Brussell, 20.7.2018

COM(2018) 549 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali

{SWD(2018) 380 final}


1.INTRODUZZJONI

1.1Theddid ġdid, tweġibiet ġodda

Id-dinja nbidlet b’mod drammatiku matul l-ewwel ħamsin sena tal-Unjoni Doganali u bl-istess mod ukoll inbidel ir-rwol tal-awtoritajiet doganali tal-UE. Bħala l-awtorità ewlenija li tissorvelja l-moviment tal-merkanzija mal-fruntieri esterni, id-dwana issa hija l-ewwel linja ta’ difiża kontra attivitajiet perikolużi u kriminali relatati man-negozju kummerċjali. Eżempji jinkludu kummerċ f’oġġetti mhux konformi jew perikolużi, traffikar ta’ oġġetti kulturali, armi tan-nar u drogi, annimali selvaġġi u traffikar illegali ieħor, frodi, terroriżmu u kriminalità organizzata. L-oġġetti kollha li jidħlu, joħorġu jew jgħaddu mill-UE (inklużi l-oġġetti li jġorru l-vjaġġaturi) huma soġġetti għal superviżjoni doganali u jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli doganali.

Id-dwana għandha rwol vitali biex tiggarantixxi s-sikurezza u s-sigurtà tas-soċjetà tagħna, kif ukoll tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant din taffaċċja sfida ewlenija fl-iżvilupp ta’ kontrolli fi ħdan qafas komuni ta’ mmaniġġjar tar-riskju. Biex tilħaq l-objettiv tagħha, id-dwana trid tibbilanċja r-rwol tagħha biex tiffaċilita l-kummerċ leġittimu u tippreserva l-fluwidità tal-ktajjen tal-provvista meħtieġa għall-ekonomija tagħna, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sikurezza u għas-sigurtà tagħna.

1.2Tweġiba għall-istedina tal-Kunsill

Fl-2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali” 1 . L-Istrateġija identifikat għadd ta’ objettivi ewlenin, mirfuda minn għan ġenerali biex jintlaħaq approċċ għall-ġestjoni tar-riskju ta’ kwalità għolja u b’diversi livelli li jkun effikaċi u effiċjenti. Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi fid-dettall sensiela ta’ miżuri li għandhom jittieħdu għal kull objettiv. F’Diċembru 2014, il-Kunsill approva l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali u stieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Kunsill, fi żmien tmintax-il xahar, rigward l-implimentazzjoni tagħha u rigward ir-riżultati miksuba 2 .

Wara t-talba tal-Kunsill, f’Lulju 2016 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali 3 . Ir-rapport wera li, fi tmintax-il xahar fil-proċess tal-implimentazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni kienu diġà tnedew. Madankollu r-rapport sab li r-riforma tal-ġestjoni tar-riskju doganali hija eżerċizzju intensiv fl-użu tar-riżorsi li jieħu ż-żmien biex jikseb ir-riżultati. Dan identifika kwistjonijiet relatati mal-IT bħala l-isfida ewlenija ta’ dak l-istadju tal-implimentazzjoni, kemm f’termini ta’ finanzjament insuffiċjenti biex jiġu żviluppati s-sistemi tal-IT meħtieġa kif ukoll f’termini ta’ kwistjonijiet ta’ disponibilità tad-data u ta’ mekkaniżmi tal-iskambju ta’ informazzjoni.

F’Diċembru 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni 4 . Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw li l-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju huma essenzjali għas-salvagwardja tas-sigurtà u tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u għall-iżgurar fl-istess waqt tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu. Il-Kunsill saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li titkompla l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali u xtaq jenfasizza l-kontribut sinifikanti tagħhom għall-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna Mġedda u għall-implimentazzjoni tagħha, speċjalment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transfruntiera.

Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta t-tieni rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali fi żmien tmintax-il xahar u biex tiżviluppa mekkaniżmu effiċjenti ta’ rapportar biex tkejjel l-impatt tal-eżiti u tar-riżultati ta’ azzjonijiet speċifiċi.

Dan it-tieni rapport ta’ progress jikkostitwixxi t-tweġiba tal-Kummissjoni għal dik it-talba. Bħar-rapport preċedenti, dan ir-rapport jipprovdi valutazzjoni kwalitattiva ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, billi jispjega l-progress li sar taħt kull wieħed mis-seba’ objettivi ewlenin mill-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport. Ta’ min jinnota li dan ir-rapport la huwa evalwazzjoni u lanqas riflessjoni dwar il-futur tal-Istrateġija wara l-eżerċizzju attwali. Barra minn hekk, ir-rapport ma jinkludix proposti biex tinbidel l-Istrateġija attwali.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li huwa anness ma’ dan ir-rapport, jagħti informazzjoni ulterjuri dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tal-azzjonijiet sekondarji individwali.

2.RAPPORT TA’ PROGRESS

1.Objettiv 1 — It-titjib tal-kwalità tad-data u tas-sistemi tal-arkivjar

L-objettv tat-twaqqif ta’ qafas legali komplet b’rekwiżiti għall-“arkivjar multiplu” u għat-titjib tal-kwalità tad-data ntlaħaq. Hija biss l-implimentazzjoni tiegħu li għad trid titwettaq 5 .

Minbarra l-ħtieġa li ċerti elementi tekniċi jiġu allinjati mar-rekwiżiti tad-data, il-Kummissjoni għadha ma identifikatx problemi kbar fl-applikazzjoni tagħha.

Madankollu, kemm il-benefiċċji kif ukoll l-impatt tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (il-Kodiċi) 6 se jkunu evidenti bis-sħiħ meta s-sistemi tal-IT relatati kollha jkunu operattivi.

