Brussell, 4.5.2018

COM(2018) 257 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2012–2015

{SWD(2018) 246 final}


1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (id-Direttiva dwar in-Nitrati) timmira li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u li tipprevjeni aktar tniġġis bħal dan. Id-Direttiva dwar it-Tniġġis tifforma parti integrali mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD, Water Framework Directive) u hija wieħed mill-istrumenti ewlenin fil-protezzjoni tal-ilmijiet kontra l-pressjonijiet agrikoli. Id-Direttiva dwar in-Nitrati tistabbilixxi għadd ta’ passi li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw:

·Il-monitoraġġ tal-ilma ta’ kull tip ta’ korp ta’ ilma fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u l-istatus trofiku;

·L-identifikazzjoni ta’ ilmijiet imniġġsa jew f’riskju ta’ tniġġis, abbażi tal-kriterji definiti fl-Anness I tad-Direttiva;

·Id-deżinjazzjoni ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati, li huma żoni li jiskulaw fl-ilmijiet u li jikkontribwixxu għat-tniġġis;

·L-istabbiliment ta’ kodiċijiet ta’ prattiki agrikoli tajba, implimentati fuq bażi volontarja mat-territorju tal-Istat Membru kollu;

·L-istabbiliment ta’ programmi ta’ azzjoni, li jinkludu sett ta’ miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati u li jiġu implimentati fuq bażi obbligatorja f’żoni ddeżinjati vulnerabbli għan-nitrati jew mat-territorju nazzjonali kollu;

·Ir-rieżami u r-reviżjoni possibbli tad-deżinjazzjoni ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati u tal-programmi ta’ azzjoni tal-inqas kull erba’ snin; u

·Is-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ rapport tal-progress dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kull erba’ snin b’informazzjoni dwar il-kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, iż-żoni vulnerabbli għan-nitrati, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, l-aspetti rilevanti tal-programmi ta’ azzjoni.

Din hija t-tielet darba li 27 Stat Membru ssottomettew rapport skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar in-Nitrati, u l-ewwel darba għall-Kroazja. Paragun ma’ perjodi ta’ rappurtar preċedenti issa huwa possibbli għal 27 Stat Membru. It-28 Stat Membru kellhom jissottomettu ir-rapporti u d-data dwar il-kwalità tal-ilma li takkumpanjahom f’Ġunju 2016. Madankollu, 12-il Stat Membru biss irrispettaw din l-iskadenza 1 u xi wħud minnhom ħallew barra xi informazzjoni rilevanti, li ġiet irrapportata aktar tard. Dsatax-il Stat Membru damu biex issottomettew l-informazzjoni nieqsa jew ikkorreġuta sal-2017 2 . Is-sett sħiħ ta’ informazzjoni kien disponibbli biss għall-Kummissjoni f’Ottubru 2017.

Dan ir-rapport, li prinċipalment huwa bbażat fuq l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015, huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD(2018)246) li jinkludi mapep u tabelli dwar l-indikaturi ta’ pressjonijiet ta’ nutrijenti minn sorsi agrikoli, il-kwalità tal-ilma u żoni ddeżinjati vulnerabbli għan-nitrati, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll f’dak tal-Istati Membri.

Bil-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11. L-informazzjoni miġbura għal dan ir-rapport ikkontribwixxiet għar-reviżjoni proposta reċentement tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 3 . Fil-fatt prattiki agrikoli bħall-fertilizzazzjoni jinfluwenzaw il-kwalità tal-ilma tax-xorb. L-eċċess ta’ nitrati fl-ilmijiet tax-xorb jista’ jkollu impatti fuq is-saħħa, jiġifieri metemoglobinemja, li tipprevjeni t-trasport normali tal-ossiġenu mid-demm lejn it-tessuti, li jikkawża ċijanożi, u f’konċentrazzjonijiet akbar, asfissija li tista’ tkun letali għat-trabi. Għalhekk ix-xejriet osservati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati jistgħu jaffettwaw il-provvista ta’ ilma tax-xorb nadif għaċ-ċittadini kollha.

Id-Direttiva dwar in-Nitrati tikkontribwixxi billi tindirizza l-flussi tan-nitroġenu u tal-fosforu lejn il-bijosfera u l-oċeani li ġew identifikati mill-komunità xjentifika bħala wieħed mid-disa’ limiti planetarji. Barra minn hekk, il-flussi ta’ nutrijenti flimkien mat-telf ta’ bijodiversità huma żewġ limiti planetarji li ġew megħluba. Barra minn hekk, id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-UE billi tgħin sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi assoċjati mal-produzzjoni tal-ikel (SDG 2), billi tappoġġa l-kwalità tal-ilma mtejba (SDG 6) u tnaqqas it-tniġġis li jaffettwa l-ilma ħelu u l-ekosistemi 4 (SDG 14 u SDG 15).

