Brussell, 12.11.2018

COM(2018) 738 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

{SEC(2018) 472 final} - {SWD(2018) 460 final} - {SWD(2018) 461 final}


1.Introduzzjoni

Tlieta minn kull erba’ ċittadini Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna. Il-bidliet osservati fil-klima diġà qed ikollhom impatti wesgħin ħafna fuq l-ekosistemi, is-setturi ekonomiċi, is-saħħa tal-bniedem u l-benesseri tal-Ewropa. It-telf ekonomiku totali rrappurtat ikkawżat mit-temp u minn estremi oħrajn relatati mal-klima fl-Ewropa bejn l-1980 u l-2016 kien jammonta għal aktar minn EUR 436 biljun u kien imqassam bejn l-Istati Membri tal-UE b’dan il-mod 1 :

Minħabba t-tibdil fil-klima biss, il-ħsara annwali lill-infrastruttura kritika tal-Ewropa tista’ tiżdied b’10 darbiet sa tmiem is-seklu f’xenarji ta’ żamma tal-istatus quo (mill-EUR 3.4 biljun attwali għal EUR 34 biljun) 2 . It-telf ikun l-akbar għas-setturi tal-industrija, tat-trasport u tal-enerġija.

Ħsara annwali mistennija f’reġjuni Ewropej kritiċi, minħabba t-tibdil fil-klima, sa tmiem is-seklu (EUR miljuni) 3

Dawn il-mapep dwar il-ħsara lill-infrastruttura kritika jirriflettu mudell: b’mod ġenerali, l-impatti tal-klima, se jkunu distribwiti b’mod ugwali madwar l-Ewropa, kemm f’termini ta’ meta kif ukoll ta’ fejn iseħħu. Ngħidu aħna: 4

·Iż-żona tal-Mediterran se ssofri aktar mill-effetti ta’ mortalità umana relatata mas-sħana, restrizzjonijiet tal-ilma, telf tal-ħabitat, domanda għall-enerġija għat-tkessiħ u nirien fil-foresti.

·Ir-reġjuni kostali, f’xenarju ta’ emissjonijiet għoljin (żieda fit-temperatura globali ta’ bejn 3.2 ºC u 5.4 °C bejn l-2 081 u l-2 100) 5 , jistgħu jsofru telf ekonomiku ta’ madwar EUR 39 biljun fis-sena sal-2050 u sa EUR 960 biljun fis-sena lejn l-aħħar tas-seklu 6 .

·Evidenza preliminari tindika kontrazzjoni sostanzjali tal-ekosistemi tat-tundra Alpina fl-Ewropa, anke jekk it-tisħin globali jibqa’ fi ħdan il-limitu ta’ 2ºC tal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra milli għandha rwol prinċipali fir-regolazzjoni tal-ilma u tal-ilma ħelu għall-konsum mill-bniedem, it-tundra Alpina ssostni lit-turiżmu u lill-komunitajiet rurali u hija wkoll l-abitat ta’ speċijiet endemiċi li jinsabu biss fl-Ewropa.

In-nirien fl-Iżvezja tul is-sajf li għadda juru li, lil hinn mill-immudellar u mill-projezzjonijiet, l-ebda pajjiż Ewropew mhu protett mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

Qed titkattar l-evidenza li l-Ewropa hija wkoll vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima lil hinn mill-fruntieri tagħha permezz ta’, pereżempju, il-kummerċ, il-flussi finanzjarji internazzjonali, il-migrazzjoni 7 u s-sigurtà. Ir-riskju tat-tibdil fil-klima jopera bejn fruntiera u oħra, minħabba l-ħafna interkonnessjonijiet kumplessi u globali bejn in-nies, l-ekosistemi u l-ekonomiji. L-avviċinament tal-adattament bħala bene pubbliku globali għall-indirizzar tar-riskji transfruntieri jista’ jiżvela opportunitajiet għat-tisħiħ tal-koperazzjoni internazzjonali dwar ir-reżiljenza 8 . Billi jgħinu lil ħaddieħor jadatta, pajjiżi donaturi qed jgħinu wkoll lilhom infushom.

Il-Kummissjoni ġabret xi evidenza inizjali dwar kif l-impatti tal-klima f’partijiet oħra tad-dinja jistgħu jaffettwaw lill-Ewropa permezz tal-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet). Il-mappa t’hawn taħt tipprovdi valutazzjoni tat-telf tal-PDG annwali (EUR biljuni) minħabba l-impatti tal-klima fil-bqija tad-dinja, permezz tal-kummerċ internazzjonali. Iċ-ċifri inseriti fir-reġjuni differenti jirriflettu telf f’xenarju ta’ emissjonijiet għoljin (bl-aħmar) u dinja ta’ 2ºC (bil-blu) sa tmiem is-seklu. Fil-valutazzjoni ġew inklużi biss erba’ setturi: il-produttività tax-xogħol, l-agrikoltura, l-enerġija u l-għargħar tax-xmajjar.

2°C

Għoljin

0.1bn

0.3bn

1.0bn

3.0bn

5.0bn

Impatti fuq il-PDG annwali tal-UE (EUR biljuni) minħabba l-impatti tal-klima fil-bqija tad-dinja, permezz tal-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) 9  

Id-daqs ta’ dawn l-effetti kummerċjali transfruntieri jiddependi fuq żewġ fatturi:

1.il-gravità tal-impatti tal-klima fil-bqija tar-reġjuni tad-dinja; u

2.il-volum tal-kummerċ bejn dawk ir-reġjuni u l-UE 10 .

Il-mappa turi li l-UE tkun l-aktar affettwata mill-impatti fil-Kontinent Amerikan u fl-Asja t’isfel. Fost l-erba’ setturi vvalutati, dak li jipproduċi l-biċċa l-kbira tal-effetti transfruntieri huwa l-agrikoltura, segwit mill-produttività tax-xogħol. Pereżempju, jekk it-tibdil fil-klima jnaqqas ir-redditi minn sieħeb tal-kummerċ agrikolu tal-UE, il-PDG ta’ dak is-sieħeb se jonqos, li jfisser (fost konsegwenzi oħra) li dan se jimporta anqas prodotti mill-UE (fost l-oħrajn). Dan min-naħa tiegħu jbaxxi wkoll il-PDG tal-UE 11 . Madanakollu, huwa ċar li l-impatti jistgħu wkoll jirriżultaw minn interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista fl-importazzjonijiet tal-UE, minn ħsarat lil setturi oħra, u minn tibdil strutturali ulterjuri mhux ivvalutat f’din ir-riċerka.

Fir-rigward tal-klima u tal-migrazzjoni, xenarji riċenti jikkonfermaw relazzjoni bejn it-tibdil fil-klima 12 u fluttwazzjonijiet fl-applikazzjonijiet għall-asil fl-UE. Anke f’xenarju ta’ emissjonijiet moderati 13 , huwa projettat li sa tmiem is-seklu, l-applikazzjonijiet għall-asil se jiżdiedu bi 28 % minħabba fl-impatti tal-klima (medja ta’ 98 000 applikazzjoni għall-asil addizzjonali fis-sena).

L-adattament huwa dwar soluzzjonijiet u t-tħejjija għal dawn l-isfidi domestiċi u internazzjonali. Dan ifisser li jiġu antiċipati l-effetti avversi msemmija tat-tibdil fil-klima msemmija hawn u li tittieħed azzjoni xierqa sabiex il-ħsara li jistgħu jikkawżaw tiġi impeduta jew minimizzata, jew jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet li jistgħu jirriżultaw.

Fl-2005, il-Kummissjoni bdiet tqis il-ħtieġa biex tadatta l-bidliet fil-klima tal-Ewropa. B’riżultat ta’ dan, ġiet adottata White Paper 14 fl-2009, u strateġija dwar l-adattament tal-UE (“l-istrateġija”) fl-2013 15 .

Fiż-żmien meta ġiet żviluppata l-istrateġija, l-ispejjeż ekonomiċi, ambjentali u soċjali tan-nuqqas ta’ azzjoni għall-UE, għal numru ta’ setturi tal-ekonomija, kienu stmati għal EUR 100 biljun fis-sena fl-2020 u EUR 250 biljun fis-sena fl-2050 16 . Stimi attwali jidher li jindikaw li l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni tista’ tiżdied b’mod esponenzjali sal-2080 17 . Il-mudelli ekonomiċi attwali tal-impatti globali aggregati tat-tibdil fil-klima jistgħu jkunu inadegwati fit-trattament tagħhom tas-setturi, l-integrazzjoni ta’ impatti fuq l-ambjent fiżiku, l-ekosistemi, il-bijodiversità u s-servizzi, l-inċertezza u l-mumenti kritiċi tagħhom. Hemm iċ-ċans li l-mudelli jissottovalutaw sew ir-riskji futuri 18 .

