjenti. Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija attwali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tlestiet u t-tfassil ta’ strateġija ġdida 2020–2025 u pjan ta’ azzjoni huwa previst sar-rebbiegħa tal-2019. L-Ukrajna implimentat kampanja ta’ informazzjoni madwar l-Istat biex tispjega d-drittijiet u l-obbligi tar-reġim mingħajr viża.

L-ordni pubblika u s-sigurtà

Rigward il-kriminalità organizzata, l-Ukrajna jibqa’ pajjiż ta’ tranżitu għal diversi prodotti illeċiti traffikati fl-UE. Il-gruppi ta’ kriminalità organizzata Ukreni għadhom involuti fi frodi tas-sisa, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk illegali lejn l-UE. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lil gruppi attivi tat-traffikar illegali operati minn ċittadini Ukreni mit-Turkija u mill-Greċja permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent. Iċ-ċiberkriminali b’ċittadinanza Ukrena, b’mod partikolari dawk li jitkellmu bir-Russu, huma dejjem aktar involuti f’operazzjonijiet sofistikati ħafna fi ħdan il-kriminalità diġitali.

L-Ukrajna ħadet xi azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Ġiet stabbilita Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni, iżda għadha mhix kompletament operattiva. Il-proċess tal-għażla għal imħallfin kontra l-korruzzjoni tnieda u huwa previst li jiġi ffinalizzat kmieni fl-2019. Intgħażel grupp ta’ esperti internazzjonali (Kunsill Pubbliku ta’ Esperti Internazzjonali) għall-għażla ta’ mħallfin kontra l-korruzzjoni, iżda m’għandux aċċess suffiċjenti għall-informazzjoni. Is-sistema ta’ verifika awtomatika għal dikjarazzjonijiet elettroniċi tal-assi mill-uffiċjali pubbliċi ġiet stabbilita u s-softwer ta’ verifika issa qed jopera bis-sistema konnessa mal-parti l-kbira tar-reġistri tal-istat. Minkejja dan il-progress, huma meħtieġa aktar miżuri biex tiġi stabbilita sistema ta’ verifika li taħdem b’mod sħiħ u biex jiġu pproċessati b’mod effettiv ix-xogħol b’lura fid-dikjarazzjonijiet tal-assi. L-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġew intensifikati bit-twaqqif riċenti ta’ dipartiment ġdid għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna.

Għad hemm azzjonijiet identifikati fl-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża li għadhom pendenti. Sa issa l-Ukrajna naqset milli tirrevoka l-emendi leġiżlattivi minn Marzu 2017 li jestendu l-ambitu tal-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-assi għall-attivisti kontra l-korruzzjoni. L-attakki kontinwi matul l-aħħar snin kontra s-soċjetà ċivili li jesponu l-korruzzjoni qed iqajmu tħassib. L-investigazzjonijiet dwar dawn l-attakki qed jagħmlu progress bil-mod. L-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Prosekuzzjoni Speċjalizzata Kontra l-Korruzzjoni għadhom operattivi iżda t-tħassib dwar l-effettività u l-indipendenza tagħhom ma ġewx indirizzati. L-awditu pendenti tal-Bureau Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni jqajjem tħassib minħabba l-ħatra politikament motivata tal-awdituri, li thedded li ddgħajjef it-tmexxija tal-Bureau. Għadu ma ngħatax aċċess indipendenti għat-tappjar tat-telefoniku. Il-kapaċità tagħha li twettaq investigazzjonijiet effettivi f’każijiet kumplessi ta’ korruzzjoni hija mxekkla min-nuqqas tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni li tagħti aċċess dirett u awtomatiku għall-bażi ta’ data tagħha ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi, kif ukoll permezz ta’ limiti ta’ żmien imqassra għal investigazzjonijiet kriminali (introdotti fl-2017 u msaħħa f’Settembru 2018). 

