Brussell, 22.5.2018

COM(2018) 268 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura


1.Introduzzjoni

L-Ewropa hija involuta f’dibattitu dwar il-futur tagħha. Fi żmien sena, il-Mexxejja se jiltaqgħu fil-belt Rumena ta’ Sibiu biex jaslu għal konklużjonijiet minn dan id-dibattitu, li l-Kummissjoni nediet bil-White Paper tagħha dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa 1 f’Marzu 2017.

Kwistjoni ewlenija hija li jiġu indirizzati l-aspettattivi taċ-ċittadini u jkun hemm rispons għat-tħassib tagħhom dwar il-ġejjieni f’dinja li qed tinbidel malajr; dinja li toffri opportunitajiet ġodda iżda li ġġib ukoll inċertezza. Ħafna jinsabu mħassba dwar kif se jiżviluppa x-xogħol; il-ġejjieni tal-istat soċjali; kif se jevolvu s-soċjetajiet demokratiċi u diversi tagħna; u dwar il-post tal-Ewropa fid-dinja. Hemm bżonn li l-Ewropa twassal biex iċ-ċittadini tagħha, speċjalment iż-żgħażagħ tagħha, jibbenefikaw kemm jistgħu mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji u mix-xejriet globali ġodda. L-edukazzjoni u t-taħriġ joffru triq ’il quddiem, bħala investiment għall-individwu u għas-soċjetà b’mod ġenerali.

L-Unjoni hija l-ewwel u qabel kollox Unjoni ta’ valuri, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura huma kruċjali għat-trażmissjoni u għall-promozzjoni ta’ valuri komuni u għall-bini ta’ fehim reċiproku.

Fuq in-naħa ekonomika, għalkemm il-kriżi ħalliet il-marka tagħha fuq is-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet, l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa wriet xi ssarraf meta rreżistiet għall-agħar kriżi ekonomika li qatt ġiet irreġistrata. Il-ħidma li għaddejja għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja se tkompli ssaħħaħ il-bażi ekonomika tal-Ewropa.

Fir-rigward tal-prijoritajiet soċjali, l-UE għamlitha ċara li l-proġett Ewropew huwa ħafna iktar mill-ekonomija. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2017 2 . Il-Pilastru jsaħħaħ il-prinċipji u d-drittijiet fl-oqsma soċjali u tal-impjiegi li hija msejsa fuqhom l-Unjoni, u jistabbilixxi d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità bħala l-ewwel prinċipju tiegħu 3 .

Rwol iktar b’saħħtu għall-politiki dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ Marzu 2017 4 , il-Mexxejja tal-UE wegħdu li jaħdmu favur “Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali”. Jekk irridu nibnu Ewropa iktar b’saħħitha, jeħtieġ li l-politiki dwar iż-żgħażagħ, il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol importanti fil-proġett Ewropew.

Minn kmieni, din il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tindirizza s-sitwazzjoni ta’ żgħażagħ li kellhom jaffaċċjaw waħda mill-agħar kriżijiet, u tagħtihom opportunitajiet aħjar biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proġett Ewropew 5 . Sa issa diġà nkisbu ħafna affarijiet. Sabiex tibni l-ġejjieni, l-Ewropa teħtieġ l-appoġġ u l-involviment taż-żgħażagħ. Għalhekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill 6 , qed tibqa’ tagħmel enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ.

Jeħtieġ li tingħata iktar attenzjoni għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-kultura, sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom biex jappoġġaw il-proġett Ewropew. L-investiment fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fl-għarfien huwa essenzjali biex tingħata spinta lir-reżiljenza 7 tal-Ewropa. Dawn l-investimenti fin-nies imexxu ’l quddiem l-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività, filwaqt li jgħinu biex tinżamm l-impjegabbiltà u jingħelbu l-ispariġġi fil-ħiliet f’suq tax-xogħol li qed jevolvi malajr u li l-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika qed ikollhom impatt fuqu.