L-istrateġija tinkludi tmien azzjonijiet li jaħdmu għall-ilħuq ta’ tliet objettivi speċifiċi sabiex:

1.Tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiżi, tar-reġjuni u tal-ibliet tal-UE.

2.It-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-adattament jiġi infurmat aħjar.

3.Tiżdied ir-reżiljenza ta’ setturi vulnerabbli prinċipali u l-politiki tal-UE.

Mill-2013, il-Kummissjoni fittxet li tilħaq dawk it-tliet għanijiet tul firxa wiesgħa tal-attivitajiet tagħha. Dawn illum ikomplu jiggwidaw il-ħidma tal-Kummissjoni.

Ir-rapport jeżamina l-proċess u r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-istrateġija, inkluż it-tagħlimiet mitgħallma mill-implimentazzjoni tagħha sa issa.

2.Proċess

L-istrateġija ddikjarat li, fl-2017, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta’ implimentazzjoni u tipproponi rieżami, jekk ikun meħtieġ. Dan huwa l-kuntest ta’ dan ir-rapport, flimkien mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD) ta’ sostenn tiegħu li jispjega r-riżultati tal-evalwazzjoni.

F’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar regolamentazzjoni aħjar, l-evalwazzjoni twettqet skont ħames kriterji: (i) l-effettività, (ii) l-effiċenzja, (iii) ir-rilevanza, (iv) il-koerenza u (v) l-valur miżjud tal-UE. Wieħed jista’ jsib valutazzjoni bir-reqqa skont dawn il-kriterji fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ sostenn.

Il-biċċa l-kbira tal-evidenza nġabret permezz ta’ kuntratturi, li wettqu evalwazzjoni (literature review), stħarriġ immirat, stħarriġ pubbliku, intervisti, sessjonijiet ta’ ħidma u studji tal-każ.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq diversi sorsi, ikkonsultati b’mod dirett jew integrati permezz tar-rapport tal-kuntrattur, eż. evalwazzjonijiet oħrajn relatati ma’ azzjonijiet taħt l-istrateġija 19 , strateġiji nazzjonali minn Stati Membri, informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu tal-Monitoraġġ 20 , rapporti minn programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 21 mill-2014 u r-riżultati ta’ proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-programmi qafas tal-UE.

3.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

B’mod ġenerali, l-istrateġija laħqet l-għanijiet tagħha, bi progress irreġistrat f’kull waħda mit-tmien azzjonijiet indiviwali tagħha, li huma:

1.Tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jadottaw strateġiji ta’ adattament komprensivi.

2.Tipprovdi finanzjament mill-programm LIFE 22 biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità u tħaffef l-azzjonijiet għall-adattament fl-Ewropa.

3.Tintroduċi adattament fil-Patt tas-Sindki 23 .

4.Timla l-lakuni fl-għarfien.

5.Tiżviluppa aktar Climate-ADAPT 24 bħala l-one-stop shop dwar l-addattament fl-Ewropa.

6.Tiffaċilita l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-politika agrikola komuni, fil-politika ta’ koeżjoni u fil-politika komuni tas-sajd.

7.Tiżgura infrastruttura aktar reżiljenti.

8.Tippromwovi l-assigurazzjoni u prodotti finanzjarji oħrajn għal investiment u deċiżjonijiet kummerċjali reżiljenti.

Bejn l-2013 u l-2018, in-numru ta’ Stati Membri bi strateġija ta’ adozzjoni nazzjonali żdied minn 15 għal 25. L-UE qed tippromwovi u tissorvelja l-azzjoni permezz tal-proġetti ta’ LIFE u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (“il-Patt tas-Sindki”). L-istrateġija kkontribwixxiet għal titjib fl-għarfien ta’ adattament u għall-qsim tiegħu sabiex jinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Permezz tal-istrateġija, l-adattament infirex u ggwida firxa wiesgħa tal-politiki u l-programmi ta’ finanzjament prinċipali tal-UE stess, u rrinforza rabtiet mat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, ir-reżiljenza tal-infrastruttura u s-settur finanzjarju.

3.1.Rilevanza

Mill-adozzjoni tal-istrateġija, kompliet tiżdied l-evidenza li t-temp u estremi oħra relatati mal-klima qed isiru aktar frekwenti u intensi fl-Ewropa. L-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet attwali skont il-Ftehim ta’ Pariġi 25 jirriżultaw f’tisħin globali lil hinn mit-3°C fiż-żminijiet preindustrijali. Għalhekk, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE kontra x-xokkijiet fil-klima huwa kruċjali, sabiex jiġu limitati l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq terminu qasir, medju u twil.

Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima sejrin jaffettwaw firxa wiesgħa tal-popolazzjoni tal-UE b’mod sinifikanti. Kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll il-partijiet ikkonċernati privati (djar, kumpaniji, investituri) se jkollhom iqisu azzjonijiet preventivi. Għalhekk, l-objettivi inizjali tal-istrateġija biex it-teħid ta’ deċiżjonijiet jiġi infurmat aħjar u għaż-żieda fir-reżiljenza madwar l-Ewropa jibqgħu rilevanti u jenħtieġ li jkomplu jiġu segwiti.

Mill-2013, żviluppi fil-politika internazzjonali bħall-Ftehim ta’ Pariġi, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Qafas ta’ Sendai dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 26 rrinfurzaw b’mod sostanzjali l-momentum politiku għall-appoġġ tal-adattament għat-tibdil fil-klima fuq livell globali. L-impenji klimatiċi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jridu jiġu avvanzati b’mod konġunt sabiex jiġu megħluba l-isfidi urġenti li jirriżultaw mid-degradazzjoni tal-ekosistemi, l-impatti tal-klima, iż-żieda fl-inugwaljanza u l-instabbiltà politika 27 . Minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrateġija kien l-enfasi fuq l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq it-territorju tal-UE, dan ma jindirizzax l-interrelazzjonijiet potenzjali mal-adattament għat-tibdil fil-klima barra mill-UE. Minħabba n-nuqqas ta’ evidenza, iqis ukoll parzjalment l-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima barra mill-Ewropa u l-konsegwenzi tiegħu għall-UE.

Minkejja dan, illum dejjem aktar evidenza qed turi l-ħtieġa li l-UE tqis ir-rabtiet bejn il-klima u s-sigurtà u l-effetti transfruntieri tal-adattament jew in-nuqqas tiegħu, f’pajjiżi mhux tal-UE.

3.2.L-effettività

L-objettivi wiesa’ ħafna tal-istrateġija għadhom ma ntlaħqux wara ħames snin, iżda sar xi progress. B’mod ġenerali, l-attenzjoni politika mxiet lejn kwistjonijiet ta’ adattament u l-ħtieġa għat-tħejjija għal impatti inevitabbli.

Fil-livell nazzjonali, issa hemm 25 Stat Membru li għandhom strateġija ta’ adattament fis-seħħ, meta mqabbel mal-15 fl-2013. Mill-2014, LIFE iffinanzja 60 proġett relatat mal-adattament b’EUR 184 miljun, filwaqt li wara t-tlestija tagħhom huwa stmat li, permezz tar-replikazzjoni u t-trasferiment, dawn se jolqtu żona ta’ 1.8 miljun km2, li huwa ekwivalenti għal kwart tat-territorju tal-UE. Permezz ta’ proġetti ddedikati, LIFE qed jgħin ukoll biex jiġu implimentati strateġiji ta’ adattament nazzjonali u reġjonali fil-Greċja u f’Ċipru. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament ġiet aċċellerata mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), li introduċew valutazzjonijiet tar-riskju, filwaqt li jqisu l-adattament għat-tibdil fil-klima, bħala prekundizzjoni sabiex jiġi żgurat infiq effettiv u effiċjenti. 28

Għal-livell lokali u reġjonali, il-Kummissjoni introduċiet adattament fil-Patt tas-Sindki, u qed tqajjem kuxjenza, filwaqt li timmobilizza u tappoġġja bliet fl-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament lokali. Sa April 2018, 1 076 firmatarju tal-Patt minn 25 Stat Membru tal-UE, li jkopru madwar 60 miljun abitant, impenjaw ruħhom li jwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u tar-riskju, u li jiżviluppaw, jimplimentaw u jirrappurtaw dwar il-pjanijiet għall-adattament. Madwar l-UE, madwar 40 % tal-ibliet b’aktar minn 150 000 abitant huwa stmat li adottaw pjanijiet għall-adattament biex jipproteġu lill-Ewropej mill-impatti tal-klima 29 .

