Brussell, 26.10.2018

COM(2018) 706 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għas-settur agrikolu

{SWD(2018) 450 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għas-settur agrikolu

1.Introduzzjoni

1.Skont l-Artikolu 225(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (l-“OKS”) 1 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta’ Diċembru 2017, rapport dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni fis-settur agrikolu b’mod partikolari dwar l-operat tal-Artikoli 209, 210, u 169, 170 u 171 tal-OKS.

2.Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-kontribut tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ("NCAs"), l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet privati lill-Kummissjoni, l-istudji tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa, tal-uċuħ tar-raba’ u s-settur taċ-ċanga u l-vitella (2017) u dwar l-organizzazzjonijiet li jiġbru fihom diversi fergħat tas-settur (2016).

3.Is-“Settur agrikolu” jkopri l-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2) u l-Anness I tal-OKS.

4.Ir-rapport ikopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sa nofs l-2017, sa fejn id-derogi mir-regoli tal-kompetizzjoni fl-OKS huma kkonċernati u mill-1 ta’ Jannar 2012 sa nofs l-2017 għad-deskrizzjoni ta’ investigazzjonijiet dwar l-antitrust (“il-Perjodu”) 2 . Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar id-derogi u l-investigazzjonijiet dwar l-antitrust.

1.1.Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

5.L-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi ftehimiet bejn żewġ operaturi indipendenti tas-suq jew aktar li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Dawn ikopru b’mod partikolari l-arranġamenti ta’ ffissar tal-prezzijiet, li jneħħu l-inċentivi biex titjieb il-produzzjoni u huma ksur serju. Skont l-Artikolu 101(3) TFUE il-ftehimiet huma eżentati mill-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) jekk dawn jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi oġġettivi li jegħlbu l-effetti negattivi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, pereżempju billi jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, waqt li jippermettu li l-konsumatur ikollu sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta. Ir-restrizzjoni trid tkun ukoll indispensabbli u l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata. L-operaturi jevalwaw huma stess jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE humiex sodisfatti 3 .

6.Is-settur agrikolu jista’ jibbenefika wkoll minn eżenzjonijiet taħt ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni, pereż. l-hekk imsejjaħ ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni (SBER). 4 Jekk il-partijiet li jipproduċu jew jipproċessaw prodotti b’mod konġunt u l-ishma tas-suq kombinati tal-partijiet flimkien ma jaqbiżx l-20 % tas-suq relevanti għall-prodotti pproċessati, is-SBER jippermetti l-bejgħ konġunt ta’ prodotti bħal dawn. Dan huwa rilevanti pereżempju għal kooperattivi, li ta’ spiss jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ pproċessar.

7.L-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi lill-impriżi milli jkollhom pożizzjoni dominanti f’suq partikolari li jabbużaw minn dik il-pożizzjoni, pereżempju billi jiġu ċċarġjati prezzijiet inġusti jew billi jillimitaw il-produzzjoni.

1.2.L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għas-settur agrikolu

8.It-TFUE jagħti status speċjali lis-settur agrikolu. Skont l-Artikolu 42 TFUE, ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti agrikoli biss sal-punt determinat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-qafas tal-Artikolu 43(2) TFUE u b’kunsiderazzjoni tal-ħames għanijiet tal-Artikolu 39 TFUE. L-għanijiet huma li tiżdied il-produttività, jinkiseb standard ta’ għixien ġust għall-komunità agrikola, stabilizzazzjoni tas-swieq, l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti u l-assigurazzjoni ta’ prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola komuni fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. 5 Hija tirrikonoxxi li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva hija waħda mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq 6 .

2.derogi mill-Artikolu 101(1) TFUE

9.Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor mill-OKS (l-Artikolu 206 tal-OKS). L-OKS fiha derogi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li japplikaw għat-tipi kollha, jew xi setturi agrikoli jew f’sitwazzjonijiet speċifiċi.

10.Il-grafika ta’ hawn taħt tiddeskrivi l-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni u d-derogi qabel l-1 ta’ Jannar 2018 7 .

Graff 1

Ir-regoli tal-kompetizzjoni qabel l-01.01.2018

11.Ħafna minn dawn id-derogi japplikaw għall-ħidma ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ produtturi (OP), li l-attivitajiet tagħhom huma deskritti fl-Artikolu 152 tal-OKS; oħrajn japplikaw għal bdiewa u assoċjazzjonijiet tal-bdiewa (l-Artikolu 209) u l-Artikolu 210 tal-OKS japplika għal kooperazzjoni vertikali fil-katina tal-provvista minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti.

12.F’dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-ħaxix u l-frott, li jikkonċerna l-attivitajiet tal-OP l-Artikolu 160 tal-OKS jirrikjedi li l-membri produtturi jqiegħdu fis-suq il-produzzjoni sħiħa tagħhom ikkonċernata permezz tal-OP. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 8 , l-attività prinċipali tal-OP fis-settur tal-ħaxix u l-frott tirrigwarda l-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-membri tagħhom. F’każ riċenti dwar OP tal-frott u ħxejjex, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li, suġġett għal kundizzjonijiet, l-Artikolu 101 TFUE ma jistax japplika għal ċerti attivitajiet (pereż. l-ippjanar ta’ volumi, l-adozzjoni ta’ politika ta’ pprezzar) ta’ dawn l-OP 9 . Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri juru li l-OP / AOP ikkummerċjalizzaw madwar 50 % tat-total tal-frott u l-ħxejjex prodott fl-UE fl-2015.

