Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 414 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 tal-Litwanja

u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja għall-2018


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 tal-Litwanja

u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja għall-2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta’ Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Litwanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt, b’mod partikolari (1).

(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għal-Litwanja 4 ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Litwanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Litwanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(4)Fis-26 ta' April 2018, il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tagħha u fit-30 ta’ April 2018 il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba 6 .

(6)Bħalissa l-Litwanja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2018, il-Gvern qiegħed jippjana li jżomm il- surplus ta’ 0,6 % tal-PDG mill-2018 sal 2010, qabel ma hu proġettat li jonqos għal 0,3 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — defiċit ta’ 1 % tal-PDG f’termini strutturali — hu ppjanat li jiġi ssodisfat matul il-perjodu tal-programm. Fl-2016 u l-2017, il-Litwanja ngħatat ukoll devjazzjoni temporanja marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet minħabba r-riformi strutturali. Dawn id-devjazzjonijiet huma riportati għal perjodu ta’ tliet snin. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG mistenni li jinżel minn 39,7 % tal-PDG fl-2017 għal 35,3 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati bilanċ favorevoli mill-2019 ’il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lill-Litwanja biex iżżomm l-għan baġitarju fuq terminu medju tagħha fl-2018, b’kont meħud tal-konċessjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet u tar-riformi strutturali li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Dan huwa kostanti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima tan-nefqa netta primarja tal-gvern 7 ta’ 6,4 % fl-2018, li tikkorrispondi għal deterjorazzjoni permessa fil-bilanċ strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, id-defiċit strutturali tal-Litwanja mistenni, huwa mbassar li jilħaq -0,7 % tal-PDG fl-2018 u 0,6 % tal-PDG fl-2019. Il-bilanċ strutturali huwa għalhekk previst li se jibqa’ ogħla mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju matul is-sentejn. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Litwanja hija mistennija li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019.

(8)Id-dħul mit-taxxi ambjentali u t-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà għadhom anqas mill-medja tal-UE. Il-Litwanja wettqet riforma tas-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà tagħha, li introduċiet element ta’ progressività fis-sistema, u abolixxiet l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa għall-faħam u l-kokk użati għal finijiet ta’ tisħin. Madankollu, għad fadal skop li ttejjeb il-konformità tat-taxxa u twessa’ l-bażi tat-taxxa għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. Minkejja li l-Litwanja għamlet progress f’dawn l-aħħar snin dwar it-titjib tal-ġbir tat-taxxa, id-distakk għall-VAT huwa fost l-akbar fl-UE. Il-Litwanja qed tieħu passi ulterjuri biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa, u miżuri implimentati riċentement qed juru riżultati pożittivi bikrija. Żieda ulterjuri fil-konformità tat-taxxa tgħolli d-dħul tal-baġits u tikkontribwixxi biex ittejjeb il-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa.

(9)Bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ indiċjar tal-pensjonijiet fl-2018, li torbot il-pensjonijiet mat-tkabbir tal-kont tal-pagi, is-sehem tan-nefqa pubblika għall-pensjonijiet fil-PDG hija mistennija li tibqa’ fissa sal-2040. Dan se jiżgura s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet Litwana. Madankollu, dan huwa l-aktar minħabba tnaqqis fil-proporzjon ta’ benefiċċji billi l-ispejjeż totali tal-pagi huma mbassra li jiżdiedu b’ritmu aktar bil-mod mis-salarji minħabba tnaqqis rapidu fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Dan iqajjem tħassib dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet, li diġà huma fost l-aktar baxxi fl-UE. Lanqas ma huwa ċar kif din ir-riforma se taħdem fil-prattika peress li l-gvern huwa legalment obbligat li jipproponi miżuri f’każ ta’ tnaqqis fil-proporzjon ta’ sostituzzjoni. Jekk ir-rata ta’ sostituzzjoni tibqa’ l-istess, in-nefqa totali fuq il-pensjonijiet bħala sehem mill-PDG tiżdied bi kważi 45 % fid-deċenju wara l-2040, li tpoġġi piż fuq il-finanzi pubbliċi. Għalhekk huwa importanti li jiġu ċċarati l-inċertezzi legali fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet u biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza baxxa tagħha.

