Brussell, 7.6.2018

COM(2018) 446 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-EWWEL PERSPETTIVA DWAR L-ARJA NADIFA


L-ewwel Perspettiva dwar L-Arja Nadifa

1. Introduzzjoni

It-tniġġis tal-arja għadu problema ambjentali ewlenija fl-UE, u anki problema kbira marbuta mas-saħħa. Bosta bliet Ewropej ibatu minn kwalità tal-arja ħażina u jaqbżu l-istandards tal-UE stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 2008/50/KE 1 , u jaqbżu aktar u aktar il-linji gwida rrakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent stmat li madwar 400 000 ruħ mietu qabel iż-żmien fl-UE fl-2015 bħala riżultat tat-tniġġis tal-arja 2 .

Ir-rieżami tal-UE tal-politika dwar l-arja fl-2011-2013 laħaq il-qofol tiegħu fil-Pakkett ta' Politika dwar l-Arja Nadifa ta’ Diċembru 2013 3 . Dan inkluda komunikazzjoni – Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa 4 – u tliet proposti leġiżlattivi, sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet minn Impjanti Medji tal-Kombustjoni, adottati bħala d-Direttiva (UE) 2015/2193 (“l-MCPD”) 5 ; sabiex tiġi rattifikata l-emenda tal-Protokoll ta’ Gothenburg tal-2012 li jistabbilixxi tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020, adottata bħala d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/1757/UE 6 ; u sabiex jiġu stabbiliti impenji ta’ tnaqqis nazzjonali ġodda għall-2030 f’Direttiva ġdida dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, adottata bħala d-Direttiva (UE) 2016/2284 (l-“NECD”) 7 .

Il-Programm għal Arja Nadifa tal-2013 ippropona li għandu jkun hemm rapport regolari dwar is-sitwazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-Ewopa, li jkopri l-prospetti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-progress lejn l-objettivi tal-UE. Bl-adozzjoni tan-NECD f’Diċembru 2016, ġiet aġġornata l-bażi analitika, u din l-ewwel edizzjoni tal-“Perspettiva dwar l-Arja Nadifa” għandha l-għan li tissodisfa dan is-sommarju, u li tipprovdi kuntest għall-ħidma tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja dovuti skont in-NECD sal-1 ta’ April 2019.

2.L-istat tal-kwalità tal-arja fl-UE u l-progress lejn il-konformità sal-2020

2.1.L-emissjonijiet tal-arja attwali u s-sitwazzjoni tal-kwalità tal-arja

It-tendenza pożittiva fit-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin fl-UE kompliet, kif turi l-Figura 1 ta’ hawn taħt. Hekk ukoll għamel id-diżakkoppjament mit-tkabbir ekonomiku. B’mod globali, matul il-perjodu 2000-2015, il-PDG ikkombinat tal-UE kiber bi 32 % filwaqt li l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin naqsu b’bejn 10 % (għall-ammonijaka - NH3) u 70 % (għall-ossidi tal-kubrit - SOx).



Figura 1: Żvilupp fl-emissjonijiet tal-UE-28, 2000-2015 (bħala % tal-livelli tal-2000) [Sors EEA]

Madankollu, għad hemm problemi ewlenin bil-qabża fil-valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja tal-UE. Fl-2015, sa 20 % tal-popolazzjoni urbana tal-EU-28 ġiet esposta għal livelli ogħla mill-valur ta’ limitu ta’ kuljum tal-UE għall-materja partikolata (PM10). Fil-każ tal-materja partikolata fina (PM2.5), sa 8 % tal-popolazzjoni urbana ġiet esposta għal konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur ta’ limitu tal-UE ta’ 25 µg/mm3, u għal iktar minn 82 % għal livelli ogħla mill-valur ta’ linji gwida tal-WHO ħafna aktar strett ta’ 10 µg/m3.

Fil-każ tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), il-valur tal-limitu annwali għadu jinqabeż f'diversi pajjiżi madwar l-Ewropa, b’konċentrazzjonijiet ogħla mil-limitu identiku tal-UE u tal-WHO fi 22 Stat Membru, li għalih hija esposta sa 9 % tal-popolazzjoni urbana.

Fil-każ tal-ożonu, 18-il Stat Membru rreġistraw konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur fil-mira tal-UE, u sa 30 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE għexet f’żoni fejn il-valur fil-mira nqabeż, b’aktar minn 95 % jgħixu f'żoni fejn il-linja gwida aktar stretta tal-WHO nqabżet 8 .

2.2.Progress lejn il-konformità

L-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) minn karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil u minn vetturi light-duty, sistematikament ħafna aktar ogħla mill-valuri ta’ limitu tat-tip approvat, huma fattur kontributur ewlieni għan-nuqqas ta’ konformità mal-valur ta’ limitu tan-NO2. L-adozzjoni riċenti, fl-2017, ta’ proċedura ġdida ta' test mifruxa mal-UE kollha li tirrifletti l-emissjonijiet f’sewqan reali ta’ dawn il-vetturi 9 u l-proposta tal-Kummissjoni tal-2016 dwar sistema ta’ approvazzjoni tat-tip riveduta 10 ser jgħinu biex isir progress fuq din il-kwistjoni.