13.Ir-rikonoxximent ta’ OP u AOP huwa mogħti mill-Istati Membri. Bħalissa, hemm aktar minn 1 700 OP rikonoxxuti u 60 AOP fis-settur tal-frott u l-ħxejjex tal-UE. Dan huwa dovut għall-fatt li l-kofinanzjament tal-UE għall-programmi operazzjonali jiġi allokat lil OP rikonoxxuti. Fis-settur tal-ħalib hemm madwar 300 OP rikonoxxuti u seba' AOP. Hemm madwar 1 200 OP rikonoxxuti u disa’ AOP f’setturi oħra, prinċipalment għal-laħam, iż-żejt taż-żebbuġa u ċ-ċereali 10 .

14.Filwaqt li dan ir-rapport huwa limitat għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, żewġ żviluppi reċenti għandhom jissemmew.

15.L-ewwel nett, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Endives 11 li prattiki bħall-koordinazzjoni tal-politiki tal-ipprezzar u l-volum kif ukoll skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom (AOP) huma pprojbiti taħt l-Artikolu 101 TFUE. Il-Qorti sabet ukoll li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 101 TFUE jista' ma japplikax f'assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (AOP) OP rikonoxxuti għal tali attivitajiet li jitwettqu minn OP / AOP. Il-prattiki inkwistjoni għandhom, b’mod partikolari, ikunu strettament meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-għanijiet assenjati l-OP / AOP mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

16.It-tieni nett, mill-1 ta’ Jannar 2018, l-Artikolu 152 tal-OKS, kif emendat mir-Regolament Omnibus, ipprovda għal deroga mill-Artikolu 101 TFUE għal OP / AOP rikonoxxuti. Biex tinvoka d-deroga, l-OP / AOP trid tintegra mill-inqas attività waħda tal-membri produtturi (pereż. it-trasport, il-ħżin), ġenwinament teżerċita l-attività, tikkonċentra l-provvista u tqiegħed il-prodotti tal-membri tagħha fis-suq.

2.1.Derogi ġenerali tal-kompetizzjoni fl-OKS

2.1.1.Artikolu 209 OKS

17.L-Artikolu 209 (1) it-tieni paragrafu tal-OKS, li ilu jeżisti bi kliem simili mill-1962, huwa deroga ġenerali mill-Artikolu 101(1) TFUE għall-bdiewa li jaħdmu flimkien. Il-ftehimiet ma għandhomx jikkompromettu l-għanijiet tal-Artikolu 39 TFUE, (ii) jinvolvu obbligu biex jintalab prezz identiku jew (iii) jeskludu l-kompetizzjoni. Hekk kif il-bdiewa jevalwaw l-applikabbiltà tad-deroga għall-ftehim huma nfushom mingħajr ma jinformaw lill-Istati Membri jew lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex data dwar kemm spiss il-bdiewa invokaw din id-deroga. F’investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, il-partijiet rari rreferew għall-Artikolu 209 tal-OKS.

18.L-awtorità tal-kompetizzjoni fin-Netherlands trattat l-artikolu predeċessur tal-Artikolu 209 tal-OKS — Artikolu 176 tar-Regolament 1234/2007 — f’żewġ investigazzjonijiet. F’waħda minn dawn, fl-2012, l-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (National Competition Authority, “NCA”) mmultat grupp ta’ produtturi agrikoli, bejjiegħa bl-ingrossa u proċessuri għal ftehim li llimita l-produzzjoni tal-basal tal-ikel. Il-partijiet għall-ftehim ikkondividew ukoll informazzjoni dwar il-prezzijiet sabiex jallinjaw il-prezzijiet u jiksbu l-ogħla livell ta’ prezz possibbli. Sabiex jappoġġaw il-ftehim huma xtraw diversi produtturi kompetituri tal-basal li wara l-akkwist ma jibqgħux jipproduċu l-basal. Il-partijiet sostnew li l-ftehim seta’ jiġi kopert mid-deroga, minħabba li kien meħtieġa sabiex tiżdied il-produttività u l-produzzjoni kif ukoll biex jinkisbu prezzijiet raġonevoli. L-NCA sabet li d-deroga ma kinitx tapplika minħabba li 1) il-partijiet ma kinux parti minn organizzazzjoni nazzjonali tas-suq, 2) il-kwoti ta’ output ta’ kull sena kienu maħsuba biex jgħollu l-prezzijiet ’il fuq mil-livell kompetittiv u l-ftehim ma kienx jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli u 3) il-ftehimiet kienu jinvolvu li jinżammu prezzijiet identiċi.    

2.1.2. L-Artikolu 210 tal-OKS — Ftehimiet minn Organizzazzjonijiet Interprofessjonali (IBO)

19.Skont l-Artikolu 210 tal-OKS, l-Interbranch Organisations (IBOs) rikonoxxuti jistgħu jiddependu fuq deroga mill-Artikolu 101(1) TFUE. Huma għandhom jinnotifikaw il-ftehimiet lill-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni ma ssibhomx inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni fi żmien xahrejn wara li tkun irċeviet in-notifika sħiħa, l-Artikolu 101(1) TFUE ma jkunx japplika. Il-Ftehim ma għandux jinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet jew kwoti jew iwassal għal qsim tas-suq jew joħloq distorsjonijiet oħra tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni rċeviet żewġ notifiki minn IBOs skont dan l-artikolu.

