Brussell, 22.5.2018

COM(2018) 268 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura


1.Introduzzjoni

L-Ewropa hija involuta f’dibattitu dwar il-futur tagħha. Fi żmien sena, il-Mexxejja se jiltaqgħu fil-belt Rumena ta’ Sibiu biex jaslu għal konklużjonijiet minn dan id-dibattitu, li l-Kummissjoni nediet bil-White Paper tagħha dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa 1 f’Marzu 2017.

Kwistjoni ewlenija hija li jiġu indirizzati l-aspettattivi taċ-ċittadini u jkun hemm rispons għat-tħassib tagħhom dwar il-ġejjieni f’dinja li qed tinbidel malajr; dinja li toffri opportunitajiet ġodda iżda li ġġib ukoll inċertezza. Ħafna jinsabu mħassba dwar kif se jiżviluppa x-xogħol; il-ġejjieni tal-istat soċjali; kif se jevolvu s-soċjetajiet demokratiċi u diversi tagħna; u dwar il-post tal-Ewropa fid-dinja. Hemm bżonn li l-Ewropa twassal biex iċ-ċittadini tagħha, speċjalment iż-żgħażagħ tagħha, jibbenefikaw kemm jistgħu mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji u mix-xejriet globali ġodda. L-edukazzjoni u t-taħriġ joffru triq ’il quddiem, bħala investiment għall-individwu u għas-soċjetà b’mod ġenerali.

L-Unjoni hija l-ewwel u qabel kollox Unjoni ta’ valuri, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura huma kruċjali għat-trażmissjoni u għall-promozzjoni ta’ valuri komuni u għall-bini ta’ fehim reċiproku.

Fuq in-naħa ekonomika, għalkemm il-kriżi ħalliet il-marka tagħha fuq is-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet, l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa wriet xi ssarraf meta rreżistiet għall-agħar kriżi ekonomika li qatt ġiet irreġistrata. Il-ħidma li għaddejja għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja se tkompli ssaħħaħ il-bażi ekonomika tal-Ewropa.

Fir-rigward tal-prijoritajiet soċjali, l-UE għamlitha ċara li l-proġett Ewropew huwa ħafna iktar mill-ekonomija. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2017 2 . Il-Pilastru jsaħħaħ il-prinċipji u d-drittijiet fl-oqsma soċjali u tal-impjiegi li hija msejsa fuqhom l-Unjoni, u jistabbilixxi d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità bħala l-ewwel prinċipju tiegħu 3 .

Rwol iktar b’saħħtu għall-politiki dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ Marzu 2017 4 , il-Mexxejja tal-UE wegħdu li jaħdmu favur “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali”. Jekk irridu nibnu Ewropa iktar b’saħħitha, jeħtieġ li l-politiki dwar iż-żgħażagħ, il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol importanti fil-proġett Ewropew.

Minn kmieni, din il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tindirizza s-sitwazzjoni ta’ żgħażagħ li kellhom jaffaċċjaw waħda mill-agħar kriżijiet, u tagħtihom opportunitajiet aħjar biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proġett Ewropew 5 . Sa issa diġà nkisbu ħafna affarijiet. Sabiex tibni l-ġejjieni, l-Ewropa teħtieġ l-appoġġ u l-involviment taż-żgħażagħ. Għalhekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill 6 , qed tibqa’ tagħmel enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ.

Jeħtieġ li tingħata iktar attenzjoni għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-kultura, sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom biex jappoġġaw il-proġett Ewropew. L-investiment fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fl-għarfien huwa essenzjali biex tingħata spinta lir-reżiljenza 7 tal-Ewropa. Dawn l-investimenti fin-nies imexxu ’l quddiem l-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività, filwaqt li jgħinu biex tinżamm l-impjegabbiltà u jingħelbu l-ispariġġi fil-ħiliet f’suq tax-xogħol li qed jevolvi malajr u li l-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika qed ikollhom impatt fuqu.