2.Objettiv 2 — L-iżgurar tad-disponibbiltà tad-data fil-katina tal-provvista, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għar-riskju u r-riżultati tal-kontroll

Biex tissodisfa l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Doganali, wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Kodiċi huwa li tlesti t-tranżizzjoni tal-ambjent doganali lejn wieħed mingħajr karti u elettroniku, u li tipprevedi integrazzjoni diġitali akbar fl-UE kollha.

Għalhekk il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u man-negozji, qed tkompli tiżviluppa s-sistemi tal-IT differenti li jsejsu l-implimentazzjoni tal-Kodiċi. Is-sett sħiħ tas-sistemi tal-IT se jkompli jimmodernizza u jarmonizza l-proċessi tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni u tat-tranżitu, u se jintroduċi kunċetti ġodda bħall-iżdoganar ċentralizzat.

Madankollu, mhux se jkun possibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jwettqu s-sistemi kollha sal-2020. Dan huwa minħabba l-limiti taż-żmien u tar-riżorsi finanzjarji disponibbli skont il-programm Dwana 2020 kif ukoll kaġun tal-grad ta’ kumplessità u ta’ ambizzjoni tad-diversi elementi interkonnessi differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat proposta 7 biex temenda l-Artikolu 278 tal-Kodiċi sabiex tiġi estiża l-iskadenza legali (il-perjodu ta’ tranżizzjoni) għat-twettiq ta’ xi applikazzjonijiet tal-IT mill-2020 sal-2025.

1.3Is-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2)

Għall-oġġetti li jidħlu fl-UE, ir-riforma tal-informazzjoni dwar il-merkanzija bil-quddiem tal-UE (ICS) qiegħda tavvanza.

L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Tranżizzjoni għas-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2) ġew approvati mill-Istati Membri f’Diċembru 2017. Skont dan il-pjan, il-programm ICS2 se jiġi implimentat fi tliet fażijiet operattivi. Dawn huma: (i) merkanzija f’kunsinni postali u express fit-traffiku tal-ajru (sommarji ta’ dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ qabel it-tagħbija (ENS) u rekwiżiti minimi tad-data); (ii) rekwiżiti ENS ġodda għat-traffiku tal-ajru kollu; u (iii) it-tlestija tar-riforma skont ir-rekwiżiti ENS marittimi, tat-triq u tal-ferrovija.

Fl-2018, l-elementi kollha meħtieġa biex tinbeda l-implimentazzjoni se jkunu disponibbli u miftiehma mal-Istati Membri.

L-implimentazzjoni tal-ICS2 lil hinn mill-2020 tiddependi wkoll minn jekk il-fondi meħtieġa jkunux jistgħu jiġu żgurati skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposta għal programm Doganali ġdid 8 .

1.4Proġetti u sistemi oħra

Id-dwana elettronika, appoġġjata b’mod partikolari mill-pjan strateġiku pluriennali għad-dwana elettronika (MASP), huwa żvilupp importanti għall-Unjoni Doganali tal-UE. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tissostitwixxi l-proċeduri doganali tal-format tal-karta bi proċeduri elettroniċi mal-UE kollha biex jinħoloq ambjent doganali aktar effiċjenti u modern. L-aġġornament tal-MASP ġie finalizzat fl-aħħar tal-2017, wara li l-Kunsill ta l-qbil tiegħu li tiġi posposta l-finalizzazzjoni ta’ xi sistemi tal-IT.

Is-sistema “Sorveljanza 3” 9 għandha tiġi implimentata sa Ottubru 2018. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa fis-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex isostnu s-sistema tas-sorveljanza bl-elementi tad-data rilevanti. Skont il-Kodiċi, l-Istati Membri għandhom perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2020 biex jissodisfaw dan l-obbligu.

Il-Forum dwar it-Trasport u l-Loġistika Diġitali (DTLF) 10 għadu għaddej u l-mandat tiegħu aktarx jiġi estiż b’bejn sentejn u tliet snin oħra.

Kmieni fl-2016, il-Kummissjoni nediet il-proġett pilota eManifest 11 , li għandu l-għan li jistabbilixxi sett armonizzat ta’ data elettronika dwar il-merkanzija li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa għal formalitajiet marittimi u doganali meta l-vapuri jidħlu jew joħorġu mill-portijiet Ewropej.

Fil-qasam tal-konformità u tas-sikurezza tal-prodotti, il-Kummissjoni pproponiet li tgħaqqad is-sorveljanza doganali u s-sorveljanza tas-suq bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni relatata mar-riskji bejn l-awtoritajiet kompetenti 12 .

3.Objettiv 3 — L-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ mitigazzjoni tar-riskji fejn meħtieġ (“valutazzjoni bil-quddiem — kontroll fejn meħtieġ”)

Kif intqal fir-rapport tal-2016, it-titjib f’dan il-qasam prinċipalment sar bis-saħħa tal-progress milħuq f’attivitajiet li diġà kienu bdew meta ġiet adottata l-Istrateġija, inklużi l-avvanzi fil-projbizzjonijiet u fir-restrizzjonijiet.

