Brussell, 4.12.2018

COM(2018) 789 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema


1.INTRODUZZJONI

1.1. Id-Direttiva

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-pilastri tas-suq intern. Dan huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Dan id-dritt ġie żviluppat iktar permezz ta’ liġi sekondarja, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Kompla jiġi żviluppat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja sett ta’ regoli relattivament stabbli u komplet, kif ikkonfermat minn numru ta’ rapporti 1 , iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jkomplu jiffaċċjaw problemi prattiċi fl-eżerċizzju tad-drttijiet tagħhom bħala ħaddiema tal-UE. Biex jippruvaw jeliminaw id-distakk bejn il-liġi u l-applikazzjoni tagħha fil-prattika, fis-16 ta’ April 2014 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2014/54/UE dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema 2 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”).

Id-Direttiva ma toħloqx drittijiet sostantivi ġodda għall-ħaddiema u/jew il-membri tal-familja tagħhom minbarra dawk ipprovduti skont l-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament 492/2011. Tfittex biss li tikseb l-applikazzjoni u l-infurzar iktar effettivi u uniformi tad-drittijiet eżistenti.

1.2. Ir-rapport

B’mod konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva, dan ir-rapport jiddiskuti l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Sa fejn tippermetti l-informazzjoni disponibbli, ir-rapport jirrifletti wkoll dwar l-effettività tad-Direttiva fil-prattika. Barra minn hekk, jesplora jekk kwalunkwe emenda għad-Direttiva hijiex meħtieġa sabiex jiġi garantit l-infurzar aħjar tal-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

Ir-rapport huwa bbażat prinċipalment fuq l-informazzjoni dwar il-miżuri biex tiġi trasposta d-Direttiva li l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva. Ir-referenzi għal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva jistgħu jinstabu fuq il-paġna web tal-Eur-Lex 3 . Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema 4 billi bagħtitilhom kwestjonarju dettaljat 5 (minn hawn ’il quddiem “il-kwestjonarju”) u, wara dan, l-abbozz ta’ rapport. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni talbet ukoll kjarifiki dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni mill-membri tal-Kumitat Tekniku dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema 6 . Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-informazzjoni rċevuta varjat b’mod konsiderevoli f’termini ta’ kontenut u dettall. Il-Kummissjoni użat ukoll informazzjoni miġbura min-netwerk ta’ esperti legali tagħha dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali 7 .

2.PROĊESS TAT-TRASPOŻIZZJONI

B’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sal-21 ta’ Mejju 2016.

Biex tgħin lill-Istati Membri bit-traspożizzjoni, f’Novembru 2015 il-Kummissjoni ppreżentat dokument informali fejn spjegat id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva f’iktar dettall. L-implimentazzjoni tad-Direttiva ġiet diskussa f’diversi laqgħat tal-kumitati msemmija hawn fuq bejn l-2015 u l-2018.

Madankollu, sal-iskadenza tat-traspożizzjoni, seba’ Stati Membri biss 8 kienu nnotifikaw miżuri li ttrasponew kompletament id-Direttiva.

F’Settembru 2016 il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra 12-il Stat Membru 9 li minkejja kollox kienu naqsu milli jinnotifikaw it-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva. F’Novembru 2017 l-aħħar żewġ pajjiżi 10 nnotifikaw it-traspożizzjoni kompleta. Għalhekk, ingħalqu l-proċeduri tal-ksur.

Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza l-analiżi tagħha tal-konformità ta’ miżuri nazzjonali biex ikun żgurat li d-Direttiva tiġi implimentata b’mod korrett. Bħala parti mill-kontroll kontinwu tal-konformità, il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet identifikati f’dan ir-rapport.

3.IMPLIMPENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Id-Direttiva ġiet trasposta f’diversi modi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għamlu emendi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-volum tal-emendi varja sostanzjalment — minn att speċifiku wieħed (Malta, Ċipru, il-Greċja, il-Portugall) għal emendi ta’ għadd kbir ta’ atti legali (il-Litwanja, ir-Rumanija). Id-Danimarka, Franza, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit ikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom diġà tikkonforma mad-Direttiva u li mhuma meħtieġa l-ebda miżuri leġiżlattivi oħra. Fl-Awstrija u l-Belġju, id-Direttiva hija trasposta permezz ta’ atti fil-livell federali kif ukoll dak reġjonali. L-ebda Stat Membru ma semma l-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjoni tad-Direttiva permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri pprevedew miżuri mhux leġiżlattivi biex jiġu implimentati dispożizzjonijiet relatati, b’mod partikolari, mal-funzjonament tal-korpi (ara l-punt 3.3) u/jew mat-titjib tal-aċċess għal informazzjoni (ta’ kwalità) (ara l-punt 3.5).