2.L-EVOLUZZJONI TAL-PRESSJONIJIET MILL-AGRIKOLTURA

L-agrikoltura, li tokkupa madwar nofs it-territorju tal-UE, tipprovdi diversi benefiċċji lis-soċjetà. Madankollu, xi attivitajiet agrikoli jikkawżaw pressjonijiet fuq il-korpi tal-ilma, u jaffettwaw is-saħħa ta’ ekosistemi tal-ilma vitali.

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri dwar il-pressjonijiet agrikoli fl-oriġini tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati u l-ewtrofikazzjoni. Ta’ min jinnota li l-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri ġiet ikkumplimentata b’data li oriġinat mill-Eurostat għaliex tista’ tiġi kkumparata b’mod aktar faċli fil-livell tal-UE 5 .

Il-popolazzjoni tal-bhejjem

Għadd kbir ta’ bhejjem ikkonċentrati f’post wieħed fuq livell lokali, huwa ta’ riskju kbir għall-ambjent meta l-produzzjoni tad-demel tkun sproporzjonata mal-kobor tal-art u l-ħtiġijiet tal-għelejjel. Dan l-iżbilanċ joħloq eċċess ta’ nutrijenti, li ammont kbir minnu, jekk ma jiġix esportat barra mir-reġjun, eventwalment jintilef mal-ilma u l-arja, u xi drabi jwassal għal pressjonijiet addizzjonali f’żoni riċeventi.

Id-densità medja tal-bhejjem 6 fl-EU28 kienet dik ta’ 0,73 unitajiet ta’ bhejjem (LU) għal kull ettaru ta’ erja agrikola użata (EAU) fl-2013. L-ogħla densitajiet instabu fin-Netherlands (3,57), f’Malta (2,99) u fil-Belġju (2,68) filwaqt li l-aktar baxxi ġew lokalizzati fil-Bulgarija (0,21), fil-Latvja (0,26) u fil-Litwanja (0,29). Meta mqabbla mal-2010, id-densità medja tal-bhejjem fl-EU28 naqset (-2,9 %). L-akbar tnaqqis relattiv fid-densità seħħ fil-Greċja (-18,9 %), f’Malta (-17,9 %) u fid-Danimarka (-14,4 %) filwaqt li l-akbar żidiet seħħew fl-Awstrija (+7,2 %), fl-Irlanda (+4,5 %), fil-Finlandja (+3,7 %) u fil-Ġermanja (+3,5 %).

Meta wieħed iqabbel il-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2008 u l-2011 u dak ta’ bejn l-2012 u l-2015, josserva l-bidliet li ġejjin fin-numru ta’ annimali:

· Bhejjem tal-ifrat: tnaqqis żgħir fil-livell tal-EU28 (-0,7 %) 7 b’żidiet relattivi sinifikanti fil-popolazzjoni fl-Ungerija (+13,8 %), fl-Estonja (+8,6 %), fil-Latvja (+8 %), f’Ċipru (+5 %) u fin-Netherlands (+4,4 %) meta mqabbel mat-tnaqqis rilevanti fir-Rumanija (-10,8 %), f’Malta (-5,2 %), fil-Greċja (-5,1 %) u fil-Litwanja (-4,2 %).

·Baqar tal-ħalib: tnaqqis żgħir fl-EU28 (-0,9 %) 8 b’żidiet sinifikanti fil-popolazzjoni fl-Italja (+13,9 %), fl-Irlanda (+10,3 %), f’Ċipru (+6,3 %) u fin-Netherlands (+4,8 %) u tnaqqis relattiv rilevanti fil-Kroazja (-19,1 %), fil-Litwanja (-14,7 %), fil-Polonja (-12 %), fil-Greċja (-11,3 %), fis-Slovakkja (-11,2 %) u f’Malta (-5 %).

·Ħanżir: tnaqqis (-3 %) fl-EU28 9 b’żidiet relattivi aktar sinifikanti fil-popolazzjoni fil-Portugall (+7,8 %), fil-Ġermanja (+4,3 %) u fil-Lussemburgu (+3,5 %) u tnaqqis fis-Slovenja (-28,5 %), f’Malta (-24,8 %) u f’Ċipru (-22,3 %).

·Pollam: tnaqqis (-0.5 %) fl-EU28 10 b’żidiet relattivi aktar sinifikanti fil-Ġermanja (+37,6 %), fil-Lussemburgu (+33,3 %) u fil-Finlandja (+28,7 %) u tnaqqis f’Ċipru (-42,5 %), fil-Greċja (-24,2 %) u fil-Portugall (-19 %).

L-użu tal-fertilizzanti

Skont il-Eurostat, fil-livell tal-EU28, bejn l-2012 u l-2014 intużaw 9,2 kton ta’ nitroġenu mid-demel tal-annimali. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 2,6 % meta mqabbel ma’ bejn l-2008 u l-2011 11 . L-użu tad-demel-N żdied b’aktar minn 5 % fl-Ungerija u fil-Latvja, filwaqt li naqas b’aktar minn 5 % fil-Bulgarija, f’Ċipru, fir-Repubblika Ċeka, f’Malta, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovenja.

