Brussell, 1.6.2018

COM(2018) 395 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi

{SWD(2018) 302 final}
{SWD(2018) 303 final}


1.Il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE dwar il-pollinaturi

Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tal-popolazzjonijiet tan-naħal tal-għasel, li raw telf fl-UE u madwar id-dinja, ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku. Wara dan il-fenomenu tant pubbliċizzat hemm problema fuq skala ħafna akbar, jiġifieri t-tnaqqis drammatiku fl-okkorrenza u d-diversità tat-tipi kollha ta’ insetti pollinaturi selvaġġi, inkluż naħal selvaġġi, sirfidi, friefet u baħrijiet. Għadd kbir ta’ speċijiet pollinaturi huma estinti jew mhedda bl-estinzjoni 1 .

Din hija raġuni serja għat-tħassib minħabba li l-pollinaturi jifformaw parti integrali minn ekosistemi b’saħħithom. Mingħajrhom, ħafna speċijiet ta’ pjanti jonqsu fin-numru u eventwalment jgħibu flimkien mal-organiżmi li jiddependu fuqhom, u dan ikollu implikazzjonijiet ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi serji. L-għelejjel dipendenti fuq id-dakkir jiddependu fuq id-dakkir mill-annimali fi gradi differenti. Huwa stmat li bejn 5 u 8 % 2 tal-produzzjoni globali attwali tal-għelejjel hija attribwita b’mod dirett għad-dakkir mill-annimali. Fl-UE biss, madwar 84 % 3 tal-ispeċijiet tal-għelejjel u 78 %3 tal-ispeċijiet tal-fjuri selvaġġi, jiddependu, tal-anqas parzjalment, fuq id-dakkir mill-annimali. Sa kważi EUR 15-il biljun 4 tal-produzzjoni agrikola annwali tal-UE hija attribwita b’mod dirett għall-insetti pollinaturi.

L-ewwel rapport globali dwar il-pollinaturi maħruġ mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi2 isemmi t-tibdil fl-użu tal-art, il-ġestjoni agrikola u l-użu ta’ pestiċidi intensivi, it-tniġġis ambjentali, l-ispeċijiet aljeni invażivi, il-patoġeni u t-tibdil fil-klima bħala t-theddidiet ewlenin għall-pollinaturi. Huwa jidentifika wkoll lakuni sinifikanti fl-għarfien dwar kif jiffunzjonaw dawn il-motivaturi u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni transsettorjali sabiex jiġu indirizzati. Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika 5 approvat is-sejbiet tar-rapport u saħqet fuq l-importanza tal-pollinaturi u s-servizzi tal-ekosistema li jagħtu għall-ilħuq ta’ numru mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU 6 .

L-UE introduċiet firxa ta’ miżuri ta’ benefiċċju għall-pollinaturi, l-aktar taħt politiki ambjentali u tas-saħħa (b’mod partikolari d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pestiċidi), kif ukoll skont il-politika agrikola komuni, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Hemm ukoll fis-seħħ għadd ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali dwar il-pollinaturi. Madankollu, s’issa ma kien hemm l-ebda azzjoni tal-UE unika u koordinata li tindirizza t-tnaqqis fil-pollinaturi permezz ta’ approċċ integrat li jinvolvi setturi u politiki differenti. Jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-problema flimkien.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta objettivi strateġiċi u sett ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha sabiex jindirizzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi fl-UE u jikkontribwixxu għall-isforzi ta’ konservazzjoni globali. Din tistabbilixxi l-qafas għal approċċ integrat għall-problema u użu aktar effettiv tal-għodod u l-politiki eżistenti.

Din l-inizjattiva turi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li taċċellera l-progress lejn il-mira tal-UE 2020 li twaqqaf u treġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi 7 affermati mill-ġdid mill-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija 8 . Hija twieġeb għas-sejħiet għall-azzjoni li saru mill-Parlament Ewropew 9   10 u mill-Kunsill 11 għall-ħarsien tal-pollinaturi u l-ħabitats tagħhom sabiex jitwaqqaf it-tnaqqis tagħhom. Il-konsultazzjoni pubblika 12 li qed tħejji din l-inizjattiva stabbiliet li inizjattiva tal-UE dwar il-pollinaturi hija appoġġjata ferm fost il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari mill-pubbliku ġenerali.

2.Il-komponenti tal-inizjattiva

L-objettivi u l-azzjonijiet stabbiliti f’din l-inizjattiva jimmiraw li jtejbu l-għarfien xjentifiku dwar it-tnaqqis fl-insetti pollinaturi, jindirizzaw il-kawżi prinċipali tiegħu u jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati. Filwaqt li l-enfasi qiegħda fuq il-pollinaturi selvaġġi, l-inizjattiva tindirizza l-isfidi komuni għall-pollinaturi kollha. Għalhekk, din se tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-pollinaturi domestikati, b’mod partikolari n-naħal tal-għasel, u se tikkumplimenta l-appoġġ tal-UE eżistenti għall-apikultura 13 u s-saħħa tan-naħal 14 .