L-evalwazzjoni tikkonferma wkoll żieda sostanzjali fl-għarfien dwar l-adattament bħala riżultat tal-isforzi tal-Kummissjoni, l-aktar permezz tal-Programmi Qafas tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u anke permezz tal-Pjattaforma Ewropea dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (Climate-ADAPT). Madankollu, l-ebda waħda mil-lakuni fl-għarfien ta’ prijorità ma ġiet magħluqa u tfaċċaw lakuni ġodda. L-ewwel nett, il-lakuni fl-għarfien ġew ifformulati b’mod mingħajr limiti fl-2013 (minflok mistoqsijiet speċifiċi għas-settur), li jagħmilha diffiċli li wieħed ikejjel il-progress. It-tieni nett, kif inhu spiss il-każ għal lakuni f’oqsma xjentifiċi oħra, l-għarfien jaf mhux dejjem ikun komplut u ċert. L-inċertezza, madankollu, tista’ tiġi integrata fl-immudellar, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti u miftuħ: mhix skuża għan-nuqqas ta’ azzjoni.

Il-progress huwa wkoll ċar dwar il-mainstreaming fil-politiki u fil-programmi attwali tal-UE. Hawn jista’ jkun għad hawn marġni għal titjib fl-integrazzjoni tal-adattament f’xi politiki komuni tal-UE, bħall-kummerċ u s-sajd. Għall-kummerċ, hemm lakuna fl-għarfien dwar l-effetti kollaterali minn pajjiżi terzi, li l-fehim tagħhom jippermetti mainstreaming effettiv tal-adattament fil-politika kummerċjali tal-UE. Għas-sajd, ir-raġunijiet fil-biċċa l-kbira huma minħabba attenzjoni insuffiċjenti lejn l-adattament għall-klima fil-fond tal-UE relatat.

Rigward il-fondi tal-UE, kien hemm livelli varjabbli ta’ mainstreaming taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: ġiet introdotta sistema għall-intraċċar ta’ nefqa relatata mal-klima, iżda l-valutazzjoni sa fejn l-investimenti pproduċew benefiċċji għall-adattament fuq il-post xi drabi offriet sfida. Separazzjoni kompluta bejn in-nefqa għall-mitigazzjoni u l-adattament mhix dejjem possibbli, minħabba sinerġiji bejn il-politiki, speċjalment fis-settur tal-agrikoltura. Madankollu, taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), ammont ta’ finanzjament sostanzjali jista’ jiġi intraċċat direttament lejn investimenti relatati mal-adattament. Barra minn hekk, il-politika agrikola komuni attwali, li ġiet adottata ftit tax-xhur wara l-istrateġija dwar l-adattament, tinkludi għadd ta’ miżuri rilevanti għall-adattament kif ukoll għall-mitigazzjoni (inklużi ċerti rekwiżkiti tal-kundizzjonalità u tal-ekoloġizzazzjoni) mifruxa tul diversi prijoritajiet. L-allokazzjonijiet għall-adattament fil-programmi ta’ finanzjament differenti jidhru fit-tabella hawn taħt.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE għal bejn l-2014 u l-2020 - allokazzjonijiet relatati mal-klima (f’EUR biljuni u % tat-total)

Appoġġ mill-UE

Riskji relatati mal-klima

Li minnhom

Mitigazzjoni diretta

Adattament dirett

Miżuri ta’ appoġġ għat-tnejn li huma

FEŻR u ETC 30

196.7.

37.9.

30.8.

3.4.

3.6.

[19.3 %]

[15.7 %]

[1.7 %]

[1.8 %]

FK

63.4.

17.6.

13.4.

3.0.

1.3.

[27.8 %]

[21.1 %]

[4.7 %]

[2.0 %]

L-FSE 31 u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

88.9.

1.2.

1.2.

-

-

[1.3 %]

[1.3 %]

-

-

FEMS 32

5.7.

1.0.

1.0.

-

-

[18.2 %]

[18.2 %]

FAEŻR 33

99.0.

56.5.

5.4.

7.5.

43.6.

[57.1 %]

[5.5 %]

[7.6 %]

[44 %]

Total

453.7.

114.2.

51.9.

13.9.

48.5.

[25.4 %]

[11.4 %]

[3.1 %]

[10.8 %]

Barra minn hekk, il-proġetti kollha ewlenin 34 iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni huma soġġetti għal protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, li tindirizza r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima permezz ta’ valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u r-riskju segwiti mill-identifikazzjoni, mill-valutazzjoni u mit-twettiq tal-azzjonijiet għall-adattament rilevanti.

Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ma indirizzawx b’mod speċifiku OT (“Il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju”) minkejja l-impatti fuq il-popolazzjoni vulnerabbli, l-impjiegi u l-istokkijiet tal-ħut. Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), li jiffinanzja l-pagamenti diretti tal-PAK, mhuwiex parti mill-FSIE, iżda madwar 20 % tal-pagamenti diretti jistgħu jitqiesu rilevanti għall-klima.

3.3.L-effiċjenza

L-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw b’mod dirett mill-istrateġija kienu baxxi u fil-biċċa l-kbira limitati għall-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-programmi ta’ finanzjament fejn organizzazzjonijiet oħra (eż. nazzjonali) jikkumplimentaw il-finanzjament tal-UE 35 . L-ispejjeż għal partijiet ikkonċernati oħra, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kienu volontarji u marbuta l-aktar mal-aċċessar tal-fondi tal-UE.

Il-benefiċċji marbuta mal-istrateġija nkisbu bi spiża baxxa grazzi għall-effetti multiplikatur tal-azzjonijiet tagħha dwar il-gwida, il-koordinazzjoni, it-tixrid, il-wiri u l-mainstreaming f’politiki u programmi ta’ finanzjament oħra.

B’mod ġenerali, l-istrateġija tal-UE tipprovdi valur għall-flus, minħabba li t-tmien azzjonijiet tal-istrateġija jistgħu jitqiesu bħala kosteffiċjenti ħafna. Ngħidu aħna, il-proġetti LIFE, inklużi dawk dwar l-addattament, huma stmati li produċew benefiċċji fis-soċjetà ta’ madawar EUR 1.7 biljun fl-2014, erba’ darbiet akbar mill-baġit kollu tal-LIFE għal dik is-sena 36 .

3.4.Koerenza

L-impatti tal-klima se jkunu mifruxa fl-Ewropa fil-futur. Huwa meħtieġ adattament sabiex tittieħed azzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza li tkun trasformattiva biżżejjed biex inkampaw ma’ bidliet sistemiċi fil-klima, fl-ambjent u fis-soċjetà tagħna.

L-istrateġija, b’mod ġenerali, hija koerenti ma’ politiki u azzjoni għall-adattament tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u. Il-gwida tal-Kummissjoni prodotta skont l-istrateġija għenet biex tikkoordina s-setturi u l-politiki nazzjonali, u għenet biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet dwar il-klima transfruntieri bejn l-Istati Membri. L-istrateġiji makroreġjonali tal-UE 37 u l-Patt tas-Sindki wkoll irrinforzaw approċċi simili bejn l-Istati Membri tal-UE li jikkondividu riskji simili tat-tibdil fil-klima.

L-istampa hija aktar differenti għall-koerenza mal-politiki u mal-inizjattivi internazzjonali. Meta kienet qed tiġi żviluppata l-istrateġija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffoka fuq l-indirizzar tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq it-territorju tal-UE, b’xi analiżi tar-rabtiet bejn il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima 38 u r-riperkussjonijiet potenzjali għall-UE.

Minkejja dan, it-twettiq tal-Istrateġija kkontribwixxa għat-tisħiħ tal-azzjoni esterna tal-UE dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima billi titjieb il-bażi tal-għarfien, u tiġi offruta bażi test għal opzjonijiet u rispons għall-adattament li jistgħu jkunu rilevanti barra mill-UE 39 .

Jekk wieħed iħares ’il quddiem, jara li hemm lok għal modifika tal-istrateġija għal allinjament aħjar mal-iżviluppi tal-politika internazzjonali mill-2013, kif ukoll għal valutazzjoni aħjar tal-implikazzjonijiet għall-UE tal-effetti transfruntieri tal-impatti tal-klima f’pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ eż. flussi migratorji, flussi kummerċjali u finanzjarji.

L-UE, bħala parti mill-UNFCCC 40 , jeħtiġilha tirrapporta dwar il-progress u l-azzjonijiet dwar l-adattament u possibbilment tiddefinixxi mill-ġdid l-ambizzjoni tagħha rigward l-adattament billi teżamina mill-ġdid l-istrateġiji u l-politiki tagħha. L-istrateġija jenħtieġ li tappoġġja dan il-proċess billi tgħaqqad l-isforzi Ewropej u globali għall-adattament.