20.F’Jannar 2015, il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għal ftehim tas-Centre National Interprofessionnel de l'Economie Laitière (CNIEL) li stabbilixxa prezzijiet għal ċerti karatteristiċi tal-ħalib. Billi l-prezz tal-ħalib jiddependi fuq il-kompożizzjoni u l-kwalità tiegħu, l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-CNIEL jippubblikaw ċifri għal speċifikazzjonijiet tekniċi varji tal-ħalib ibbażati fuq parametri differenti tal-ħalib (pereż. il-kontenut ta’ xaħam, l-oriġini tal-ħalib fuq il-bażi tat-tip ta’ baqar, kriterji għal saħħa u iġjene) li jwasslu għal bonusijiet jew penali meta mqabbel mal-prezz bażiku. Il-bdiewa li jipproduċu l-ħalib u x-xerrejja jistgħu fuq bażi volontarja jirreferu fil-kuntratti tagħhom għall-grilji ppubblikati biex jaqblu fuq primjum jew penali fir-rigward tal-prezz bażiku tal-ħalib.

21.F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għall-ftehim tal-organizzazzjoni interprofessjonali Franċiża Comité national interprofessionnel de la pomme de terre (CNIPT) li jistabbilixxi indikatur tal-prezzijiet fir-rigward tal-patata. L-indikatur tal-prezz huwa bbażat fuq data aggregata ta’ kif il-bdiewa fil-passat ġew imħallsa għal ċerti varjetajiet ta’ patata. Il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni għandha l-għan li żżid l-għarfien dwar il-katina tal-provvista. Il-bdiewa tal-patata u x-xerrejja jistgħu fuq bażi volontarja jirreferu għall-indikatur tal-prezz ippubblikat fil-kuntratti individwali tagħhom.

22.Bħalissa hemm 128 organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti f’disa’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, u l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-IBOs jinsabu fi Franza u Spanja (65 u 27 IBO rispettivament). Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali joperaw fis-settur tal-inbid u l-frott u l-ħaxix 12 .

2.2.Derogi speċifiċi għas-settur fl-OKS

2.2.1.Negozjati kuntrattwali

23.Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, f’erba’ setturi — taż-żejt taż-żebbuġa, tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat u ħalib u prodotti tal-ħalib — l-OKS provda l-possibbiltà li l-OP jinnegozjaw il-kuntratti ta’ provvista għall-bejgħ tal-prodotti rispettivi tal-membri tagħhom. Il-miżuri kellhom element komuni fit-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-bdiewa fir-rigward tal-imsieħba tagħhom aktar ‘l isfel fil-proċess, iżda l-kundizzjonijiet u l-attivitajiet awtorizzati skont dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti.

24.Mill-2012 'l hawn, skont l-Artikolu 149 tal-OKS fis-settur tal-ħalib, OP rikonoxxuti, soġġett għal limiti kwantitattivi, jistgħu jinvolvu ruħhom f’negozjati kuntrattwali mingħajr ma jkunu meħtieġa li jikkonċentraw il-provvista u jqiegħdu l-prodotti tal-membri tagħhom fis-suq jew għal integrazzjoni li ttejjeb l-effiċjenza tal-attività tal-produtturi tagħhom. OP tista’ tinnegozja prezz għall-kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat lill-proċessuri. L-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġiet deskritta f’rapporti tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2016 13 . Disa’ Stati Membri rrapportaw konsenji tal-ħalib mhux ipproċessat fl-2016 skont kuntratti nnegozjati b’mod kollettiv. Il-volum innegozjat b’mod kollettiv kien jammonta għal 22,8 miljun tunnellata, li jikkorrispondu għal 15 % tal-konsenji totali fl-UE tal-ħalib fl-2016. Id-deroga speċifika għas-settur tal-ħalib fl-Artikolu 149 tal-OKS għadha applikabbli.

25.Mill-2014, l-Artikoli 169, 170 u 171 tal-OKS ippermettew bejgħ konġunt u attivitajiet relatati mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa, ċanga u vitella u uċuh tar-raba’ mill-produtturi permezz ta’ OP rikonoxxuti. Soġġett għal limiti kwantitattivi, l-OP tista’ tinnegozja kuntratti ta’ provvista, sakemm hija tikkonċentra l-provvista u tqiegħed il-prodotti tal-membri tagħha fis-suq. Barra minn hekk hemm bżonn li tintegra mill-inqas attività waħda tal-membri produtturi, li għandha tkun tiġġenera effiċjenzi sinifikanti. Fl-2015, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet 14 . Id-dispożizzjonijiet ġew revokati mill-1 ta’ Jannar 2018 bir-Regolament (UE) 2017/2393. Filwaqt li derogi fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa, tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat ġew imħassra, huma jibqgħu legalment rilevanti għal dawk l-attivitajiet, li seħħu qabel l-emendi tar-Regolament Omnibus daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

26.Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għal dawn it-tliet setturi, l-OP trid tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħha l-volum tal-prodott kopert min-negozjati. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni: Sa mid-dħul fis-seħħ tal-OKS, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda notifika bħal din.