Aspett ieħor huwa d-diversità, li hija karatteristika distintiva tal-Ewropa u sors ta’ innovazzjoni u ta’ kreattività. L-edukazzjoni u l-kultura jgħinuna nkunu konxji iktar mill-wirt kulturali, mill-istorja, mill-esperjenzi, mit-twemmin u mill-valuri kondiviżi rikki tal-Ewropa, u jgħinuna nifhmuhom u napprezzawhom iktar. Dan jgħaqqad lin-nies mill-pajjiżi differenti, jgħin il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jagħtina sens ta’ appartenenza flimkien. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura jistgħu jgħinuna niskopru u nesperjenzaw xi jfisser li tkun Ewropew.

Fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, il-Mexxejja tal-UE għażlu l-edukazzjoni u l-kultura għad-dibattitu tal-Aġenda tal-Mexxejja. Id-diskussjoni fost il-Mexxejja kienet infurmata permezz ta’ kontribut tal-Kummissjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura 8 , fejn il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni tagħha għal ħidma favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Id-dibattitu wassal biex l-edukazzjoni u l-kultura jitqiegħdu fil-quċċata tal-aġenda tal-politiki. L-Ewropa qed taffaċċja għadd ta’ sfidi, fosthom il-populiżmu, il-ksenofobija, l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u d-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, ftit pajjiżi tal-UE għandhom prestazzjoni għolja fl-aspetti kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Għalhekk, jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-edukazzjoni u tal-kultura fl-Unjoni.

F’Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni:

-biex jagħtu spinta lil numru ta’ inizjattivi ewlenin, inkluż il-programm Erasmus+, l-universitajiet Ewropej, l-apprendiment tal-lingwi, il-Kard Ewropea tal-Istudenti, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

-biex jeżaminaw il-miżuri possibbli li jindirizzaw l-isfidi tal-ħiliet b’rabta mad-diġitalizzazzjoni, maċ-ċibersigurtà, mal-litteriżmu fil-midja u mal-intelliġenza artifiċjali; il-ħtieġa għal approċċ inklużiv, ibbażat fuq l-apprendiment tul il-ħajja u approċċ immexxi mill-innovazzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ; u l-kundizzjonijiet qafas legali u finanzjarji għall-iżvilupp ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-mobbiltà tal-professjonisti tas-settur kulturali.

B’rispons għal dan, fis-17 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta’ miżuri 9 , li jindirizzaw l-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet diġitali kif ukoll il-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva.

Il-Komunikazzjoni preżenti hija parti mit-tieni pakkett ta’ inizjattivi ta’ rispons lill-Kunsill Ewropew. Din iġġib flimkien sett ta’ inizjattivi fl-oqsma ta’ politika dwar iż-żgħażagħ, il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jgħin biex jiżguraw Ewropa iktar kompetittiva, inklużiva u koeżiva:

·Filwaqt li tibni fuq azzjonijiet preċedenti biex tinvesti fiż-żgħażagħ, il-Kummissjoni tippreżenta “Strateġija għaż-Żgħażagħ” għall-perjodu 2019-2027. L-enfasi ssir fuq l-għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ tal-Ewropa u li jingħataw vuċi iktar b’saħħitha fit-tfassil tal-politiki tal-UE;

·Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura”, il-Kummissjoni tippreżenta “Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura”. Din l-inizjattiva se tkun strumentali biex jittejjeb l-għarfien dwar l-identità u l-wirt komuni tal-Ewropa u biex jiġu appoġġati r-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi;

·B’konformità mal-għan li taħdem lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta żewġ proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar ir-“Rikonoxximent Reċiproku tad-Diplomi u t-titjib tat-“Tagħlim u tal-Apprendiment tal-Lingwi”. Iż-żewġ inizjattivi huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-mobbiltà fl-apprendiment fl-Ewropa;

·B’konformità wkoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Sistemi ta’ Kura u Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja”. Din l-inizjattiva tipprova tiżgura li t-tfal kollha fl-Ewropa jista’ jkollhom bidu tajjeb fil-ħajja.