Hemm opportunitajiet għal rabtiet bejn il-politika dwar l-adattament futur tal-UE u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika 41 u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri. Pereżempju, ħafna mill-indikaturi żviluppati biex jissorveljaw il-progress ta’ dawn il-oqfsa globali huma rilevanti ħafna għall-adattament. Barra minn hekk, l-għodod tal-immudellar li jintegraw ix-xenarji u l-isfidi tal-klima u s-sostenibbliltà (għall-adattament u l-mitigazzjoni) qed jiġu żviluppati 42 .

Fir-rigward tal-koerenza interna tal-istrateġija (jiġifieri l-kontenut tagħha), instab li din hija koerenti ħafna u diversi azzjonijiet ikkumplimentaw lil xulxin. Pereżempju, kien hemm fluss rikk ta’ għarfien dwar l-adattament bejn dawk li jiġġenerawha jew jikkompilawha fil-livell tal-UE 43 , Climate-ADAPT 44 u l-awtoritajiet lokali li jfasslu l-informazzjoni meħtieġa biex jingaġġaw mal-Patt tas-Sindki. Madanakollu, esplorazzjoni u użu aktar komprensivi tar-rabtiet bejn l-azzjonijiet jista’ jkollu koerenza interna mtejba saħansitra akbar 45 .

3.5.Valur miżjud tal-UE

L-istrateġija tiġġenera valur miżjud għall-Ewropa, b’mod partikolari minħabba li tippermetti l-integrazzjoni tal-adattament f’setturi ewlenin, livelli ta’ governanza u politiki tal-UE.

Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw il-benefiċċji tar-riċerka dwar l-adattament fil-livell tal-UE u t-tixrid tal-għarfien permezz ta’ inizjattivi bħal Climate-ADAPT.

Dawk li jiddeċiedu fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali jistgħu jkunu sfurzati jqisu adattament mingħajr l-Istrateġija tal-UE. Madanakollu, il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw li, fl-assenza ta’ tmexxija tal-adattament tal-UE, kien ikun hemm anqas progress u anqas inkoraġġiment għat-tisħiħ tal-kapaċità adattiva, b’mod partikolari bejn il-fruntieri f’makroreġjuni tal-UE li jaqsmu riskji komuni tat-tibdil fil-klima 46 , eż. baċiri idrografiċi u żoni Alpini. Barra minn hekk, mingħajr il-Patt tas-Sindki, il-bliet tal-UE jkunu aktar vulnerabbli u l-atturi lokali u reġjonali jkollhom anqas xjenza disponibbli biex jappoġġjaw ippjanar fuq terminu twil.

Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati faħħru l-irwol katalitiku tal-programm LIFE. LIFE saħħaħ it-tagħlim u l-azzjoni ta’ adattament għall-klima minn isfel għal fuq, filwaqt li ottimizza t-tqegħid ta’ politiki ambjentali u dwar il-klima tal-UE b’mod ġenerali.

L-azzjoni dwar l-assigurazzjoni tal-istrateġija u s-settur finanzjarju setgħet ma kinitx biżżejjed biex tegħleb id-diffikultajiet għall-kooperazzjoni pubblika-privata s’issa. Għalkemm hija għenet biex wieħed jifhem aħjar kif jiffunzjonaw is-swieq tal-assigurazzjoni bħala għodda kruċjali ta’ adattament fl-Istati Membri, speċifikament dwar l-irwol tal-assigurazzjoni fil-ġestjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima, l-azzjoni tal-UE għadha trid trendi riżultati ċari. Hawnhekk, il-valur miżjud tal-UE qiegħed fil-fatt li tkun permessa kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-assiguraturi, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar il-lakuna tal-kopertura u dwar il-ħtieġa għall-gvernijiet biex jintegraw l-assigurazzjoni fil-ġestjoni tar-riskji kollha tat-tibdil fil-klima.

Minkejja li l-istrateġija inkludiet il-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji għal investiment reżiljenti fl-Azzjoni 8 tagħha, l-impatt tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-tkabbir finanzjarju sostenibbli 47 ma jagħmilx parti mill-evalwazzjoni minħabba ż-żmien tiegħu. Madankollu, aktarx se jkun utli sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-UE permezz tal-inklużjoni ta’ riskji tat-tibdil fil-klima fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni jimmira li jrawwem it-trasparenza u s-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment dwar il-ħtiġijiet tal-adattament u l-opportunitajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

4.Tagħlimiet meħuda

L-eżiti u l-eżempji msemmija hawn fuq juru li strateġija ta’ adattament fil-livell tal-UE xorta għadha rilevanti ħafna u żżid il-valur għall-isforzi ta’ adattament lokali, reġjonali u nazzjonali filwaqt li tibqa’ kosteffettiva. L-istrateġija, strument ta’ politika bi ftit implikazzjonijiet amministrattivi għall-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati, irnexxielha tiffoka lil dawk li jiddeċiedu fuq il-ħtieġa biex iħejju għal perikli mit-tibdil fil-klima. L-istrateġija aġixxiet bħala punt ta’ referenza, jiġifieri tiffoka u tikkatalizza l-azzjoni f’livelli ta’ governanza oħra. Barra minn hekk, iggwidat l-isforzi b’suċċess sabiex ikompli jiġi żgurat li l-politiki u l-baġits fil-livell tal-UE jintegraw konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima.

Matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni kisbet intuwiti importanti dwar l-ewwel ħames snin mill-implimentazzjoni mit-tqegħid tal-istrateġija fl-prattika:

·Il-lakuni fl-għarfien dwar l-adattament jaf ma jingħalqux kompletament, iżda l-valur miżjud tal-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE mill-2013 ġie apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati. Issa jista’ jkun li wasal iż-żmien li naqilbu l-fokus mill-ġenerazzjoni tal-għarfien għall-applikazzjoni tiegħu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’inċertezza, b’mod partikolari f’setturi jew f'reġjuni ekonomiċi li portenzjalment huma aktar vulnerabbli, bħall-agrikoltura fir-reġjuni tal-Mediterran jew ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej. Għal dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tista’ tipprevedi skambji ta’ informazzjoni dwar miżuri għall-adattament ta’ suċċess bejn il-partijiet ikkonċernati u mal-komunità xjentifika. Dan sal-punt li, minn isfel għal fuq, l-adattament kodisinjat jista’ jixpruna l-azzjoni u t-tagħlim minkejja l-evidena mhux kompluta, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni 48 . Djalogi dwar il-politika u x-xjenza strutturati jistgħu jiġu organizzati b’mod regolari, pereżempju, fil-kuntest tal-konferenza biennali dwar l-Adattament Ewropew għat-Tibdil fil-Klima (ECCA) 49 . Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti analiżi tal-adattament u forum dwar l-immudellar, sabiex jittejjeb l-użu tal-impatt tat-tibdil fil-klima u l-mudelli għall-adattament għat-tfassil ta’ poliki. Il-forum jista’ jikkontrolla l-kapaċitajiet kollettivi ta’ varjetà ta’ mudelli, filwaqt li jaħdem fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ approċċi kuntrastanti għar-riċerka dwar l-adattament u jipprovdi gwida kontinwa għal sforzi ulterjuri.

·F’każ ta’ investimenti fl-infrastruttura fuq terminu twil, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima hija essenzjali: din, fost l-oħrajn, teħtieġ standards speċifiċi għall-adattament 50 , data dwar l-osservazzjoni tad-dinja, data oħra dwar l-ispazju u servizzi bbażati fuq l-ispazju, xjenza mill-pubbliku u linji gwida aċċessibbli kemm għall-esperti kif ukoll għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Hemm lok għal espansjoni ulterjuri tal-integrazzjoni tal-adattament fl-infrastruttura, eż. permezz tal-preskrizzjoni ta’ protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima għal kwalunkwe infrastruttura ffinanzjata mill-UE 51 , u b’mod partikolari meta l-infrastruttura tkun importanti ħafna għall-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

·L-azzjonijiet tal-istrateġija jistgħu jiġu integrati aħjar flimkien. Rabtiet bejn l-azzjonijiet seħħew fil-fatt b’mod spontanju, iżda dawn jistgħu jiġu identifikati u sfruttati aħjar. Pereżempju, Climate-ADAPT tista’ tipprovdi ħarsa ġenerali aħjar lejn il-proġetti ta’ riċerka attwali ffinanzjati mill-UE jew minn attivitajiet operazzjonali bħad-diversi servizzi ta’ Copernicus. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm skambju aktar frekwenti ta’ metodoloġiji u sejbiet immirati għal prattikanti u pjattaformi nazzjonali u tal-UE rilevanti, eż. permezz ta’ għodod interattivi u webinars.