Fil-livell tal-EU28, bejn l-2012 u l-2014 intuża 1,61 kton 12 ta’ fosfat mid-demel tal-annimali, tnaqqis ta’ 3,1 % meta mqabbel ma’ bejn l-2008 u l-2011. L-użu tad-demel-P żdied b’aktar minn 5 % fl-Ungerija, filwaqt li naqas b’aktar minn 5 % fil-Bulgarija, f’Ċipru, fir-Repubblika Ċeka, fil-Kroazja, f’Malta, fin-Netherlands, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovenja.

L-użu totali ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu minerali u tal-fosfat fl-EU28 żdied rispettivament b’4 % 13 u b’6 % 14 bejn il-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2008 u l-2011 u dak ta’ bejn l-2012 u l-2015. Hemm differenzi sinifikanti ħafna bejn l-Istati Membri: minn tnaqqis ta’ 30 % fl-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu minerali fis-Slovakkja u 46 % fl-użu tal-fertilizzant tal-fosfat minerali fin-Netherlands, għal żieda ta’ 56 % fil-Bulgarija kemm għall-fertilizzant tan-nitroġenu minerali kif ukoll għal dak tal-fosfat.

Filwaqt li t-tnaqqis fl-użu tad-demel fil-livell tal-UE jirrifletti t-tnaqqis globali fin-numri ta’ annimali (-3,6 %) 15 , ix-xejriet fil-livell tal-Istati Membri huma influwenzati wkoll minn żviluppi oħrajn, pereżempju l-użu tad-demel għall-produzzjoni tal-enerġija.

Fil-livell tal-Istati Membri, l-użu tad-demel N u l-fertilizzant minerali N huma korrelatati mill-qrib ħafna; barra minn hekk l-ammonti użati huma simili ħafna. Għalkemm din il-korrelazzjoni tapplika wkoll sa ċertu punt għall-użu tad-demel P u l-fertilizzant minerali P, f’pajjiżi b’densità għolja ta’ bhejjem (eż. DK, BE, NL) isir użu relattivament baxx mill-fertilizzant tal-fosfat minerali meta mqabbel mad-demel P.

Il-bilanċ tan-nutrijenti

Id-Direttiva dwar in-Nitrati tappoġġa l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni bbilanċjata fil-livell tal-azjendi agrikoli li jinvolvu li jiġi evitat it-telf billi l-għelejjel jiġu pprovduti bl-ammont xieraq ta’ nutrijenti li jeħtieġu.

Il-bilanċ tan-nutrijenti huwa definit bħala d-differenza bejn l-inputs tan-nutrijenti li jidħlu fis-sistema tal-biedja (l-aktar id-demel tal-bhejjem u l-fertilizzanti) u l-outputs tan-nutrijenti li jħallu s-sistema (l-użu ta’ nutrijenti mill-għelejjel u l-bwar) 16 . Eċċess ta’ nutrijenti jseħħ meta mhux il-fertilizzanti u d-demel kollu applikati lill-art jiġu assorbiti mill-pjanti jew jitneħħew matul il-ħsad. Eċċess jirrappreżenta telf potenzjali għall-ambjent jew riskju ta’ telf futur permezz tal-akkumulazzjoni fil-ħamrija.

Bejn il-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2008 u l-2011 u dak ta’ bejn l-2012 u l-2015, kemm il-bilanċ nett tan-nitroġenu kif ukoll dak tal-fosfat żdiedu ftit fil-livell tal-EU28 minn 31,8 għal 32,5 kg N/ha 17 u minn 1,8 għal 2,0 kg F/ha 18 rispettivament. Dan ifisser li hemm aktar telf potenzjali għall-ambjent milli fil-perjodu preċedenti fil-livell tal-UE, għalkemm ġew osservati varjazzjonijiet kbar bejn Stat Membru u ieħor.

Fil-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2014, l-Istati Membri kollha, minbarra r-Rumanija, kellhom eċċess ta’ nitroġenu. L-ogħla eċċessi ta’ nitroġenu (> 50 kg/ha) instabu fil-Belġju, f’Ċipru, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands u fir-Renju Unit. Fir-rigward tal-fosfati, l-ogħla eċċessi ta’ fosforu (> 5 kg/ha) instabu fil-Belġju, f’Ċipru, fil-Kroazja, fid-Danimarka, u f’Malta. Madankollu, tmien Stati Membri kellhom defiċit ta’ fosforu, bl-akbar defiċit jinstab fil-Bulgarija u fl-Estonja.