27. Fl-2017, il-Kummissjoni nediet studju dwar l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u l-attivitajiet tagħhom fit-tliet setturi. Ir-riżultati juru li hemm ħafna aktar milli OP / AOP mhux rikonoxxuti milli OP / AOP rikonoxxuti. In-numru totali ta’ OP u AOP rikonoxxuti u mhux rikonoxxuti huwa ta’ madwar 1 400 entitajiet fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa; madwar 800 fis-settur taċ-ċanga u l-vitella u madwar 1 600 fis-settur tal-uċuħ tar-raba’.

28.Ir-riżultati juru wkoll li madwar żewġ terzi ta’ OP u AOP iwettqu negozjati kuntrattwali u, li kważi dawk il-OP u AOP kollha li jagħmlu dan iwettqu mill-anqas waħda mill-attivitajiet li jsaħħu l-effiċjenza kif obbligati mill-Artikoli 169–171 tar-Regolament dwar l-OKS, fejn l-aktar attivitajiet komuni li jtejbu l-effiċjenza huma l-kontroll tal-kwalità, id-distribuzzjoni/it-trasport u l-akkwist ta’ inputs. L-OP iwettqu dawn l-attivitajiet li jżidu l-effiċjenza l-ewwel u qabel kollox minħabba li huma jqisu li dawn l-attivitajiet itejbu l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati max-xerrejja. L-ebda l-OP ma ssodisfat ir-rekwiżiti amministrattivi kollha (ir-rikonoxximent u n-notifika ta’ volumi nnegozjati) biex tibbenefika mid-deroga.

2.2.2.Settur ieħor ta’ derogi, inklużi miżuri ta’ kriżi

29. L-Artikoli 150 u 172 tal-OKS jippermettu lill-OP biex jaqblu biex jadattaw l-offerta għad-domanda u jiġu żgurati l-valur miżjud u l-kwalità ta’ ċerti prodotti. Għall-forniment ta’ ġobnijiet DOP/IPĠ 15  Franza applikat ġestjoni tal-forniment għal tmien ġobnijiet u l-Italja għal erba’ ġobnijiet taħt l-Artikolu 150 tal-OKS. Possibbiltà simili għall-provvista ta’ perżut DOP/IĠP sa issa kienet użata biss mill-Italja, l-Artikolu 172 tal-OKS. Għall-inbid, Franza (17-il każ) u Spanja (każ wieħed) innotifikaw lill-Kummissjoni li stabilixxew regoli tas-suq għar-regolament tal-forniment skont l-Artikolu 167 tal-OKS.

30.Fis-settur taz-zokkor, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 16 jippermetti lill-proċessuri taz-zokkor u dawk li jkabbru l-pitravi zokkrija biex jaqblu li jaqsmu l-valur u t-telf bejniethom, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Il-klawżola dwar il-qsim tal-valur hija fakultattiva u għandha tiġi mifthiema biss bejn proċessur taz-zokkor wieħed (jiġifieri l-ebda kooperazzjoni bejn diversi proċessuri) u dawk li jkabbru l-pitravi fl-istess ħin. Il-partijiet ma jistgħux jiffissaw prezzijiet għall-pitravi. Il-qsim tal-valur huwa mifruxa ħafna, jiġifieri f’35 mit-42 ftehim fil-kummerċ 17 , li għalihom il-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni.

31.L-Artikolu 33 tal-OKS jipprevedi għall-possibbiltà ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li jimplimentaw diversi miżuri taħt il-programmi operattivi, inter alia l-ippjanar tal-produzzjoni u miżuri ta’ kriżi. Dawn il-miżuri huma kofinanzjati mill-UE. Fl-2015, l-assistenza finanzjarja tal-UE għal miżuri ta’ kriżi ammontat għal EUR 50 miljun.

32.F’sitwazzjoni ta’ żbilanċ serju fis-suq, l-Artikolu 222 tal-OKS jippermetti ftehimiet ta’ OP / AOP u IBOs rikonoxxuti fis-setturi agrikoli kollha għal perjodu limitat ta’ sitt xhur, li jista’ jiġġedded darba. Tali miżuri ta’ kriżi biex pereż. jiġu rtirati prodotti mis-suq kienu awtorizzati mill-Kummissjoni matul il-kriżi tal-ħalib minn April 2016 sa April 2017. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li din l-awtorizzazzjoni ġiet użata.

2.3.L-Artikolu 101(3) TFUE

33.Il-ftehimiet milħuqa bejn produtturi indipendenti pereż fuq kwantitajiet u bejgħ jistgħu jiġu eżentati taħt l-Artikolu 101(3) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet deskritti fil-paragrafu5 hawn fuq ikunu sodisfatti.

34.Fl-2013 l-NCA fil-Latvja, f’investigazzjoni ex officio, ivvalutat il-ftehim ta’ pproċessar konġunt minn żewġ kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib li kienu jinkludu l-iffissar tal-prezz tal-ħalib mhux ipproċessat skont il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni (ekwivalenti għall-Artikolu 101(3) TFUE). L-NCA sabet li l-ftehim jista’ jiġi eżentat, billi l-kundizzjonijiet kollha kienu sodisfatti.