B’mod ġenerali, il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża qed ikomplu jiġu ssodisfati. Fl-ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, il-Kummissjoni nnutat li fid-dawl tal-iżviluppi riċenti kellhom jittieħdu azzjonijiet immedjati sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u s-sostenibbiltà tar-riformi tal-passat b’mod partikolari fir-rigward tal-parametru referenzjarju ta’ kontra l-korruzzjoni. Madankollu xi rakkomandazzjonijiet tal-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża ma ġewx implimentati u għalhekk huma meħtieġa azzjonijiet immedjati biex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tal-parametru referenzjarju ta’ kontra l-korruzzjoni. Hemm bżonn ukoll ta’ azzjonijiet immedjati biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali mal-pajjiżi kkonċernati biex titnaqqas malajr il-migrazzjoni irregolari miċ-ċittadini Ukreni għaż-żona Schengen+;

·Tkompli l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża;

·Jiġu rrevokati b’mod urġenti l-emendi li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi għas-soċjetà ċivili u jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili tista’ taqdi r-rwol tagħha mingħajr indħil żejjed;

·Tiġi żgurata l-indipendenza, l-effettività u s-sostenibbiltà tal-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, inkluż billi tiżgura li l-Qorti Għolja ta’ Kontra l-Korruzzjoni ssir kompletament operattiva u li l-Kunsill Pubbliku tal-Esperti Internazzjonali jkun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu b’mod adegwat fil-proċess tal-għażla;

·Jiġu stabbiliti mill-ġdid l-indipendenza u l-kredibilità tal-Prosekuzzjoni Speċjalizzata Kontra l-Korruzzjoni;

·Tiġi stabbilita sistema li tiffunzjona bis-sħiħ għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, b’mod partikolari billi tiżgura aċċess awtomatizzat għar-reġistri u l-bażijiet ta’ data kollha li jifdal, sabiex tipproduċi rekord konvinċenti ta’ dikjarazzjonijiet ivverifikati b’mod effettiv;

·Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Pulizija Nazzjonali u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex tkompli tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata, b’mod partikolari ċ-ċiberkriminalità.

III.    Konklużjonijiet

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806, li jirrikjedi li l-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar it-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża minn pajjiżi terzi, bħal fl-Ewwel Rapport, il-Kummissjoni tqis li fuq il-bażi tal-analiżi ppreżentata f’dan ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal anness, ir-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi kkonċernati jibqgħu jiġu ssodisfati. Dan ir-Rapport jidentifika azzjonijiet ulterjuri — f’xi każijiet azzjonijiet immedjati — li jeħtieġ li jittieħdu minn pajjiżi speċifiċi f’oqsma speċifiċi sabiex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tal-parametri referenzjarji. F’każ li xi wieħed mir-rekwiżiti ma jibqax jiġi ssodisfat, ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi żgurata implimentazzjoni kontinwa tal-parametri referenzjarji l-oħrajn kollha.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant komplew jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati t-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati. Żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, fil-każ tal-Moldova u l-Ġeorġja huma sors ta’ tħassib. Ġiet osservata migrazzjoni irregolari mill-Ukrajna, is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina. L-Albanija ħadet miżuri effettivi iżda għad hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi biex jiġi żgurat it-titjib u s-sostenibbiltà tar-riżultati. Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorn tkompli mingħajr xkiel għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant b’rati ta’ ritorn ġenerali għoljin u għandha titkompla. Jibqa’, madankollu, lok għal titjib, b’mod partikolari fir-rigward tar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-każ tas-Serbja. 

Il-konklużjoni rapida tal-ftehimiet dwar l-istatus tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tikkontribwixxi wkoll għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, għalkemm ir-responsabbiltà primarja għall-ġestjoni tal-fruntieri tibqa’ kompetenza tas-sħab tal-Balkani tal-Punent. L-Albanija kienet l-ewwel waħda li ffirmat tali ftehim ta’ status; ġew inizjalati l-ftehimiet mas-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-proċeduri għad iridu jiġu ffinalizzati sabiex ikunu jistgħu jinbdew malajr il-ftehimiet mal-Montenegro u l-Bożnija-Ħerzegovina.

Sabiex jiġu żgurati migrazzjoni ġestita tajjeb u ambjent ta’ sigurtà bħala kundizzjoni sottostanti għas-sodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni tħeġġeġ li jiġi żgurat allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-Serbja.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant komplew jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata. Madankollu, jeħtieġ li l-isforzi jissaħħu aktar. Gruppi ta’ kriminalità organizzata minn dawn il-pajjiżi jkomplu jkunu attivi fit-traffikar ta’ armi tan-nar illeċiti u diversi komoditajiet illeċiti (b’mod partikolari d-drogi u t-tabakk), il-kriminalità tal-proprjetà, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu ta’ migranti u ċ-ċiberkriminalità.