L-iskariku tan-nitroġenu fl-ambjent mill-agrikoltura

L-informazzjoni dwar il-kontribut tal-agrikoltura għall-iskariku ta’ nitroġenu fl-ambjent akkwatiku ma ġietx ipprovduta mill-Istati Membri kollha 19 . Skont l-informazzjoni rrappurtata minn xi Stati Membri, l-agrikoltura tibqa’ s-sors predominanti tan-nitroġenu skarikat fl-ambjent. Għal dawk li rrappurtaw data komparabbli għaż-żewġ perjodi, il-medja ta’ skariku ta’ nitroġenu naqset bi 3 %.

3.IL-MONITORAĠĠ TAL-ILMA

Il-monitoraġġ tajjeb tal-kwalità tal-ilma huwa l-punt tat-tluq għal implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar in-Nitrati minħabba li huwa importanti għad-detezzjoni ta’ ilmijiet imniġġsa u d-deżinjazzjoni ta’ ŻVN kif ukoll sabiex jittieħdu miżuri adegwati fil-Programmi ta’ Azzjoni. Filwaqt li d-Direttiva dwar in-Nitrati tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-monitoraġġ, id-definizzjoni tal-programm u l-istrateġija tal-monitoraġġ (il-lokazzjoni tal-istazzjonijiet, id-densità tan-netwerk, il-frekwenza u t-twaqqit tal-kampjunar, eċċ) huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Id-data rrappurtata turi li saru sforzi irregolari fil-monitoraġġ tal-ilma mill-Istati Membri kif ukoll li hemm numru kbir ta’ stazzjonijiet ġodda mingħajr xejriet mal-UE kollha. Fil-fatt, l-intensità tal-monitoraġġ (pereżempju, id-densità tan-netwerks ta’ monitoraġġ u l-frekwenza tal-kampjunar) tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor, u tista’ mhux dejjem tkun adatta tajjeb għall-pressjonijiet reali.

Il-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art

Fil-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2012 u l-2015, in-numru totali ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art irrappurtati fl-EU28 kien dak ta’ 34 901 stazzjon, kważi l-istess bħal fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti 20 .

Id-densità medja tan-netwerk fl-EU28 hija madwar tmien stazzjonijiet għal kull 1 000 km2 ta’ erja ta’ art. L-ogħla densitajiet jinsabu f’Malta u fil-Belġju b’130 u 97 għal kull 1 000 km2 rispettivament. Għall-kuntrarju, id-densitajiet l-aktar baxxi jinsabu fil-Finlandja u fl-Iżvezja b’anqas minn stazzjon wieħed għal kull 1 000 km2.

Il-frekwenza medja ta’ kampjunar hija kważi ta’ darbtejn f’sena, u tvarja bejn anqas minn darba fis-sena fid-Danimarka, fil-Latvja, fil-Polonja u fl-Iżvezja għal madwar ħames darbiet fis-sena fil-Belġju u fil-Kroazja 21 .

Il-monitoraġġ tal-ilmijiet tas-superfiċje

Fil-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015, in-numru totali ta’ stazzjonijiet irrappurtati fl-ilma ħelu żdied fil-livell tal-UE b’madwar 23 % meta mqabbel ma’ bejn l-2008 u l-2011, sakemm laħaq it-33 042 stazzjon. Id-densità medja hija 7,6 stazzjonijiet għal kull 1 000 km2, bl-ogħla densitajiet fir-Repubblika Ċeka, fil-Belġju u fir-Renju Unit u l-aktar baxxi fil-Kroazja, fil-Ġermanja u fil-Finlandja 22 .

Għall-ilmijiet mielħa, id-data rrappurtata turi tnaqqis allarmanti ta’ 29 % fin-numru totali ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-UE, minn 3 135 għal 2 205 stazzjon bejn iż-żewġ perjodi ta’ rappurtar. Dan it-tnaqqis kien iktar minn 50 % fi Franza, fil-Greċja, fil-Portugall, fil-Polonja u fi Spanja 23 . L-isforzi li għamlu xi Stati Membri fil-monitoraġġ tal-ilma mielaħ tagħhom mhux dejjem jirriflettu r-rilevanza taż-żona kostali totali tagħhom.

Il-frekwenza tal-kampjunar tal-ilma (il-korpi tal-ilma kollha) tvajra minn kważi darba fis-sena fl-Iżvezja għal madwar 20 darba fis-sena fl-Irlanda 24 .

4.IL-KWALITÀ TAL-ILMA U X-XEJRIET

L-ilma ta’ taħt l-art

Il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art

Bejn l-2012 u l-2015, 13,2 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art qabżu l-50 mg ta’ nitrati kull litru u 5,7 % kienu bejn 40 u 50 mg/l 25 . Dan huwa titjib żgħir meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, fejn 14,4 % tal-istazzjonijiet qabżu l-50mg/l u 5,9% kienu bejn 40 u 50mg/l.