Miżuri li jippromwovu l-konformità mal-valur ta’ limitu tal-PM10 jinkludu l-penetrazzjoni gradwali ta’ filtri tal-paritikuli sabiex jiġu ssodisfati l-limiti tal-emissjonijiet tal-PM għall-karozzi tal-passiġġieri (inkluż f’Euro 5 u 6 11 ), u l-kontrolli fuq l-impjanti ta’ kombustjoni skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) 12 u l-MCPD. Għalkemm ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn dwar fran (stoves) 13 u bojlers 14 ta’ fjuwil solidu li ntlaħaq qbil fuqhom fil-livell tal-UE fl-2015 ser japplikaw biss wara l-2020, numru ta’ Stati Membri introduċewhom b’mod proattiv qabel l-iskadenza (eż. il-Polonja) sabiex jgħinu fl-indirizzar tal-emissjonijiet tal-PM, komposti organiċi volatili (KOV) u NOx. Barra minn hekk, l-Ekodisinn u rekwiżiti oħra għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija (stipulati b'mod partikolari mid-Direttiva tal-2010 dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini 15 , id-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 16 u r-Regolament tal-2017 dwar it-Tikkettar tal-Enerġija 17 ) jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa atmosferiċi billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija. Il-konklużjonijiet li ġew adottati riċentement tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) dwar Impjanti Kbar tal-Kombustjoni 18 skont l-IED ser ikollhom ukoll impatti pożittivi fuq in-NOx, is-SO2, u l-PM. Madankollu, peress li l-bijomassa solida s’issa għadha l-akbar kontributur (82%) għall-produzzjoni ta’ sħana rinnovabbli 19 u l-bijoenerġija kollha ser tkompli tirrappreżenta propozjon kbir tat-taħlita enerġetika rinnovabbli tal-UE 20 , titjib fil-kontroll tal-emissjonijiet jista’ jiġi bbilanċjat sa ċertu punt permezz ta’ għadd ta' miżjud ta’ emittenti.

Għad hemm bżonn ta' ħafna aktar sforz sabiex jiġi żgurat li l-qbiż fil-valuri ta’ limitu jinżamm għal perjodu ta' żmien qasir kemm jista’ jkun. Attwalment hemm 30 proċedura ta' ksur miftuħa kontra l-Istati Membri dwar id-Direttiva 2008/50/KE, 16 għall-qbiż fil-valuri ta’ limitu tal-10, 13 għall-qbiż fil-valuri ta’ limitu tan-NO2, u waħda għall-qbiż fil-valuri ta’ limitu tas-SO2.

Hemm ukoll appoġġ ta’ finanzjament mill-UE sinifikanti disponibbli għall-Istati Membri sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja (ara taqsima 3.2.5). Fil-kuntest usa’ tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-Kummissjoni 21 , il-Kummissjoni qiegħda ssegwi Djalogi dwar Arja Nadifa 22 mal-Istati Membri, sabiex tifhem aħjar l-approċċi nazzjonali għall-implimentazzjoni, tikkondividi esperjenza dwar is-soluzzjonijiet, tippromwovi sinerġiji bejn il-politiki u tidentifika oqsma fejn il-fondi tal-UE jistgħu jgħinu. Id-djalogi kienu partikolarment ta’ suċċess fil-promozzjoni ta’ azzjoni li tinvolvi lill-ministri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

2.3.Il-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali

Il-Programm għal Arja Nadifa tal-2013 ikkonkluda li dak iż-żmien ma kienx xieraq li jiġu reveduti d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 2008/50/UE u 2004/107/KE, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa li jiżgura konformità mal-istandards eżistenti, u jnaqqas l-emissjonijiet permezz tan-NECD.

Fl-2017, il-Kummissjoni tat bidu għall-Kontroll tal-Idoneità sabiex teżamina l-prestazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Dan jibni fuq l-analiżi sottostanti għall-Programm għal Arja Nadifa u ser jibbaża fuq l-esperjenza fl-Istati Membri kollha, billi jiffoka fuq il-perjodu 2008 sal-2018. Dan ser iħares lejn l-idoneità għall-għan tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttivi, u b’mod partikolari il-metodi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni, l-istandards tal-kwalità tal-arja, id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni pubblika, u l-limitu li bih id-Direttivi ffaċilitaw azzjoni għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ impatti avversi.

L-ispejjeż amministrattivi, it-trikkib u/jew is-sinerġiji, id-diskrepanzi, l-inkonsistenzi u/jew il-miżuri potenzjalment obsoleti wkoll ser jiġu indirizzati, kif ukoll il-koerenza tal-governanza tal-kwalità tal-arja bejn il-livelli tal-UE, l-Istati Membri, reġjonali u lokali. Skont l-ippjanar attwali, il-kontroll tal-idoneità ser jiġi konkluż fl-2019.

3.L-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet u leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali

3.1.Miri għas-saħħa u għall-ekosistema

Il-miri stabbiliti fil-Programm għal Arja Nadifa ġew ibbażati fuq it-tnaqqis deskritt fil-proposta tal-Kummissjoni 23 għan-NECD. Issa li d-Direttiva ilha li daħlet fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembrust 2016, u li ġiet adottata leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali (jiġifieri, miżuri li jirregolaw sorsi ta’ tniġġis speċifiċi bħal vetturi, fran, impjanti industrijali) sa mill-Programm għal Arja Nadifa tal-2013, dawn il-figuri jistgħu jiġu aġġornati kif indikat f’Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1: Benefiċċji tal-politika dwar l-arja previsti għall-2030 min-NECD u l-leġiżlazzjoni tas-sors kollha adottata mill-2014, meta mqabbla mal-proposti fil-Programm għal Arja Nadifa (relattivi għall-2005, is-sena bażi)

Tnaqqis mistenni fl-impatti negattivi fuq is-saħħa meta mqabbel mal-2005
(mortalità prematura minħabba l-materja partikolata u l-ożonu)

Tnaqqis mistenni fiż-żoni tal-ekosistema li jaqbżu l-limiti tal-ewtrofikazzjoni meta mqabbel mal-2005

Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa (Diċembru 2013) li juża linja bażi li ma tinkludix leġiżlazzjoni tas-sors adottata mill-2014

52 %

35 %

Impatti tan-NECD kif stmat meta saret l-adozzjoni f’Diċembru 2016, permezz tal-istess linja bażi ta’ hawn fuq

49,6 %

-

Impatti tan-NECD permezz ta’ linja bażi li tinkorpora l-impatt tal-leġiżlazzjoni tas-sors adottata mill-2014

54 %

27 %

Huwa xieraq li tingħata xi spjegazzjoni, b’mod partikolari tat-tnaqqis fl-impatt fuq is-saħħa kkalkulat ta’ 54 % filwaqt li l-impatt mistenni (fiż-żmien tal-adozzjoni) kien ftit taħt il-50 %. Dan huwa dovut għal żewġ fatturi.