3.1. Kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali (l-Artikoli 1 u 2)

Anke qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-moviment liberu kienet tapplika għall-kategoriji kollha ta’ persuni u kienet tkopri l-kwistjonijiet kollha koperti mill-Artikolu 45 tat-TFUE fuq bażi nondiskriminatorja. Minħabba li l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva jżommu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tat-TFUE u tar-Regolament 492/2011, li t-tnejn li huma japplikaw direttament, dawn ma jiġġenerawx obbligi ġodda għall-Istati Membri f’termini tat-traspożizzjoni. Madankollu, iż-żewġ Artikoli inkoraġġew lil xi Stati Membri 11 biex jivverifikaw li r-regoli nazzjonali eżistenti tagħhom fil-fatt ikkonformaw mal-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

3.2. Salvagwardja ta’ drittijiet (l-Artikolu 3)

L-Istati Membri kollha jiżguraw aċċess għal proċeduri ġudizzjarji li jippermettu lill-ħaddiema tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom ikkonferiti mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mir-Regolament 492/2011 meta jikkunsidraw li dawn ikunu ġew miksura. B’mod ġenerali, dan huwa żgurat, fil-parti l-kbira tiegħu, permezz ta’ regoli proċedurali dwar in-nondiskriminazzjoni li eżistew anke qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva. F’ċerti pajjiżi 12 hemm leġiżlazzjoni speċifika dwar l-aċċess għall-qrati minn ħaddiema barranin. Kif meħtieġ skont id-Direttiva, ma hemm l-ebda limitazzjoni fuq is-salvagwardja tad-drittijiet miksura anke wara li tkun intemmet ir-relazzjoni li fiha jkunu seħħew l-allegati restrizzjoni u ostakolu jew diskriminazzjoni.

Assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet (inklużi s-sħab soċjali) jew entitajiet oħra li għandhom interess leġittimu skont il-liġi nazzjonali li jiżguraw li d-Direttiva tiġi mħarsa għandhom dritt li jinvolvu ruħhom fi proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi f’appoġġ tal-ħaddiema tal-Unjoni jew f’isimhom. Dan huwa l-każ fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Italja fejn it-trejdunjins jidhru kapaċi li jinvolvu ruħhom fi proċeduri f’każ ta’ diskriminazzjonijiet kollettivi biss.

Fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni, fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-miżuri biex il-ħaddiema tal-Unjoni jkunu mħarsa minn trattament ħażin jew konsegwenzi ħżiena huma stipulati fil-liġijiet nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni jew dwar l-impjiegi. Malta u Ċipru biss adottaw dispożizzjonijiet speċjali dwar il-vittimizzjoni wara li ttrasponew id-Direttiva. Jidher li fil-Litwanja u l-Portugall il-protezzjoni hija limitata għal relazzjonijiet tax-xogħol biss, u għalhekk ma tħarisx, pereżempju, lil persuni li qed ifittxu impjieg li jistgħu potenzjalment jiġu vvittimizzati minn awtoritajiet pubbliċi.

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 hija limitata ħafna. Bħala tweġiba għall-kwestjonarju, it-tweġiba mit-trejdunjins Litwani biss semmiet erba’ kawżi li riċentement tressqu quddiem qrati nazzjonali dwar kwistjonijiet koperti mid-Direttiva. L-Estonja semmiet żewġ ilmenti li ġew indirizzati minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji fl-2017. Dawn kienu jirrigwardjaw ċerti prattiki ta’ istituzzjonijiet pubbliċi rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Il-Ġermanja u l-Litwanja indikaw li kien hemm każijiet fejn organizzazzjonijiet involvew ruħhom fi proċeduri ġudizzjarji/amministrattivi biex jappoġġjaw lil ħaddiema.