PRIJORITÀ I: Intejbu l-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu

PRIJORITÀ II: Nindirizzaw il-kawżi tat-tnaqqis tal-pollinaturi

PRIJORITÀ III: Inżidu s-sensibilizzazzjoni, ninvolvu s-soċjetà b’mod ġenerali u nippromwovu l-kollaborazzjoni

Filwaqt li l-azzjonijiet proposti huma ddeżinjati biex jiġu implimentati fuq perjodu ta' żmien qasir, dawn se jintroduċu proċessi ewlenin u mekkaniżmi sabiex l-isfida tiġi trattata b’mod ħolistiku fuq terminu twil. L-implimentazzjoni ta’ suċċess ta’ dawn l-azzjonijiet se titlob riżorsi finanzjarji u umani adegwati. Dawk li jfasslu l-politiki u l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jindirizzaw l-isfida waħidhom; jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE u s-settur tan-negozju jiġu involuti wkoll.

L-inizjattiva tistabbilixxi objettivi fuq terminu twil u azzjonijiet fuq terminu qasir taħt tliet prijoritajiet:

It-tabella fl-anness tipprovdi dettalji tal-azzjonijiet u s-subazzjonijiet varji taħt kull prijorità.

2.1.PRIJORITÀ I: Intejbu l-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu

L-UE diġà appoġġjat il-ġenerazzjoni ta’ għarfien prezzjuż (pereżempju permezz tal-proġetti ALARM 15 u STEP 16 u l-Lista l-Ħamra Ewropea 17 ). Filwaqt li dawn juru biċ-ċar tnaqqis allarmanti fil-pollinaturi u jiggarantixxu azzjoni immedjata, il-lakuni fl-għarfien għadhom konsiderevoli. Il-firxa sħiħa tat-tnaqqis mhix magħrufa u r-riperkussjonijiet tagħha fuq is-soċjetà umana u l-ekonomija għadhom ma ġewx mifhuma kompletament. Għalkemm it-theddidiet ewlenin għall-pollinaturi ġew stabbiliti u jippermettu li tittieħed azzjoni immedjata u bbażata fuq l-għarfien, l-għarfien dwar l-impatti individwali u l-interazzjoni tagħhom jeħtieġ aktar riċerka. Għalhekk, it-titjib fl-għarfien jirrappreżenta pedament ta’ din l-inizjattiva u se jeħtieġ l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-akkademiċi, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini.

L-ispeċijiet u l-popolazzjonijiet tal-pollinaturi fl-UE jeħtieġ li jiġu ssorveljati aħjar. L-iżvilupp ta’ proċess ta’ monitoraġġ ikkoordinat bil-għan li jimla l-lakuna tal-għarfien dwar l-istatus u x-xejriet tagħhom se jitlob sforz konġunt mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Se jkun meħtieġ grupp ta’ esperti tekniċi biex ifasslu metodoloġija tal-monitoraġġ kosteffiċjenti u standardizzata. Ix-xjenza mill-pubbliku, 18 l-għodod u t-teknoloġija tal-ICT bħall-barcoding tad-DNA u t-tagħlim awtomatiku għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-proċess. Id-data fuq is-sit ta’ kwalità tajba mill-monitoraġġ se tagħmilha possibbli li speċijiet ta’ pollinaturi mhedda jiġu vvalutati u jiġu żviluppati indikaturi tal-pollinaturi robusti. Dawn l-indikaturi jgħinu sabiex jiġu vvalutati l-impatti ta’ politiki tal-UE varji, primarjament fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura u s-saħħa, u sabiex jiġi intraċċat il-progress tal-UE lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2 (“Neliminaw il-ġuħ”) u 15 (“Il-Ħajja fuq l-art”) 19 . Flimkien mad-data dwar it-theddid għall-pollinaturi u d-dakkir, dawn jagħmluha possibbli li titwettaq valutazzjoni integrata tat-tnaqqis tal-pollinaturi, l-impatti tagħhom fuq is-soċjetà u l-ekonomija permezz ta’ għodod bħall-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom 20 u l-kontijiet tal-kapital naturali dwar il-pollinaturi u d-dakkir 21 , u sabiex jiġi żviluppat rispons għall-politika adegwat.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ li jiġu msaħħa minn kull aspett: id-daqs tal-problemi (l-istatus u x-xejriet tal-pollinaturi), l-indirizzar tal-kawżi (it-theddidiet għall-pollinaturi, l-importanza relattiva u l-interazzjoni tagħhom) u l-konsegwenzi (l-impatti fuq in-natura, il-benessri tal-bniedem u l-ekonomija). Jenħtieġ li r-riċerka fundamentali (is-sistematika, it-tassonomija) kif ukoll ir-riċerka applikata jiġu appoġġjati sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-UE fir-rigward tal-pollinaturi. Diversi proġetti ta’ riċerka li għadhom għaddejjin diġà se jkunu qed iħallu r-riżultati dwar il-pollinaturi 22 , kif ukoll dwar l-innovazzjonijiet fil-protezzjoni tal-pjanti, l-approċċi integrati tas-saħħa u alternattivi għall-pestiċidi 23 . 

L-aċċess miftuħ għal data u informazzjoni rilevanti għall-pollinaturi hija prekundizzjoni għal użu aħjar ta’ riżorsi eżistenti sabiex jiġi ġġenerat kemm għarfien ġdid kif ukoll soluzzjonijiet innovattivi. Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex id-data u l-informazzjoni mxerrdin jinġabru flimkien u jsiru aċċessibbli b’mod faċli.