(10)Is-suq tax-xogħol qiegħed jissikka malajr bħala riżultat ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu, iżda wkoll minħabba żviluppi demografiċi negattivi u emigrazzjoni, li diġà wasslu għal nuqqas ta’ ħiliet. Sitwazzjoni bħal din titlob sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tista’ tipprovdi lil kulħadd bil-ħiliet meħtieġa. Filwaqt li r-riformi mnedija matul l-aħħar sena huma pass fid-direzzjoni t-tajba, huwa importanti li l-Litwanja timplimenta dawn ir-riformi biex ittejjeb ir-riżultati tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħha. Ir-regoli ta’ finanzjament u l-akkreditazzjoni tal-edukazzjoni terzjarja tal-Litwanja qed jgħinu biex jiżdied in-numru ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja, iżda fl-istess ħin taw kontribut għal tħassib dwar il-kwalità, il-frammentazzjoni u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol. Il-konsolidazzjoni tal-universitajiet li għaddejja bħalissa, jekk tkun ikkumplimentata b’tibdil fir-regoli tal-akkreditazzjoni u ta’ finanzjament, għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali. Barra minn hekk, il-pressjonijiet demografiċi persistenti affettwaw l-effiċjenza tas-sistema edukattiva u għamlu aktar urġenti l-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess ekwu għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva. Biex jindirizzaw il-prestazzjoni taħt il-medja tal-istudenti fil-Litwanja fil-ħiliet bażiċi, hemm bżonn li jsiru riformi fit-taħriġ inizjali tal-għalliema, il-karrieri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ikkumplimentati minn riformi oħra fuq il-kwalità.

(11)Il-parteċipazzjoni baxxa tal-adulti fit-tagħlim fil-Litwanja tindika li t-tagħlim tal-adulti għadu mhux żviluppat biżżejjed u mhux jippermetti li l-ekonomija tibbenefika minn titjib tal-ħiliet, l-innovazzjoni u integrazzjoni aħjar ta’ dawk żvantaġġati fis-suq tax-xogħol (pereżempju, il-persuni avvanzati fl-età, qiegħda jew adulti mhux attivi). Minkejja l-investiment fl-infrastruttura, il-kontenut tal-kurrikulu tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ ħafna drabi jkun skadut filwaqt li l-allinjament mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali jista’ jkun żviluppat aktar. It-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol għadu fil-fażi inizjali u jista’ jiġi estiż. Miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol fihom offerta kbira, iżda din l-offerta tista’ tiġi mtejba aktar. Ir-riformi reċenti u l-miżuri meħuda f’dan il-qasam ma kellhomx riżultati sinifikanti sa issa. F’kuntest usa’, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali huwa importanti biex jitrawwem l-involviment tagħhom.

(12)L-isfidi fir-riżultati tal-kura tas-saħħa jippersistu; dawn qed ikollhom impatt negattiv fuq il-produttività, il-kompetittività tal-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja. L-għoti tas-servizzi tas-saħħa għadu wisq ċentrat fuq l-isptar, u dan jagħti lok għal aktar tisħiħ tal-kura primarja. Aktar razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi flimkien ma’ miżuri li jtejbu kemm il-kwalità tal-kura fl-isptar kif ukoll dik primarja huma ta’ importanza ewlenija biex il-kura tas-saħħa tkun iżjed effettiva. Linji ta’ politika għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard għandhom irażżnu mġiba riskjuża b’mod aktar qawwi u rapidu. Madankollu, l-iskala ta’ dawn il-politiki għadha żgħira, filwaqt li l-kollaborazzjoni transsettorjali hija sottożviluppata u r-responsabbiltà għar-riżultati mhix integrata b’mod suffiċjenti fil-livell muniċipali. Livell għoli ta’ dipendenza fuq il-ħlas mill-but, livell baxx ta’ l-infiq fuq is-saħħa u allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi qed jillimitaw l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