Hemm differenzi kbar bejn Stat Membru u ieħor: l-Irlanda, l-Iżlanda u l-Iżvezja bħala medja ma kellhom kważi l-ebda stazzjon tal-ilma ta’ taħt l-art li jaqbeż il-50 mg/l. Għall-kuntrarju, f’Malta, fil-Ġermanja u fi Spanja rispettivament, 71 %, 28 % u 21,5 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art bħala medja qabżu l-50 mg ta’ nitrati kull litru. Madankollu, il-komparabbiltà tad-data bejn l-Istati Membri hija limitata minn differenzi fin-netwerks u l-istrateġiji ta’ monitoraġġ.

L-aktar konċentrazzjonijiet ta’ nitrati baxxi ġew osservati fl-ilma karstiku u maqbud ta’ taħt l-art, b’5 % biss mill-istazzjonijiet daqs jew jaqbżu l-50 mg/l, filwaqt li l-ogħla proporzjon ta’ stazzjonijiet ugwali għal jew li jaqbżu l-50 mg/l ġie osservat għal profonditajiet tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ bejn 5 u 15-il metru 26 .

Figura A. Dijagramma tal-frekwenza tal-konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art 27 . Ir-riżultati huma ppreżentati għall-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art kollha fi profonditajiet differenti.

Xejriet fil-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art

Meta wieħed iqabbel ir-riżultati tal-monitoraġġ mill-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015 ma’ dawk ta’ bejn l-2008 u l-2011, jara li l-kwalità tal-ilma baqgħet l-istess jew tjiebet f’74 % tal-istazzjonijiet. Fil-fatt 42 % tal-istazzjonijiet fl-UE wrew xejra stabbli u 32 % urew xejra ta’ tnaqqis. Il-kwalità tal-ilma marret għall-agħar għal 26 % tal-istazzjonijiet 28 , simili għall-perjodi ta’ rappurtar preċedenti. L-ogħla perċentwal ta’ stazzjonijiet li qed imorru għall-aħjar kien osservat fil-Bulgarija (40,9 %), f’Malta (46,3 %) u fil-Portugall (43,6 %), l-aktar stabbli fl-Iżvezja (98 %), u l-ogħla perċentwal ta’ stazzjonijiet li sejrin għall-agħar ġie rrapportat mill-Estonja (44,4 %), minn Malta (43,9 %) u mil-Litwanja (58,5 %). Għalhekk f’xi pajjiżi, nistgħu nosservaw polarizzazzjoni tas-sitwazzjoni b’żoni ta’ tniġġis imorru għall-agħar u b’żoni nodfa jmorru għall-aħjar.

L-ilma tas-superfiċje

Il-kwalità tal-ilma ħelu tas-superfiċje

Konċentrazzjoni ta’ nitrati

Skont il-medji annwali tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ irrappurtati kollha, 64,3 % kellhom inqas minn 10 mg ta’ nitrati f’kull litru, filwaqt li 2 % kellhom konċentrazzjonijiet ta’ bejn 40 u 50 mg f’kull litru u 1,8 % kellhom iżjed minn 50 mg f’kull litru. Dan huwa titjib meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, fejn 2,5 % tal-istazzjonijiet kellhom aktar minn 50 mg għal kull litru u 2,5 % kellhom bejn 40 u 50 mg għal kull litru 29 . L-ogħla proporzjon ta’ stazzjonijiet ugwali għal 50 mg/L jew aktar ġie rrapportat f’Malta, filwaqt li fl-Iżvezja, fl-Irlanda u fil-Greċja ġie rrapportat l-ogħla proporzjon ta’ stazzjonijiet b’anqas minn 2 mg/L.

Figura B. Id-dijagramma tal-frekwenza tal-konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ nitrati fl-ilmijiet tas-superfiċje ħelwin (xmajjar u lagi)

Ewtrofikazzjoni

Is-sottomissjoni tad-data dwar l-ewtrofikazzjoni hija pjuttost inkonsistenti b’xi Stati Membri jipprovdu data biss għal ċerti tipi ta’ ilma u Stati Membri oħra ma jipprovdux data dwar l-istatus tal-ewtrofikazzjoni 30 . Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-istatus trofiku varjat ħafna fost l-Istati Membri, mhux biss fir-rigward tal-parametri li ntużaw, iżda wkoll fir-rigward tal-metodoloġiji użati biex jiġu definiti l-klassijiet tal-istatus trofiku 31 .

Fost l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tax-xmajjar kollha rrappurtati, 12 % u 7 % kienu ewtrofiċi u ipertrofiċi rispettivament, filwaqt li 31 % u 21 % kienu oligotrofiċi jew ultraoligotrofiċi, rispettivament 32 . Mill-Istati Membri kollha li pprovdew data dwar l-ewtrofikazzjoni fix-xmajjar, Ċipru, is-Slovenja, il-Portugall, il-Greċja, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Rumanija, il-Latvja u l-Bulgarija wrew proporzjonijiet relattivament baxxi ta’ stazzjonijiet ewtrofiċi jew ipertrofiċi fix-xmajjar, filwaqt li l-Awstrija, il-Lussemburgu, Spanja, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Kroazja u Malta wrew proporzjonijiet relattivament għoljin ta’ stazzjonijiet ewtrofiċi jew ipertrofiċi fix-xmajjar 33 .