L-ewwel huwa l-effett tal-leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali speċifika li ġiet adottata fl-2014. Il-kontrolli tal-emissjonijiet tal-MCPD tal-2015 japplikaw għall-impjanti ta’ kombustjoni ġodda kollha mill-20 ta’ Diċembru 2018, u għal impjanti eżistenti sal-2025 jew l-2030 (skont id-daqs tagħhom). Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-2015 dwar l-Ekodisinn japplikaw għal bojlers ta’ fjuwil solidu ġodda li jinbiegħu fis-suq mill-1 ta’ Jannar 2020, u għal fran ta’ fjuwil solidu ġodda mill-1 ta’ Jannar 2022. Ir-Regolament tal-2016 dwar Makkinarju Mobbli Mhux tat-Triq (NRMM) 24 japplika għal magni li jitqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Jannar 2019, 2020 jew 2021, skont il-klassi tal-magna. Il-Konklużjonijiet tal-BAT tal-2017 dwar Impjanti Kbar tal-Kombustjoni japplikaw għal impjanti ġodda mis-17 ta’ Awwissu 2017, u għall-impjanti eżistenti kollha sas-17 ta’ Awwissu 2021. Il-Pakkett għal Arja Nadifa tal-2013 saħaq fuq il-kontribut potenzjali li l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi tista’ tagħti sal-2030, u l-verżjonijiet finali tal-liġijiet issa huma inkorporati fl-analiżi. Valutazzjoni kkombinata ta' miżuri kollha bħal dawn tippermetti li tinstilet konklużjoni li attwalment sal-2030, huwa mistenni tnaqqis akbar minn dak smat meta saret l-adozzjoni tan-NECD, diment li tiġi żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali rilevanti kollha.

It-tieni fattur huwa li meta miżuri li jiġu introdotti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanza niġġiesa jagħtu kobenefiċċju lil oħrajn ('l hekk imsejħa “miżuri kollaterali”). Eżempju huwa kontrolli fuq il-ħruq ta’ skart agrikolu skont il-PAK 25 u l-Anness III tan-NECD, spiss xprunat mill-ħtieġa biex jinkiseb it-tnaqqis fin-NH3, iżda li jnaqqas ukoll il-PM u l-VOCs. F’bosta każijiet, dawn is-sinerġiji jwasslu għal iffrankar tal-ispejjeż, iżda f’xi każijiet oħrajn, dawn prinċipalment iwasslu għal benefiċċji addizzjonali għas-saħħa. L-impatt ta’ dan il-fattur ser jiddependi fuq il-kombinazzjoni ta’ miżuri magħżula fil-prattika mill-Istati Membri.

Dawn l-effetti ma jseħħux bl-istess mod għall-ewtrofikazzjoni. Tabilħaqq, l-ebda waħda mill-partijiet addizzjonali tal-leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali li ġiet adottata mill-2014 ma tindirizza n-NH3, u l-benefiċċji kollaterali huma limitati. Għalhekk, il-moderazzjoni fit-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet tan-NH3 bejn il-proposta tal-Kummissjoni u n-NECD adottata (minn tnaqqis ta’ 25 % għal 19 %) tirriżulta fi tnaqqis ġeneralment proporzjonat b’mod wiesa’ fit-titjib fl-ekosistema li jirriżulta mit-tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.2.L-implimentazzjoni tal-impenji għat-tnaqqis tan-NECD għall-2020 u l-2030

3.2.1.Il-kisba tal-impenji għat-tnaqqis għall-2020

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2013 ipprevediet li l-impenji għat-tnaqqis għall-2020 tal-UE (li ġew stabbiliti fir-reviżjoni tal-2012 tal-Protokoll ta’ Gothenburg) jinkisbu permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE li diġà tkun fis-seħħ dak iż-żmien. Dan huwa kkonfermat fil-livell tal-UE mill-analiżi aġġornata, iżda l-implikazzjonijiet għall-Istati Membri individwali jistgħu jvarjaw, u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri għall-iżgurar tal-konformità.

3.2.2.L-ilħuq tal-impenji għat-tnaqqis għall-2030

L-istima tat-tnaqqis li jrid jintlaħaq sal-2030 fil-proposta tal-Kummissjoni għan-NECD kienet €2.2bn. 26 L-analiżi turi li l-ispiża tal-ilħuq tal-livelli attwali tat-tnaqqis kif intlaħaq ftehim fuqhom fin-NECD kif ġiet adottata f’Diċembru 2016, hija attwalment aktar baxxa, jiġifieri €1.8bn. Din hija konsegwenza tal-fatt li l-livell tal-miri għat-tnaqqis li sar qbil fuqhom mill-koleġiżlaturi ma baqax daqshekk strett.

Jekk titqies il-leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali li ġiet adottata mill-2014, l-ispejjeż attribwibbli għan-NECD huma mistennija li jonqsu ulterjorment għal €960m (jew €1.9/persuna/sena 27 ). Ħafna mid-differenza tinsab fis-settur domestiku, li tirriżulta mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ekodisinn għal fran u bojlers ta’ fjuwil solidu. Jekk jiġi inkluż ukoll l-impatt stmat tal-qafas tal-UE futur tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija 28 , huwa mistenni li jkun hemm tnaqqis ulterjuri (prinċipalment fis-setturi tal-enerġija u dawk industrijali) għal €540m (jiġifieri, €1.05/persuna/sena). Il-benefiċċji huma mistennija li fil-parti l-kbira tagħhom ikunu akbar mill-ispejjeż, b'mod partikolari b’fattur li jvarja bejn 14 (l-istima konservattiva) u 50.