Taħt l-Objettiv 3 inkiseb progress ulterjuri, b’mod partikolari f’ dawn l-attivitajiet:

1.1L-Approċċ Ibbażat fuq is-Sistemi (SBA)

L-Approċċ Ibbażat fuq is-Sistema (SBA) huwa metodoloġija ta’ kontroll għal operaturi ekonomiċi affidabbli, li tiffoka fuq is-sistemi interni biex tikkontrolla n-negozju tagħhom u tnaqqas ir-riskji marbuta mal-konformità doganali. Il-ħidma tan-Netwerk SBA u tal-Grupp tal-Proġett rispettiv tlestiet u r-rapport finali tal-SBA tressaq lill-Grupp tal-Politika Doganali (CPG) f’Diċembru 2017. Dan ir-rapport evalwa l-SBA bħala metodoloġija tal-kontroll effettiva, effiċjenti u soda u rrakkomanda li jintuża b’mod usa’ fil-ġejjieni.

1.2Il-verifiki tal-kredibbiltà

Il-verifiki tal-kredibbiltà huma verifiki awtomatizzati introdotti fl-istadju tal-iżdoganar tal-importazzjonijiet. Dawn huma miżuri li jivverifikaw il-kompatibbiltà ta’ entrati fid-dikjarazzjoni doganali abbażi ta’ tliet parametri: (i) verifiki legali (verifika tal-kompatibbiltà ta’ entrati appargun mal-parametri legali tad-deskrizzjoni tal-merkanzija); (ii) verifiki relatati mal-massa (verifika tal-kredibbiltà tal-partikolaritajiet iddikjarati (eż. massa/unità netta, jew massa netta/unità suppl.)); u (iii) verifiki relatati mal-prezz (verifika tal-kredibbiltà tal-prezzijiet iddikjarati (valur/unità)). S’issa, ġew introdotti 428 miżura bħal din permezz tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) 13 .

1.3Il-konformità u s-sigurtà tal-prodotti

L-ewwel rapport ta’ progress tal-2016 irrefera għal-linji gwida u għal-listi ta’ kontroll dwar il-konformità u s-sikurezza tal-prodotti. Minn dakinhar, ġew stabbiliti ftit aktar listi ta’ kontroll fir-rigward ta’ prodotti li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni (“prodotti armonizzati”). Dawn se jintużaw u jiġu aġġornati b’mod regolari.

F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament dwar il-konformità u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE dwar il-prodotti 14 bil-għan li ssaħħaħ strutturalment il-qafas legali għal kontrolli fuq l-oġġetti li jidħlu fl-UE. Dan għandu jissimplifika wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq biex isiru verifiki aktar effettivi fuq il-prodotti importati. Il-proposta tipprovdi bażi legali għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq iffaċilitati minn Netwerk ta’ Konformità tal-Prodott tal-UE kif ukoll minn strateġiji komprensivi ta’ sorveljanza tas-suq nazzjonali li jkopru l-ktajjen tal-provvista tal-importazzjoni u diġitali, l-iskambji strutturali ta’ informazzjoni u ta’ data bejn is-sorveljanza tad-dwana u tas-suq, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-allinjament mal-kunċetti tal-Kodiċi bħall-iskema tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO).

 

4.Objettiv 4 — It-tisħiħ tal-kapaċità biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju u biex jiżdied ir-rispons għal riskji ġodda identifikati

Kif indikat fir-rapport ta’ progress tal-2016, il-progress fuq l-Objettiv 4 għall-ewwel kien modest, billi kellhom jittieħdu bosta azzjonijiet sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-UE biex jimplimentaw il-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju (CRMF). Minn dak iż-żmien, saru żviluppi ġodda f’diversi oqsma:

3.1L-iżvilupp ta’ aktar kapaċitajiet

L-Istati Membri identifikaw kapaċitajiet addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi appoġġjata ġestjoni tar-riskju aktar effikaċi u effiċjenti, inkluża żieda fir-rispons għal riskji identifikati ġodda. L-analiżijiet tal-ħtiġijiet tipiċi tar-riżorsi umani u ta’ riżorsi oħrajn b’mod ġenerali kkonkludew li jew huwa indispensabbli li jkun hemm aktar riżorsi, jew li r-riżorsi attwali għandhom jingħataw spinta jew jiġu mmodernizzati sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskji. Skont ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ta’ Diċembru 2017 15 , l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jwettqu iktar kontrolli doganali u b’mod aħjar bl-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali.

Ħtiġijiet importanti oħra jinkludu attivitajiet ta’ koordinazzjoni interna jew esterna ma’ aġenziji nazzjonali oħra u ma’ awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, u l-applikazzjoni ta’ għodod, data jew metodi ġodda għal prattiki tal-analiżi tar-riskji.

Bosta Stati Membri diġà aġixxew fuq ir-riżultati tal-analiżi tagħhom u indirizzaw in-nuqqasijiet identifikati. Barra minn hekk, xi organizzazzjonijiet doganali ġew organizzati mill-ġdid u ttejbet il-koordinazzjoni interna.

3.2L-implimentazzjoni tal-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju (CRMF)

L-Istati Membri rrapportaw żviluppi sinifikanti fis-sistemi tal-IT nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-aktar ostakolu li ġie identifikat b’mod komuni fl-implimentazzjoni effettiva tas-CRMF fil-livell nazzjonali jidher li huwa l-kwalità fqira, id-disponibbiltà jew l-użabbiltà tad-data. Hemm ukoll l-isfida l-oħra tan-nuqqas ta’ aċċess għad-data ta’ Stati Membri oħra.

Ġie żviluppat mudell taċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tas-CRMF mal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni waqqfet sottogrupp tas-CRMF li ressaq rapport dwar iċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni pilota f’Diċembru 2017, li offra kontroverifika taċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tas-CRMF apparagun mal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP) sabiex jiżgura li dawn jappoġġjaw lil xulxin u li japplikaw approċċi konsistenti. Is-sottogrupp ikkoordina wkoll mill-qrib biex itejjeb u jkompli jiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni fil-qasam tal-kontrolli bl-użu mill-ġdid ta’ data fejn kien xieraq u bl-evitar tad-duplikazzjoni fil-ġbir tad-data.