·Bl-istess mod, jenħtieġ li l-istrateġija tintegra aħjar id-dimensjoni internazzjonali tal-adattament biex tissinkronizza mal-politika kollettiva globali u l-azzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-bijodiversità u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, biex insemmu ftit. Għalhekk, il-Kummissjoni timmira li tgħaqqad l-isforzi u l-proċessi tal-mainstreaming tagħha biex tilħaq l-SDGs u tikseb l-impenji klimatiċi, kemm fl-UE kif ukoll permezz tal-appoġġ tagħha lejn u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

·L-istrateġija ppromwoviet pjanijiet ta’ adattament fil-livelli kollha, iżda kienet anqas effettiva fit-twettiq u fil-monitoraġġ ta’ dawk il-pjanijiet fl-Istati Membri. Proċess aktar simplifikat sabiex jiġi segwit il-progress f’azzjonijiet għall-adattament nazzjonali, u sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim bejn il-parti, jista’ jgħin biex iħaffef aktar l-azzjoni għall-adattament. L-adattament huwa inkluż fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija 52 , li se jippermetti rappurtar regolari aktar sistematiku mill-Istati Membri dwar firxa ta’ għanijiet ta’ adattament u progress. Dan se jgħin ukoll fit-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jenħtieġ li jwassal għal qafas ta’ monitoraġġ mal-UE kollha ta’ strateġiji lokali u/jew reġjonali u/jew nazzjonali, li min-naħa tagħhom jistgħu jindikaw b’mod aktar effettiv żoni għal azzjoni u kooperazzjoni msaħħa, sfidi komuni jew inċertezzi kondiviżi.

·Fir-rigward tan-numru ta’ strateġiji dwar l-adattament lokali, il-progress seħħ aktar bil-mod milli kien previst fl-2013, u dan ivarja bejn Stat Membru u ieħor. Probabbilment dan huwa marbut ma’ kuntesti nazzjonali, jiġifieri jekk hemmx leġiżlazzjoni nazzjonali vinkolanti li titlob pjanijiet dwar l-adattament lokali mill-awtoritajiet lokali 53 . Sabiex tippromwovi l-iżvilupp u t-twettiq tal-istrateġiji dwar l-adattament lokali, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

(1)Tħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu oqfsa biex isaħħu l-azzjoni lokali b’mod attiv u kostanti; u

(2)iżżid is-sensibilizzazzjoni u l-assistenza teknika u finanzjarja lill-awtoritajiet lokali, eż. permezz tal-Patt tas-Sindki jew inizjattivi oħrajn, b’mod partikolari fi Stati Membri fejn il-proporzjon ta’ strateġiji dwar l-adattament lokali huwa aktar baxx (eż fl-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant) 54 .

·Il-ħames snin minn mindu l-istrateġija ġiet adottata huma perjodu qasir wisq biex jiġu analizzati l-effetti distribuzzjonali tal-adattament (jew in-nuqqas ta’ adattament). L-impatti projettati jvarjaw b’mod kwalitattiv u kwantitattiv bejn ir-reġjuni tal-UE. L-istrumenti ta’ solidarjetà tal-UE u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha jistgħu jiġu sfidati: jista’ jkun hemm rebbieħa u telliefa kemm fuq livell reġjonali, soċjali kif ukoll fost l-atturi ekonomiċi. Barra minn hekk, ikunu meħtieġa indikaturi ta’ prestazzjoni xierqa aggregati fil-livell tal-UE sabiex jitkejlu l-impatti speċifiċi fuq il-pajjiżi, ir-reġjuni, il-gruppi tal-popolazzjoni jew is-setturi. Wara li l-proġetti ffinanzjati skont il-qafas finanzjarju pluriennali ta’ bejn l-2014 u l-2020 jintemmu, jista’ jkun possibbli li jiġu aggregati l-indikaturi soċjetali rievanti u innovattivi sabiex l-impatti soċjoekonomiċi tat-tibdil fil-klima u l-politiki dwar l-adattament jiġu mmappjati b’mod aktar preċiż. Dan jista’ possibbilment iwassal għal titjib fl-approċċi tal-politika ta’ koeżjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2027.

·L-istrateġija jaf tkun tista’ tindirizza aħjar ċerti oqsma fil-futur, bħal:

oIt-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, b’mod partikolari dwar l-integrazzjoni ta’ perspettivi ta’ adattament f’metodoloġiji u indikaturi, l-għarfien għall-valutazzjoni tar-riskju u djalogu aktar sistematiku bejn il-prattikanti tal-adattament u l-prattikanti tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. It-tisħiħ tal-għarfien taċ-ċittadini jista’ wkoll jittieħed inkonsiderazzjoni.

oIntegrazzjoni aħjar tal-adattament fil-politika marittima u dwar is-sajd tal-UE, u ż-żoni kostali b’mod ġenerali. Anke jekk l-emissjonijiet u t-temperaturi jistabbilizzaw, il-livelli tal-baħar se jkomplu jogħlew. Wieħed minn kull tliet ċittadini tal-UE jgħix mhux aktar ’il bogħod minn 50 km minn xatt il-baħar u mingħajr miżuri għall-adattament, miljuni se jiġu affettwati mill-għargħar tal-kosta. Il-politiki tal-UE li jolqtu l-interazzjonijiet tal-art mal-baħar fiż-żoni kostali, bħall-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-Ġestjoni taż-Żoni Kostali 55 , Orizzont Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 56 , u anke l-azzjonijiet tal-aġenda ta’ Governanza tal-Oċeani Internazzjonali 57 jenħtieġ li jkunu mħejjija aħjar sabiex jittrattaw dan fil-ġejjieni.

oL-iżvilupp u l-użu ta’ strumenti u għodod għall-investituri u għall-assiguraturi li jistgħu ma jkunux qed jintegraw it-tibdil fil-klima fil-prattiki għal-ġestjoni tar-riskju tagħhom b’mod suffiċjenti 58 . Hemm potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat sabiex jittejbu l-previżjonijiet u l-analiżijiet tar-riskju permezz ta’ servizzi tal-klima u qsim aħjar tad-data 59 , meta opportunitajiet tas-suq aħjar jistgħu jagħtu spinta lill-adattament, b’mod partikolari bl-użu tal-informazzjoni dwar il-klima ta’ Copernicus 60 . L-Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa 61 identifikat il-kwistjonijiet dwar il-klima bħala waħda mill-ħtiġijiet tal-utent emerġenti l-aktar importanti.

oL-użu tal-investiment privat fl-adattament. Ir-riżorsi pubbliċi mhumiex se jkunu biżżejjed biex jiżguraw ekonomija reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Sabiex jattira l-finanzjament privat ukoll, il-pjan ta’ azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli 62 jipprevedi l-għoti ta’ ċarezza dwar jekk l-investimenti jikkontribwixxux għall-adattament għall-klima jew le permezz ta’ tassonomija ta’ investimenti ambjentalment sostenibbli 63 . Din l-azzjoni, flimkien mal-appoġġ tal-investiment ipprovdut skont il-Programm InvestEU, tiftaħ opportunitajiet biex is-settur privat jiġi ggwidat lejn negozji reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex jinbena pajplajn ta’ proġetti għall-adattament immirati. Idealment, dan ikun akkumpanjat mill-iżvilupp ta’ għodod bħal standards tekniċi dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li jisħqu fuq il-vantaġġi ekonomiċi tal-adattament.

oAdattament ibbażat fuq l-ekosistema (eż. prattiki agrikoli ta’ konservazzjoni, infrastruttura ekoloġika, protezzjoni tan-natura), jipprovdi benefiċċji multipli inkluż għall-bijodiversità, għall-ekosistemi, għall-adattament għat-tibdil fil-fil-klima, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għall-kwalità tal-arja u tal-ħamrija u għall-benesseri soċjali. Din il-multifunzjonalità jenħtieġ li tkun integrata aħjar fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet tal-adattament. Dan jippermetti soluzzjonijiet ta’ adattament ibbażati fuq in-natura biex jikkompetu ma’ opzjonijiet aktar konvenzjonali jew tal-infrastruttura “griża” oħra. L-adattament ibbażat fuq l-ekosistema jista’ wkoll jiġi integrat fil-ġenerazzjoni tal-kapital u l-investimenti. Jenħtieġ li t-tagħlimiet minn LIFE (inkluż il-Faċilità ta’ Finanzjament Kapitali Naturali tiegħu), Orizzont 2020 u proġetti oħra ffinanzjati mill-UE jitqiesu sabiex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, l-ixkattar ta’ investimenti f’infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

oIl-promozzjoni tal-adozzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji u azzjoni għall-adattament lokali. Huwa importanti li l-adattament jiġi integrat aħjar fl-oqfsa legali nazzjonali/reġjonali (eż. l-ippjanar urban, spazjali u kostali). L-impenn politiku mil-livelli kollha ta’ governanza rilevanti jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ, sabiex dan iwassal għal assistenza teknika aħjar għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u aktar finanzjament għall-adattament. Abbażi tad-djalogi nazzjonali permanenti fuq diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija previsti fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Patt tas-Sindki jista’ jgħin biex jidentifika u jaqsam prattiki nazzjonali tajba għall-involviment tal-ibliet.