Il-proporzjon tal-ispejjeż ta’ implimentazzjoni mħallsa mill-Istati Membri individwali wkoll jinbidel, minħabba diversi fatturi inkluż il-kontribut tal-leġiżlazzjoni tas-sors il-ġdida, u tibdil fil-projezzjonijiet tat-taħlita enerġetika nazzjonali tal-2030 (b’mod partikolari żieda fl-użu tal-faħam f’xi Stati Membri) 29 .

3.2.3.Oqsma fejn tista’ tkun meħtieġa leġiżlazzjoni tas-sors addizzjonali

Il-Figura 2a ta’ hawn taħt turi l-proporzjon tat-tnaqqis li jinkiseb permezz ta’ (a) il-linja bażi ta’ qabel l-2014, (b) il-leġiżlazzjoni addizzjonali adottata mill-2014, (c) miżuri ulterjuri meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-Rekwiżiti tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (ERRs) tan-NECD u (d) “miżuri kollaterali” (ara t-taqsima 3.1 ta’ hawn fuq). Il-miżuri kollaterali l-aktar rilevanti huma a) il-projbizzjoni ta’ ħruq ta’ skart agrikolu inkluża fl-Anness III tan-NECD (li tnaqqas il-PM2.5, VOC, NH3, kif ukoll is-CO u s-CH4) b) il-kontroll tal-emissjonijiet mill-fran tal-injam għall-istandards tal-Ekodisinn (li jnaqqas il-PM2.5, VOC, NOx u NH3, kif ukoll is-CO u s-CH4) u c) il-kontroll tal-emissjonijiet minn fran tal-faħam, ukoll skont l-Ekodisinn (li jnaqqas il-PM2.5, VOC, SO2 u NOx).

B’mod ġenerali, l-analiżi tikkonferma l-validità globali tal-approċċ li ttieħed fil-proposta oriġinali. Għas-SO2 u n-NOx jinkiseb tnaqqis kbir mil-leġiżlazzjoni li diġà tkun fis-seħħ sal-2013. L-effett ewlieni tal-impenji għat-tnaqqis huwa li dawn jiġu kkonsolidati u li jiżguraw li t-tibdil fl-attività (eż. żieda fl-użu tal-faħam f’xi Stati Membri) ma jaffettwax it-tnaqqis globali. Għall-PM u l-VOCs, l-impatt tan-NECD u tal-leġiżlazzjoni adizzjonali li ġiet adottata mill-2014 huwa sostanzjalment ogħla, u dan jirrifletti t-tnaqqis iżgħar miksub minn leġiżlazzjoni aktar bikrija.



Figura 2a: Kontribut għar-Rekwiżiti tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (ERRs) mogħti permezz ta’ (i) il-leġiżlazzjoni tal-linja bażi ta’ qabel l-2014, (ii) il-miżuri tal-leġiżlazzjoni WARA l-2014, (iii) miżuri ulterjuri li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-Rekwiżiti tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet, u (iv) kollaterazzjonijiet minn miżuri mmirati lejn emissjonijiet oħra. SO2, NOx, VOC u PM2,5

 

 
Għall-NH3, ix-xena hija differenti, kif muri fil-Figura 2b. It-tnaqqis għandu jingħata kważi kollu min-NECD, bi ftit kontribut mil-leġiżlazzjoni tas-sors jew fil-linja bażi qabel l-2014 jew fil-miżuri addizzjonali adottati minn dakinhar.

Figura 2b: In-NH3 - kontribut għar-Rekwiżiti tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (ERRs) mogħti permezz ta’ (i) il-leġiżlazzjoni tal-linja bażi ta’ qabel l-2014, (ii) il-miżuri tal-leġiżlazzjoni wara l-2014, (iii) miżuri ulterjuri li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ERRs, u (iv) kollaterazzjonijiet minn miżuri mmirati lejn emissjonijiet oħra.

Is-setturi li fihom jista’ jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fin-NH3 huma murija fil-Figura 3 ta’ hawn taħt. Il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti minerali, speċifikament l-urea, huma identifikati bħala kosteffettivi f’bosta Stati Membri. Projbizzjoni sħiħa fuq l-użu tal-urea ma ġietx inkluża fin-NECD, peress li hemm għażliet vijabbli inkluż twaqqit u rata ta’ applikazzjoni ottimizzati, l-użu ta’ inibituri tal-ureażi kummerċjalment disponibbli, jew il-qlib għal fertilizzanti minerali oħra b’telf aktar baxx tan-NH3 (eż. nitrat tal-ammonju). Għandu jinkiseb proporzjon sostanzjali tat-tnaqqis mill-ġestjoni tad-demel f'irziezet tal-ħnieżer u tat-tjur, u l-konklużjonijiet riċenti tal-BAT dwar it-Trobbija Intensiva tal-Ħnieżer u tat-Tjur 30 (għadhom mhux inklużi fl-analiżi) jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis meħtieġ. Miżuri tal-ġestjoni tad-demel lil hinn minn dan il-kamp ta' applikazzjoni huma wkoll kosteffettivi ħafna, u skema ssimplifikata bbażata fuq il-BAT għall-ġestjoni tad-demel, eż. ispirata mill-esperjenza mal-Industrija dwar l-Emissjonijiet Industrijali, tipprovdi appoġġ sostanzjali għall-implimentazzjoni. Is-sinerġiji mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti, bħad-Direttiva dwar in-Nitrati 91/676/KEE 31 , ukoll għandhom jissaħħu billi l-Istati Membri jiġu mħeġġin jintroduċu miżuri ta’ ġestjoni li jindirizzaw ir-rekwiżiti tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija b’mod integrat.