Ir-rapport dwar iċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni pilota tas-CRMF spjega l-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati, soġġetti għal aktar diskussjoni u prijoritizzazzjoni mal-Istati Membri, u skont id-disponibbiltà tar-riżorsi. Ir-rapport issuġġerixxa li għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lill-kapaċitajiet organizzattivi għall-kollaborazzjoni. Ir-rapport ħa nota wkoll tal-iskjerament tas-CRMF sal-lum, filwaqt li rrikonoxxa l-kisbiet komuni konsiderevoli li saru mill-bidu tas-CRMF. Dawn jinkludu: (i) it-twaqqif ta’ netwerks trans-Ewropej ta’ esperti tar-riskji; (ii) l-implimentazzjoni ta’ kriterji ta’ riskju komuni; u (iii) l-iskjerament kurrenti tas-sistema komuni tal-UE ta’ mmaniġġjar tar-riskju biex tiġi kondiviża l-informazzjoni dwar ir-riskji, biex jiġu appoġġjati oqsma prijoritarji ta’ kontroll u biex jiġu ffaċilitati azzjonijiet ta’ rispons għal kriżijiet doganali.

3.3Gruppi ta’ ħidma tematika    

Fil-livell tal-UE u f’dak multilaterali, bosta gruppi ta’ ħidma magħmula minn rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri jaħdmu fuq kwistjonijiet ewlenin biex itejbu l-kontroll doganali u l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskji.

3.4Kriterji tar-Riskji Finanzjarji

Id-deċiżjoni dwar il-Kriterji tar-Riskji Finanzjarji (FRC) 16 għandha l-għan li tiżviluppa approċċ komuni mal-UE kollha rigward il-mod kif jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji fl-UE. Din tirrispondi għal uħud mid-dgħufijiet identifikati fir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta’ Diċembru 2017 17 .

Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji ta’ riskju komuni li għandhom jintużaw biex jiġu indirizzati tipi speċifiċi ta’ riskji finanzjarji: operaturi ekonomiċi f’riskju, oġġetti f’riskju, sottovalutazzjoni, evażjoni ta’ dazji antidumping, klassifikazzjoni ħażina, kwoti indebiti, oriġini preferenzjali indebita, sospensjonijiet indebiti, proċeduri doganali f’riskju (eż. CP 42) u simplifikazzjonijiet doganali. Il-Kriterji tar-Riskji Finanzjarji se jintużaw fil-proċess tal-ġestjoni elettronika tar-riskji ta’ kuljum biex jiġi armonizzat il-proċess tal-għażla għall-kontrolli doganali.

Din l-inizjattiva se tippermetti li l-Istati Membri jindirizzaw ir-riskji finanzjarji b’mod ekwivalenti fil-fruntieri esterni, mingħajr ma jqiegħdu piż żejjed fuq il-kummerċ leġittimu. Se tidentifika wkoll l-iktar ħin u post tal-kontroll opportun skont l-ambitu u n-natura tar-riskju u d-disponibbiltà tad-data u tad-dokumentazzjoni.

5.Objettiv 5 — Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE

L-Istati Membri kollha rrapportaw kooperazzjoni wiesgħa, li tiffunzjona tajjeb u ħafna drabi ta’ kuljum ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra (speċjalment awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet tat-taxxa) u ma’ aġenziji.

F’dan il-qasam, il-kontribut tal-kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskju kien kruċjali fl-identifikazzjoni u fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu relatati mal-moviment tal-merkanzija mal-fruntieri esterni.

Hemm ukoll potenzjal biex tkompli tiżdied il-kapaċità tad-dwana fl-analiżi bil-quddiem dwar ir-riskju tal-merkanzija f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra ta’ infurzar/sigurtà.

3.5Kooperazzjoni mal-Europol

Fi ħdan iż-Żona ta’ Kontroll Prijoritarju fuq l-armi tan-nar, il-Kummissjoni u l-Istati Membri esploraw forom ġodda ta’ kooperazzjoni mal-pulizija. Dan inkluda eżerċizzju speċifiku mal-Europol fuq pistoli tal-gass u operazzjoni rapida ta’ pakketti fuq it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar fl-2017. Dawn l-attivitajiet urew b’mod ċar il-valur miżjud tal-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-pulizija bl-użu ta’ forom ġodda ta’ kollaborazzjoni.

L-Europol qed jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet doganali. Ir-rapport tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-“Reviżjoni Strateġika: l-Europol u d-dwana” ikkonferma l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-preżenza tal-uffiċjali tad-dwana fl-Europol, inkluża l-ħtieġa li d-dwana tkun tista’ taċċessa l-Applikazzjoni ta’ Netwerk għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni tal-Europol (SIENA).

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Europol issaħħet aktar. L-OLAF huwa servizz assoċjat mal-Proġett ta’ Analiżi “COPY” tal-Europol li jittratta l-kriminalità organizzata fil-qasam tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (DPI). Skont ir-Regolament tal-Europol (UE) 2016/794, l-OLAF għandu aċċess indirett għall-informazzjoni maħżuna fil-bażijiet tad-data tal-Europol. L-OLAF dan l-aħħar iffirma memorandum ta’ qbil mal-Europol dwar komunikazzjoni sigura u ġie konness mas-sistema SIENA. Dan għandu jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn dawn iż-żewġ korpi.