Kif stabbilit fil-grafika ta’ hawn taħt, ix-xogħol inbeda u se jkompli fis-snin li ġejjin. Din il-kooperazzjoni se ssostni l-ħidma konġunta favur iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Dawn l-inizjattivi huma stadji fil-proċess lejn Unjoni msaħħa fit-triq lejn Sibiu 10 . Dawn

-jirriflettu l-importanza li din il-Kummissjoni tagħti lill-investimenti fiż-żgħażagħ u fil-ġejjieni tagħhom. Abbażi ta’ azzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari l-Garanzija taż-Żgħażagħ 11 , l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ 12 , l-inizjattiva ta’ Diċembru 2016 Ninvestu fiż-Żgħażagħ 13 , l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 14 , l-inizjattiva Perkors ta’ Titjib tal-Ħiliet 15 , u l-Qafas Ewropew ta’ Kwalità għall-Apprendistati 16 , dawn se jgħinu biex jagħtu liż-żgħażagħ minn kwalunkwe sfond iktar prospetti promettenti u se jippermettulhom jaqdu rwol iktar attiv fil-proġett Ewropew;

-se jgħinu lin-nies jikkondividu d-diversità kulturali u l-wirt kondiviż tal-Ewropa, sabiex jgħinuhom jesperjenzaw x’inhu l-proġett Ewropew; u

-huma parti minn viżjoni ikbar biex jaħdmu lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li tgħin biex tippromwovi l-mobbiltà, jingħelbu l-ostakli għall-mobbiltà u għall-kooperazzjoni transfruntiera u filwaqt li jibnu fuq l-inizjattivi preċedenti 17 , jappoġġaw lill-Istati Membri fl-immodernizzar u t-titjib tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom.

2.Ħidma favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Fil-kontribut tagħha għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, il-Kummissjoni stabbiliet viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025:Ewropa li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux ostakolati mill-fruntieri. Kontinent li fih ikun sar standard li wieħed iqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja, jitgħallem jew jaħdem u fejn, minbarra l-lingwa materna tiegħu, wieħed jitkellem żewġ lingwi oħra jkun sar in-norma. Kontinent li fih in-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha.



Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tgħin biex jintlaħqu tliet għanijiet:

-il-promozzjoni ta’ mobbiltà u kooperazzjoni transfruntiera fl-edukazzjoni u fit-taħriġ;

-l-għajnuna biex jingħelbu ostakli mhux iġġustifikati li jagħmluha iktar diffiċli li wieħed jitgħallem, jitħarreġ jew jaħdem f’pajjiż ieħor bl-għan li jitwettaq “il-moviment liberu ta’ dawk li jitgħallmu” u jinħoloq spazju Ewropew ġenwin ta’ apprendiment;

-tappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tan-natura inklużiva, ibbażata fuq l-apprendiment tul il-ħajja u mmexxija mill-innovazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom.

L-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu iktar, b’mod iktar mgħaġġel, sabiex itejbu l-kwalità, il-kompetittività u l-inklużività tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħha, filwaqt li tkun sors ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi mhux tal-UE biex isegwu l-passi tagħhom. Se tiġi implimentata billi tibni fuq:

-il-programm emblematiku Erasmus+ u l-programm suċċessur tiegħu, li l-Kummissjoni se tipproponi fl-aħħar ta’ Mejju 2018. Erasmus+ huwa magħruf ferm għall-promozzjoni ta’ suċċess tal-mobbiltà fl-apprendiment. Hemm kunsens qawwi dwar il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-mobbiltà, akkumpanjata bi sħubijiet strateġiċi msaħħa u b’appoġġ għall-politiki, sabiex ikun hemm iktar politiki innovattivi u inklużivi dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

-il-Kooperazzjoni Ewropea eżistenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ bl-enfasi tagħha fuq evidenza empirika soda, parametraġġ referenzjarju, skambju ta’ esperjenzi u apprendiment reċiproku. Peress li dan il-qafas se jispiċċa fl-2020, meta jasal iż-żmien il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex din il-kooperazzjoni tiżdied għal livell iktar ambizzjuż. Il-qafas il-ġdid se jkun il-mezz li bih jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, jiġu ggwidati l-politiki u jiġi immirat aħjar il-finanzjament mill-UE. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll sett ta’ indikaturi u ta’ parametri referenzjarji biex tipprovdi evidenza dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u tal-kompetenzi fl-istadji kollha tal-ħajja.