2.2.PRIJORITÀ II: Nindirizzaw il-kawżi tat-tnaqqis tal-pollinaturi

Il-varjetà ta’ motivaturi tat-tnaqqis tal-pollinaturi titlob azzjonijiet ta’ mitigazzjoni f’setturi u politiki varji.

L-aktar speċijiet u ħabitats mhedda tal-pollinaturi tal-UE, bħal dawk protetti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats jew inklużi fil-Lista l-Ħamra Ewropea, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal azzjoni u finanzjament ta’ prijorità. Il-programm LIFE, b’mod partikolari se jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward.

Telf ta’ ħabitats

Sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, il-Kummissjoni qed timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija. Filwaqt li d-Direttiva dwar il-Ħabitats telenka biss għadd limitat ta’ speċijiet ta’ pollinaturi, il-miżuri ta’ konservazzjoni għal tipi ta’ ħabitats protetti bħall-bwar jistgħu jkunu ta’ benefiċċju sinifikanti għall-pollinaturi. Għalhekk, it-titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva huwa ta’ importanza ewlenija fl-indirizzar ta’ waħda mit-theddidiet ewlenin għall-pollinaturi — it-telf tal-ħabitats. L-infrastruttura ekoloġika 24 tista’ ttejjeb aktar il-kundizzjonijiet naturali meħtieġa għas-sostenn ta’ ħabitats tal-pollinaturi prosperi billi tipprovdi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura 25 u ssaħħaħ il-koerenza u l-konnettività tan-netwerk Natura 2000 f’pajsaġġi rurali u urbani usa’.

Il-politika agrikola komuni u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE jippreżentaw opportunitajiet ewlenin għaż-żamma u l-ħolqien ta’ ħabitats tal-pollinaturi f’żoni rurali u urbani sal-2020. L-istruttura tal-politika agrikola komuni (inklużi l-kundizzjonalità, il-pagamenti diretti u l-miżuri ta’ żvilupp rurali) tipprovdi sett wiesa’ ta’ strumenti meħtieġa biex jgħinu fl-indirizzar tal-pressjonijiet fuq il-pollinaturi li jirriżultaw minn ġestjoni agrikola intensiva u tibdil fl-użu tal-art, inkluż l-abbandun tal-art agrikola. Dawn, b’mod partikolari, jinkludu żoni ta’ interess ekoloġiku taħt appoġġ ta’ pagament dirett lill-bdiewa, li jipprovdu biċċiet ta’ artijiet ta’ lqugħ għall-pollinaturi u art mistrieħa għal pjanti rikki fin-nektar u fit-trab tad-dakra, kif ukoll miżuri agrikoli, ambjentali u klimatiċi taħt programmi ta’ żvilupp rurali. Inċentivi importanti oħrajn jappoġġjaw lill-bdiewa għas-sistemi tal-biedja sostenibbli fiż-żoni ta’ Natura 2000, u fl-investiment fil-biedja organika. Jenħtieġu sforzi kontinwati sabiex tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-pollinaturi għall-produttività agrikola.

Filwaqt li r-rwol taż-żoni rurali huwa fundamentali għal popolazzjonijiet ta’ pollinaturi b’saħħithom, l-importanza ta’ żoni urbani u periurbani fl-appoġġ tal-ħabitats tal-pollinaturi qiegħed jiġi rikonoxxut dejjem aktar ukoll. L-ispazji pubbliċi u privati bħal parks, ġonna, soqfa ekoloġiċi u ħitan ekoloġiċi jaġixxu ta’ ħabitats ta’ rifuġju għall-pollinaturi u “tranżizzjonijiet” li jippermettu lill-pollinaturi jiċċaqilqu u jinfirxu fiż-żoni urbanizzati. Billi jkunu magħquda ma’ żoni naturali u seminaturali fil-kampanja, dawn jappoġġjaw netwerk ta’ ħabitats ta’ pollinaturi fil-pajsaġġ usa’. Għadd ta’ soluzzjonijiet promettenti, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, jistgħu jtejbu l-integrazzjoni tal-ħabitats tal-pollinaturi f’netwerks tal-infrastrutturi ewlenin bħat-toroq u l-linji ferrovjarji u tal-elettriku, li spiss jiġu assoċjati mad-deterjorament tal-ħabitat u tipikament jinfirxu f’firxiet kbar ta’ pajsaġġi Ewropej varji. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jenħtieġ li jiġu mħeġġa jinvestu f’tali soluzzjonijiet.

L-użu tal-pestiċidi

Ir-riskji u l-impatti tal-pestiċidi fuq il-pollinaturi jirriżultaw mit-tossiċità tas-sustanza attiva u l-livell ta’ esponiment. Fl-UE, is-sustanzi attivi użati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 26 jistgħu jiġu approvati biss billi tiġi segwita valutazzjoni tar-riskju sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda effett mhux mixtieq fuq in-naħal tal-għasel 27 . Fl-2013, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) żviluppat dokument ta’ gwida 28 biex issaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju attwali billi, fost l-oħrajn, tinkludi l-effetti kroniċi u l-ispeċijiet tan-naħal selvaġġi mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni. Madankollu, din il-gwida għadha ma ġietx approvata mill-Istati Membri; għalhekk se tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha.