In-nuqqas ta’ informazzjoni huwa spjegat mill-fatt li d-Direttiva ddaħħlet fis-seħħ biss riċentement, li korpi tal-moviment liberu (Artikolu 4) għadhom ma ġabrux din l-informazzjoni jew li dawn il-każijiet mhumiex raggruppati abbażi tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema tal-Unjoni skont in-nazzjonalità.

3.3. Korp (jew korpi) biex jippromwovu t-trattament indaqs (l-Artikolu 4)

Din id-Direttiva hija innovattiva fil-mod kif tobbliga lill-Istati Membri jaħtru struttura/korp għall-promozzjoni tat-trattament indaqs tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet ta’ nazzjonalità, kif ukoll għall-indirizzar ta’ restrizzjonijiet u ostakoli mhux iġġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu tagħhom.

Deżinjazzjoni ta’ korp u twettiq tal-kompiti

Minn Novembru 2017, il-korpi tal-moviment liberu ġew iddeżinjati fl-Istati Membri kollha, għalkemm fi Franza, l-Italja u r-Renju Unit din il-ħatra ma ġietx ippubbliċizzata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1). Dawn l-Istati Membri ma adottaw l-ebda att legali li jimplimenta d-Direttiva. Lanqas ma hemm referenza fuq is-siti web tal-korpi li dawn huma l-korpi għall-finijiet tad-Direttiva jew li jwettqu l-kompiti msemmija fid-Direttiva. Il-lista ta’ korpi ssir disponibbli online mill-Kummissjoni Ewropea 13 .

Fil-maġġornaza vasta tal-Istati Membri, ir-rwol tal-korp tal-moviment liberu ġie attribwit lill-istrutturi eżistenti, fejn l-uniċi eċċezzjonijiet huma l-Ġermanja u s-Slovenja fejn ġiet stabbilita struttura ġdida. Rigward it-tip ta’ korp, il-mandat tal-istituzzjonijiet tal-ugwaljanza f’20 Stat Membru ġie estiż biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet ta’ nazzjonalità. L-awtoritajiet tas-suq tax-xogħol (bħas-servizzi tal-impjieg pubbliku jew tal-EURES, u l-ispettorati tax-xogħol) u l-ministeri tax-xogħol huma t-tieni tip ta’ korp l-iktar komuni. B’mod atipiku, fl-Awstrija, il-kmamar tax-xogħol federali u reġjonali huma fost il-korpi, filwaqt li fl-Iżvezja, il-korp huwa l-Bord Nazzjonali tal-Kummerċ, li huwa l-awtorità tas-suq intern tal-pajjiż.

Fir-rigward tal-kompiti tal-korpi, xi Stati Membri jiddikjaraw li l-korp iwettaq il-kompiti kollha elenkati skont id-Direttiva għalkemm ċerti kompiti mhumiex imsemmija b’mod espliċitu fl-istatut tal-korp u ma hemmx eżempji konkreti tal-korp li wettaqhom. Il-kompiti mhux imsemmija jinkludu t-twettiq ta’ stħarriġ u analiżi dwar ostakoli għall-moviment liberu, u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mar-restrizzjonijiet u l-ostakoli mhux iġġustifikati jew mad-diskriminazzjoni. Jidher li fl-Italja, il-Latvja, is-Slovakkja u r-Renju Unit mhux il-kompiti kollha huma inklużi fir-responsabbiltajiet tal-korpi.

Barra minn hekk, minbarra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità, ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jipprojbixxu wkoll restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq il-moviment liberu jew ostakoli għal dan il-moviment. Għad irid jiġi kkjarifikat jekk il-kopri maħtura fl-implimentazzjoni tad-Direttiva jkoprux din il-kwistjoni fil-prattika.

L-aħjar prattika fin-Netherlands: l-użu ta’ applikazzjonijiet tal-midja soċjali

Fin-Netherlands, is-Servizz ta’ Informazzjoni lill-Pubbliku jwieġeb għal mistoqsijiet li jsiru permezz ta’ Twitter, Facebook u WhatsApp.