Filwaqt li l-programm Erasmus+ u l-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropew tal-ġejjieni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ se jaħdmu f’sinerġija biex tissawwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, dawn se jiġu appoġġati b’politiki rilevanti oħra. L-Unjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi ta’ riformi tal-Istati Membri permezz tas-Semestru Ewropew u permezz ta’ diversi programmi ta’ nfiq, inklużi l-Fond Soċjali Ewropew, bħala espressjoni tanġibbli ta’ kif l-Ewropa tinvesti fin-nies u ttejjeb ħajjithom.

Il-kompetenzi għall-edukazzjoni u għat-taħriġ jinsabu prinċipalment f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li l-Unjoni għandha kompetenzi biex twettaq azzjonijiet li jappoġġaw, jikkoordinaw jew jissupplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Il-ħidma favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ma tbiddilx dan. Se twassal is-sħubija u l-kooperazzjoni eżistenti f’livell ġdid, ogħla u iktar intensiv. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tkopri l-istudenti tal-gruppi tal-etajiet kollha, ikun xi jkun l-isfond tagħhom u s-setturi kollha, inklużi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-apprendiment tal-adulti.

Sabiex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà, u wara l-ewwel pakkett ta’ Jannar 2018, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta sett ġdid ta’ inizjattivi speċifiċi ta’ politika dwar ir-rikonoxximent reċiproku, l-apprendiment tal-lingwi u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Se tkompli taħdem ukoll b’mod dedikat fil-qafas ta’ kooperazzjoni u l-programmi ta’ finanzjament li għaddejjin sabiex tiżviluppa azzjonijiet ġodda, inklużi b’mod partikolari l-Kard Ewropea tal-Istudenti u l-Universitajiet Ewropej kif stabbilit hawn taħt.

   - Rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż

Minkejja 30 sena ta’ mobbiltà bl-Erasmus+ u progress konsiderevoli fil-qafas tal-proċess intergovernattiv ta’ Bologna dwar l-edukazzjoni għolja, ħafna nies għadhom qed jaffaċċjaw ostakli meta jitolbu għal rikonoxximent formali tal-kwalifiki tagħhom ta’ livell terzjarju jew sekondarju għoli fi Stat Membru ieħor. L-istess japplika għall-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż kemm waqt l-edukazzjoni terzjarja kif ukoll dik sekondarja. Dan joħloq inċertezza u ostakli bla bżonn għall-mobbiltà.

Sabiex tingħeleb din il-problema, il-Kummissjoni qed tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill sabiex jiġi stabbilit ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki bħala pożizzjoni standard sal-2025: kwalunkwe ċertifikat jew diploma – u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż sa tul ta’ sena – mogħtija minn istituzzjoni akkreditata fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu rikonoxxuti awtomatikament għall-iskopijiet ta’ apprendiment ulterjuri fl-Istati Membri kollha. Madankollu, pjan ambizzjuż bħal dan ma jistax jiġi implimentat f’daqqa waħda. Jirrikjedi approċċ gradwali, li jibni fuq garanzija qawwija u affidabbli tal-kwalità li twassal it-trasparenza u l-fiduċja meħtieġa għar-rikonoxximent awtomatiku. Għadd ta’ pajjiżi Ewropej 18 diġà qed ikunu l-pijunieri ta’ skemi ta’ rikonoxximent awtomatiku. Abbażi ta’ din l-esperjenza, se jiġu żviluppati soluzzjonijiet fl-UE kollha b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