35.Fl-2013, l-NCA fi Franza bdiet investigazzjoni fuq il-bażi ta’ lment u mmultat ħames biċċiera tal-majjali minħabba qbil dwar il-kwantitajiet ta’ laħam tal-majjal li għandhom jinxtraw minn bdiewa li jipproduċu majjali ħajjin. L-għan kien biex jitbaxxa l-prezz li jitħallas lill-bdiewa. L-NCA mmultat ukoll assoċjazzjoni ta’ biċċiera talli bagħtet struzzjonijiet dwar prezzijiet lill-membri tagħha. Barra minn hekk, seba’ biċċeriji, assoċjazzjoni ta’ biċċiera u federazzjoni ta’ xerrejja permezz ta’ suq b’irkant kienu mmultati talli qablu kollettivament fuq prezz bażi li għandu jitħallas lill-bdiewa. Rigward l-aħħar ksur, il-partijiet sostnew li l-ftehim tagħhom jista’ jiġi eżentat skont l-Artikolu 101(3) TFUE. L-NCA kkonkludiet li anki jekk il-partijiet setgħu juru li l-iffissar ta’ prezz bażi kkontribwixxa biex itejjeb il-produzzjoni tal-laħam, il-kundizzjonijiet l-oħra ma ġewx sodisfatti billi l-prezz bażiku fiss ma kienx jippromwovi l-progress ekonomiku u l-prattika ma kinitx tippermetti li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta minn dan.

3.Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu

36.Fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2012 sa nofs l-2017 (“il-Perjodu”), l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni 18 kkonkludew madwar 126 investigazzjoni b’madwar 41 investigazzjoni li għadhom għaddejjin, li jwassal għal total ta’ 167 investigazzjoni. L-akbar numru ta’ investigazzjonijiet sar mill-NCAs fl-Awstrija (24), id-Danimarka (22), il-Greċja (21) u mill-Kummissjoni Ewropea (22).

3.1.Kategoriji ewlenin tal-prodott investigat

37.L-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkopru firxa wiesgħa ta’ prodotti agrikoli, iżda l-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin ġew investigati l-aktar frekwenti: ħalib u prodotti tal-ħalib (34 %), il-laħam (19 %), il-frott u l-ħaxix (12 %) u ċ-ċereali (10 %). Numru ta’ investigazzjonijiet saru wkoll fil-kategoriji ta’ żrieragħ żejtnija, żjut u xaħmijiet (5 %), zokkor (5 %) u għar-ross (2 %).

38.Il-każijiet ta’ ksur misjuba mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw f’piena finanzjarja jikkonċernaw varjetà ta’ prodotti agrikoli, inklużi: ħalib u prodotti tal-ħalib (26 %), frott u ħaxix (22 %), laħam b’mod ġenerali (16 %), żrieragħ taż-żejt, żejt u xaħmijiet (10 %), prodotti oħrajn, pereż. ħall naturali, inbid, ċereali, inbid, qoton, zokkor (26 %).

3.2.L-entitajiet soġġetti għal investigazzjonijiet

39.L-entitajiet soġġetti għal investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma: proċessuri (36 %), bejjiegħa bl-imnut (15 %), tipi oħra ta’ assoċjazzjonijiet (11 %), produtturi agrikoli (9 %), bejjiegħa bl-ingrossa (9 %), organizzazzjoni tal-produtturi agrikoli (9 %), assoċjazzjonijiet ġenerali tal-bdiewa (9 %), oħrajn (7 %), assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (4 %).

40.L-entitajiet soġġetti għal deċiżjonijiet fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabu ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni huma: proċessuri (39 %), bejjiegħa bl-imnut (26 %), bejjiegħa bl-ingrossa (12 %), tipi oħra ta’ assoċjazzjonijiet (7 %), produtturi agrikoli (5 %), organizzazzjonijiet ta’ produtturi agrikoli (4 %), oħrajn (4 %), assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi (3 %).

41.Il-proċessuri huma l-entitajiet l-aktar rappreżentati fl-investigazzjonijiet. Pereżempju, fl-2014, l-NCA fil-Ġermanja mmultat tliet proċessuri ewlenin Ġermaniżi taz-zokkor għall-iffurmar ta’ “kartell territorjali” li jfisser li huma kienu se jillimitaw il-bejgħ tagħhom ta’ zokkor fil-Ġermanja għaż-żona tal-bejgħ lokali rispettiva tagħhom. Huma qablu wkoll dwar il-prezzijiet u l-kwantitajiet li kellhom jinbigħu. L-għan kien li jinkiseb l-ogħla prezz possibbli. F’żewġ każijiet oħra ex officio pereżempju, matul l-2012 u l-2013, l-NCAs fi Franza u fil-Ġermanja rispettivament immultaw 17 u 22 imtieħen tad-dqiq talli qablu b’mod konġunt dwar il-prezzijiet tal-bejgħ, il-kwantitajiet li kienu se jbigħu u lil liema klijenti kull mitħna kienet se tillimita l-bejgħ. F’eżempju ieħor, f’każ ex officio mill-2012 l-NCA fil-Greċja mmultat il-proċessuri (kumpaniji privati, kooperattivi u assoċjazzjoni ta’ proċessuri) ta’ laħam tat-tjur biex flimkien inter alia jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom u jipprevjenu l-importazzjonijiet tat-tiġieġ.