Kif jissuġġerixxu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, l-attivitajiet ewlenin li l-korpi jwettqu fil-prattika jikkoinċidu mal-kompiti stabbiliti skont id-Direttiva. Il-maġġoranza tal-pajjiżi jiffokaw fuq: (1) il-provvista ta’ assistenza, li tikkonsisti fil-parti l-kbira tagħha minn informazzjoni u pariri legali; (2) is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-moviment liberu u l-attivitajiet tal-korpi permezz ta’ diversi mezzi ta’ informazzjoni; u/jew (3) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Xi pajjiżi 14 jużaw applikazzjonijiet tal-midja soċjali (jew jippjanaw li jagħmlu dan) biex jilħqu persuni fil-bżonn ta’ informazzjoni.

Madankollu, sal-lum, l-informazzjoni dwar kemm-il darba l-korpi jipprovdu assistenza legali u/jew assistenza oħra hija skarsa. Bi tweġiba għall-kwestjonarju, ftit pajjiżi biss 15 ipprovdew xi indikazzjoni dwar kull kemm jipprovdu din l-assistenza.

L-aħjar prattika fid-Danimarka: Stħarriġ dwar l-ostakoli

Fid-Danimarka, il-korp qed iwettaq stħarriġ tal-awtoritajiet rilevanti rigward l-ostakoli/il-każijiet ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

Twettqu (jew huma ppjanati) stħarriġ, analiżi jew rapporti dwar kwistjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema f’seba’ Stati Membri biss 16 . Huwa importanti li l-informazzjoni dwar ostakoli, restrizzjonijiet u diskriminazzjoni tiġi miġbura, ivvalutata u mxerrda pubblikament. Dan mhux biss jista’ jtejjeb is-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-drittijiet u l-proċeduri biex dawn jiġu salvagwardjati iżda jiskoraġġixxi wkoll lil impjegaturi u amministrazzjonijiet oħra milli jinvolvu ruħom f’dawn il-prattiki.

Il-kapaċità li jiġi żgurat li l-kompiti stipulati fil-punti a), c) u d) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 jitwettqu b’mod indipendenti hija element kruċjali tal-protezzjoni tal-ħaddiema mobbli tal-Unjoni.

Kif imsemmi hawn fuq, f’iktar minn nofs l-Istati Membri, il-korpi tal-ugwaljanza huma maħtura bħala korpi tal-moviment liberu. Għad hemm differenzi sinifikanti bejniethom f’termini tal-mandat, il-kompetenzi, l-istrutturi u r-riżorsi tagħhom 17 .

L-indipendenza tal-korpi hija partikolarment rilevanti f’pajjiżi fejn mhumiex strutturi awtonomi li minnhom infushom jiżguraw tal-inqas xi grad ta’ indipendenza. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-indipendenza tal-assistenza legali pprovduta lil persuni koperti mid-Direttiva. Jidher li fil-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit, l-indipendenza tal-korpi tista’ tiġi kkontestata.

It-tweġibiet għall-kwestjonarju jindikaw biss żewġ korpi 18 li sa issa indirizzaw ilmenti dwar il-moviment liberu.

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw assistenza b’xejn fi proċeduri legali, fuq bażi nondiskriminatorja, lil persuni li ma għandhomx biżżejjed riżorsi. Ċittadini barranin residenti fil-Kroazja b’mod temporanju huma eliġibbli għal għajnuna legali b’xejn soġġett għall-priniċpju tar-reċiproċità. Franza ma pprovdietx il-kjarifika mitluba dwar kif timplimenta din id-dispożizzjoni. L-Awstrija, l-Estonja, il-Greċja u trejdunjin fil-Litwanja biss indikaw li kienet fil-fatt ipprovduta assistenza indipendenti fi proċeduri legali.

Funzjonament xieraq tal-korpi

L-aħjar prattika fis-Slovenja: Il-Proġett tal-FSE

Fis-Slovenja, il-proġett tal-Fond Soċjali Ewropew “L-iżvilupp ta’ servizzi biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà transnazzjonali tal-ħaddiema” qed jgħin biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-korpi.

Biex il-korpi jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod xieraq huwa importanti li jkollhom allokati biżżejjed riżorsi. Dan huwa partikolarment importanti fejn id-Direttiva tkun ġiet implimentata bl-assenjament ta’ kompiti addizzjonali lil korpi eżistenti (il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 li jinqara flimkien mal-premessa 18). Din il-kwistjoni tqajment mal-maġġoranza tal-pajjiżi. Ħafna pajjiżi qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet finanzjarji u qed jippruvaw “jagħmlu iktar b’inqas finanzi”. Il-volum ta’ xogħol addizzjonali tal-korpi jvarja b’mod sostanzjali skont in-numru ta’ ħaddiema mobbli deħlin u ħerġin. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, il-kopri kienu qed iwetttqu kompiti simili għal dawk skont id-Direttiva anke qabel id-deżinjazzjoni tagħhom.