oTħejjija aħjar ta’ żoni ġeografiċi bi sfidi ambjentali speċifiċi, limiti jew vulnerabbiltajiet naturali b’esponiment għoli għat-tibdil fil-klima, bħar-Reġjuni Ultraperiferiċi.

oIl-promozzjoni tal-valutazzjoni u l-immappjar tal-vulnerabbiltà soċjali għal avvenimenti relatati mal-klima, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-involviment ta’ gruppi vulnerabbli għat-tfassil ta’ politiki dwar l-adattament ġusti fil-livelli ta’ governanza rilevanti kollha. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ żżid il-ħtieġa għall-valutazzjoni, l-ippjanar, u t-twettiq ta’ adattament ġust fi bliet permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, eż. li jgħinu fil-bini tal-kapaċità fil-muniċipalitajiet sabiex ikunu jistgħu jfasslu politiki dwar l-adattament soċjalment ġusti. Xi eżempji fil-Finlandja, fis-Slovakkja u fi Franza jistgħu jindikaw punt ta’ tluq 64 .

oIr-rinfurzar tar-rabtiet bejn is-saħħa pubblika u l-adattament, b’mod partikolari biex titjieb il-kooperazzjoni transsettorjali dwar il-valutazzjoni tar-riskju u s-sorveljanza u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċità tas-settur tas-saħħa, inkluż fil-livell lokali, sabiex jiġu indirizzati riskji għas-saħħa attwali u emerġenti relatati mal-klima. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tkompli tappoġġja l-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għarfien ġdid dwar riskji għas-saħħa relatati mal-klima permezz ta’ Orizzont 2020 u l-programm suċċessur tiegħu, kif ukoll permezz ta’ LIFE u, potenzjalment, il-qasam tas-saħħa taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus 65 għal bejn l-2021 u l-2027.

oIl-promozzjoni ta’ rabtiet mal-politiki ta’ mitigazzjoni fil-livelli ta’ governanza kollha. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tinkludi l-adattament fl-istrateġija dwar l-iżvilupp b’emissjonijiet baxxi u fuq terminu twil li jmiss tagħha. L-adattament jipprovdi stabbiltà ekonomika u soċjali, u n-nuqqas ta’ adattament (jew “maladattament” se jsaħħaħ l-inugwaljanzi, idgħajjef il-koeżjoni territorjali u jżid ir-riskji għas-sigurtà u l-ispostamenti. Fil-livell nazzjonali, l-għanijiet tal-adattament se jkunu parti mill-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) taħt ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni tistenna li dawn il-pjanijiet se jirriflettu l-ħtieġa ta’ setturi protetti kontra t-tibdil fil-klima li jkunu kruċjali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (eż. l-użu tal-art, l-agrikoltura, l-enerġija jew it-trasport).

B’mod ġenerali, minkejja n-natura volontarja u indiretta tat-tmien azzjonijiet fl-istrateġija (gwida, koordinazzjoni, riċerka, disseminazzjoni, integrazzjoni tal-adattament f’politiki u setturi), dawn ipprovdew momentum u appoġġ għall-adattament nazzjonali, reġjonali, lokali u transfruntier.

L-istrateġija saret qafas kooperattiv ta' referenza, li kapaċi taġġorna l-għarfien u tissinjala l-ħtieġa li s-soċjetajiet tagħna jiġu ttrasformati hekk kif jimmaterjalizzaw impatti klimatiċi. Progress ekwivalenti ma jkunx possibbli fin-nuqqas tagħha, b’mod partikolari għall-produzzjoni u l-qsim tal-għarfien u l-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE. L-ambizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klima għall-baġit tal-2021-2027 tibni fuq l-ideat li diġà jinsabu mnaqqxa fl-Istrateġija tal-2013.

Ngħidu aħna, il-Kummissjoni beħsiebha tuża 25 % tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) 66 għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għanijiet ta’ adattament 67 . Il-proposta tippjana li tonfoq 35 % tal-programm ta’ qafas għar-riċerka tal-UE fuq suġġetti marbutin mal-klima 68 . Il-Fond Ewropew dwar l-Iżvilupp Reġjonali jimmira lejn nefqa rigward il-klima ta’ 30 % u l-Fond ta’ Koeżjoni lejn 37 %. Għal dawn iż-żewġ programmi ta’ finanzjament, dan jirrappreżenta żieda relattiva sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu attwali. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni 69 jipprevedu li:

(1)għażla usa’ ta’ investimenti tal-infrastruttura iffinanzjati mill-UE; u

(2)appoġġ permezz ta’ fondi ta’ politika ta’ koeżjoni huwa, fejn applikabbli, kundizzjonali għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri konsistenti mal-istrateġiji dwar l-adattament nazzjonali, u mal-Pjanijiet dwar il-Klima u l-Enerġija Nazzjonali.

Dan se jiġi appoġġjat minn miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi taħt l-inizjattiva tal-Kummissjoni Finanzi Sostenibbli, sabiex kapital privat jiġi trasferit għall-attivitajiet ta’ adattament għal u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jinfetħu aktar rotot għal veikoli finanzjarji mħallta.

Barra minn dan, il-Kummisjoni kompliet tikkonsolida l-adattament fil-proposta leġiżlattiva tagħha għal politika agrikola komuni futura 70 , li fiha l-adattament tal-klima issa huwa identifikat b’mod ċar bħala wieħed mid-disa’ għanijiet speċifiċi, flimkien mal-impatt speċifiku u l-indikaturi tar-riżultati biex jiġi traċċat il-progress. Huwa mistenni li 40 % tal-baġit tal-PAK futura se jikkontribwixxi għal azzjoni klimatika u, barra minn hekk, il-pjanijiet strateġiċi għall-PAK mill-Istati Membri se jiżviluppaw strateġija ta’ intervent imsejsa fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet b’qies tal-politiki u l-ippjanar rilevanti mat-tibdil fil-klima 71 .

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li l-istrateġija attwali hija idonea għall-iskop tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi li l-adattament kellu jibda jiġi intensifikat u diversifikat mill-2013. Qabel tittieħed deċiżjoni dwar reviżjoni possibbli tal-istrateġija, iridu jitqiesu għadd ta’ avvenimenti u l-eżiti tagħhom sal-2020, eż.:

·Il-COP24 72 tal-UNFCCC u d-djalogu faċilitattiv (Talanoa) matul l-2018. L-adattament huwa apsett importanti mill-programm ta’ ħidma tal-Ftehim ta’ Pariġi li qed jiġi nnegozjat bħalissa. COP24 u d-Djalogu ta’ Talanoa se jippromwovu riflessjoni Ewropea u globali dwar il-progress kollettiv u individwali sabiex jintlaħqu l-objettivi fuq terminu twil tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jaf ikollu implikazzjoijiet fuq id-diskussjonijiet dwar l-adattament, partikolarment fid-dawl tar-rapport speċjali tal-Bord Intergovernmentali dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-impatti ta’ tisħin globali ta’ 1.5°C u r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil klimatiku u l-oċeani u l-krijosfera.

·L-implimentazzjoni inizjali tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) fejn xieraq sejrin jinkludu wkoll għanijiet ta’ adattament. Ir-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-abbozzi ta’ pjanijiet u jagħtiha s-setgħa biex tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwarhom. L-Istati Membri se jkollhom iqisu kwalunkwe rakkomandazzjoni, jew jispjegaw pubblikament għaliex ma jkunux għamlu dan. L-istrateġiji nazzjonali fuq terminu twil se jkopru wkoll l-adattament u se jkollhom ikunu konsistenti mal-NECPs. Il-progress dwar l-adattament se jiġi rrappurtat b’mod aktar sistematiku u regolari mill-Istati Membri, u dan il-proċess se jkun iffaċilitat permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-istruttura u l-format ta’ dan ir-rappurtar.

·L-istrateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq terminu twil. L-adattament se jkun integrat fl-istrateġija fuq terminu twil, u b’hekk tiġi enfasizzata l-ħtieġa biex il-kumpaniji u l-gvernijiet tal-UE iħejju għal impatti li jevolvu bil-mod bħaż-żieda fil-livell tal-baħar jew l-iskarsità tal-ilma. Huwa se jixpruna wkoll il-kombinazzjoni ta’ mitigazzjoni u adattament f’azzjonijiet u rispons klimatiċi koerenti.