3.3.Sorsi ewlenin ta’ investigazzjonijiet

42.Fir-rigward tal-oriġini tal-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fetħu l-maġġoranza tal-investigazzjonijiet wara lmenti (mill-fornituri, kompetituri jew klijenti). L-awtoritajiet fetħu proċedimenti oħra fuq inizjattiva tagħhom stess wara li saru konxju ta’ prattiki anti-kompetittivi potenzjali permezz ta’ informazzjoni dwar is-suq.

3.4.Tipi tal-kwerelanti

43.Il-kwerelanti huma varjati u essenzjalment jinkludu: produtturi agrikoli (23 %), proċessuri (19%), oħrajn (15 %), organizzazzjoni tal-produtturi agrikoli (13 %), persuni individwali (7 %), bejjiegħ bl-ingrossa (5%), bejjiegħ bl-imnut (5 %), tipi oħra ta’ assoċjazzjonijiet (5 %), assoċjazzjonijiet agrikoli ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi (3 %), awtoritajiet lokali (3 %), assoċjazzjonijiet ġenerali tal-bdiewa (2 %).

44.Dan juri li l-produtturi agrikoli waħidhom jew fi sħubija huma l-aktar sors importanti ta’ lmenti. L-investigazzjonijiet wassal biss għal sejba ta’ ksur f’madwar wieħed minn kull erba’ investigazzjonijiet koperti minn dan ir-rapport. Dan il-proporzjon huwa aktar baxx għal investigazzjonijiet li saru wara lmenti ta’ produtturi agrikoli: minn 25 investigazzjoni miftuħa fil-Perjodu wara lmenti mressqa minn produtturi agrikoli, kien biss 4 investigazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-produtturi agrikoli pubbliċi spiss jagħmlu l-ilmenti tagħhom pubbliċi fiż-żmien li huma jippreżentawhom lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, u b’hekk idgħajjfu l-possibbiltajiet li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiġbru evidenza ta’ ksur possibbli.

45.L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni xorta identifikaw bosta prattiki li kienu direttament detrimentali għall-bdiewa. Pereżempju, fuq il-bażi ta’ lment l-NCA fi Spanja mmultat lil xerrejja li qablu li jħallsu prezzijiet iktar baxxi lill-bdiewa għall-ħalib mhux ipproċessat u li allokaw il-bdiewa bejniethom. F’eżempju ieħor, fuq il-bażi ta’ lment, l-NCA fi Franza mmultat lil xerrejja ta’ majjali ħajjin, minħabba li kienu ftiehmu fuq il-kwantitajiet li kienu qed jippjanaw li jixtru mingħand bdiewa bil-ħsieb li jitnaqqas il-prezz ta’ dawn l-annimali. L-NCAs pereżempju intervjenew ukoll biex jittaffew il-kundizzjonijiet ta’ esklussività imposti minn kooperattivi dominanti fuq il-bdiewa. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għenu lill-bdiewa jfornu bosta kooperattivi tal-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat (fl-Iżvezja) u pitravi taz-zokkor (fi Franza), biex b’hekk jiżdiedu l-għażliet għall-produtturi li jiksbu prezzijiet ogħla u jippermettulhom li jżidu l-produzzjoni tagħhom (pereżempju għall-pitravi fiż-żmien tat-tneħħija tal-kwoti).

3.5.Riżultati ta’ investigazzjonijiet

46.L-investigazzjonijiet antitrust fis-settur agrikolu li ngħalqu matul il-Perjodu wasslu għal erba’ tipi differenti ta’ riżultati:

a.deċiżjoni ta’ ksur b’multi, jiġifieri l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni obbligaw entità li twaqqaf il-ksur u li tħallas piena monetarja (madwar nofs tal-każijiet konklużi);

b.deċiżjoni ta’ ksur mingħajr multi, jiġifieri l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni obbligaw entità li twaqqaf il-ksur mingħajr ma tħallas piena monetarja (ftit mill-każijiet konklużi);

c.deċiżjonijiet ta’ impenn, jiġifieri l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma ddeċidewx jekk kienx hemm ksur u adottat deċiżjoni li tagħmel l-impenn offrut mill-entità taħt investigazzjoni legalment vinkolanti, u b’hekk jitneħħa kwalunkwe tħassib potenzjali (ftit mill-każijiet konklużi);

d.għeluq mingħajr deċiżjoni, jiġifieri l-għeluq tal-proċedimenti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi (fost dawn l-investigazzjonijiet iċ-ċaħda tal-ilmenti għandha tiġi kkunsidrata), minħabba li sforzi sproporzjonati kienu neċessarji sabiex jissodisfaw l-oneru tal-prova meħtieġa jew minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet (madwar nofs il-każijiet konklużi).