Aspett ieħor huwa d-diversità, li hija karatteristika distintiva tal-Ewropa u sors ta’ innovazzjoni u ta’ kreattività. L-edukazzjoni u l-kultura jgħinuna nkunu konxji iktar mill-wirt kulturali, mill-istorja, mill-esperjenzi, mit-twemmin u mill-valuri kondiviżi rikki tal-Ewropa, u jgħinuna nifhmuhom u napprezzawhom iktar. Dan jgħaqqad lin-nies mill-pajjiżi differenti, jgħin il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jagħtina sens ta’ appartenenza flimkien. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura jistgħu jgħinuna niskopru u nesperjenzaw xi jfisser li tkun Ewropew.

Fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, il-Mexxejja tal-UE għażlu l-edukazzjoni u l-kultura għad-dibattitu tal-Aġenda tal-Mexxejja. Id-diskussjoni fost il-Mexxejja kienet infurmata permezz ta’ kontribut tal-Kummissjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura 8 , fejn il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni tagħha għal ħidma favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Id-dibattitu wassal biex l-edukazzjoni u l-kultura jitqiegħdu fil-quċċata tal-aġenda tal-politiki. L-Ewropa qed taffaċċja għadd ta’ sfidi, fosthom il-populiżmu, il-ksenofobija, l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u d-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, ftit pajjiżi tal-UE għandhom prestazzjoni għolja fl-aspetti kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Għalhekk, jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-edukazzjoni u tal-kultura fl-Unjoni.

F’Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni:

-biex jagħtu spinta lil numru ta’ inizjattivi ewlenin, inkluż il-programm Erasmus+, l-universitajiet Ewropej, l-apprendiment tal-lingwi, il-Kard Ewropea tal-Istudenti, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

-biex jeżaminaw il-miżuri possibbli li jindirizzaw l-isfidi tal-ħiliet b’rabta mad-diġitalizzazzjoni, maċ-ċibersigurtà, mal-litteriżmu fil-midja u mal-intelliġenza artifiċjali; il-ħtieġa għal approċċ inklużiv, ibbażat fuq l-apprendiment tul il-ħajja u approċċ immexxi mill-innovazzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ; u l-kundizzjonijiet qafas legali u finanzjarji għall-iżvilupp ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-mobbiltà tal-professjonisti tas-settur kulturali.

B’rispons għal dan, fis-17 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta’ miżuri 9 , li jindirizzaw l-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet diġitali kif ukoll il-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva.

Il-Komunikazzjoni preżenti hija parti mit-tieni pakkett ta’ inizjattivi ta’ rispons lill-Kunsill Ewropew. Din iġġib flimkien sett ta’ inizjattivi fl-oqsma ta’ politika dwar iż-żgħażagħ, il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jgħin biex jiżguraw Ewropa iktar kompetittiva, inklużiva u koeżiva:

·Filwaqt li tibni fuq azzjonijiet preċedenti biex tinvesti fiż-żgħażagħ, il-Kummissjoni tippreżenta “Strateġija għaż-Żgħażagħ” għall-perjodu 2019-2027. L-enfasi ssir fuq l-għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ tal-Ewropa u li jingħataw vuċi iktar b’saħħitha fit-tfassil tal-politiki tal-UE;

·Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura”, il-Kummissjoni tippreżenta “Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura”. Din l-inizjattiva se tkun strumentali biex jittejjeb l-għarfien dwar l-identità u l-wirt komuni tal-Ewropa u biex jiġu appoġġati r-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi;

·B’konformità mal-għan li taħdem lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta żewġ proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar ir-“Rikonoxximent Reċiproku tad-Diplomi u t-titjib tat-“Tagħlim u tal-Apprendiment tal-Lingwi”. Iż-żewġ inizjattivi huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-mobbiltà fl-apprendiment fl-Ewropa;

·B’konformità wkoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Sistemi ta’ Kura u Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja”. Din l-inizjattiva tipprova tiżgura li t-tfal kollha fl-Ewropa jista’ jkollhom bidu tajjeb fil-ħajja.

Kif stabbilit fil-grafika ta’ hawn taħt, ix-xogħol inbeda u se jkompli fis-snin li ġejjin. Din il-kooperazzjoni se ssostni l-ħidma konġunta favur iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.