- Apprendiment imtejjeb tal-lingwi

L-apprendiment ta’ lingwi barranin mhux biss huwa essenzjali biex jissodisfa l-ħiliet meħtieġa f’ekonomija globali, iżda jiftaħ ukoll perspettivi ġodda, isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jgħin lin-nies jiskopru kulturi oħra. Illum, ħafna studenti jqattgħu ħafna ħin jistudjaw il-lingwi iżda wisq minnhom fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux kapaċi jużaw dawn il-lingwi f’sitwazzjonijiet tal-ħajja reali. Filwaqt li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ Ewropej jistudjaw lingwa barranija waħda, l-ambizzjoni li jitgħallmu t-tieni lingwa barranija hija notevolment baxxa.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ komprensiv ġdid għall-apprendiment tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja, filwaqt li tippromwovi użu aħjar tad-diversità lingwistika tal-Ewropa. L-għan huwa li jiġi żgurat li iktar żgħażagħ isiru utenti kompetenti tal-lingwi u jkollhom ħakma tajba ta’ żewġ lingwi minbarra l-lingwa tal-iskola.

- Kard Ewropea tal-Istudenti

Fl-isfond ta’ mobbiltà li dejjem qed tiżdied, il-Kard Ewropea tal-Istudenti tista’ tgħin biex jitnaqqas il-piż u l-ispejjeż għall-istudenti u għall-istituzzjonijiet edukattivi billi jiġu ssimplifikati l-proċessi amministrattivi qabel, waqt u wara perjodu ta’ mobbiltà, filwaqt li fl-istess ħin tkun simbolu viżibbli tal-identità Ewropea tal-istudenti.

Vantaġġ wieħed ikun li l-istudenti jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom b’fiduċja fi kwalunkwe istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni, li jippermetti skambju elettroniku sigur tal-informazzjoni relatata mal-edukazzjoni (li tista’ tinkludi l-credits u r-rekords akkademiċi), b’rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-dejta personali u mingħajr il-ħtieġa li tinħoloq infrastruttura addizzjonali tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Il-Kard tal-Istudenti tgħin lill-istudenti jiksbu aċċess għal servizzi varji (il-librerija, it-trasport, l-akkomodazzjoni) qabel ma jaslu fl-istituzzjoni barra mill-pajjiż. Tista’ tkun pass vitali biex il-mobbiltà ssir realtà għal kulħadd billi l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibagħtu u jirċievu iktar studenti bi skambju, jagħmlu dan b’mod iktar ħarir u jtejbu l-kwalità fil-mobbiltà tal-istudenti.

Abbażi ta’ proġetti pilota 19 eżistenti ffinanzjati mill-UE li se jsiru fuq skala ikbar fl-2019, kif ukoll abbażi ta’ analiżi u konsultazzjonijiet ulterjuri mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha l-għan li tibda implimentazzjoni progressiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti sal-2021, inkluża investigazzjoni tal-possibbiltà li l-kard tiġi estiża għall-istudenti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali.



- Universitajiet Ewropej

L-Ewropa għandha tradizzjoni twila u kburija ta’ universitajiet li jikkooperaw minn pajjiżi differenti. L-inizjattiva l-ġdida “Universitajiet Ewropej” li tikkonsisti minn netwerks minn isfel għal fuq ta’ universitajiet, għandha twassal din il-kooperazzjoni transfruntiera għal-livell ta’ ambizzjoni li jmiss, fejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li jikkondividu l-istess viżjoni u l-istess valuri, jiżviluppaw strateġiji istituzzjonali konġunti fit-tul għall-edukazzjoni, għar-riċerka u għall-innovazzjoni tal-ogħla kwalità.

L-inizjattiva “Universitajiet Ewropej” għandha tixpruna l-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju integrati u miftuħa ferm li jikkombinaw il-moduli f’pajjiżi differenti. Il-mobbiltà għandha tkun karatteristika standard, li tkun inkorporata fil-livelli tal-Baċellerat, tal-Masters u tad-Dottorat. Din għandha tagħti kontribut biex ikun hemm “lawrji Ewropejrikonoxxuti madwar l-Ewropa.