3.6.Tipi ta’ ksur misjuba



Grafika 1

L-għadd ta’ tipi ewlenin ta’ ksur investigat fil-Perjodu 01/2012–06/2017 19

47.L-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni investigaw ftehimiet vertikali (38 % tal-investigazzjonijiet fil-Perjodu), jiġifieri ftehimiet bejn entitajiet li joperaw fuq livelli differenti ta’ produzzjoni. Pereżempju, l-NCAs investigaw ftehimiet bejn proċessuri u bejjiegħa bl-imnut li jistabbilixxi prezz tal-bejgħ minimu pereżempju fis-Slovakkja għal każ wieħed li jikkonċerna l-prodotti tal-ħalib u fil-Bulgarija għal tliet każijiet li jikkonċernaw iż-żejt tal-ġirasol. L-NCA fl-Awstrija kkonkludiet 23 investigazzjoni dwar ftehimiet bejn proċessuri u bejjiegħa bl-imnut fuq il-prezzijiet bl-imnut minimi dwar ħalib, laħam u prodotti tad-dqiq. F’xi każijiet oħra, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonkludew li ksur kien improbabbli u għalhekk għalqu l-investigazzjoni. Pereżempju, l-NCA fil-Kroazja bdew investigazzjoni fuq il-bażi ta’ lment dwar ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi tal-ħalib u l-proċessuri tal-ħalib, dwar il-kalkolu tal-prezz tax-xiri tal-ħalib. L-NCA sabet li n-negozjati u l-arranġamenti għall-prezzijiet tax-xiri tal-ħalib ma kinux ikkunsidrati bħala problematiċi skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

48.L-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni investigaw ftehim orizzontali, jiġifieri ftehim bejn żewġ kompetituri attwali jew potenzjali, jew aktar, (38 %), pereżempju, ftehimiet bejn il-produtturi li jiffissaw il-prezz ta’ prodott agrikolu. Pereżempju, f’investigazzjoni ex officio, l-NCA f’Ċipru sabet li assoċjazzjoni agrikola ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, kisru r-regoli tal-kompetizzjoni billi kkonkludew mal-bdiewa tagħhom, membri tal-assoċjazzjoni, ftehimiet ta’ distribuzzjoni għal ħalib mhux proċessat tal-baqra li kienu jinkludu termini speċifiċi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-ħalib mhux ipproċessat. F’każijiet oħra, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonkludew li ksur kien improbabbli u għalhekk għalqu l-investigazzjoni. Pereżempju, l-NCA fil-Polonja għalqet l-investigazzjoni tagħha dwar ilment minħabba nuqqas ta’ evidenza li bdil fil-prezz relattivament rapidu u simultanju (l-aktar tnaqqis) għat-tuffieħ industrijali mixtrija mill-proċessuri irriżultaw minn ftehim dwar l-iffissar tal-prezz.

49.L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni investigaw ukoll ftehimiet li kienu kemm vertikali kif ukoll orizzontali għaliex huma kienu jinvolvu diversi livelli tal-katina tal-provvista u huma involvew ukoll kważi kull livell tal-kompetituri, jekk mhux kollha. Pereżempju, fl-2015 il-Kummissjoni Ewropea ex officio ħarset lejn ftehimiet li assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ produtturi agrikoli pubblikament irrapportaw li laħqu mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ proċessuri u assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ bejjiegħa bl-imnut fi Franza. Il-ftehimiet għandhom l-għan li jżidu l-prezzijiet ta’ ċerti prodotti mill-ħalib u tal-laħam u eskludew provvisti ta’ produtturi minn Stati Membri oħra billi kkommettew lill-bejjiegħa bl-imnut biex jiksbu 100 % tal-prodotti rilevanti fi Franza. L-intervent tal-Kummissjoni żgura li l-ixkafef tas-supermarkets Franċiżi ma kinux riżervati għal prodotti Franċiżi, u b’hekk jiġi evitat li jsir ċiklu ta’ ritaljazzjonijiet għall-bdiewa kollha fis-Suq Intern u l-każijiet ingħalqu. Bosta NCAs investigaw ftehimiet simili.

50.L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni investigaw aktar il-potenzjal ta’ aġir abbużiv imwettaq mill-operaturi dominanti (24 %). Dawn l-abbużi prinċipalment kienu jinvolvu strateġiji sabiex jiġu esklużi kompetituri, bħal obbligi ta’ esklużività, obbligi tax-xiri minimu, ir-rifjut ta’ forniment u l-hekk imsejħa abbużi ta’ sfruttament, bħalma huma l-obbligi kuntrattwali mhux ġustifikati. F’xi każijiet, l-NCAs sabu li kumpaniji dominanti abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, pereżempju billi rrifjutaw li jfornu l-prodotti tagħhom lil ċerti klijenti. F’eżempju wieħed, fl-2012, fuq il-bażi tal-ilment l-NCA fil-Finlandja proponiet multa fuq kooperattiva tal-ħalib minħabba li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi biegħet ħalib frisk bi prezzijiet artifiċjalment baxxi. L-NCA sabet li l-motivazzjoni tal-kooperattiva għal prezzijiet baxxi kien biex il-proċessuri l-oħra kollha jħallu s-suq, inklużi proċessuri minn azjendi żgħar, sabiex il-proċessur dominanti jsir l-uniku proċessur tal-ħalib fis-suq — li jippermettu mbagħad li jgħolli l-prezzijiet għal darb’oħra.