Fl-2013, il-Kummissjoni llimitat l-użu ta’ tliet pestiċidi neonikotinojdi 29 wara li ntwera li huma ta’ periklu kbir għan-naħal. Fi Frar 2018, l-analiżi tal-evidenza tal-EFSA ikkonfermat dawn ir-riskji 30 . Kif iddikjarat fir-Regolament (KE) 1107/200927, huwa importanti li jiġu introdotti miżuri biex jiġu mmitigati dawn ir-riskji. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi ristrett aktar l-użu ta’ tliet pestiċidi neonikotinojdi ġiet approvata mill-Istati Membri fis-27 ta’ April 2018 31 .

Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/128/KE 32 tipprevedi firxa ta’ azzjonijiet li jappoġġjaw l-użu sostenibbli tal-pestiċidi approvati. Il-miri u l-miżuri speċifiċi jistgħu jiġu stabbiliti fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali taħt id-Direttiva sabiex jiġu indirizzati l-impatti tal-pestiċidi fuq il-pollinaturi.

Speċijiet aljeni invażivi

L-ispeċijiet aljeni invażivi huma theddida oħra ewlenija għall-pollinaturi. Ir-Regolament (UE) 1143/2014 33 jipprevedi li jittieħed sett ta’ miżuri f’dan il-qasam mal-UE kollha. L-isforzi kontinwi biex jiġu implimentati dawn il-miżuri u biex jiġu elenkati speċijiet ġodda meqjusa bħala theddida se jimmitigaw l-effetti dannużi, bħal dawk assoċjati mal-predazzjoni miż-żnażan tat-tip bgħula ta’ saqajhom sofor (Vespa velutina), jew il-qerda tal-ħabitats tal-pollinaturi minn ċerti speċijiet ta’ pjanti bħall-balzmu tal-Himalaya (Impatiens glandulifera) li joqtol il-veġetazzjoni lokali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ speċijiet ta’ pollinaturi lokali u speċijiet ta’ pjanti lokali għall-użu privat u pubbliku sabiex jiġu evitati l-perikli li l-speċijiet aljeni jippreżentaw għall-ispeċijiet tal-pollinaturi lokali.

Theddidiet oħra

Il-pollinaturi jintlaqtu wkoll mit-tibdil fil-klima, mit-tniġġis ambjentali u mill-mard. It-tibdil fil-klima jaffettwa d-distribuzzjoni u l-firxa tal-pollinaturi, il-ħabitats u l-interazzjoni tagħhom, kemm permezz ta’ bidliet gradwali kif ukoll ta’ avvenimenti estremi tat-temp. Filwaqt li ma hemmx biżżejjed studji komprensivi dwar l-effetti ta’ diversi inkwinanti (bħat-tniġġis tal-arja, il-metalli tqal u t-tniġġis tad-dawl) u mard, huwa magħruf li dawn jagħmlu ħsara lill-pollinaturi selvaġġi jew jaffettwaw lill-ħabitats tagħhom b’mod negattiv. Din l-inizjattiva ma tindirizzax dawn it-theddidiet b’mod dirett. Il-politiki tal-UE dwar l-azzjoni klimatika 34 , it-tniġġis tal-arja 35 u azzjonijiet għas-saħħa tan-naħal14 se jgħinu sabiex jiġu mitigati l-impatti tagħhom fuq il-pollinaturi. Madankollu, l-inizjattiva se tikkontribwixxi biex dawn it-theddidiet u theddidiet oħrajn jiġu indirizzati billi tappoġġja ż-żamma, il-ħolqien u l-konnessjoni ta’ ħabitats sani għall-pollinaturi u billi tittratta l-firxa ta’ speċijiet mhux lokali li jġorru patoġeni dannużi u mard, u b’hekk issaħħaħ ir-reżiljenza klimatika globali tal-ekosistemi Ewropej.

2.3.PRIJORITÀ III: Inżidu s-sensibilizzazzjoni, ninvolvu s-soċjetà b’mod ġenerali u nippromwovu l-kollaborazzjoni

It-trattament tat-tnaqqis tal-pollinaturi jitlob approċċ strateġiku fil-livelli kollha ta’ governanza u l-involviment ta’ diversi atturi. Din l-inizjattiva se tqajjem kuxjenza mas-soċjetà kollha dwar l-importanza tal-pollinaturi u l-ħtieġa urġenti biex tittieħed azzjoni. Billi tiġi promossa u mxerrda l-aħjar prassi u jiġu appoġġjati attivitajiet ta’ kollaborazzjoni ulterjuri, hija se timmira li timmobilizza l-komunità xjentifika, lil dawk li jfasslu l-politiki, lin-negozji u ċ-ċittadini biex jaġixxu u jikkooperaw.