Sett ta’ prinċipji ewlenin se jsostnu dawn l-Universitajiet Ewropej: kull tip ta’ istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja fi kwalunkwe Stat Membru tkun tista’ tipparteċipa permezz ta’ kriterji ġusti u bbilanċjati. In-netwerks għandhom ikunu bbilanċjati ġeografikament u inklużivi soċjalment. Mhu se jkun hemm l-ebda mudell li japplika għal kull tip ta’ istituzzjoni. L-istituzzjonijiet jistgħu jipproponu l-mudell li jaqbel mal-ħtiġijiet tagħhom permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, li jkun miftuħ u trasparenti, u jiżviluppaw il-livell ta’ ambizzjoni gradwalment. Sabiex il-finanzjament ikun sostenibbli, l-Universitajiet Ewropej għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq kombinazzjoni ta’ riżorsi nazzjonali u tal-UE.

L-Universitajiet Ewropej għandhom isiru elementi ewlenin taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi jwasslu l-eċċellenza u billi jaġixxu bħala mudelli ta’ prattika tajba għal istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja, sabiex progressivament jiżdiedu l-kompetittività u l-attraenza internazzjonali tal-edukazzjoni għolja Ewropea. Dawn għandhom joperaw abbażi ta’ approċċi multidixxiplinari, li jippermettu lill-istudenti, lil-letturi u lir-riċerkaturi joħolqu u jikkondividu l-għarfien u l-innovazzjoni flimkien. Dan jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali l-kbar u n-nuqqas kbir ta’ ħiliet li qed taffaċċja l-Ewropa. Barra minn hekk, jista’ jagħti spinta lill-kontribut li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jagħtu lir-reġjuni tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-involviment tagħhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti 20 .

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti spinta sabiex jitfaċċaw mill-inqas għoxrin Università Ewropea sal-2024. Madankollu, sabiex din l-idea ambizzjuża titwettaq fil-prattika, teħtieġ żmien għal tħejjija tajba u riżorsi suffiċjenti. Fil-fażi inizjali, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa l-kunċett. Se tipproponi li tniedi proġetti pilota li jibdew fl-2019 u fl-2020 fil-qafas tal-programm Erasmus+, u bi dħul fis-seħħ sħiħ mill-2021. Abbażi ta’ dawn il-proġetti pilota u mmappjar tan-netwerks eżistenti 21 , il-Kummissjoni se tesplora, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-possibbiltà li jinħoloq statut legali ddedikat għall-Universitajiet Ewropej sal-2025.

Universitajiet Ewropej

·netwerks minn isfel għal fuq ta’ universitajiet

·edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni tal-ogħla kwalità

·approċċ multidixxiplinari

·ibbilanċjati ġeografikament

·mill-inqas 20 Università Ewropea sal-2024

· l-ewwel proġetti pilota fl-2019 permezz tal-Erasmus+

Barra minn hekk, l-Iskola tal-Governanza Ewropea u Transnazzjonali, stabbilita fil-qafas tal-Istitut Universitarju Ewropew f’Firenze fl-2017, se ssaħħaħ ukoll l-attivitajiet tagħha, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ istituzzjonijiet relatati, sabiex tħarreġ maniġers minn organizzazzjonijiet pubbliċi, privati​u tas-soċjetà ċivili.

Se jiġu żviluppati wkoll azzjonijiet oħra sabiex jiġi appoġġat l-approċċ għall-edukazzjoni u għat-taħriġ abbażi tal-apprendiment tul il-ħajja u l-innovazzjoni. Pereżempju, il-provvista ta’ ħiliet vokazzjonali tekniċi u speċifiċi ta’ kwalità għolja hija essenzjali biex jiġu appoġġati l-innovazzjoni u l-kompetittività. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi li tappoġġa l-istabbiliment ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Vokazzjonali. Dawn iċ-ċentri għandhom jikkollegaw il-fornituri ta’ referenza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri kollha, ikattru l-kooperazzjoni, inkluż mal-partijiet ikkonċernati, u jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżviluppaw kurrikuli u kwalifiki ta’ kwalità għolja li jkunu iffukati fuq il-ħtiġijiet ta’ ħiliet fil-livell settorjali. Dawn għandhom jixprunaw l-eċċellenza u l-innovazzjoni u jippromwovu rwol proattiv għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali fl-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali, inkluż billi jaġixxu bħala inkubaturi tal-imprenditorija u bħala katalizzaturi għall-investiment.