Sadanittant, il-politiki Ewropej dwar l-ambjent u l-baħar (eż, l-Istrateġija Tematika għall-Ħamrija, l-Istrateġija għall-Bijodiversità), l-Istrateġija għall-Bijoekonomija, l-evalwazzjonijiet li għadhom għaddejjin tal-politika agrikola komuni, il-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni u l-baġit li jmiss ta’ bejn l-2021 u l-2027 se jkomplu jikkonċentraw l-isforzi tal-mainstreaming. L-appoġġ għall-adattament tal-LIFE, tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Orizzont 2020 se jinżamm sal-2020, filwaqt li l-Mekkaniżmu mġedded għall-Protezzjoni Ċivili, jekk jiġi adottat, huwa mistenni li jagħti spinta lir-rabtiet bejn l-adattament u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u, fl-ibliet, il-Patt tas-Sindki se jibqa' għaddej biex jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima.

(1)      Ir-Rapport tal-EEA Nru 15/2017, “Climate change adaptation and disaster risk reduction in Europe” (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "L-adattament għall-bidla fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fl-Ewropa") (2017), aġġornat fl-2018 bħala parti mill-indikatur tal-EEA dwar “Impatti ta’ temp estrem u avvenimenti relatati mal-klima fil-pajjiżi membri tal-EEA”. Id-differenzi fil-ħsara bejn il-pajjiżi huma parzjalment riżultat ta’ livelli ta’ rappurtar li jvarjaw fost il-pajjiżi mistħarrġa. Wieħed jeħtieġ li jinnota li ’l fuq minn 70 % tal-ħsarat huma kkawżati minn 3 % biss tal-avvenimenti rrappurtati.
(2)      Forzieri et al. (2018), “Escalating impacts of climate extremes on critical infrastructures in Europe” (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "L-iskalar tal-impatti tal-estremi klimatiċi fuq l-infrastrutturi kritiċi fl-Ewropa") Global Environmental Change 48 97–107. Studju miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.
(3)      Forzieri et al. (2018), “Escalating impacts of climate extremes on critical infrastructures in Europe” (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "L-iskalar tal-impatti tal-estremi klimatiċi fuq l-infrastrutturi kritiċi fl-Ewropa") Global Environmental Change 48 97–107.
(4)      Dawn li ġejjin huma riżultati mill-ħidma tal-proġett PESETA tal-Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/jrc/en/peseta  
(5)      Kombinazzjoni ta’ xenarji tal-IPCC RCP8.5 – SSP5.
(6)      Vousdoukas et al. (2018), “Climatic and socioeconomic controls of future coastal flood risk in Europe”, Nature Climate Change 8: 776–780. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "Kontrolli klimatiċi u soċjoekonomiċi tar-riskju ta' għarar kostali fil-ġejjieni fl-Ewropa")
(7)      “Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016, EEA Report No 1/2017”, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2017. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "Il-bidla fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa")
(8)      Ara, pereżempju, Benzie et al (2018), “Meeting the global challenge of adaptation by addressing transboundary climate risk: A joint collaboration between SEI, IDDRI, and ODI. Discussion Brief”. L-Istitut għall-Ambjent ta’ Stokkolma, Stokkolma. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "L-issodisfar tal-isfida globali tal-adattament permezz tal-indirizzar tar-riskju klimatiku transfruntier: Kollaborazzjoni konġunta bejn l-SEI, l-IDDRI, u l-ODI. Brief tad-diskussjoni")
(9)      Sors: il-Kummissjoni Ewropea, 2018 – il-proġett PESETA tal-JRC.
(10)      L-adattament pubbliku mhuwiex immudellat u jista’ jnaqqas l-impatt negattiv fuq it-tibdil fil-klima f’pajjiżi terzi.
(11)      Il-metodoloġija tal-istudju PESETA III tal-JRC (ekwilibriju ġenerali multireġjonali, multisettorjali) hija responsabbli wkoll għal effetti ekonomiċi u relatati mal-kummerċ oħrajn, bħal esportazzjonijiet u produzzjoni agrikoli tal-UE ogħla (li jgħollu l-PDG tal-UE) minħabba prezzijiet tal-agrikoltura li qed jiżdiedu fil-bqija tad-dinja, u s-sostituzzjoni ta’ importazzjonijiet ogħla minn sieħeb kummerċjali għal ieħor (devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali). L-effett nett stmat huwa tnaqqis fil-PDG tal-UE.
(12)      Missirian et al. (2017), “Asylum applications respond to temperature fluctuations”, Science 358, 1610–1614,. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "L-applikazzjonijiet għall-ażil jirrispondu għall-fluttwazzjonijiet fit-temperatura")
(13)      xenarju tal-IPCC RCP 4.5.
(14)      L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni. COM (2009) 147 final:
https://ec.europa.eu/health/ph_threats/climate/docs/com_2009_147_en.pdf
(15) Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. COM (2013) 0216 final:
https://ec.europa.eu/clima/policies/adaptation/what_en#tab-0-1  
(16) “Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, EEA Report No 12/2012”, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2012. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' titlu ta' dokument mhux disponibbli bil-Malti: "Il-bidla fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa")
(17)      COACCH (Kodisinjar tal-Valutazzjoni tal-ispejjeż tat-Tibdil fil-Klima): http://www.coacch.eu/  
(18)      Stoerk T, Wagner G, Ward R E T (2018); Rakkomandazzjonijiet dwar it-Titjib tat-Trattament tar-Riskju u l-Inċertezza fl-Istimi Ekonomiċi dwar l-Impatti tal-Klima fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, Review of Environmental Economics and Policy 12: 371-376, https://doi.org/10.1093/reep/rey005
(19)      Eż. evalwazzjonijiet ta’ LIFE (SWD (2017) 355, https://ec.europa.eu/info/publications/mid-term-evaluation-life-programme_en) u Climate-ADAPT (Ir-Rapport tal-EEA Nru 3/2018, https://www.eea.europa.eu/publications/sharing-adaptation-information-across-europe/).
(20)      Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE
(21)      Għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, dan jinkludi t-tliet fondi ta’ politika ta’ koeżjoni, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), kif ukoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).
(22)      http://ec.europa.eu/environment/life/
(23)      https://www.covenantofmayors.eu/
(24)      https://climate-adapt.eea.europa.eu/
(25)      Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs). Ara wkoll ir-Rapporti dwar il-Lakuna fl-Emissjonijiet fuq: https://www.unenvironment.org/resources/emissions-gap-report
(26)       https://www.unisdr.org/we/coordinate/sendai-framework
(27)      Ara: L-Istitut Dinji tar-Riżorsi: “Connecting the Dots: Elements for a Joined-Up Implementation of the 2030 Agenda and Paris Agreement”, 2018. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' dan it-titlu ta' pubblikazzjoni li mhix disponibbli bil-Malti: "Insawru l-Istampa Sħiħa: Elementi għal Implimentazzjoni Konġunta tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi")
(28)      SWD(2017) 127 Il-valur miżjud tal-Kundizzjonalitajiet Ex ante fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
(29)      Reckien et al. (2018), “How are cities planning to respond to climate change? Assessment of local climate plans from 885 cities in the EU-28”, Journal of Cleaner Production, is-26 ta’ Marzu 2018. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' dan it-titlu ta' pubblikazzjoni li mhix disponibbli bil-Malti: "Kif qed jippjanaw li jwieġbu għall-bidla fil-klima l-bliet? Valutazzjoni ta' pjanijiet lokali dwar il-klima minn 885 belt fl-UE-28"). Il-koordinatur tal-istudju silet din iċ-ċifra mill-bażi ta’ data tal-istudju, li kien jinkludi kampjun rappreżentattiv tal-497 belt tal-UE b’aktar minn 150 000 abitant.
(30)      Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/european-territorial/
(31)      Il-Fond Soċjali Ewropew: http://ec.europa.eu/esf/home.jsp
(32)      Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/emff_mt Il-valuri jikkonċernaw il-parti mill-FEMS taħt ġestjoni kondiviża.
(33)      Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali: https://ec.europa.eu/agriculture/rural-development-2014-2020_mt
(34)      Dan jirreferi għall-proġetti ewlenin fis-sens tal-Artikolu 100 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013), li jgħaddu minn proċedura ta’ valutazzjoni speċifika. Eżempji ta’ protezzjoni tajba kontra t-tibdil fil-klima: Il-ġbir ta’ ilma mormi u t-trattament tiegħu fuq il-gżira ta’ Krk, il-Kroazja, CCI: 2017HR16CFMP005 u l-Kostruzzjoni tat-triq espress S2, taqsima: ġunzjoni Puławska – ġunzjoni Lubelska, il-Polonja, CCI: 2017PL16CFMP014
(35)      Pereżempju, permezz tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjoni tal-adattament u l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima tal-Istati Membri fil-kuntest tal-programmi ffinanzjati mill-UE bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
(36)      L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ LIFE (SWD(2017) 355, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/publications/mid-term-evaluation-life-programme_en)