Filwaqt li diġà jeżistu għadd ta’ pjattaformi li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni dwar il-pollinaturi (bħan-netwerks ta’ riċerka u l-pjattaformi tal-iskambju tal-politiki), il-kapaċità għall-kollaborazzjoni jeħtieġ li tiġi msaħħa aktar. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jqajmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament f’dan ir-rigward u jippromwovuhom. L-għodod u l-mudelli komuni għall-iżvilupp ta’ pjanijiet u strateġiji għall-pollinaturi, il-bini fuq l-aħjar prattiki eżistenti, se jrawmu azzjoni ulterjuri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Iż-żieda fin-nefqa tal-UE fuq programmi tal-apikultura nazzjonali tista’ wkoll twessa’ l-fehim pubbliku u professjonali dwar l-importanza tal-pollinaturi selvaġġi għas-soċjetà u l-ekonomija.

L-UE se żżid il-kontribut tagħha għall-azzjoni globali dwar il-pollinaturi billi ssaħħaħ l-appoġġ għall-azzjonijiet ta’ konservazzjoni skont l-Inizjattiva Internazzjonali dwar il-Pollinaturi 36 , immexxija mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi trawwem kollaborazzjoni internazzjonali permezz tal-Koalizzjoni tal-Eżekuzzjoni tal-Pjan dwar il-Pollinaturi 37 .

3.Konklużjoni

L-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi tal-UE se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità sal-2020 u l-politiki settorjali bħall-politika agrikola komuni u l-politika ta’ koeżjoni. Hija se tipprovdi wkoll informazzjoni siewja dwar il-progress tal-UE lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

L-inizjattiva se taħdem f’sinerġija mal-Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija, b’mod partikolari bil-gwida li ġejja dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-livell tal-UE u dwar l-integrazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Hija qed tiġi introdotta hekk kif se jibdew in-negozjati interistituzzjonali dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE ta’ wara l-2020. Għalkemm huwa previst li l-azzjonijiet proposti jitlestew sal-2020, se jkun importanti li jinżamm ir-ritmu u li jsir l-aħjar użu mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE futuri sabiex jiġu appoġġjati azzjonijiet li jkollhom impatt u li jindirizzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi fuq terminu twil.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-inizjattiva u biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

Sa tmiem l-2020, il-Kummissjoni se tanalizza l-progress dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, u jekk ikun hemm bżonn se tipproponi rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri. Dan il-proċess se jikkontribwixxi għall-analiżi finali tal-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità sal-2020 u s-segwitu tagħha.

ANNESS — Lista ta’ azzjonijiet

Dan l-anness jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-objettivi u l-azzjonijiet inklużi taħt kull prijorità tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi. L-azzjonijiet se jiġu implimentati sal-2020. L-objettivi jistabbilixxu perspettiva fuq terminu twil għall-2030.

PRIJORITÀ I: Intejbu l-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu

Objettiv

Il-pollinaturi u l-ħabitats tagħhom jiġu mmonitorjati u vvalutati b’mod regolari. Hemm skema ta’ monitoraġġ mal-UE kollha li tipprovdi data għall-valutazzjoni tal-istatus u x-xejriet tagħhom. Din tifforma l-bażi għal indikaturi tal-pollinaturi b’saħħithom u fil-ħin li jgħinu sabiex jiġu vvalutati l-impatti tal-politiki tal-UE rilevanti u sabiex isir possibbli li jiġi żviluppat atlas Ewropew dwar il-pollinaturi u d-dakkir. Ir-riżorsi jiġu mobilizzati taħt il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE sabiex jimtlew il-lakuni fl-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Id-data u l-informazzjoni dwar il-pollinaturi hija aċċessibbli liberament.

AZZJONI 1 APPOĠĠ GĦALL-MONITORAĠĠ U L-VALUTAZZJONI

1A)

Il-Kummissjoni se tfassal u tittestja skema ta’ monitoraġġ tal-pollinaturi mal-UE kollha biex tiżgura l-provvediment ta’ data ta’ kwalità tajba għall-valutazzjoni tal-istatus u x-xejriet ta’ speċijiet ta’ pollinaturi fl-UE u l-iżvilupp ta’ indikatur tal-pollinaturi. Se jiġi stabbilit grupp ta’ esperti tekniċi biex jappoġġja din il-ħidma.

L-ewwel stadju importanti fil-Q4 2018

1B)

Il-Kummissjoni se tibda l-ħidma fuq il-Lista l-Ħamra Ewropea tas-sirfidi.

Q1 2019

1C)

Il-Kummissjoni se tiżviluppa lista ta’ ħabitats importanti għall-pollinaturi u tivvaluta l-kundizzjonijiet tagħhom abbażi ta’ rappurtar ipprovdut mill-Istati Membri taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats u data oħra disponibbli.

L-ewwel stadju importanti fil-Q1 2019

1D)

Il-Kummissjoni se tniedi proġett pilota dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-pestiċidi fl-ambjent permezz tal-prodotti tan-naħal tal-għasel (pereżempju t-trab tad-dakra) sabiex tivvaluta l-fattibbiltà tal-użu ta’ dan l-approċċ innovattiv sabiex tinforma dwar l-esponiment tal-pollinaturi għall-pestiċidi.

Q4 2018

1E)

Il-Kummissjoni se tapplika l-qafas “immappjar u valutazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom” għall-pollinaturi, inkluż l-iżvilupp ta’ kontijiet kapitali naturali dwar il-pollinaturi u d-dakkir, sabiex b’mod integrat tivvaluta t-tnaqqis tal-pollinaturi, l-impatti tagħhom fuq is-soċjetà u l-ekonomija, u tikseb rispons dwar il-politika adegwat.