Ftit Stati Membri biss 19 semmew b’mod inekwivoku li kienu allokaw riżorsi addizzjonali għat-twettiq tal-kompiti l-ġodda.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-każijiet fejn in-nuqqas ta’ riżorsi addizzjonali jimplika li korp mhuwiex f’pożizzjoni li jwettaq b’mod xieraq il-kompiti previsti skont id-Direttiva.

Fi 11-il Stat Membru ġew iddeżinjati diversi korpi. Huwa għalhekk essenzjali li, kif meħtieġ skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 4, il-kompiti tagħhom jiġu kkoordinati b’mod adegwat.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jew għandhom regoli formali li jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw jew jipprovdu informazzjoni rilevanti lil xulxin, jew inkella jinnominaw lil waħda mill-awtoritajiet bħala “korp ta’ koordinazzjoni”. Madankollu, f’xi Stati Membri 20 jidher li ma ttieħdet l-ebda miżura bħal din.

L-aħjar prattika tal-Ġermanja: Kooperazzjoni reġjonali

Fil-Ġermanja, twettaq proġett speċifiku bil-għan li jittejbu l-proċeduri f’aġenziji tal-impjieg pubbliku meta jittrattaw ma’ ċittadini tal-UE u li jippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali bejn il-migrazzjoni u s-servizzi tal-impjiegi fil-qasam tal-aċċess għas-servizzi tal-impjiegi.

Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tagħhom mhux biss jikkooperaw ma’ korpi fi Stati Membri oħra iżda anke li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ informazzjoni u assistenza eżistenti fil-livell tal-Unjoni. Dawn jinkludu L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, EURES, in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punt Uniku ta’ Kuntatt. Il-maġġoranza tat-tweġibiet għall-kwestjonarju jikkonfermaw li dawn il-kuntatti fil-fatt iseħħu 21 . Madankollu, jidhru li huma limitati u/jew li jseħħu skont il-każ billi jidher li għad ma hemmx proċeduri konkreti jew prattiki żviluppati dwar kif titwettaq il-kooperazzjoni.

Ħafna Stati Membri qed jaħdmu biex itejbu l-mod kif jiffunzjonaw il-korpi, filwaqt li jippruvaw jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-bini tal-kapaċitajiet tagħhom. Dan jinkludi t-tfassil ta’ programmi ta’ ħidma/pjanijiet strateġiċi; l-istabbiliment ta’ sħubiji ma’ partijiet ikkonċernati u korpi nazzjonali f’pajjiżi oħra; it-titjib tal-aċċess għal informazzjoni u servizzi; u l-organizazzjoni ta’ seminars u taħriġ għall-uffiċċjali biex jissaħħaħ l-għarfien espert tagħhom fil-moviment liberu tal-ħaddiema.

3.4. Il-promozzjoni ta’ djalogu mal-imsieħba soċjali u mal-NGOs (l-Artikolu 5)

L-oqfsa leġiżlattivi tal-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Madakollu, f’ħafna pajjiżi dan id-djalogu rarament jirrigwarda b’mod speċifiku l-moviment liberu tal-ħaddiema (ħlief, pereżempju, fil-Bulgarija), mhuwiex regolari jew ma jinvolvix b’mod espliċitu lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi 22 .

3.5. Provvista aħjar ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali lill-ħaddiema tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom (l-Artikolu 6)

L-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-moviment liberu hija disponibbli fil-pajjiżi kollha. Madankollu, minħabba l-istandards ta’ kwalità relattivament għolja stabbiliti mid-Direttiva (il-paragrafu 2), l-iżgurar li din l-informazzjoni hija komprensiva, aġġornata, ċara u disponibbli f’diversi lingwi tibqa’ sfida fil-maġġoranza tal-każijiet. F’xi każijiet, l-informazzjoni hija mifruxa f’ħafna siti web nazzjonali, u dan jagħmilha frammentata u diffiċli li tiġi aċċessata 23 . F’ħafna pajjiżi, il-provvista tal-informazzjoni hija proċess li għadu għaddej, bl-istabbiliment ta’ siti web ġodda jew it-tiġdid ta’ dawk eżistenti, it-tħejjija ta’ fuljetti ta’ informazzjoni jew it-tmexxija ta’ kampanji ta’ informazzjoni.