Figura 3: Tnaqqis ulterjuri fl-emissjonijiet tan-NH3 sabiex jinkisbu l-ERRs fl-2030, lil hinn mil-leġiżlazzjoni tal-linja bażi tal-2017, skont is-settur

3.2.4.Impatti settorjali u makroekonomiċi

L-effetti ekonomiċi tar-regolazzjoni tat-tniġġis tal-arja jestendu lil hinn mill-benefiċċji diretti u mill-ispejjeż ippreżentati fit-Taqsimiet 3.1 u 3.2.2. L-ewwel, l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji li jnaqqsu t-tniġġis tiġġenera domanda addizzjonali għal dawk is-setturi li jipprovdu l-oġġetti li jnaqqsu l-emissjonijiet. It-tieni, l-ispejjeż li qegħdin jiżdiedu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet jistgħu jinfluwenzaw il-kompetittività tas-setturi attivi f’suq internazzjonali. It-tielet, l-impatti fuq l-output tas-settur jistgħu jiġġeneraw impatti fuq l-ekonomija kollha, billi jaffettwaw id-domanda għall-oġġetti intermedji u għax-xogħol. Tal-aħħar jimplika tibdil fil-impjiegi u fil-pagi, li jaffettwa l-introjtu disponibbli u l-benesseri tal-unitajiet domestiċi.

Sabiex jagħmlu tajjeb għal dawn l-effetti indiretti, ġew ikkalkulati l-impatti makroekonomiċi u speċifiċi għas-settur tal-ilħuq tal-impenji għall-2030 (permezz tal-mudell JRC-GEM-E3). Dawn huma stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ hawn taħt u ġeneralment huma kif identifikati fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2013 li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għan-NECD: l-ispejjeż tal-kisba tal-impenji għat-tnaqqis għall-2030 huma aktar milli bbilanċjati mill-benefiċċji għas-saħħa u għall-agrikoltura (tnaqqis fil-liv minħabba mard u rendiment imtejjeb tal-għelejjel), li jiġġeneraw impatt żgħir pożittiv fuq il-PDG. Is-setturi li jġarrbu sehem sostanzjali tal-ispejjeż (eż. l-agrikoltura) jesperjenzaw tnaqqis żgħir fl-output, filwaqt li l-produzzjoni tiżdied fis-setturi li jibbenefikaw minn żieda fid-domanda għal oġġetti ta' tnaqqis, bħal oġġetti elettriċi, trasport u tagħmir ieħor.


Tabella 2: L-impatt tal-ilħuq tal-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-2030 fuq il-PDG u l-output tas-settur. Sors: JRC-GEM-E3.

Il-parametru referenzjarju* jinkludi

 

 

 

 

 

 

Il-leġiżlazzjoni tas-sors adottata mill-2014?

Le

Le

Iva

Iva

Iva

Iva

Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija 32 ?

Le

Le

Le

Le

Iva

Iva

Il-benefiċċji għas-saħħa u għar-rendiment tal-għelejjel huma inklużi?

Le

Iva

Le

Iva

Le

Iva

PDG

-0.010

0.006

-0.005

0.006

-0.002

0.006

Agrikoltura

-0.09

-0.04

-0.05

-0.07

-0.07

-0.05

L-enerġija

0.01

0.03

0.01

0.02

0.01

0.02

Industriji li jużaw ħafna enerġija

0.00

0.02

0.00

0.02

0.00

0.02

Industrija oħra

0.01

0.03

0.01

0.02

0.00

0.02

Servizzi

0.00

0.01

0.00

0.01

0.00

0.01

* Ir-riżultati jindikaw differenza fil-perċentwali mal-parametru referenzjarju rispettiv fl-2030.

3.2.5.Sorsi ta’ finanzjament mill-UE li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-arja

Hemm riżorsi sostanzjali disponibbli mill-fondi tal-UE, inkluż f’oqsma bħat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura u l-industrija fejn ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għandhom jiġu implimentati. Skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jista' jiġi mobilizzat b'mod speċjali l-finanzjament marbut mal-Objettivi Tematiċi 4 Ekonomija b'Livell baxx ta' Emissjonijiet ta' Karbonju (€45bn), 6 Protezzjoni tal-Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi (€63bn) u 7 Infrastruttura tan-Netwerks fit-Trasport u fl-Enerġija (€58bn) 33 . Studju riċenti 34 ta stima provviżorja li madwar €76bn huma allokati għal azzjonijiet li jikkontribwixxu b’mod sħiħ jew parzjali għall-kwalità tal-arja fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Fuq skala iżgħar, il-FEŻR jipprovdi wkoll opportunitajiet ta’ finanzjament għall-innovazzjoni, f’konformità ma’ strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali jew nazzjonali, li xi wħud minnhom jistgħu jintużaw għall-kwalità tal-arja.

Skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), saru disponibbli €32bn mill-baġit tal-UE għall-2014-2020 sabiex jiġu kkofinanzjati proġetti tat-trasport u tal-enerġija fl-Istati Membri tal-UE, li minnhom madwar €9bn, l-aktar mill-pilastru tat-trasport, ġew impenjati għal proġetti li jistgħu jkunu ta’ xi benefiċċju għall-kwalità tal-arja. Għar-riċerka u għall-innovazzjoni, sa €12-il bn f’Orizzont 2020 jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-kwalità tal-arja. Il-programm LIFE jappoġġja proġetti piloti u ta’ turija kif ukoll Proġetti Integrati għall-implimentazzjoni ta’ pjanijiet tal-kwalità tal-arja. Huwa stmat li madwar € 300M ser ikunu saru disponibbli għal proġetti b’impatt dirett jew indirett fuq l-arja fil-perjodu 2014-2020. Mit-€315-il bn ipprovduti għal self u strumenti finanzjarji taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), huwa stmat li madwar 30 % tat-teħid (madwar € 95bn) ikunu ġew allokati għal proġetti b’dimensjoni tal-kwalità tal-arja bħall-enerġija u t-trasport, u hemm ukoll opportunitajiet ipprovduti mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji tan-NECD (l-Artikolu 7 u 11.1(c)) huma mfassla sabiex jinkoraġġixxu simplifikazzjoni aħjar u użu aktar effettiv tal-finanzjament għall-kwalità tal-arja. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu massimu mill-finanzjament disponibbli.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2027–2021, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea 35 , se jkompli jappoġġa l-miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-arja, inkluż permezz tal-mira ta’ 25% tan-nefqa tal-UE ddedikata għall-objettivi klimatiċi u biex jissaħħaħ il-programm LIFE.

3.2.6.Sommarju

L-analiżi aġġornata turi li l-ispejjeż addizzjonali tal-implimentazzjoni tan-NECD huma sostanzjalment aktar baxxi minn dawk mistennija, parzjalment b'riżultat ta’ bidliet li saru mill-koleġiżlaturi, iżda wkoll minħabba partijiet tal-liġi tal-UE li sadanittant ġew adottati li jservu għanijiet tal-kwalità tal-arja, u l-impatt pożittiv mistenni tal-pakkett futur tal-UE tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija, li huwa mistenni sabiex jiġi adottat dalwaqt.

Madankollu, huwa importanti li tiġi evitata l-kompjaċenza. L-analiżi tassumi l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar sħiħ tal-leġiżlazzjoni li għandhom jiżguraw l-Istati Membri. Din hija bbażata wkoll fuq preżunzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-attività u l-potenzjal tal-kontroll tat-tniġġis, li, minkejja l-aħjar sforzi tagħna jistgħu jiddevjaw minn dawk tal-Istati Membri.

Għalhekk, l-analiżi tipprovdi perspettiva fil-livell tal-UE wiesgħa u għandha tiġi ttrattata b’kawtela xierqa meta tiġi żviluppata politika fil-livell nazzjonali fil-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja.

4.Prospetti għall-ilħuq ta’ objettivi fuq żmien twil

4.1.Il-valuri tal-linja gwida tal-WHO għall-PM2,5

L-EEA tistma li, fl-2015, 82 % tal-popolazzjoni tal-UE ġiet esposta għal konċentrazzjonijiet ogħla mil-linja gwida tal-WHO għall-PM2,5 ta’ 10µg/m3. L-implimentazzjoni tal-politika wara l-2014 ser ittejjeb dan sostanzjalment. Figura 4 turi l-evoluzzjoni mistennija bejn is-sena bażi tan-NECD 2005 u s-sena fil-mira tan-NECD tal-2030, abbażi tal-preżunzjoni ta’ implimentazzjoni sħiħa tan-NECD. Minn 88 % tal-popolazzjoni esposta għal konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur tal-linja gwida tal-WHO fl-2005, il-proporzjon imur għal 13 % fl-2030, u l-qbiż huwa limitat għal ftit żoni fl-Ewropa, b’ħafna minn dawn fi ħdan 5µg/m3 tal-valur ta’ limitu. Għalhekk, sal-2030, ħafna mill-konċentrazzjonijiet urbani ser ikunu jew fil-valur tal-linji gwida tal-WHO jew taħtu, u filwaqt li għad hemm kwistjonijiet f’xi postijiet speċifiċi, dawn jistgħu jiġu indirizzati minn miżuri lokali li mhumiex inklużi fl-analiżi sottostanti ta’ dan ir-rapport.

Figura 4: Distribuzzjoni tal-esponiment għall-popolazzjoni fl-UE għal-livelli tal-PM2,5 fl-2005, u fl-2030 bil-preżunzjoni ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-ERRs tan-NECD u tal-leġiżlazzjoni tas-sors kollha

4.2.Qbiż tat-tagħbijiet kritiċi

L-aktar impatt ambjentali sinifikanti tal-kwalità tal-arja huwa l-ewtrofikazzjoni tal-art u tal-ekosistemi tal-ilma. Dan huwa definit f’termini ta’ qbiż ta’ “tagħbijiet kritiċi” għad-depożitu – it-tniġġis massimu ddepożitat li l-ekosistema tiflaħ mingħajr impatti ekoloġiċi avversi. Il-Figura 5 ta’ hawn taħt turi t-tnaqqis ta’ 27 % fiż-żoni tal-ekosistema affettwati mill-ewtrofikazzjoni bejn l-2005 u l-2030 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tan-NECD (ara Tabella 1).

Figura 5: Perċentwal taż-żona tal-ekosistema b’depożitu tan-nitroġenu ogħla mit-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni (2005 xellug, kontra implimentazzjoni sħiħa tan-NECD 2030, lemin)

0 .. 3

3 .. 10

10 .. 30

30 .. 70

70 .. 90

90 .. 95

95 ..

n2k nieqes

Depożitu eċċessiv tan-nitroġenu jiġi kkawżat mid-depożiti n-NOx u NH3. In-NH3 jiddomina, u l-importanza relattiva tiegħu sal-2030 ser tikber aktar minħabba t-tnaqqis relattivament żgħir meħtieġ fin-NECD meta mqabbel man-NOx (19 % kontra 66 %).

Fl-istess waqt, hemm il-potenzjal li l-NH3 ikompli jonqos. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri tekniċi disponibbli attwalment ser tnaqqas id-depożitu eċċessiv b'aktar minn 75 %. Filwaqt li dan ma jissodisfax it-tagħbijiet kritiċi kullimkien, jaf ikun possibbli titjib ieħor li ma kunx tqies fl-immudellar li jistrieħ fuqu dan ir-rapport, b’mod partikolari l-kontroll tal-emissjonijiet minn sorsi puntiformi kbar qrib ekosistemi sensittivi, u bidliet strutturali fil-produzzjoni xprunati minn tħassib soċjali usa’ għal dieta b’saħħitha.