Q2 2019

AZZJONI 2 — NAPPOĠĠJAW IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

2A)

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi u tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-pollinaturi u l-kawżi u l-konsegwenzi tat-tnaqqis tagħhom taħt Orizzont 2020 – il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta’ bejn l-2014 u l-2020.

Kontinwa

2B)

Fil-qafas tal-iskambji permezz tan-netwerk EIP-AGRI (Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Produttività u Sostenibbiltà fil-Qasam Agrikolu 38 ), il-Kummissjoni se tqajjem il-kuxjenza tal-partijiet ikkonċernati dwar l-opportunitajiet fir-rikonoxximent tal-ħtiġijiet tal-pollinaturi u s-servizz ta’ dakkir li jipprovdu.

Kontinwa

2C)

Il-Kummissjoni se tqis kif tippromwovi aktar ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tindirizza t-tnaqqis tal-pollinaturi fl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni wara l-2020.

Kontinwa

AZZJONI 3 — NIFFAĊILITAW IL-KONDIVIŻJONI TAL-GĦARFIEN U L-AĊĊESS GĦAD-DATA

3A)

Il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma online dwar il-pollinaturi sabiex isservi ta’ hub ċentrali tad-data u tal-informazzjoni.

L-ewwel stadju importanti fil-Q1 2019

3 B)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu data spazjali rilevanti, bħad-data dwar l-użu tal-art, disponibbli fid-dominju pubbliku abbażi tar-rekwiżiti taħt id-Direttiva dwar l-INSPIRE 39 u l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali 40 .

L-ewwel stadju importanti fil-Q2 2019

PRIJORITÀ II: Nindirizzaw il-kawżi tat-tnaqqis tal-pollinaturi

Objettiv

Jiġu identifikati u implimentati miżuri ta’ konservazzjoni xierqa għall-ispeċijiet ta’ pollinaturi mhedda u l-ħabitats tagħhom. Il-miżuri rilevanti għall-pollinaturi jiġu integrati bis-sħiħ fil-politika agrikola komuni u l-politika ta’ koeżjoni, u l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet sabiex imantnu u jirkupraw il-ħabitats tal-pollinaturi f’żoni rurali u urbani. Il-ħabitats tal-pollinaturi huma konnessi b’mod effettiv fil-pajsaġġ usa’, li jippermettilhom jinfirxu mat-territorji. Il-pollinaturi huma protetti mill-impatti tal-pestiċidi u ta’ speċijiet aljeni invażivi.

AZZJONI 4 — NIKKONSERVAW SPEĊIJIET U ĦABITATS TA’ POLLINATURI MHEDDA

4A)

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni għall-aktar speċijiet u ħabitats ta’ pollinaturi mhedda elenkati fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, u se tappoġġja lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jimplimentawhom, inkluż permezz tal-Programm LIFE.

L-ewwel stadju importanti fil-Q2 2019

4B)

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tidentifika miżuri ta’ konservazzjoni u approċċi ta’ ġestjoni sabiex tottimizza l-benefiċċji għall-pollinaturi mhedda u l-ħabitats tagħhom, inkluż fil-qafas tal-proċess bijoġeografiku Natura 2000 u permezz ta’ workshop dedikat.

L-ewwel stadju importanti fi

Q2 2019

4C)

L-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw miżuri ta’ prijorità għal ħabitats tal-pollinaturi importanti fl-oqfsa ta’ azzjoni prijoritarji għall-ġestjoni tas-siti ta’ Natura 2000 u l-infrastruttura ekoloġika kif ukoll il-protezzjoni tal-ispeċijiet.

Q3 2019

AZZJONI 5 — INTEJBU L-ĦABITATS TAL-POLLINATURI FL-ART AGRIKOLA U MADWARHA

5A)

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-esperjenza eżistenti dwar l-użu ta’ miżuri rilevanti għall-pollinaturi taħt il-politika agrikola komuni ta’ bejn l-2014 u l-2020. Abbażi ta’ dan, se tiżviluppa gwida għall-immaniġġjar tal-awtoritajiet u l-bdiewa, li fiha tipprovdi pariri tekniċi dwar kif tiżdied l-effikaċja tal-miżuri, u kif din tista’ tiġi promossa b’mod attiv fil-politika agrikola komuni wara l-2020.

L-ewwel stadju importanti fil-Q4 2018

5B)

L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-adozzjoni ta’ miżuri rilevanti għall-pollinaturi fi programmi tal-iżvilupp rurali għal bejn l-2014 u l-2020, inkluż permezz ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni għall-bdiewa u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

Kontinwa

5C)

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet tal-pollinaturi fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni ta’ wara l-2020, u se tinkludi indikatur tal-pollinaturi fil-qafas tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ ladarba jiġi ffinalizzat u jkun operazzjonali.