L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkunu konxji dwar il-korpi u l-appoġġ li jipprovdu. Dan is-sors ta’ informazzjoni jenħtieġ li jikkumplimenta pjattaformi eżistenti, bħall-konsulenti tal-EURES 24 , is-SOLVIT 25 u l-Pariri tal-Ewropa Tiegħek 26 , li jistgħu jassistu lil iktar minn 11,8 miljun ċittadin mobbli tal-Unjoni ta’ età tax-xogħol li jgħixu barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom 27 , 28 . Din l-informazzjoni tista’ tinkoraġġixxi wkoll liċ-ċittadini mobbli biex jirrapportaw każijiet ta’ diskriminazzjoni u jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom.

3.6. Dispożizzjonijiet oħra (il-premessi 15 u 28 tal-Artikolu 7)

L-Artikolu 7, il-paragrafu 2 jiddikjara espressament li l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jestendu l-kompetenza tal-korpi biex jinkludu n-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu tagħhom kif minqux fl-Artikolu 21 tat-TFUE. Kif imsemmi hawn fuq, f’iktar minn nofs il-pajjiżi, il-korpi tal-ugwaljanza li diġà koprew liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni ġew maħtura bħala l-korpi tal-moviment liberu skont id-Direttiva. Xi pajjiżi 29 wessgħu l-kompetenza tal-korpi sabiex ikopru liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva. B’mod ġenerali, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, il-kompetenza tal-korpi tkopri liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni 30 .

Il-premessa 15 tad-Direttiva tistieden lill-Istati Membri jeżaminaw l-implimentazzjoni ta’ prinċipji komuni għal mekkaniżmi inġuntivi u kumpensatorji ta’ rimedju kollettiv, kif previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 31 . Tliet tweġibiet biss għall-kwestjonarju 32 kkonfermaw li jeżistu tali mekkaniżmi ta’ rimedju, għalkemm mhuwiex dejjem ċar jekk dawn ikoprux kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Rapport tal-Kummissjoni  tas-26 ta’ Jannar 2018 33 jipprovdi iktar dettalji dwar il-progress li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju kollettiv.

B’mod konformi mal-premessa 28, il-Kummissjoni eżaminat ukoll id-diffikultajiet possibbli ffaċċjati minn gradwati żgħażagħ li qed ifittxu impjieg fl-Unjoni kollha u minn konjuġi minn pajjiżi terzi ta’ ħaddiema tal-Unjoni.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, ir-rispondenti semmew ir-rikonoxximent tal-kwalifiki bħala d-diffikultà ewlenija ffaċċjata minn gradwati żgħażagħ. Kwistjonijiet oħra li tqajmu mhumiex relatati direttament mar-regoli dwar il-moviment liberu, bħal pagi baxxi għal dawk li ma għandhomx l-esperjenza u l-ħtieġa li wieħed ikollu ħiliet prattiċi sabiex isib impjieg. Fir-rigward tal-konjuġi minn pajjiżi terzi, il-proċessi twal jew ir-rekwiżiti amministrattivi eċċessivi (bħall-obbligu li jiġu “legalizzati” ċ-ċertifikati taż-żwieġ, u r-rekwiżiti tal-lingwa) sabiex jinkisbu viżi, permessi ta’ residenza u/jew numri tas-sigurtà soċjali, jew sabiex jinkiseb aċċess għas-servizzi pubbliċi inġenerali, ġew identifikati bħala diffikultajiet komuni. Diffikultà oħra hija n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa lokali min-naħa tal-konjuġi. Barra minn hekk, il-kumplessità tar-regoli nazzjonali ġiet individwata bħala kwistjoni globali.