3.6Kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

L-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) fl-2016 18 wittiet it-triq għal kooperazzjoni mtejba bejn id-dwana u l-ħidma tal-Aġenzija, abbażi ta’ komplementarjetà strateġika bejn il-funzjonijiet differenti.

Dan ir-Regolament ta lil Frontex mandat ġdid u integraha aktar fil-fond fil-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. L-Aġenzija issa għandha l-mandat li tindirizza theddid potenzjali fil-fruntieri esterni, u b’hekk tgħin fl-indirizzar tal-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera, li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà interna fi ħdan l-UE.

3.7Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (DPI)

Il-Kummissjoni qed tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI u identifikat il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin: (i) l-implimentazzjoni omoġenja tal-infurzar doganali tad-DPI mal-UE kollha; (ii) il-ġestjoni mtejba tar-riskji fil-qasam tad-DPI; u (iii) kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet.

Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni preċedenti rigward il-ksur tad-DPI bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar fil-livell tal-UE wasslet għas-sekwestru ta’ miljuni ta’ prodotti foloz u possibbilment ta’ ħsara u għenu biex jitwaqqfu diversi netwerks kriminali transnazzjonali. Il-qasam ta’ politika tal-ksur tad-DPI ġie inkluż bħala mandat għal azzjoni fil-pjan ta’ azzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali (2018-2019) 19 .

Il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskji (permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS)) u l-analiżi statistika ta’ xejriet ġodda. Il-grupp ta’ esperti tal-analiżi tar-riskji doganali komuni tad-DPI li se jiġi stabbilit fl-2018 se jevalwa jekk l-għodod eżistenti humiex biżżejjed għall-analiżi tar-riskju u għall-ksur tad-DPI jew jekk hemmx il-ħtieġa li jsir aktar.

3.8L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Bħala gwardjan tal-fruntieri tal-UE għall-fluss ta’ oġġetti, id-dwana għandha rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-UE u taċ-ċittadini tagħha kif ukoll tal-katini tal-provvista internazzjonali mill-attivitajiet kriminali u mill-attakki terroristiċi.

Bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji doganali, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li hija komponent ċentrali tal-objettiv ġenerali li tinħoloq żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali.

Fl-aħħar sentejn, il-Kummissjoni adottat bosta proposti leġiżlattivi maħsuba biex ixejnu s-sorsi ta’ finanzjament tat-terroriżmu. L-aktar rilevanti fosthom huma l-proposti dwar: (i) il-movimenti illeċiti ta’ flus kontanti 20 ; (ii) il-kummerċ illeċitu f’oġġetti kulturali 21 ; u (iii) ċ-ċertifikazzjoni tal-UE tat-tagħmir ta’ skrinjar fl-ajruporti 22 . Il-Kummissjoni qed tkompli timplimenta wkoll il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE: (i) kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u tal-isplussivi 23 ; (ii) biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 24 ; u (iii) kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi 25 .

3.9Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar “It-Tisħiħ tas-Sigurtà Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika u Nukleari fl-Unjoni Ewropea” (il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE)

It-tisħiħ tar-reżiljenza kontra t-theddid CBRN f’termini ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni jeħtieġ investimenti sinifikanti mill-Istati Membri. Għalhekk dan isejjaħ għal kooperazzjoni eqreb fil-livell tal-UE biex nitgħallmu minn xulxin, biex jinġabru l-kompetenza u l-assi u biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-fruntieri. Prijorità ewlenija tal-pjan ta’ azzjoni CBRN tal-UE hija li jiżgura s-sigurtà tal-fruntieri u l-kapaċità ta’ detezzjoni sabiex jiġi evitat id-dħul illeċitu ta’ materjali CBRN. L-adattament tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija huwa essenzjali biex jissaħħu l-monitoraġġ u l-kontrolli bbażati fuq ir-riskju tal-katini tal-provvista internazzjonali sabiex il-materjal CBRN ma jidħolx b’mod illegali fl-UE.

3.10Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali (CCWP)

F’Mejju 2017, l-UE adottat pjan ġdid ta’ 4 snin għall-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali u organizzata serja. Dan il-pjan magħruf bħala “ċ-ċiklu ta’ politika tal-UE” jiddefinixxi l-ogħla prijoritajiet rigward il-kriminalità għall-perjodu 2018-2021. L-involviment tal-awtoritajiet doganali fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu ta’ politika sussegwentement żdied apparagun mas-snin preċedenti.

Madankollu, il-parteċipazzjoni tagħhom għadha selettiva u limitata għal xi prijoritajiet ta’ kriminalità (l-aktar il-prijoritajiet tas-sisa/frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (MTIC) u tal-kriminalità ambjentali). Is-sinerġiji bejn iċ-ċiklu ta’ politika tal-UE 2018-2021 u d-disa’ Pjan ta’ Azzjoni CCWP (2018-2020) ġew imsaħħa aktar permezz ta’ azzjonijiet kumplimentari mmexxija mill-istess atturi, operazzjonijiet konġunti bejn il-pulizija u d-dwana, eċċ.

Barra minn hekk, id-disa’ Pjan ta’ Azzjoni CCWP jinkludi azzjoni dwar “integrazzjoni aħjar tal-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata tal-UE (UE SOCTA)” li tkopri l-parteċipazzjoni doganali fis-SOCTA UE, kif ukoll kooperazzjoni usa’ bejn id-dwana u l-Europol. L-enfasi hija fuq l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn jeħtieġ li jsir titjib, l-iskambju tal-aħjar prattiki, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ.

Is-SOCTA 2017 huwa l-aktar studju komprensiv rigward il-kriminalità serja u organizzata li qatt sar fl-UE.