Kontinwa

AZZJONI 6 — INTEJBU L-ĦABITATS TAL-POLLINATURI FIŻ-ŻONI URBANI U L-PAJSAĠĠ USA’

6A)

Il-Kummissjoni se tiġbor l-aħjar prattiki u tiżviluppa gwida għall-awtoritajiet lokali dwar kif jinħoloq ambjent favorevoli għall-pollinaturi, u se tinkludi lill-pollinaturi fil-kriterji għall-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u l-Premju Green Leaf.

Q2 2019

6B)

Il-Kummissjoni se żżid is-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-partijiet ikkonċernati dwar il-konservazzjoni tal-pollinaturi u opportunitajiet ta’ finanzjament relatati fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 u wara l-2020.

L-ewwel stadju importanti fil-Q4 2018

6C)

Permezz ta’ gwida dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-livell tal-UE u dwar l-integrazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni se tippromwovi azzjonijiet fil-livell tal-pajsaġġ li jżommu u jirkupraw il-ħabitats tal-pollinaturi, u l-integrazzjoni tagħhom fl-ippjanar spazjali u proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rilevanti oħrajn.

L-ewwel stadju importanti fi

Q4 2018

AZZJONI 7 — INNAQQSU L-IMPATTI TAL-UŻU TAL-PESTIĊIDI FUQ IL-POLLINATURI

7A)

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu miri u miżuri speċifiċi għall-konservazzjoni tal-pollinaturi fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali riveduti tagħhom skont id-Direttiva 2009/128/KE sabiex inaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq il-pollinaturi, u se tivvaluta s-sitwazzjoni fit-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

L-ewwel stadju importanti fi

Q2 2019

7B)

Il-Kummissjoni se tadotta pjan ta’ implimentazzjoni għall-EFSA Guidance Document on the risk assessment of plant protection products on bees (Apis mellifera, Bombus spp. u naħal solitarju) sabiex issaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi fuq il-pollinaturi.

Q4 2018

7C)

Il-Kummissjoni se tadotta miżuri legali għall-projbizzjoni ta’ kull użu fuq barra tat-tliet pestiċidi neonikotinojdi li ilhom soġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi mill-2013 (imidakloprid, tiametossam u klotijanidin).

Q2 2018

AZZJONI 8 — INNAQQSU L-IMPATTI TA’ SPEĊIJIET ALJENI INVAŻIVI FUQ IL-POLLINATURI

8A)

Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida teknika lill-Istati Membri dwar kif jipprevjenu u jirregolaw speċijiet aljeni ta’ ħsara għall-pollinaturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 1143/2014.

Q3 2019

8B)

Il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida biex tippromwovi l-użu ta’ speċijiet tal-pjanti u pollinaturi lokali fis-settur pubbliku u privat.

Q3 2019

PRIJORITÀ III: Inżidu s-sensibilizzazzjoni, ninvolvu s-soċjetà b’mod ġenerali u nippromwovu l-kollaborazzjoni

Objettiv

Is-sensibilizzazzjoni fis-soċjetà b’mod ġenerali dwar l-importanza tal-pollinaturi u l-ħtieġa urġenti għall-azzjoni sabiex jitwaqqaf it-tnaqqis tagħhom. Il-politiki pubbliċi għandhom impatt akbar minħabba l-mobilizzazzjoni effettiva tan-negozji u ċ-ċittadini. L-azzjonijiet individwali għandhom impatt akbar minħabba li hemm koordinazzjoni aħjar tal-atturi rilevanti fil-livelli kollha. L-UE tkun globalment minn ta’ quddiem sabiex tappoġġja u tiffaċilita l-azzjoni internazzjonali dwar il-pollinaturi.

AZZJONI 9 — INĦEĠĠU LIS-SETTUR TAN-NEGOZJU U LIĊ-ĊITTADINI BIEX JIEĦDU AZZJONI

9A)

Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u se tagħti inċentiv lin-negozji biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-pollinaturi, b’mod partikolari fil-qasam agroalimentari. Hija se tkompli tippromwovi prattiki tajba u mudelli tan-negozju innovattivi ta’ benefiċċju għall-pollinaturi permezz tal-pjattaforma EU Business @ Biodiversity 41 u l-Premju Ewropew tal-Ambjent għan-Negozji, u se tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali.

L-ewwel stadju importanti fi

Q2 2019

9B)

Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tapplika l-ekotikketta tal-UE ma’ prodotti li jappoġġjaw il-konservazzjoni tal-pollinaturi, bħal taħlitiet taż-żrieragħ ta’ fjuri selvaġġi, pjanti tal-qsari għall-pollinaturi u prodotti tal-ġnien rilevanti oħra, b’konformità mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità konklużi fl-2017 42 .

Q3 2019

9C)

Il-Kummissjoni se tiżviluppa u xxerred materjal edukattiv dwar il-pollinaturi. Hija se tiżviluppa wkoll gwida dwar kif iċ-ċittadini jistgħu jinvolvu ruħhom fil-konservazzjoni tal-pollinaturi u x-xjenza mill-pubbliku dwar il-pollinaturi. Tali attivitajiet ta’ impenn għall-preservazzjoni tal-pollinaturi jistgħu jitwettqu fil-kuntest tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, li jappoġġja liż-żgħażagħ biex jidħlu għal proġetti ta’ benefiċċju għall-komunitajiet u l-ambjent madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, il-programmi tal-apikultura nazzjonali jistgħu jikkumplimentaw dawn l-isforzi permezz ta’ taħriġ sabiex jitwessa’ l-fehim pubbliku u professjonali dwar l-importanza tal-pollinaturi selvaġġi.