Xi wħud minn dawn id-diffikultajiet li l-ħaddiema tal-Unjoni jiffaċċjaw jirriżultaw mill-applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali u/jew mill-entitajiet privati. Din hija eżattament waħda mill-problemi li d-Direttiva għandha l-għan li tindirizza billi ttejjeb il-possibbiltajiet li l-persuni jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom, filwaqt li tagħmel disponibbli l-assistenza mill-korpi u ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni.

4.EMENDI POSSIBBLI U TITJIB IEĦOR

Il-kwestjonarju staqsa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll lis-sħab soċjali, jekk jikkunsidrawx l-emendi għad-Direttiva (jew leġiżlazzjoni oħra dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema) bħala neċessarji. Dawk kollha li wieġbu ddikjaraw li l-ebda emenda leġiżlattiva mhija neċessarja f’dan l-istadju u li minflok l-isforzi jeħtieġ li jiffokaw fuq l-implimentazzjoni xierqa tar-regolamenti kurrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-proposta tagħha li tistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol 34 , ippreżentatata bħala parti mill-Pakkett dwar il-Ġustizzja Soċjali fit-13 ta’ Marzu 2018. L-għan ta’ din il-proposta huwa li tissaħħaħ il-ġustizzja tal-mobbiltà tax-xogħol transfruntiera fl-Ewropa. Fost objettivi oħra, l-Awtorità hija maħsuba biex tiffaċilita l-għażla tal-individwi u l-impjegaturi biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-moviment liberu tagħhom billi tipprovdi informazzjoni u servizzi iktar komprensivi u faċilment aċċessibbli. Se tiffoka wkoll fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet aħjar u iktar effiċjenti biex tiġi akkumpanjata l-mobbiltà tax-xogħol fl-Ewropea permezz ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li f’dan l-istadju hija meħtieġa l-proposta ta’ emendi għad-Direttiva.

5.KONKLUŻJONIJIET

L-analiżi ta’ miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali tiżvela li għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva diġà ġew imħarsa permezz ta’ strumenti nazzjonali li diġà kienu jeżistu meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva. Emendi leġiżlattivi f’ħafna pajjiżi ġew illimitati għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4 dwar id-deżinjazzjoni tal-korp biex jippromwovi t-trattament indaqs.

Id-Direttiva hija diġà operattiva u l-Kummissoni ma identifikatx problemi maġġuri ta’ nuqqas ta’ konformità fost il-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir fil-prattika biex ikun żgurat li jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva. L-iżgurar li l-għodod stabbiliti skont id-Direttiva, bħall-korpi, jiġġeneraw riżultati fuq il-post jibqa’ ta’ sfida għal ħafna Stati Membri.

Minħabba d-dewmien ta’ ħafna pajjiżi fit-traspożizzjoni tad-Direttiva u l-perjodu relattivament qasir li applikat fil-prattika, ma jistgħux jitfasslu konklużjonijiet robusti dwar l-impatt tagħha f’dan l-istadju.

Madankollu, it-tweġibiet għall-kwestjonarju jissuġġerixxu li d-Direttiva kellha impatt pożittiv għall-partijiet ikkonċernati kollha. Dan huwa prinċipalment minħabba li pprovdiet iktar ċertezza u ċarezza legali għall-ħaddiema, l-impjegaturi u l-amministrazzjonijiet billi stabbilixxiet id-drittijiet ta’ moviment liberu, flimkien ma’ regoli għal infurzar aħjar. Għamlet disponibbli wkoll l-appoġġ mill-korpi għal dawk fil-bżonn u enfasizzat li l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema hija kompitu importanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Huwa diffiċli, jekk fil-fatt possibbli, li jiġi vvalutat sa liema punt l-implimentazzjoni tad-Direttiva għenet fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-drittijiet tagħhom rigward il-moviment liberu. Stħarriġ tal-Ewrobarometru 35 juri li numri dejjem jiżdiedu ta’ ċittadini huma iktar konxji dwar id-drittijiet tagħhom fl-UE. Inizjattivi riċenti tal-Unjoni 36 f’dan il-qasam, kif ukoll il-proposta biex tiġi stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol, għandhom ikomplu jgħinu biex tiġi massimizzata s-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet ewlenin ta’ moviment liberu.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva. B’hekk, se tuża wkoll id-data miġbura fir-rapport annwali dwar il-mobbiltà intra-UE, li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-mobbiltà transfruntiera fi ħdan l-UE u tista’ tiżvela ostakoli għaliha (ara n-nota 27 f’qiegħ il-paġna). Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u implimentata għalkollox u b’mod korrett fl-Istati kollha.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva kif suppost. B’mod partikolari se tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-korpi; tiżgura sinerġiji bejn is-servizzi eżistenti ta’ informazzjoni u assistenza fil-livell tal-Unjoni; u tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni li jipprovdu fuq is-siti web nazzjonali u għas-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema tal-Unjoni dwar id-drittijiet tagħhom.

