Brussell, 8.11.2018

COM(2018) 666 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE


1.IL-KUNTEST

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jdaħħal miżuri speċjali ta’ deroga mid-dispożizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew għall-iskop tal-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi derogi mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, b’konformità mas-sentenzi konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li tali derogi jkunu proporzjonati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Bl-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-28 ta’ Novembru 2017, ir-Rumanija talbet biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mit-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum tal-VAT għal ċerti kategoriji ta’ persuni. Saru għadd ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u r-Rumanija li bihom il-Kummissjoni talbet għal aktar kjarifiki u ġibdet l-attenzjoni tar-Rumanija għal għadd ta’ elementi li l-Kummissjoni tqis bħala sproporzjonati u diffiċli biex jiġu ġġustifikati. Fl-istess ħin il-Kummissjoni stiednet lir-Rumanija biex timmodifika t-talba tagħha għal deroga billi tqis it-tħassib li l-Kummissjoni qajmet. Madankollu, ir-Rumanija indikat li ma setgħetx taqbel mal-argumenti u t-tħassib imressqa mill-Kummissjoni u rrifjutat li tadatta t-talba tagħha għal deroga.

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, bl-ittra bid-data tal-4 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni bagħtet it-talba Rumena lil Stati Membri oħrajn. Bl-ittra bid-data tal-5 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa biex tevalwa t-talba.

2.IT-TALBA RUMENA U L-MEKKANIŻMU TAL-ĦLAS MAQSUM

Ir-Rumanija ressqet talba għal deroga mit-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT biex tkun awtorizzata timponi sistema obbligatorja tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum fuq persuni taxxabbli u fuq istituzzjonijiet pubbliċi li jkollhom arretrati tat-taxxa jew li huma soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza. Jenħtieġ li-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum japplika għat-tranżazzjonijiet B2B u jenħtieġ li m jkunx japplika għal persuni taxxabbli li jaqgħu fil-kategorija tal-eżenzjoni għall-SMEs. Il-ħlas maqsum japplika jekk l-arretrati tat-taxxa jkunu aktar minn RON 15 000 (madwar EUR 3 200) għal kontribwenti kbar, aktar minn RON 10 000 (madwar EUR 2 150) għall-kontribwenti ta’ livell medju u RON 5 000 (madwar EUR 1 080) għal persuni taxxabbli oħra u jekk dawn ma jitħallsux wara 60 jum tax-xogħol mid-data tal-iskadenza.

Ir-Rumanija bdiet tapplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum fl-1 ta’ Jannar 2018 mingħajr ma stenniet ir-risposta tal-Kummissjoni għat-talba tagħha.

Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum huwa sistema alternattiva għall-ġbir tal-VAT. Skont il-proċedura standard, għal tranżazzjoni partikolari, persuna taxxabbli bil-VAT tiġbor il-ħlas tal-bażi taxxabbli u l-VAT (jekk applikabbli) mingħand il-klijent tagħha (jew parti terza). Il-persuna taxxabbli bil-VAT imbagħad tirrapporta din it-tranżazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-VAT perjodika tagħha. Skont l-eżitu tad-dikjarazzjoni tal-VAT, il-VAT tkun dovuta mill-persuna taxxabbli jew tista’ tiġi rimborżata. Jekk il-VAT tkun dovuta, il-persuna taxxabbli bil-VAT tħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tagħha fuq bażi perjodika definita (kull xahar, kull tliet xhur, eċċ.).

L-użu tal-ħlas maqsum jintroduċi bidla għaliex permezz ta’ dan isseħħ separazzjoni bejn il-ħlas tal-ammont tal-VAT dovut u l-ammont taxxabbli. Fil-każ tar-Rumanija, ix-xerrej iħallas l-ammont taxxabbli lill-fornitur, filwaqt li jħallas il-VAT dovuta fuq din il-provvista mhux direttament lill-fornitur iżda f’kont tal-VAT mat-Teżor Rumen jew ma’ istituzzjoni finanzjarja Rumena.

Skont ir-Rumanija, dil-miżura speċjali tintalab sabiex jiżdied il-ġbir tal-VAT u sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tal-VAT, billi tiżdied il-konformità volontarja għall-ħlas tal-VAT minn persuni taxxabbli. Ir-Rumanija tqis li bl-applikazzjoni tal-ħlas maqsum tal-VAT se jieqfu l-frodi billi xi aġenti ekonomiċi ma jittrasferux il-VAT li jasal mingħand il-klijenti lill-awtoritajiet tat-taxxa.

3.IL-FEHMA TAL-KUMMISSJONI

Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, dawn jiġu eżaminati, sabiex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex dawn it-talbiet jintlaqgħu jkunu ssodisfati, jiġifieri jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli jew l-amministrazzjoni tat-taxxa, jew jekk il-proposta timpedixxix ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem adottat approċċ ristrett u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jdgħajfux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, li jkollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat u li jkunu meħtieġa u proporzjonati.

Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum mhuwiex sistema komuni għall-ħlas tal-VAT iżda pjuttost xi ħaġa ġdida. Fost l-Istati Membri qed jiżdied l-interess fil-mekkaniżmu billi jqisuh bħala għodda li tgħinhom fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Huma possibbli forom differenti ta’ dan il-mudell tal-ħlas maqsum u kull mudell jeħtieġ li jiġi vvalutat separatament sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li ċerti elementi tal-mudell Rumen tal-ħlas maqsum iqajmu tħassib serju fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom.