Dawn l-azzjonijiet speċifiċi kollha huma marbuta ma’ xulxin.

Kull azzjoni għandha r-rwol tagħha x’taqdi sabiex jinkiseb l-għan ambizzjuż ġenerali li tiġi stabbilita Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Meta jitqiesu kollha f’daqqa, id-diversi inizjattivi se joħolqu sinerġiji, pereżempju:

-Il-mobbiltà u l-apprendiment tal-lingwi isaħħu reċiprokament lil xulxin: il-profiċjenza fil-lingwi barranin, iżżid l-interess fl-istudju barra mill-pajjiż; l-istudju barra mill-pajjiż, itejjeb il-ħiliet fil-lingwi;

-L-apprendiment tal-lingwi jżid il-fehim ta’ kulturi oħra u tal-identità proprja;

-Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Vokazzjonali se jibnu sinerġiji mal-universitajiet, sabiex b’hekk b’mod konġunt jagħtu kontribut għall-provvista tal-firxa ta’ ħiliet meħtieġa biex jappoġġaw l-innovazzjoni u l-kompetittività;

-Ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u tal-perjodi ta’ apprendiment jiffaċilita l-apprendiment barra mill-pajjiż u jżid id-domanda għall-mobbiltà u l-interess tan-nies fl-apprendiment tal-lingwi;

-Numru ikbar ta’ parteċipanti mobbli fil-programm Erasmus+ ikun jista’ jiġi mmaniġġat b’mod iktar faċli bl-użu intelliġenti ta’ soluzzjonijiet diġitali u tas-simplifikazzjoni, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-Kard Ewopea tal-Istudenti;

-L-Universitajiet Ewropej se jsiru element ewlieni favur iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi jwasslu l-kooperazzjoni transfruntiera għal livell ġdid u iktar ambizzjuż, jagħtu spinta lill-mobbiltà għall-istudenti u għall-għalliema u jiffaċilitaw l-apprendiment tal-lingwi, filwaqt li jservu bħala aċċeleraturi għar-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi.

3.Konklużjonijiet u prospetti

L-Unjoni qiegħda tagħti prijorità liż-żgħażagħ, lill-edukazzjoni, lit-taħriġ u lill-kultura fl-aġenda tal-politiki tagħha, b’mod partikolari mil-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg u l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2017. L-Aġenda tal-Mexxejja tipprevedi li jitqiesu l-iżviluppi fis-Summit f’Sibiu fl-2019. Bil-pakketti adottati f’Jannar 2018 22 u llum, il-Kummissjoni qed twassal sett ambizzjuż ta’ azzjonijiet biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-nies f’dinja ta’ diversità, ta’ mobbiltà, ta’ migrazzjoni, ta’ globalizzazzjoni u ta’ bidla teknoloġika. Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha fi sħubija mal-Kunsill u l-Istati Membri, b’mod partikolari billi:

-taħdem favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li se tiffaċilita l-mobbiltà u l-kooperazzjoni transfruntiera, tappoġġa r-riformi u tagħmel użu sħiħ mill-għodod u mill-programmi disponibbli. Dan se jinkiseb permezz ta’:

opreżentazzjoni ta’ proposta għal programm suċċessur tal-Erasmus+ li jkun iktar b’saħħtu u iktar inklużiv u proposta għall-kontinwazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

opreżentazzjoni sal-2020 ta’ proposti għall-immodernizzar u għat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, sabiex jappoġġaw sforzi aħjar ta’ apprendiment reċiproku u ta’ riformi nazzjonali;

otkomplija tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kunsill sabiex issir ħidma favur approċċi għall-edukazzjoni u għat-taħriġ abbażi tal-apprendiment tul il-ħajja u l-innovazzjoni;

-indirizzar tal-kundizzjonijiet qafas legali u finanzjarji għall-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi u l-mobbiltà tal-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi.