Minn fost l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-lagi kollha rrappurtati, 18 % u 8 % kienu ewtrofiċi u ipertrofiċi, rispettivament, filwaqt li 45 % u 1 % kienu oligotrofiċi jew ultraoligotrofiċi, rispettivament 34 . Mill-Istati Membri kollha li rrappurtaw ewtrofikazzjoni fil-lagi, l-aktar proporzjonijiet baxxi ta’ lagi ewtrofiċi jew ipertrofiċi kienu f’Malta, fir-Rumanija u fl-Awstrija. L-Istati Membri bi proporzjonijiet relattivament għoljin ta’ lagi ewtrofiċi jew ipertrofiċi kienu l-Bulgarija, il-Kroazja u l-Polonja.

Xejriet fil-kwalità tal-ilma tas-superfiċje ħelu

Meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2008 u l-2011, hemm żviluppi pożittivi. Fil-fatt il-konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ nitrati sejrin għall-aħjar f’31 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ħelu, li minnhom 9 % urew titjib b’saħħtu. Is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess għal nofs l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ. Sfortunatament, il-kwalità tal-ilma ħelu marret għall-agħar f’19 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ħelu, li minnhom 5 % ġarrbu deterjorazzjoni qawwija 35   36 .

Fil-livell tal-UE l-ebda xejra mhi disponibbli għall-istatus trofiku tal-ilma tas-superfiċje ħelu minħabba n-nuqqas ta’ data u d-differenzi fil-metodoloġiji biex jiġi ddefinit l-istatus trofiku applikat mill-Istati Membri.

Ilmijiet mielħa

Fl-ilmijiet mielħa 37 , il-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati huma aktar baxxi milli fl-ilma ħelu, b’0,7 % tal-istazzjonijiet ugwali għal jew jaqbżu l-25 mg/L u 75,7 % tal-istazzjonijiet anqas minn 2 mg/L, abbażi tal-valuri medji annwali 38 . Kien hemm titjib żgħir meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, fejn 1,4 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ nitrati ugwali għal jew li jaqbżu l-25 mg/L. Madankollu, il-paragun bejn il-perjodi huwa mfixkel mit-tnaqqis qawwi fin-numru ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

Id-data ta’ ewtrofikazzjoni dwar l-ilmijiet tranżizzjonali, kostali u marini ġiet sottomessa biss minn numru limitat ta’ Stati Membri. Għall-ilmijiet ta’ tranżizzjoni, id-data ġiet sottomessa minn tmien Stati Membri biss (l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja) u minn żewġ reġjuni (il-Fjandri u l-Irlanda ta’ Fuq). Għal sitta minnhom, id-data sottomessa sfortunatament uriet proporzjon ta’ 100 % ta’ ilmijiet ewtrofiċi jew ipertrofiċi 39 .

Għall-ilmijiet kostali, id-data ġiet sottomessa minn disa’ Stati Membri biss (il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) u reġjun wieħed (l-Irlanda ta’ Fuq). F’dan il-każ, ħamsa minnhom kellhom aktar minn 50 % ilmijiet kostali ewtrofiċi jew ipertrofiċi 40 . Data marina dwar l-ewtrofikazzjoni ġiet sottomessa biss mill-Italja, mil-Latvja u mir-Rumanija 41 .

5.ID-DEŻINJAZZJONI TA’ ŻONI VULNERABBLI GĦAN-NITRATI

Id-Direttiva dwar in-Nitrati titlob lill-Istati Membri jiddeżinjaw żoni vulnerabbli għan-nitrati, li huma żoni li jiskulaw f’ilmijiet imniġġsa jew f’riskju ta’ tniġġis. Meta jistabbilixxu ż-żoni vulnerabbli għan-nitrati, l-Istati Membri jistgħu, minflok ma jiddeżinjaw żoni speċifiċi, jagħżlu li japplikaw programm ta’ azzjoni fuq l-art agrikola kollha. L-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovenja, ir-Reġjun tal-Fjandri u l-Irlanda ta’ Fuq segwew dan l-approċċ.

L-Istati Membri li minflok jagħżlu li jiddeżinjaw żoni speċifiċi jeħtieġ li jiddefinixxu l-kriterji għad-deżinjazzjoni. Dawn il-kriterji huma bbażati fuq id-definizzjoni ta’ ilmijiet imniġġsa kif stabbilit fl-Anness 1 tad-Direttiva iżda jistgħu jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor.

Bl-inklużjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-approċċ tat-territorju kollu, l-erja kollha ta’ ŻVN żdiedet mill-2012, minn 1 951 898 km2 għal madwar 2 175 861 km2 fl-2015 42 , u dan jirrappreżenta madwar 61 % taż-żona agrikola 43 . Dan ifisser li f’61 % tal-art agrikola tal-UE hemm obbligi li għandhom l-għan li jilħqu fertilizzazzjoni bbilanċjata.