L-Ewwel Rapport identifika l-ħtieġa li l-Moldova tieħu azzjonijiet immedjati biex tiżgura l-implimentazzjoni kontinwa tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-parametri referenzjarji tal-ħasil tal-flus, kif ukoll is-sostenibbiltà tar-riformi. Filwaqt li ttieħdu xi azzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus, jeħtieġ li l-Moldova tieħu azzjonijiet immedjati biex tiżgura li jkun hemm konformità mal-parametru referenzjarju tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala kwistjoni ta’ urġenza. L-ewwel Rapport identifika wkoll azzjoni immedjata li kellha tittieħed mill-Ukrajna biex tissalvagwardja miżuri kontra l-korruzzjoni introdotti b’riformi preċedenti u biex tippermetti li jsir aktar progress. Filwaqt li ttieħdu xi azzjonijiet, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa u s-sostenibbiltà tar-riformi tal-passat, u jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet pendenti.

L-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża huwa proċess kontinwu. Aktar monitoraġġ se jkompli, inkluż permezz ta’ laqgħat għall-uffiċjali għolja kif ukoll permezz tal-Laqgħat u d-Djalogi regolari tas-Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi mingħajr viża — u għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fejn rilevanti, in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE.

(1)

   Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(2)

   COM(2017) 815 final.

(3)

     Bħas-sena l-oħra, l-oqsma speċifiċi huma identifikati skont il-pjanijiet rispettivi tal-azzjonijiet għal-liberalizzazzjoni tal-viża għal kull pajjiż. F’dan ir-rapport l-enfasi qiegħda fuq l-oqsma speċifiċi li ġejjin: L-Albanija (il-migrazzjoni irregolari, l-infurzar tal-liġi, il-ħasil tal-flus), l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata), il-Bożnija-Ħerzegovina (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus), il-Montenegro (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata), is-Serbja (il-migrazzjoni irregolari, il-politika dwar il-viżi, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus), il-Moldova (il-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni), il-Ġeorġia (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni) u l-Ukrajna (il-migrazzjoni irregolari, il-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni). Il-Kummissjoni tkompli wkoll issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji relatati mas-sigurtà tad-dokumenti, kif ukoll kontra d-diskriminazzjoni u s-sitwazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Fir-rigward tas-sitwazzjoni usa’ fil-qasam tal-affarijiet interni u l-ġustizzja, rilevanti wkoll għall-implimentazzjoni tal-impenji għal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja u tirrapporta fil-qafas tal-pakkett tat-Tkabbir tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża u, għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni rispettivi.

(4)

   il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja, kif ukoll l-Iżvizzera, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda.

(5)

     L-istatistika tal-Eurostat tiġi aġġornata kontinwament, bl-awtoritajiet tal-pajjiżi fiż-żona Schengen+ li jipprovdu data aktar preċiża matul iż-żmien kollu. Fid-dawl ta’ dan, l-istatistika għas-snin preċedenti (inkluż il-perjodu kopert mill-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża) ġiet aġġornata b’mod retroattiv bl-aktar informazzjoni reċenti disponibbli fil-mument tal-kitba.

(6)

       Abbażi ta’ data disponibbli tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta sa nofs l-2018. L-istatistika tal-Eurostat hija disponibbli biss kull sena (minbarra d-data dwar l-ażil).

(7)

   Dan ifisser li għal 93.78 % tal-applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati kien hemm deċiżjonijiet negattivi maħruġa mill-awtoritajiet tal-ażil rilevanti. Dan jikkorrispondi għal 24 603 applikazzjoni għall-ażil minn 26 235 applikazzjoni għall-ażil imressqa minn ċittadini Albaniżi fiż-żona Schengen+ fl-2017.

(8)

   L-ammont ta’ persuni ripatrijati f’sena partikolari jitqabbel mal-ammont ta’ ordnijiet ta’ ritorn fl-istess sena. Rata ta’ ritorn ogħla minn 100 % tindika li l-pajjiż qed jindirizza b’mod effettiv ix-xogħol b’lura mis-snin ta’ qabel.

(9)

     https://rm.coe.int/moneyval-56th-plenary-report-august-2018-eng-fin/16808d593a.