5.Sustanzi li jniġġsu l-klima ta' ħajja qasira

Il-karbonju iswed, il-metan u l-ożonu huma ta’ tħassib kemm għall-kwalità tal-arja kif ukoll għall-klima.

In-NECD jeħtieġ lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw miżuri li jnaqqsu wkoll il-karbonju iswed meta jindirizzaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-PM2,5 . Il-miżuri sabiex jitnaqqas il-PM2,5 (pereżempju, fi ħruq ta’ fjuwil solidu domestiku, tniġġis partikolat minn karozzi bid-diżil, ħruq ta’ għelieqi agrikoli u l-ġenerazzjoni tal-enerġija) ukoll ser jagħtu tnaqqis fil-karbonju iswed ta’ 72 % madwar l-UE sal-2030.

Il-metan u l-ożonu huma konnessi mill-qrib, minħabba li l-metan huwa kontributur ewlieni għal konċentrazzjonijiet ta’ sfond tal-ożonu. Minħabba l-ħajja twila tal-metan, dan jiġi ttrasportat għal distanzi twal madwar l-emisferu tat-Tramuntana, b’emissjonijiet fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fl-Indja li jaffettwaw il-konċentrazzjonijiet tal-UE u viċe versa. Aktar tard fis-sena, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ser jippreżenta rapport tekniku dwar l-emissjonijiet tal-metan u l-kontribut tagħhom għall-ożonu. Abbażi ta’ din il-ħidma, il-Kummissjoni sejra, fl-2019, tivvaluta l-potenzjal għal tnaqqis madwar l-emisferu tat-Tramuntanta u l-impatti tiegħu fuq il-konċentrazzjonijiet, bl-għan li tidentifika objettivi xierqa għat-tnaqqis tal-metan fil-kuntest ta’ approċċ emisferiku futur, f’kooperazzjoni mal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila, il-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa u l-Inizjattiva Globali dwar il-Metan.

Il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu jiġu aggravati minn żidiet fit-temperatura li jirriżultaw minn tibdil fil-klima, u dan jenħtieġ li jiġi kkunsidrat meta t-tniġġis tal-arja jiġi vvalutat u mmitigat fuq perjodu twil ta’ żmien.

6.Id-dimensjoni internazzjonali

L-adozzjoni tan-NECD ippermettiet biex f’Awwissu 2017, l-UE tirratifika, ir-reviżjoni tal-2012 tal-Protokoll ta’ Gothenburg. Ir-ratifiki mill-Istati Membri jistgħu jġibu l-Protokoll revedut fis-seħħ u filwaqt li tmien Stati Membri diġà rratifikaw, 36 il-Kummissjoni tinkoraġġixi lill-oħrajn kollha biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun.

L-objettiv ewlieni tal-UE jibqa’ li tistimula ratifika usa’ tal-Protokoll minn pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari l-Ewropa tal-Lvant, l-istati Kawkasi u Asjatiċi Ċentrali (EECCA). Dispożizzjonijiet flessibbli għall-istati EECCA ġew inklużi fil-Protokoll revedut sabiex tiġi mħeġġa r-ratifika, iżda dawn jistgħu jintużaw biss jekk il-Protokoll jiddaħħal fis-seħħ qabel l-2020 – raġuni oħra importanti għall-Istati Membri biex jirratifikaw malajr.

Il-Kummissjoni ser tkompli tiżviluppa x-xogħol tagħha stess biex tassisti lil pajjiżi tal-viċinat bil-politika dwar l-arja, b’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI). Il-kondiviżjoni tal-esperjenza lil hinn mill-UE u l-UNECE wkoll hija prijorità, u l-UE saħqet b’suċċess għal kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali usa’ permezz tat-3 Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (Diċembru 2017) u ser tkompli tagħmel dan b’mod bilaterali. Il-Kummissjoni qiegħda tiffinanzja wkoll valutazzjoni mill-Programm ta' Monitoraġġ u Valutazzjoni ta' l-Artiku (AMAP) tal-potenzjal ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet tal-karbonju iswed li jaffettwaw ir-reġjun.

7.Konklużjonijiet

·Huwa pożittiv li jiġi nnutat li, meta jitqiesu flimkien, il-pakkett ta’ miżuri adottati mill-koleġiżlaturi mill-Programm għal Arja Nadifa tal-2013 – li jfisser mhux biss in-NECD iżda wkoll l-MCPD, ir-Regolament revedut dwar Makkinarju Mobbli mhux tat-Triq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-IED u għad-Direttiva dwar l-Ekodisinn – huwa mistenni sal-2030 li jinkiseb ħafna aktar mit-tnaqqis tal-impatt fuq is-saħħa ta’ 52 % stabbilit fil-Programm, u li jagħti konċentrazzjonijiet tal-PM2,5 fil-biċċa l-kbira tal-UE li huma taħt il-valur tal-linja gwida tal-WHO.