Is-sistema Rumena tal-ħlas maqsum hija applikabbli għall-persuni taxxabbli u għall-istituzzjonijiet pubbliċi li jkollhom arretrati tat-taxxa ogħla mil-livelli limiti partikolari jew li huma soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza. Il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni tal-livelli limiti f’livell iffissat għal tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli ma tiżgurax it-trattament ugwali tal-persuni taxxabbli fi ħdan l-istess kategorija. Huwa fatt li l-livell limitu ta’ RON 15 000 ma jkollux l-istess impatt għall-kontribwenti kbar kollha jew li l-livell limitu ta’ RON 5 000 mhux se jkollu l-istess impatt għall-persuni taxxabbli żgħar kollha, minħabba d-differenzi fi ħdan dawn il-gruppi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proporzjonalità ta’ tali sistema ta’ livelli limiti fissi ma tistax tiġi ġġustifikata u li livell limitu marbut ma’ perċentwal tal-fatturat jista’ jkun kriterju aħjar.

Barra minn hekk, skont is-sistema Rumena tal-ħlas maqsum, il-klijent huwa obbligat jivverifika r-reġistru tal-persuni taxxabbli li għalihom japplika l-ħlas maqsum u li jaġixxi skont dan, jiġifieri li jissepara l-ammont nett u l-ammont tal-VAT. Fl-istess ħin in-notifika dwar l-inklużjoni fir-reġistru tintbagħat mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-fornitur u mhux lill-klijenti. Ir-Rumanija ma tqisx li huwa meħtieġ li l-fornitur jgħarraf lill-klijent dwar in-neċessità li japplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum bl-inklużjoni tar-referenza xierqa fuq il-fattura. Barra minn hekk, jekk il-klijent ma japplikax il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum u jħallas il-VAT f’kont ieħor li mhuwiex il-kont tal-VAT tal-fornitur, tiġi imposta fuq il-klijent penali ta’ 0.06 % kull jum tal-ammont imħallas indebitament, jekk l-iżball ma jiġix ikkoreġut fi żmien 30 jum tax-xogħol. Madankollu, huwa l-fornitur (u mhux il-klijent) li jista’ jikkoreġi s-sitwazzjoni u jittrasferixxi s-somma inkwistjoni mill-kont prinċipali tiegħu għal fuq il-kont tal-VAT tiegħu u li jgħarraf lill-klijent tiegħu dwar dan, biex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe sanzjoni fuq il-klijent. Ir-Rumanija ċċarat li tali trasferiment mill-fornitur huwa biss possibbiltà, mhux obbligu, għaliex ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT fil-kont tal-VAT korrett tibqa’ f’idejn il-klijent.

It-tali sistema tal-ħlas maqsum tpoġġi piż mhux ġustifikat u sproporzjonat fuq il-klijent. Anki jekk jinżamm l-obbligu li l-klijent jikkonsulta r-reġistru tal-persuni taxxabbli li jaqgħu fil-kategorija tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, tal-anqas jenħtieġ li l-fornitur ikun obbligat li jgħarraf lill-klijent dwar l-obbligu li japplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum billi jinkludi fuq il-fattura r-referenza għalih. Billi l-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT jelenka d-dettalji li għandhom jiġu inklużi fuq il-fattura, l-inklużjoni ta’ referenza addizzjonali teħtieġ deroga minn dan l-Artikolu. Madankollu, bl-ittra tas-17 ta’ Mejju 2018, ir-Rumanija għarrfet lill-Kummissjoni li hija ma tqisx neċessarja l-inklużjoni fuq il-fattura ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-penali imposta fuq il-klijent f’każ tan-nuqqas tal-applikazzjoni tal-ħlas maqsum hija sproporzjonata, f’każ li l-fornitur jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-VAT 1 . Minflok, jenħtieġ li din il-penali tiġi imposta fuq il-fornitur, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-fornitur jista’ fi kwalunkwe ħin jikkoreġi l-iżball billi jittrasferixxi l-VAT riċevut għal fuq il-kont tal-VAT tiegħu. 

Wieħed għandu jiftakar li l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri jimponu obbligi oħrajn li huma jqisu bħala meħtieġa sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u l-prevenzjoni tal-evażjoni. Madankollu, it-test tal-proporzjonalità japplika wkoll għall-miżuri adottati skont dak l-Artikolu.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu Rumen tal-ħlas maqsum mhuwiex proporzjonat mal-għanijiet li jridu jintlaħqu, jiġifieri li jkunu żgurati l-ġbir korrett tal-VAT u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali.

Il-Kummissjoni għarrfet lir-Rumanija li l-obbligu għall-kummerċjanti mhux stabbiliti li jiftħu kont bankarju ma’ istituzzjoni finanzjarja Rumena ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 56 tat-TFUE dwar il-moviment liberu tas-servizzi. Il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll li, minflok dan, ir-Rumanija tista’ tobbliga lil dawn il-kummerċjanti jiftħu kont mat-Teżor, iżda dan ikun jeħtieġ ikun disponibbli wkoll f’munita barranija. Bit-tweġiba tagħha, ir-Rumanija ddikjarat mill-ġdid li mhuwiex possibbli li l-ħlasijiet isiru f’munita barranija billi jintuża kont tat-Teżor.

Il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija biex tindirizza t-tħassib tagħha dwar il-proporzjonalità tal-elementi deskritti hawn fuq tas-sistema tal-ħlas maqsum, u li timmodifika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum skont dan. Madankollu, ir-Rumanija ma weġbitx b’mod pożittiv għat-talbiet tal-Kummissjoni.

4.KONKLUŻJONI

Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba magħmula mir-Rumanija.

(1)

     Ir-Rumanija għarrfet lill-Kummissjoni li ma hemm l-ebda bidla ta’ responsabbiltà u li huwa l-fornitur li jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-VAT.