Madankollu, l-informazzjoni rrappurtata turi li, fil-livell tal-Istati Membri, xorta għad hemm żoni bi tniġġis tal-ilma potenzjali li mhumiex inklużi f’xi ŻVN. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, it-territorju ddeżinjat huwa limitat għal żona ridotta madwar l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ li jwassal għal deżinjazzjoni frammentata ħafna u jixħet dubju fuq l-effettività potenzjali tal-programmi ta’ azzjoni. Bħala mod ta’ illustrazzjoni, il-mappa hawn taħt turi ż-żona attwali taħt ŻVN u l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art b’konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ta’ aktar minn 50 mg/L. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, il-kriterji użati mill-Istati Membri għad-deżinjazzjoni jistgħu jinkludu parametri oħrajn barra mill-konċentrazzjoni medja annwali.

Mappa A. Iż-żona ddeżinjata bħal Żona Vulnerabbli għan-Nitrati u l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art b’konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ta’ aktar minn 50 mg/L barra miż-ŻVN, il-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015 44 .

6.IL-PROGRAMMI TA’ AZZJONI

L-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu programm ta’ azzjoni wieħed jew aktar li japplika/w fiż-żoni vulnerabbli ddeżinjati jew għat-territorju kollu. Il-programmi ta’ azzjoni jinkludu tal-inqas il-miżuri msemmija fl-Annessi II u III tad-Direttiva. Diversi Stati Membri adottaw programmi ta’ azzjoni fil-livell reġjonali.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jew tar-reġjuni f’ċerti Stati Membri, adottaw programm ta’ azzjoni ġdid jew rivedut matul il-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2012 u l-2015.

Il-miżuri fil-programmi ta’ azzjoni huma kruċjali kemm biex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli kif ukoll biex jiġi evitat aktar tniġġis bħal dan. Id-definizzjoni ta’ standards ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti li tiżgura li fertilizzazzjoni bbilanċjata tibqa’ waħda mill-aktar miżuri importanti u ta’ sfida. Kważi l-Istati Membri kollha issa aċċettaw id-definizzjoni tal-ammonti ta’ nitroġenu totali permess għal kull produzzjoni tal-pjanti. Xi ftit Stati Membri ddefinixxew ukoll l-ammonti permessi għall-applikazzjonijiet tal-fosforu, li jistgħu jkunu importanti immens sabiex tingħeleb u tiġi evitata l-ewtrofikazzjoni. Il-modi li bihom dawn l-istandards ta’ applikazzjoni jiġu kkalkulati u mgħoddija lill-bdiewa jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor. Huwa probabbli li dan jinfluwenza l-effettività ta’ din il-miżura minħabba l-impatti fuq il-kapaċità tal-bdiewa li jikkonformaw mal-obbligi u l-kontrolli.

Element importanti ieħor li jitlob aktar attenzjoni huwa l-ħżin tad-demel. Filwaqt li l-Istati Membri kollha għandhom dispożizzjonijiet dwar il-ħżin tad-demel, inkluż il-kapaċità tal-ħżin, f’dan il-qasam hemm bżonn ta’ azzjoni msaħħa, inkluż il-ġbir ta’ aktar informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ ħżin disponibbli bħalissa fil-livell tal-azjendi agrikoli.

F’xi Stati Membri bil-programm ta’ azzjoni applikat mat-territorju kollu, l-isfida ewlenija hija li l-miżuri jiġu mmirati b’mod adegwat lejn pressjonijiet u hotspots reġjonali differenti. Għal dak il-għan, xi Stati Membri identifikaw żoni fejn il-miżuri stabbiliti mill-programm ta’ azzjoni huma rinforzati.

L-Istati Membri qegħdin jagħżlu dejjem aktar li jimmiraw ċerti miżuri lejn “azjendi agrikoli bl-agħar prestazzjoni” (livelli għoljin ta’ nutrijenti) filwaqt li jippermettu aktar flessibbiltà għal “azjendi agrikoli bi prestazzjoni tajba”. Filwaqt li dan l-approċċ jista’ jkun interessanti, jista’ jħalli riżultati biss jekk ikun akkumpanjat minn objettivi ambjentali ċari, mekkaniżmi ta’ infurzar aktar stretti u ppjanar ta’ mmaniġġjar ta’ nutrijenti preċiż.

Il-Kummissjoni se tkompli tieħu azzjoni xierqa sabiex tiżgura l-kwalità ta’ dawk il-programmi ta’ azzjoni u li, fil-flessibbiltà permessa mid-Direttiva lill-Istati Membri, il-miżuri fihom ikunu adegwati u proporzjonati għall-isfidi tal-kwalità tal-ilma ta’ kull Stat Membru.