·Madankollu hemm ħtieġa fuq perjodu qasir urġenti li tittieħed azzjoni deċiżiva biex jinkisbu l-objettivi tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, fil-livelli ta’ governanza kollha (nazzjonali, reġjonali, lokali) u bl-involviment sħiħ tal-atturi tas-suq, kif enfasizzat il-Komunikazzjoni riċenti “Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd” 37 . Anki fuq perjodu ta' żmien itwal, ser tkun meħtieġa azzjoni kumplimentari f’dawn il-livelli kollha sabiex jiġi żgurat li l-objettivi fit-tul tal-UE jiġu ssodisfati kullimkien fl-Ewropa

·L-impatt fl-2030 jiddependi fuq l-implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri tal-miżuri kollha, u b’mod partikolari tal-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja robusti sabiex jagħtu l-impenji għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tan-NECD. Dan jeħtieġ il-koordinazzjoni effettiva ta’ dawn il-Programmi mal-implimentazzjoni ta’ politiki oħra, inter alia, il-miżuri tal-klima/enerġija tal-Unjoni tal-Enerġija, il-politika dwar it-trasport bit-triq u r-riforma li ġejja tal-Politika Agrikola Komuni. Il-kisba tal-appoġġ finanzjarju tal-UE sostanzjali disponibbli ser tiffaċilita ħafna wkoll l-implimentazzjoni.

·Filwaqt li għal ħafna mis-setturi u mis-sustanzi niġġiesa, il-leġiżlazzjoni tas-sors tappoġġja sostanzjalment l-implimentazzjoni tan-NECD, l-emissjonijiet tan-NH3 tal-agrikoltura huma eċċezzjoni. Ser ikun meħtieġ involviment effettiv tas-settur sabiex jiġi realizzat it-tnaqqis meħtieġ. Anki meta jsir dan, l-analiżi attwali turi li l-UE ser tkun għadha ’l bogħod milli tilħaq l-objettiv fuq żmien twil tagħha tal-ebda qabża tat-tagħbijiet kritiċi tal-ewtrofikazzjoni, iżda hemm potenzjal ta’ tnaqqis ulterjuri sostanzjali li jista’ jressaq lill-UE ħafna aktar qrib. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja l-isforzi nazzjonali f’dan ir-rigward, inkluż billi jiġi mmassimizzat l-użu tal-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u billi jiġu promossi sinerġiji mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti, bħad-Direttiva dwar in-Nitrati 91/676/KEE.

·Kif iddikjarat mill-Kummissjoni meta ġiet adottata n-NECD ġdida, l-emissjonijiet tal-metan ukoll għandhom jinżammu taħt rieżami fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-UE u sabiex it-tnaqqis tal-metan jiġi promoss fuq livell internazzjonali. Abbażi tal-emissjonijiet nazzjonali rrappurtati, il-Kummissjoni ser tkompli tivvaluta l-impatt tal-emissjonijiet tal-metan fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-politika dwar l-arja, tikkunsidra miżuri għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet, u fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva, abbażi tal-evidenza fil-livell tal-UE u dak globali.

Il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa li jmiss sejra tiġi ppubblikata fl-2020, u sejra tinkludi l-analiżi tal-Kummissjoni tal-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja tal-2019.

(1)

ĠU L 152 , 11.06.2008, p. 1– 44

(2)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), Ottubru 2017, “Air quality in Europe — 2017 report” (“Il-kwalità tal-arja fl-Ewopa — rapport tal-2017”

(3)

Ara: http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/review.htm

(4)

COM(2013)918 final

(5)

ĠU L 313, 28.11.2015, p. 1–19

(6)

ĠU L 248, 27.9.2017, p. 3–75

(7)

ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.

(8)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), Ottubru 2017, “Air quality in Europe - 2017 report”

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151, kif emendat. ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1–643

(10)

COM(2016)31 finali.

(11)

     Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007. ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1-16.

(12)

Id-Direttiva 2010/75/UE, ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119

(13)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni 2015/1185, ĠU UE L 193, 21.07.2015.

(14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni 2015/1189, ĠU UE L 193, 21.07.2015.

(15)

Id-Direttiva 2010/31/UE, ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13–35.

(16)

Id-Direttiva 2012/27/UE, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1-56.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2017/1369, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1–23.

(18)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442, ĠU L 212, 17.8.2017, p. 1–82.

(19)

COM(2017) 57 final Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli, p.5

(20)

COM(2016) 860 final Komunikazzjoni Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha, p.9

(21)

Ara: http://ec.europa.eu/environment/eir/index_en.htm  

(22)

Ara: http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/dialogue.htm  

(23)

COM(2013)920 final

(24)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 – ĠU UE L 252, 16.09.2016

(25)

 L-Anness II dwar il-kundizzjonalità tar-Regolament (UE) 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(26)

L-istima għall-ispejjeż ta’ implimentazzjoni tal-proposta oriġinali tal-COM hija stabbilita fir-rapport TSAP 16 (IIASA). Disponibbli hawn http://www.iiasa.ac.at/web/home/research/researchPrograms/air/policy/TSAP-reports.html

(27)

Innota li l-figura għal kull ras hija medja li ma tirriflettix id-differenzi fl-ispejjeż bejn l-operaturi ekonomiċi u r-reġjuni.

(28)

Il-proposti tal-Kummissjoni huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/clima/policies/strategies/2030_mt#tab-0-0 ; l-adozzjoni formali tal-ftehimiet dwar il-kodeċiżjoni tal-2017 attwalment għadha pendenti.

(29)

Id-dettalji jinsabu fir-rapport ta’ sostenn mill-Istitut Internazzjonali għall-Analiżi tas-Sistemi Applikati (International Institute for Applied Systems Analysis), “Progress towards the achievement of the EU's air quality and emissions objectives”

(30)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/302, ĠU L 43, 21.2.2017, p. 231–279.

(31)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(32)

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-ETS u mhux l-ETS (ESR) għall-2030, https://ec.europa.eu/clima/policies/strategies/2030_mt  

(33)

Ara https://cohesiondata.ec.europa.eu/  

(34)

Ir-Rapport mill-kumpanija Ricardo Energy and Environment dwar metodoloġija ta’ traċċar għall-kwalità tal-arja

(35)

     COM(2018)321

(36)

CZ, FI, DE, NL, RO, SK, ES, SE. Ara wkoll: http://www.unece.org/env/lrtap/status/lrtap_s.html  

(37)

COM (2018) 330 final