(37)      http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/macro-regional-strategies/
(38)      Wieħed mid-dokumenti komponenti ta’ ħidma tal-persunal tal-istrateġija għall-2013 (SWD(2013) 138 final) kien jittratta d-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni.
(39)      Pereżempju, is-Sottomissjoni tal-UE tal-2017 lill-UNFCCC dwar l-adattament tippreżenta kif l-istrateġija ppromoviet l-użu tal-adattament ibbażat fuq l-ekosistema fl-Ewropa, li jista’ jipprovdi informazzjoni u eżempji rilevanti lil pajjiżi mhux tal-UE bi sfidi jew ekosistemi simili, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.
(40)      Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.
(41)      Il-Mira 15 ta’ Aichi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tgħid: “By 2020, ecosystem resilience and the contribution of biodiversity to carbon stocks has been enhanced, through conservation and restoration, including restoration of at least 15 per cent of degraded ecosystems, thereby contributing to climate change mitigation and adaptation and to combating desertification”. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' silta minn dokument, li mhuwiex ippubblikat bil-Malti: "Sal-2020, ir-reżiljenza tal-ekosistema u l-kontribuzzjoni tal-bijodiversità tal-istokks tal-karbonju tqawwew, permezz tal-konservazzjoni u r-restawr, inkluż ir-restawr ta' talanqas 15 fil-mija tal-ekosistemi degradati, biex b'hekk ikkontrbwew għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għalija u għall-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni".
(42)      Ara: L-Istitut Dinji tar-Riżorsi: “Connecting the Dots: Elements for a Joined-Up Implementation of the 2030 Agenda and Paris Agreement”, 2018. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' dan it-titlu ta' pubblikazzjoni li mhix disponibbli bil-Malti: "Insawru l-Istampa Sħiħa: Elementi għal Implimentazzjoni Konġunta tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi")
(43)      Eż. permezz ta’ programmi qafas ta’ riċerka, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
(44)      Il-portal tal-UE dwar l-adattament: https://climate-adapt.eea.europa.eu/
(45)    Pereżempju, mill-2007, disa’ proġetti ta’ LIFE taħt Azzjoni 2 appoġġjaw l-iżvilupp tal-istrateġiji jew il-pjanijiet għall-adattament għall-klima taħt Azzjoni 1 (baġit totali: EUR 16 miljun). Il-Kummissjoni qed tipproponi li LIFE jenħtieġ li jkompli jkollu subprogramm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha skont il-qafas finanzjarju pluriennali. Jenħtieġ li l-proġett il-ġdid ta’ LIFE jiffoka fuq proġetti integrati strateġiċi, li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet u strateġiji ta’ azzjoni dwar il-klima ewlenin, inklużi dawk ta’ adattament.
(46)    Hemm erba’ strateġiji makroreġjonali, li kollha jintegraw l-adattament: ir-Reġjun Adrijatiku u Jonju, ir-Reġjun Alpin, ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-Reġjun tad-Danubju. “Strateġija Makroreġjonali” hija qafas integrat approvat mill-Kunsill Ewropew, li fost l-oħrajn tiġi appoġġjata mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, sabiex tindirizza sfidi komuni li tħabbat wiċċha magħhom żona ġeografika definita li tinvolvi lill-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE. Aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/macro-regional-strategies/
(47) COM(2018) 097. Ara wkoll: https://ec.europa.eu/info/publications/180308-action-plan-sustainable-growth_en .
(48)      Għalkemm il-prinċipju huwa mnaqqax fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mhuwiex definit hawnhekk. Il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar il-prinċipju prekawzjonarju fl-2000: COM(2000)0001
(49)      L-ECCA li jmiss se tittella’ f’Lisbona. Ara: https://www.ecca2019.eu/
(50)      Il-Kummissjoni talbet lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni għal infrastruttura reżiljenti għat-tibdil fil-klima fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tal-kostruzzjoni, Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C(2014)3451).
(51)    Il-proposti attwali tal-Kummissjoni għall-baġit ta’ bejn l-2021 u l-2027 jipprevedu li firxa usa’ mill-investimenti fl-infrastruttura ffinanzjati mill-UE jkunu protetti kontra t-tibdil fil-klima. Ara: COM(2018) 375 għall-proposta dwar Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u COM/2018/372 final b’mod partikolari għall-FEŻR u l-FK. It-testi legali u l-iskedi informattivi kollha huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/publications/regional-development-and-cohesion_mt . Ara wkoll, COM(2018 439 għall-programm InvestEU, u COM(2018) 438 għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
(52)      COM(2016) 759: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, li jemenda d-Direttiva 94/22/KE, id-Direttiva 98/70/KE, id-Direttiva 2009/31/KE, ir-Regolament (KE) Nru 663/2009, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva 2009/73/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE, id-Direttiva 2010/31/UE, id-Direttiva 2012/27/UE, id-Direttiva 2013/30/UE u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013.
(53)      Id-Danimarka, Franza u r-Renju Unit għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali vinkolanti fis-seħħ li titlob pjanijiet dwar l-adattament lokali mill-awtoritajiet lokali.
(54)      Reckien et al., (2018). “How are cities planning to respond to climate change? Assessment of local climate plans from 885 cities in the EU-28”, Journal of Cleaner Production, is-26 ta’ Marzu 2018. (traduzzjoni mhux uffiċjali ta' dan it-titlu ta' pubblikazzjoni li mhix disponibbli bil-Malti: "Kif qed jippjanaw li jwieġbu għall-bidla fil-klima l-bliet? Valutazzjoni ta' pjanijiet lokali dwar il-klima minn 885 belt fl-UE-28").
(55)      Id-Direttiva 2014/89/UE. Ara wkoll: http://ec.europa.eu/environment/iczm/practice.htm
(56)      COM(2018) 390 final
(57)      JOIN(2016) 49 final, https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/join-2016-49_mt.pdf
L-aġenda tista’ tintuża wkoll biex tindirizza l-bidliet li għadhom għ
addejjin fid-distribuzzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċijiet tal-baħar li toffri sfidi lil dawk responsabbli milli jistabbilixxu l-kwoti.
(58)       https://www.sciencedaily.com/releases/2018/05/180515081720.html
(59)      Madwar l-2015, is-servizzi tal-klima attiraw lejhom attenzjoni dejjem tiżdied permezz tal-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE: https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/news/european-research-and-innovation-roadmap-climate-services
(60)      Ara: https://climate.copernicus.eu/  
(61)      COM(2016)705
(62) COM(2018) 097. Ara wkoll: https://ec.europa.eu/info/publications/180308-action-plan-sustainable-growth_en
(63)      COM(2018) 353, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli
(64)      Xi awtoritajiet lokali (bħaż-Żona Metropolitana ta’ Helsinki fil-Finlandja, Košice u Trnava fis-Slovakkja, Vejle fid-Danimarka u Pariġi fi Franza) diġà identifikaw gruppi li huma soċjalment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u li qed jibdew jippjanaw u jimplimentaw azzjonijiet ta’ adattament soċjalment ġusti. Sors: Breil M, Downing D, Kazmierczak A, Mäkinen K, Romanovska L (2018), “Social vulnerability to climate change in European cities – state of play in policy and practice”. Iċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar l-impatti tat-Tibdil fil-Klima, il-Vulnerabbiltà u l-Adattament (ETC/CCA) Dokument tekniku 2018/1. https://doi.org/10.25424/CMCC/SOCVUL_EUROPCITIES .
(65)      COM(2018)382
(66)      COM(2018) 322. It-testi legali u l-iskedi informattivi kollha huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/publications/factsheets-long-term-budget-proposals_mt
(67)      Innota li fil-livell tal-baġit tal-UE, ir-rappurtar isir fuq il-“mainstreaming tal-klima” bla ebda differenzjar bejn l-adattament u l-mitigazzjoni.
(68)      COM(2018) 435 u https://ec.europa.eu/commission/publications/research-and-innovation-including-horizon-europe-iter-and-euratom-legal-texts-and-factsheets_mt  
(69)      COM(2018) 375 għall-proposta dwar Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u COM/2018/372 final b’mod partikolari għall-FEŻR u l-FK. It-testi legali u l-iskedi informattivi kollha huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/publications/regional-development-and-cohesion_mt . Ara wkoll, COM(2018 439 għall-programm InvestEU, u COM(2018) 438 għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
(70) COM(2018)392
(71)      Kif jissemma fl-Artikoli 96, 97 u 103, u fl-Anness XI tal-proposta tal-Kummissjoni (COM(2018) 392).
(72)      L-24 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC: http://cop24.gov.pl/