3.11Il-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-gwardji tal-fruntieri

Id-dwana u l-gwardji tal-fruntieri huma sħab strateġiċi fil-kompiti tal-kontrolli konfinali fil-fruntieri esterni tal-UE. F’Ottubru 2017 tħejjew linji gwida riveduti għall-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-gwardji tal-fruntieri, abbażi tal-evalwazzjoni mwettqa fl-2015-2017. Dawn jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni strateġika u jenfasizzaw oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet.

6.Objettiv 6 — It-titjib tal-kooperazzjoni mal-kummerċ

Il-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-kummerċ prinċipalment tittejjeb permezz tat-tisħiħ tal-kunċett tal-AEO.

1.1Il-programm Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO)

Il-programm tal-AEO huwa bbażat fuq il-kunċett tas-sħubija bejn id-dwana u n-negozji introdott mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). Hija miżura essenzjali tas-sigurtà tal-katina tal-provvista li tippermetti li kummerċjanti konformi u affidabbli jissodisfaw b’mod volontarju firxa wiesgħa ta’ kriterji sabiex jibbenefikaw minn simplifikazzjoni u faċilitazzjoni massimi. Is-sena 2018 timmarka l-għaxar anniversarju tal-programm AEO tal-UE.

L-Istati Membri żviluppaw proċeduri robusti għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti legali tal-AEO li jiggarantixxu ġestjoni ta’ kwalità għolja, konsistenti u effiċjenti tal-programm.

Il-bidliet ewlenin relatati mal-leġiżlazzjoni dwar l-AEO fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu kienu marbuta mal-bidliet ġenerali fil-politiki u fl-istruttura taħt il-Kodiċi. Dawn il-bidliet kienu r-riżultat ta’ lezzjonijiet meħuda tul l-10 snin ta’ implimentazzjoni prattika tal-programm AEO tal-UE. Il-linji gwida tal-AEO ġew aġġornati fl-2016.

1.2Il-kejl tal-impatt tal-kunċett tal-AEO

Intużaw għadd ta’ indikaturi fir-rappurtar tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP) sabiex jitkejjel l-impatt tal-kunċett tal-AEO. Is-CUP jipprovdi mekkaniżmu li jkejjel u jivvaluta l-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali, inkluż il-kunċett tal-AEO, skont l-objettivi strateġiċi tal-UE. Taħt il-qasam ewlieni dwar il-faċilitazzjoni/kompetittività, il-kunċett tal-AEO jiġi analizzat abbażi ta’ aspetti ġenerali. Dawn jinkludu l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet u applikazzjonijiet fil-livell tal-UE, l-involviment tal-AEOs fil-katina tal-provvista u aspetti ta’ kontroll relatati mal-faċilitazzjoni tal-AEOs.

1.3L-aċċess dirett eAEO għan-negozjanti

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa l-aċċess dirett eAEO għan-negozjanti, li mill-1 ta’ Ottubru 2019 se jippermetti li n-negozjanti jissottomettu l-applikazzjoni AEO tagħhom u jirċievu d-deċiżjonijiet AEO b’mod elettroniku. In-negozjanti u d-dwana fl-UE se jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw bejniethom permezz tal-modulu tal-eAEO b’mod uniformi u koerenti.

1.4Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija ta’ Qabel it-Tagħbija (PLACI) u r-rabta tagħha mal-implimentazzjoni tal-ICS2 speċjalment fir-rigward tal-operaturi postali u s-servizzi tal-courier

Wara l-emenda b’suċċess tal-Konvenzjoni dwar l-Unjoni Postali Universali (UPU) li introduċiet obbligi elettroniċi minn qabel fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ data postali, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma’ atturi fis-settur postali biex tiżviluppa b’mod konġunt standards globali effettivi bi tfixkil minimu sabiex jiġi implimentat dan l-obbligu. Il-Kummissjoni kkollaborat ukoll mill-qrib ma’ sħab globali (bħall-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada). Bħalissa, is-servizzi postali għadhom eżentati mir-rekwiżit tas-sottomissjoni tad-data. Il-flussi postali huma speċifikament vulnerabbli, u għaldaqstant ir-riċeviment ta’ data postali elettronika bil-quddiem se jkunu ta’ importanza partikolari biex jissaħħu l-flussi tas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru fl-UE u biex jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji inerenti f’dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet. L-ewwel verżjoni tas-sistema ICS2 il-ġdida se tkopri kunsinni postali fit-traffiku tal-ajru u konsegwentement se tingħalaq il-lakuna eżistenti fil-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet tal-mudell tan-negozju postali.

7.Objettiv 7 — L-użu tal-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni doganali internazzjonali

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mad-dwana ma’ pajjiżi terzi għandhom rwol importanti fil-qasam tal-Unjoni Doganali u tal-politika kummerċjali komuni. Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni jistgħu jtejbu l-ġestjoni tar-riskji doganali u jagħmlu l-kummerċ leġittimu aktar mgħaġġel u inqas għali billi jimmiraw il-kontrolli doganali u jissimplifikaw il-proċeduri doganali. Flimkien mad-dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ qabel il-wasla, dawn jikkontribwixxu għas-sigurtà u għas-sikurezza tal-UE billi jsaħħu l-kontrolli li jimblokkaw id-dħul ta’ oġġetti perikolużi, armi, splussivi u oġġetti b’użu doppju u jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u d-dħul u t-traffikar ta’ prekursuri tad-droga.

Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), b’mod partikolari meta tiddefendi l-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha rigward kwistjonijiet relatati man-nomenklatura u mal-klassifikazzjoni tal-oġġetti, kif ukoll rigward temi trasversali bħall-kummerċ elettroniku, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana, u s-sigurtà u s-sikurezza.

1.5 Inizjattivi għall-iskambju ta’ informazzjoni doganali ma’ pajjiżi terzi

Ittieħdu diversi inizjattivi li jippermettu li l-awtoritajiet doganali fl-UE u f’pajjiżi terzi jiskambjaw ċerta informazzjoni doganali f’ċirkostanzi speċifiċi abbażi ta’:

   ftehimiet internazzjonali u deċiżjonijiet adottati minn korpi stabbiliti bi ftehimiet internazzjonali (eż. kooperazzjoni doganali awtonoma u ftehimiet ta’ assistenza amministrattiva reċiproka jew kapitoli ta’ faċilitazzjoni doganali u kummerċjali inklużi fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles; ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni u s-sigurtà tal-kummerċ; ftehimiet dwar tranżitu; deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi tan-negozjanti fdati/AEO ); u

   arranġamenti mhux legalment vinkolanti jew proġetti pilota (eż. it-trażmissjoni tad-data tal-Carnet TIR lir-Russja; Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Sikuri (SSTL) maċ-Ċina). L-objettiv strateġiku tal-SSTL huwa li jittestja l-miżuri ta’ sigurtà applikati għall-ktajjen tal-provvista loġistiċi, li jiffaċilita l-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet doganali, li jiddetermina regoli konġunti dwar ir-riskji u li jirrikonoxxi b’mod reċiproku kontrolli doganali u programmi ta’ sħubija kummerċjali.

1.6Ftehimiet kummerċjali preferenzjali

Biex tkompli ttejjeb il-qafas tal-kummerċ internazzjonali tal-UE, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għal negozjati ġodda u kurrenti dwar dispożizzjonijiet relatati mad-dwana fi ftehimiet kummerċjali preferenzjali, b’mod partikolari mal-Mercosur, mal-Messiku, mal-Indoneżja, maċ-Ċilì, mal-Awstralja u ma’ New Zealand.

Barra minn hekk, hemm għadd ta’ attivitajiet li għadhom għaddejjin bil-għan li titjieb il-ġestjoni tar-riskji tal-katina tal-provvista permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

Suċċessi notevoli jinkludu r-reviżjoni tal-Qafas tad-WCO ta’ Standards għas-Sikurezza u għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ Globali) (SAFE), l-istandards internazzjonali ġodda, pereżempju dwar l-informazzjoni ta’ qabel it-tagħbija tal-merkanzija tal-ajru u r-rikonoxximent reċiproku tal-programmi AEO.

7.3    Inizjattivi oħrajn - Seminar ta’ Livell Għoli

Seminar ta’ Livell Għoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mad-dwana ma’ pajjiżi terzi kien ospitat mill-Presidenza Bulgara fis-7-8 ta’ Ġunju 2018. Matul is-seminar il-parteċipanti: (i) irrevedew il-qagħda preżenti fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni relatata mad-dwana ma’ pajjiżi terzi u kkonfermaw l-importanza dejjem akbar ta’ skambji bħal dawn kif ukoll il-ħtieġa propizja li tittieħed azzjoni; (ii) identifikaw il-ħtiġijiet għat-titjib tal-iskambji tal-informazzjoni relatata mad-dwana ma’ pajjiżi terzi; u (iii) iddiskutew u identifikaw l-iskop, il-finijiet, il-benefiċċji, il-kondizzjonijiet, il-mezzi u l-limitazzjonijiet potenzjali għal skambji mtejba ta’ informazzjoni relatata mad-dwana. Fil-konklużjonijiet ta’ dan is-seminar ġie miftiehem li jenħtieġ approċċ strateġiku u konsistenti fl-għażla dwar ma’ liem atturi għandha tiġi skambjata l-informazzjoni, dwar x’għandhom ikunu t-tipi konkreti ta’ informazzjoni u dwar x’għandhom ikunu l-finijiet konkreti tal-iskambji, billi jitqiesu r-riskji attwali għall-finanzi u għas-sigurtà, il-mudelli kummerċjali u l-interessi politiċi.

3.SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ

Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, qafas ta’ prestazzjoni u ta’ monitoraġġ biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġija b’mod aktar sistematiku u robust fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq din is-sistema, u żviluppat indikaturi u sorsi ta’ evidenza biex timmonitorja l-istrateġija b’mod effiċjenti. Dawn l-ewwel punti ta’ diskussjoni huma dettaljati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Dawn huma maħsuba biex iservu bħala bażi għal aktar riflessjoni mal-Istati Membri fi ħdan il-grupp ta’ ħidma x-xieraq.

4. KONKLUŻJONI

Il-proċess tal-ġestjoni tar-riskji mhuwiex limitat għal azzjonijiet speċifiċi b’bidu u tmiem definittiv. Quddiem theddid u sfidi ġodda, id-dwana għandha taġixxi u tadatta b’mod kontinwu biex tikkontribwixxi għas-sigurtà u għas-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li tevita impatt negattiv mhux xieraq fuq il-fluwidità tal-kummerċ internazzjonali. Għaldaqstant, għadd ta’ azzjonijiet stabbiliti fl-Istrateġija huma mmarkati bħala “fi żvilupp” peress li ma jistgħux ikollhom skadenzi fissi, preċiżament minħabba l-proċess neċessarju u kontinwu marbut mal-isfidi kollha.

Dan ir-rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż jagħtu stampa immedjata tal-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġestjoni tar-riskji doganali sa nofs l-2018.