(13)Il-proporzjon għoli ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, flimkien mal-inugwaljanza fid-dħul għoli, jibqgħu sfidi ewlenin għal-Litwanja li jtellfu l-prospetti għat-tkabbir ekonomiku. Huma jheddu wkoll il-koeżjoni soċjali u jistgħu joħolqu l-emigrazzjoni. Minkejja tkabbir ekonomiku kontinwu, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, it-tfal, il-familji b’ġenitur wieħed u l-persuni qiegħda qed jiffaċċjaw l-ogħla riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Is-setgħa korrettiva tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji Litwana hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Filwaqt li ttieħdu passi inizjali importanti biex jiġi miġġieled il-faqar u l-inugwaljanza fid-dħul, il-pajjiż għad għandu triq twila sabiex jikkonverġi lejn il-medji tal-faqar u l-inugwaljanza tal-UE. Il-porzjon ta’ taxxa relattivament tqil fuq dawk bi dħul baxx jista’ jillimita l-inċentiv għax-xogħol u jżid ir-riskju ta’ faqar u inugwaljanzi. Il-livelli tal-faqar u l-inugwaljanza jista’ jitbaxxa billi jsiru inċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fost persuni minn gruppi vulnerabbli u dawk bi dħul baxx, u billi tiżdied is-setgħa korrettiva tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji sostnuti minn ġbir aħjar tat-taxxi. Miżuri bħal dawn jistgħu wkoll iżidu s-sens ta’ ġustizzja soċjali.

(14)Wara li ġiet imrażżna sa mill-2012, it-tkabbir fil-produttività reġa’ tela’ fl-2017, biex ittaffew il-pressjonijiet fuq il-kompetittività tal-kost. Madankollu, dan it-titjib huwa xprunat l-aktar mis-settur privat. Sar biss progress limitat fit-titjib tal-effiċjenza tal-investiment pubbliku. B’mod partikolari, l-effiċjenza tan-nefqa fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp pubbliċi u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u x-xjenza għadhom baxxi. Barra minn hekk, l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp naqas b’mod sinifikanti fl-2016. Koordinazzjoni u governanza frammentata tal-politika ta’ riċerka u innovazzjoni twassal għal ineffiċjenzi u tipprevjeni n-negozji milli jibbenefikaw bis-sħiħ minn diversi skemi ta’ appoġġ. Aktar progress fir-riforma li għaddejja bħalissa dwar l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-settur tar-riċerka pubbliku għandu jgħin biex jinkiseb użu aħjar tar-riżorsi disponibbli.

(15)Il-Litwanja għamlet progress fit-tisħiħ tal-qafas ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-lobbying u l-protezzjoni tal-informaturi kemm għal ħaddiema tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għadha sfida. Il-korruzzjoni fis-settur tas-saħħa għadha tqajjem tħassib, minkejja r-riżultati pożittivi tal-programm tal-gvern “idejn nodfa”.

(16)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Litwanja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Litwanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(17)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, u huwa tal-opinjoni li l-Ġermanja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.Ittejjeb il-konformità tat-taxxa u twessa’ l-bażi tat-taxxa għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. Tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

2.Ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u r-relevanza tas-suq tax-xogħol għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tal-adulti. Ittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa billi timxi minn kura fl-isptar għall-kura barra mill-isptar, issaħħaħ il-miżuri għall-prevenzjoni tal-mard, inkluż fuq livell lokali, u ttejjeb il-kwalità u l-affordabbiltà tal-kura. Ittejjeb it-tfassil tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanza fid-dħul.

3.Tistimula t-tkabbir tal-produttività billi ttejjeb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku, u tiżgura koordinazzjoni governattiva effiċjenti tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni u tindirizza lakuni u ineffiċjenzi f’miżuri pubbliċi li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-industrija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    COM(2018) 414 final.
(3)    P8_TA(2018)0077 u P8_TA(2018)0078.
(4)    SWD(2018) 213 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6)    COM(2014) 494 final.
(7)    L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross finanzjat nazzjonalment hija mwittija fuq perijodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.