Kontinwa

AZZJONI 10 — NIPPROMWOVU L-ISTRATEĠIJI TAL-POLLINATURI U L-KOLLABORAZZJONI FIL-LIVELLI KOLLHA

10A)

Il-Kummissjoni se tiżviluppa mudelli u għodod komuni sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-pollinaturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li tibni fuq l-aħjar prassi eżistenti.

Q3 2019

10B)

Il-Kummissjoni se tidentifika opportunitajiet għat-titjib tal-kollaborazzjoni fost l-atturi rilevanti kollha permezz ta’ pjattaformi eżistenti u tippromwovi kollaborazzjoni ulterjuri permezz ta’ mekkaniżmi fil-livell tal-UE, inkluż taħt Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE ta’ bejn l-2014 u l-2020, il-programmi dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg), l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, l-istrumenti Peer2Peer TAIEX-EIR 43 u TAIEX-REGIO 44 .

L-ewwel stadju importanti fi

Q1 2019

10C)

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet u miżuri ta’ konservazzjoni tal-pollinaturi f’politiki, pjanijiet u programmi appoġġjati mill-UE f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u pajjiżi ġirien, b’konfirmità mal-objettivi tal-Inizjattiva Internazzjonali dwar il-Pollinaturi 45 .

Kontinwa

10D)

L-UE se tissieħeb fil-Koalizzjoni tal-Eżekuzzjoni tal-Pjan dwar il-Pollinaturi u trawwem azzjoni internazzjonali effettiva dwar il-pollinaturi.

Q4 2018

(1)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament għal evidenza dettaljata li tappoġġja din il-Komunikazzjoni.

(2)

Potts, S.G., et al., (2016), The Assessment Report of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services on Pollinators, Pollination and Food Production, is-Segretarjat tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi, Bonn, il-Ġermanja. 552 pp.

(3)

Potts, S., et al., (2015), Status and Trends of European Pollinators. Key Findings of the STEP Project, Pensoft Publishers, Sofia, 72 pp.

(4)

Gallai, N., et al., (2009), Economic Valuation of the Vulnerability of World Agriculture Confronted with Pollinator Decline, Ecological Economics 68.3: 810-821.

(5)

  https://www.cbd.int/  

(6)

Id-deċiżjoni COP XIII/15 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, https://www.cbd.int/doc/decisions/cop-13/cop-13-dec-15-en.pdf  

(7)

L-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-UE sal-2020, http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/strategy/index_en.htm  

(8)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017DC0198&qid=1526058382342&from=MT  

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2016 dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità (2015/2137(INI)).

(10)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (2017/2819(RSP)).

(11)

Konklużjonijiet tal-Kunsill 13398/16 fuq il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13398-2016-INIT/mt/pdf  

(12)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/pollinators/index_en.htm  

(13)

  https://ec.europa.eu/agriculture/honey/programmes_mt  

(14)

  https://ec.europa.eu/food/animals/live_animals/bees/health_en  

(15)

  http://www.alarmproject.net/  

(16)

  http://www.step-project.net/  

(17)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/redlist/  

(18)

Iċ-ċittadini jistgħu jikkontribwixxu għall-ġbir tad-data u b’hekk għandhom rwol attiv fl-appoġġ tax-xjenza f’dan il-qasam, https://ec.europa.eu/research/openscience/index.cfm?pg=citizen&section=monitor  

(19)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/sdi/indicators  

(20)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/knowledge/ecosystem_assessment/index_en.htm

(21)

  https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/ecosystem-services-accounting-part-i-outdoor-recreation-and-crop-pollination  

(22)

  http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/sfs-28-2017.html

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/sfs-16-2017.html  

(23)

  http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/sfs-04-2019-2020.html  

(24)

Ara L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa, COM(2013) 249 final.

(25)

Pereżempju miżuri għaż-żamma tal-ilma naturali, http://nwrm.eu/  

(26)

It-terminu “pestiċidi” jirreferi għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(27)

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(28)

EFSA Guidance Document on the risk assessment of plant protection products on bees (Apis mellifera, Bombus spp. and solitary bees), https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3295  

(29)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 tal-24 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi.

(30)

  https://www.efsa.europa.eu/en/press/news/180228  

(31)

  https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/approval_active_substances/approval_renewal/neonicotinoids_en  

(32)

Id-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi.

(33)

Ir-Regolament (UE) 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi.

(34)

  https://ec.europa.eu/clima/index_mt  

(35)

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi.

(36)

Id-Deċiżjoni COP V/5 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, https://www.cbd.int/decision/cop/?id=7147  

(37)

  https://promotepollinators.org  

(38)

  https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en/european-innovation-partnership-agricultural  

(39)

Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE).

(40)

Id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali.

(41)

  http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/business/index_en.htm  

(42)

COM(2017) 355 final.

(43)

  http://ec.europa.eu/environment/eir/p2p/index_en.htm  

(44)

  http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/how/improving-investment/taiex-regio-peer-2-peer/  

(45)

Immexxija mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.