Dawn juru li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni mill-pubblikazzjoni tar-rapport preċedenti, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Mill-54 sottoazzjoni identifikati mill-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni 2 biss għadhom ma bdewx, filwaqt li 41 għadhom għaddejjin u 11 minnhom diġà tlestew.

Dawn juru progress sinifikanti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f’termini tat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-atturi kollha involuti u tat-tnedija ta’ inizjattivi ġodda. Eżempji jinkludu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar kriterji ta’ riskji finanzjarji u l-parteċipazzjoni ta’ amministrazzjonijiet doganali f’attivitajiet relatati mas-sigurtà.

Minkejja dan il-progress, id-dwana qed taffaċċja sfidi kontinwi, inklużi livelli mingħajr preċedent ta’ terroriżmu u theddid ieħor għas-sigurtà. Fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-UE qed dejjem jiżdiedu, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jingħaqdu flimkien ma’ awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jipprevjenu d-dħul fis-suq ta’ prodotti perikolużi jew mhux konformi. L-awtoritajiet doganali qed jaffaċċjaw ukoll bosta sfidi oħrajn bħall-emerġenza tal-kummerċ elettroniku u l-fenomenu tas-sottovalutazzjoni tal-oġġetti li jistgħu jxekklu l-prestazzjoni tagħhom milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għall-ġbir u għall-kondiviżjoni tad-data għadha għaddejja u qed tavvanza tajjeb, għalkemm id-data finali għat-tlestija sħiħa ta’ xi sistemi jeħtieġ li tiġi posposta mill-2020 għall-2025.

Filwaqt li l-istampa pprovduta f’dan ir-rapport hija kemm jista’ jkun eżatta, din ma tistax tirrifletti kompletament l-attività tad-dwana fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji. Tabilħaqq, l-awtoritajiet doganali għandhom jinvestu mill-ġdid b’mod kontinwu biex jaffaċċjaw theddid ġdid li jitfaċċa jum wara jum u li jista’ jkollu impatt finanzjarju negattiv kemm fuq il-baġit tal-UE kif ukoll fuq dak tal-Istati Membri. Dan it-theddid ħafna drabi jkun marbut mal-attività ta’ netwerks kriminali li qed jaħkmu t-teknoloġija dejjem aħjar.

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jkejlu l-progress f’termini ta’ iktar protezzjoni bbilanċjata bil-faċilitazzjoni tal-kummerċ, billi jiġbru u janalizzaw data bbażata fuq l-evidenza. Din tinkludi data kwantitattiva dwar kontrolli bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskji u fuq riżultati ta’ kontrolli f’punti differenti fil-katina tal-provvista. Dan l-eżerċizzju huwa appoġġjat u kkumplimentat mill-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali li tkejjel il-prestazzjoni ġenerali tal-Unjoni Doganali. Rigward il-monitoraġġ, għandna nirrikonoxxu li filwaqt li d-data kwantitattiva hija essenzjali, din qatt ma tista’ tkun miżura sħiħa ta’ kontribut peress li hemm differenzi sottostanti fil-proċessi u fir-riżultati.

(1) COM(2014) 527 final.
(2) 15403/14
(3) COM(2016) 476 final.
(4) 14894/16
(5) Id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Kodiċi daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016. Filwaqt li ġiet adottata l-bażi ġuridika għal dan, il-kostruzzjoni tas-soluzzjoni prinċipali tal-IT inkwistjoni (is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (“ICS2”) għadha ma ġietx imnedija, li jfisser li s’issa għadna ma nistgħux nosservaw ir-riżultati u l-eżiti mixtieqa.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013.
(7) COM(2018) 085 final.
(8) COM(2018) 442 final.
(9) Is-sistema tas-sorveljanza 3 għandha l-għan li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni bħall-iskambju standard ta’ informazzjoni b’tekniċi elettroniċi tal-ipproċessar tad-data u l-istabbiliment tal-funzjonalitajiet adegwati meħtieġa għall-ipproċessar u għall-analiżi tas-sett sħiħ tad-data dwar is-sorveljanza miksub mill-Istati Membri.
(10) Dan il-Forum jimmira lejn aktar diġitalizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u tal-loġistika. Jgħaqqad flimkien l-Istati Membri u l-partijiet interessati mill-komunitajiet tat-trasport u tal-loġistika sabiex jiġu identifikati oqsma li jeħtieġu azzjoni komuni fl-UE. Id-DTLF twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea f’April 2015 (Deċiżjoni li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar it-Trasport Diġitali u l-Loġistika - Il-Forum dwar it-Trasport u l-Loġistika Diġitali C(2015) 2259.
(11)

 L-objettiv ġenerali ta’ dan il-proġett pilota huwa li jittestja l-proċeduri li jissimplifikaw is-sottomissjoni tal-elementi tad-data meħtieġa minn awtoritajiet differenti għall-formalitajiet tal-merkanzija bil-għan li jiġi ffaċilitat u mnaqqas il-piż amministrattiv għall-fornituri tad-data dwar il-vapuri.

(12) COM(2017) 795 final.
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987.
(14) COM(2017)795.
(15) Rapport Speċjali 19/2017 tal-5 ta’ Diċembru 2017.
(16) C(2018) 3293 final.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016, u l-Artikolu 52(3) b’mod partikolari.
(18) L-abbozz tal-mandat ġie adottat fil-31 ta’ Jannar 2018.
(19) COM(2016) 825 final.
(20) COM(2017) 375 final.
(21) COM(2016) 491 final.
(22) COM(2015) 624 final.
(23) COM(2016) 050 final.
(24) COM(2016) 87 final.