(1)

Ara b’mod partikolari l-paġni 3-4 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52013PC0236

(2)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX%3A32014L0054

(3)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/NIM/?uri=CELEX:32014L0054&qid=1525688983864

(4)

Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament 492/2011.

(5)

Il-kwestjonarju ffoka fuq l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva u l-effettività tagħha. Erbatax-il gvern ta’ Stati Membri u erba’ organizzazzjonijiet nazzjonali tat-trejdunjins ipprovdew tweġibiet (sa Ġunju 2018).

(6)

Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 492/2011.

(7)

  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=1098 .

(8)

FI, DE, IE, IT, MT, NL, SE.

(9)

AT, CY, CZ, DK, EE, FR, EL, HU, LT, LU, PT, RO.

(10)

CZ u LU.

(11)

Pereżempju, AT, BG, CY, LT, MT, RO.

(12)

BG u ES.

(13)

  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1277&langId=mt

(14)

DE, MT, NL.

(15)

DE, DK, EE, HR, MT, SI.

(16)

AT, DE, DK, EL, FI, SE, SI.

(17)

Għal iktar informazzjoni, ara r- Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (COM(2014) 2 final, 17.1.2014) u r- Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE (COM)2015)190 final, 5.5.2015.

(18)

DE u LT.

(19)

Bħal CZ, DE, EL, SE, SI.

(20)

Pereżempju, AT, LT, PL, SK, UK.

(21)

AT, FI, LV u NL enfasizzaw l-importanza tal-kuntatti b’mod partikolari fi ħdan l-attivitajiet tal-EURES, tas-SOLVIT u tal-Pjattaforma tax-Xogħol mhux Iddikjarat. Equinet, in-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza ( http://www.equineteurope.org/ ), li fih jipparteċipaw 18-il korp, issemma wkoll bħala pjattaforma xierqa biex wieħed jibni fuq il-kuntatti b’mod partikolari ma’ korpi fi Stati Membri oħra.

(22)

Pereżempju f’HR, HU, IT, MT, PL, SK, UK.

(23)

Pereżempju f’HR, LT.

(24)

Il-konsulenti tal-EURES li huma disponibbli fl-Istati Membri kollha pprovdew assistenza lill-ħaddiema u lill-impjegaturi tal-Unjoni f’iktar minn 45 000 okkażjoni fl-2016 ( http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/performance_by_governance_tool/eures/index_en.htm ).

(25)

Is-SOLVIT indirizza 34 każ relatat mal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-2016

http://ec.europa.eu/solvit/index_mt.htm

(26)

 Il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek ipprovdew pariri dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol, id-drittijiet tal-familja u l-benefiċċji soċjali fl-2016 f’iktar minn 2 500 każ.

http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/performance_by_governance_tool/youreurope_advice/index_en.htm

(27)

  https://ec.europa.eu/futurium/en/system/files/ged/2017_report_on_intra-eu_labour_mobility.pdf

(28)

In-numru ta’ ċittadini tal-Unjoni li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru ieħor għajr dak tan-nazzjonalità tagħhom jammonta għal madwar 17-il miljun (Statistika tal-Migrazzjoni tal-Eurostat [migr_pop1ctz] 2017).

(29)

Pereżempju, BG u SI.

(30)

Ħlief f’DE, DK, HR, LV, SE.

(31)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:JOL_2013_201_R_NS0013

(32)

DK, LT u SI.

(33)

  http://ec.europa.eu/newsroom/just/document.cfm?action=display&doc_id=49502

(34)

  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol  (COM(2018) 131 final, 13.3.2018).

(35)

http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Chart/getChart/chartType/lineChart//themeKy/50/groupKy/268/savFile/867

(36)

Ara wkoll il- Proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi (COM(2017) 256 2.5.2017).