51.Il-każijiet kollha ta’ mġiba abbużiva min-naħa tal-operaturi dominanti misjuba mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jikkonċernaw is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

52.Xi drabi, il-każijiet ingħalqu minħabba nuqqas ta’ provi. Pereżempju, l-NCA fl-Iżvezja għalqet l-investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi li jikkonċernaw ilment li kumpanija dominanti kienet qed tħallas lill-bejjiegħa bl-imnut biex ma jbigħux prodotti tal-kompetituri.

3.7.Tipi ta’ ksur misjuba

53.It-tipi ta’ ksur misjuba mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej: ftehimiet fuq prezz (46 %), ftehimiet fuq output (13 %), skambju ta’ informazzjoni dwar output, ishma tas-suq u klijenti (13 %), ftehimiet dwar ishma tas-suq (10 %), skambju ta’ informazzjoni dwar prezzijiet (10 %), abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, li jinvolvu strateġiji ta’ esklużjoni ta’ kompetituri, bħal prezzijiet predatorji, roħs ta’ esklużjoni u prezzijiet eċċessivi u inġusti (8 %). F’għadd ta’ każijiet, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabu li kien hemm iktar minn ksur wieħed fl-istess ħin.

Grafika 2

Tipi ewlenin ta’ infrazzjonijiet identifikati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-Perjodu 01/2012-06/2017

3.8.Konsultazzjonijiet u attivitajiet ta’ monitoraġġ

54.Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jipprovdu parir dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-Perjodu, l-NCAs irċevew 46 konsultazzjoni għal pariri fis-settur agrikolu. It-talbiet għall-konsultazzjoni jsiru minn operaturi, iżda wkoll minn awtoritajiet pereż. dwar is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ġdida.

55.Ħidma importanti tal-NCAs tikkonsisti wkoll f’attivitajiet ta’ monitoraġġ. Fil-perjodu, l-NCAs mexxew 53 attività ta’ monitoraġġ u oħrajn relatati dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni fis-settur agrikolu. Xogħol bħal dan tipikament jinkludi l-investigazzjonijiet tas-settur, l-adozzjoni ta’ rapporti u l-ħidma ta’ promozzjoni.

(1)      Ir-Regolament (UE) 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, ĠU L 347, tal-20.12.2013, p. 671.
(2)      Għall-perjodu 2004-2011, ara r-rapport dwar l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel .
(3)      Għal gwida, il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea tal-2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE (issa l-Artikolu 101(3) TFUE).
(4)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni 1218/2010 tal-14.12.2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE għal ċerti kategoriji ta’ arranġamenti speċjali, ĠU L 335/43 tat-18.12.2010.
(5)      Is-Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Maizena, 139/79, UE:C:1980:250, paragrafu 23, Is-Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja v. il-Kunsill, C-280/93, UE:C:1994: 367, paragrafu 61, is-Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellionios Szdesmos Viomichanion Metapoiisis Paknou, C-373/11, UE: C: 201: 567, paragrafu 39, u dan l-aħħar fakkret fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, APVE u oħrajn, C-671/15, UE:C:2017:860, paragrafu 37.
(6)      Is-Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C-137/00, ECLI:UE:C:2003:429, paragrafu 57, is-Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, APVE u Oħrajn, C671/15, UE:C:2017:860, paragrafi 37 u 48.
(7)      Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU 2017 L 350, p. 152) “ir-Regolament Omnibus” emenda 152 OKS biex jinkludi deroga espliċita dwar il-kompetizzjoni għall-AOP / OP fis-setturi kollha.
(8)      ĠU L 138 tal-25.5.2017, p. 4.
(9)      Ara l-paragrafu 15 hawn taħt.
(10)      Data għall-2016, id-data hija bbażata fuq ir-rappurtar tal-Istati Membri għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u għas-settur tal-ħalib. Fil-każ tal-oqsma l-oħra, id-data hija ċifri preliminari bbażati fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri fuq talba tal-Kummissjoni ta’ April 2017.
(11)      Is-Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, APVE u Oħrajn, C-671/15,UE:C:2017:860, paragrafu 43 seq. Il-każ kien jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1234/2007.
(12)      Rapporti annwali mill-Istati Membri u l-istudju Arcadia/LEI Wageningen.
(13)      https://ec.europa.eu/agriculture/milk/milk-package_en.
(14)      Avviż tal-Kummissjoni, ĠU C 431, tat-22.12.2015, p. 1.
(15)      “Denominazzjoni tal-oriġini protetta” (DOP) u “Indikazzjoni ġeografika protetta” (IĠP).
(16)      Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta’ Mejju 2016 dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta’ Ottubru 2017.
(17)      Dawn huma ftehimiet bejn dawk li jkabbru l-pitravi jew l-organizzazzjoni tagħhom u l-proċessuri taz-zokkor jew l-organizzazzjonijiet tagħhom li jridu jiġu konklużi qabel kuntratt ta’ forniment individwali, l-Artikolu 125 tal-OKS.
(18) “Awtoritajiet tal-kompetizzjoni” ikopri kemm lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-UE.
(19)      In-numru totali tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-għadd ta’ tipi ewlenin ta’ ksur osservat ma jaqblux għax ċerti investigazzjonijiet li jkopru aktar minn tip wieħed ta’ ksur (pereżempju ftehim vertikali u orizzontali).