It-tisħiħ tad-dimensjonijiet taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-kultura tal-proġett Ewropew se jgħin biex tinbena Unjoni li tagħti s-setgħa, li tkun konxja tal-kisbiet tagħha u li tkun kunfidenti biex tindirizza l-isfidi tal-ġejjieni:

-Unjoni li tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha, u tirrispondi għat-tħassib tagħhom u tissodisfa l-aspettattivi tagħhom;

-Unjoni li tagħmilha ċara xi jfisser il-proġett Ewropew: paċi, sigurtà, libertà, demokrazija, ugwaljanza, l-istat tad-dritt, solidarjetà u rispett reċiproku, swieq miftuħa, tkabbir sostenibbli u inklużjoni u ġustizzja soċjali;

-Unjoni li twassal għas-sensibilizzazzjoni tad-diversità kulturali u għal sens ta’ appartenenza flimkien bħala Ewropej.

Abbażi tad-diskussjonijiet tagħhom f’Gothenburg u l-azzjonijiet mitluba fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2017, fil-laqgħa tagħhom f’Sibiu, il-Mexxejja se jkunu f’pożizzjoni li jħaddnu l-edukazzjoni u l-kultura meta jlestu l-pedamenti għal Unjoni iktar magħquda, iktar b’saħħitha u iktar demokratika.

(1)

   White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017) 2025).

(2)

   Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali jibni fuq inizjattivi preċedenti favur Ewropa iktar soċjali, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(3)

   “Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.” Sors: Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2017/C 428/09).

(4)

    http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/03/25/rome-declaration/pdf .

(5)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa, tagħti ħarsa ġenerali lejn dawn il-miżuri (COM(2016) 940).

(6)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-perspettivi strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ wara l-2018, Mejju 2017.

(7)

   Ara wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tal-Iskejjel u t-Tagħlim Eċċellenti għal Bidu Tajjeb fil-Ħajja (COM(2017) 248) u dwar Aġenda Mġedda tal-UE għall-Edukazzjoni Għolja (COM(2017) 247).

(8)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura (COM(2017) 673).

(9)

   Il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018) 22), proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Promozzjoni ta’ Valuri Komuni, l-Edukazzjoni Inklużiva u d-Dimensjoni Ewropea tat-Tagħlim (COM(2018) 23) u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (COM(2018) 24). Barra minn hekk, f’April 2018 il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Komunikazzjonijiet dwar id-Diżinformazzjoni (COM(2018) 236) u dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (COM(2018) 237).

(10)

   Wara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jorganizza Summit Ewropew f’Sibiu, ir-Rumanija, f’Mejju 2019. L-iskop huwa li jitqiesu l-iżviluppi fl-oqsma stabbiliti fl-Aġenda tal-Mexxejja u li jitħejja l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea b’27 Stat Membru.

(11)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija taż-Żgħażagħ.

(12)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013.

(13)

   Dan il-pakkett kien jinkludi l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa, (COM(2016) 0940), dwar Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (COM(2016) 0942) u dwar It-Titjib u l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni (COM(2016) 0941).

(14)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa; Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (COM(2016) 0381).

(15)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkors ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (2016/C484/01).

(16)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (2018/C153/01).

(17)

   Inklużi dawk stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2017 dwar l-Iżvilupp tal-Iskejjel u t-Tagħlim Eċċellenti għal Bidu Tajjeb fil-Ħajja (COM(2017) 0248) u dwar Aġenda Mġedda tal-UE għall-Edukazzjoni Għolja (COM(2017) 0247).

(18)

   Xi eżempji jinkludu l-ftehimiet fir-reġjuni Nordiċi, Baltiċi u tal-Benelux.

(19)

   Proġetti appoġġati permezz tal-Erasmus+ u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa  https://ec.europa.eu/inea/en/connecting-europe-facility/cef-telecom .

(20)

   Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal Tkabbir Reżiljenti, Inklużiv u Sostenibbli (COM(2017) 0376).

(21)

   Jeżistu ħafna eżempji tajbin ta’ netwerks transnazzjonali, kif ukoll inizjattivi tal-UE bħal-Lawrji Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska Curie u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippubblika mmappjar tal-mudelli ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja, fejn indikat il-punti pożittivi u l-benefiċċji ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet, filwaqt li identifikat l-isfidi u ppreżentat soluzzjonijiet possibbli.

(22)

   Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.