7.PREVIŻJONI DWAR IL-KWALITÀ TAL-ILMA

Il-metodi applikati mill-Istati Membri biex jivvalutaw l-iżviluppi fil-kwalità tal-ilma fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq analiżi tax-xejriet, valutazzjonijiet ta’ xenarji jew simulazzjonijiet ta’ mudelli, xi drabi kkombinati ma’ analiżijiet ta’ żviluppi passati u mistennija fi prattiki agrikoli. Madankollu, dawn il-previżjonijiet huma kkaraterizzati minn inċertezzi inerenti minħabba l-varjazzjonijiet kbar fil-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija u l-effetti ta’ dawn fuq il-kwalità tal-ilma.

Tnax-il Stat Membru u żewġ reġjuni pprevedew aktar tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u tas-superfiċje, minħabba miżuri fil-programmi ta’ azzjoni kkombinati mal-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri agroambjentali inklużi fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali. Seba’ Stati Membri u tliet reġjuni ma semmewx previżjoni ċara dwar il-kwalità tal-ilma futura, pereżempju billi jipprevedu titjib fil-kwalità tal-ilma għal ċerti korpi tal-ilma kif ukoll deterjorazzjoni għall-kwalità tal-ilma għal korpi tal-ilma oħrajn.

Tliet Stati Membri (il-Kroazja, il-Greċja u l-Portugall) ma rrappurtawx dwar il-previżjoni tal-kwalità tal-ilma. Ċipru u l-Belġju (il-Fjandri) irrappurtaw li l-previżjonijiet ma kinux possibbli minħabba l-perjodu latenti bejn l-implimentazzjoni u l-effett tal-miżuri, jew minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-idroloġija.

8.ID-DEROGI GĦAL-LIMITU TA’ 170 KG N/HA/FIS-SENA

Id-Direttiva dwar in-Nitrati tippermetti l-possibbiltà ta’ deroga mill-ammont massimu ta’ 170 kg ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem f’żoni vulnerabbli għal kull ettaru kull sena, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji oġġettivi stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva u li l-ammonti derogati ma jippreġudikawx l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva. L-istandards ta’ ġestjoni meħtieġa mill-bdiewa li jibbenefikaw minn derogi huma ogħla minn dawk tal-programmi ta’ azzjoni, b’obbligi addizzjonali għall-ippjanar tan-nutrijenti u limiti addizzjonali fuq il-ġestjoni tal-art.

Id-derogi jingħataw permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Fi tmiem l-2015, daħlu fis-seħħ derogi f’sitt Stati Membri, fir-rigward tat-territorju kollu (id-Danimarka, in-Netherlands u l-Irlanda) jew ta’ xi reġjuni tagħhom (il-Fjandri fil-Belġju; Emilia Romagna, Lombardia, Piemonte u Veneto fl-Italja; u l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq fir-Renju Unit) 45 . 

9.IL-PROĊEDURI TA’ KSUR

Minn Lulju 2017, infetħu tmien każijiet ta’ ksur kontra seba’ Stati Membri: Franza dwar id-deżinjazzjoni taż-żoni vulnerabbli għan-nitrati (ŻVN); il-Greċja dwar iż-ŻVN u dwar il-programmi ta’ azzjoni (PA); il-Polonja dwar iż-ŻVN u l-PA; Is-Slovakkja dwar il-monitoraġġ, iż-ŻVN u l-PA, il-Bulgarija dwar il-PA, il-Ġermanja dwar il-PA u l-Belġju (Wallonia) dwar il-PA.

L-investigazzjonijiet Pilota tal-UE ġew indirizzati lil erba’ Stati Membri fil-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015 (ir-Repubblika Ċeka u l-Lussemburgu dwar il-PA; l-Estonja dwar iż-ŻVN u Spanja dwar il-PA u ż-ŻVN). Tliet investigazzjonijiet Pilota addizzjonali tal-UE ġew indirizzati lil tliet Stati Membri f’2016-2017 (in-Netherlands dwar id-deċiżjoni ta’ deroga, id-Danimarka u r-Renju Unit dwar il-PA).

10.KONKLUŻJONIJIET U SFIDI FUTURI

Id-data dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati turi li l-kwalità tal-ilma ħelu u tal-ilma ta’ taħt l-art tjiebet ftit bejn l-2012 u l-2015 meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti (bejn l-2008 u l-2011). Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni hija varjabbli fl-UE, bi Stati Membri fejn il-programmi ta’ azzjoni qed iħallu riżultati tajbin u Stati Membri fejn hija meħtieġa aktar azzjoni għat-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-tniġġis. B’mod ġenerali u minkejja xi progress pożittiv, it-tagħbija eċċessiva mill-agrikoltura tkompli tkun waħda mill-akbar pressjonijiet fuq l-ambjent akkwatiku. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat sabiex jinkiseb status ekoloġiku tajjeb tal-ilmijiet mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Bl-istess mod għall-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, ma tista’ tinstilet l-ebda konklużjoni rigward l-evoluzzjoni tal-istatus trofiku minħabba n-nuqqas ta’ data u d-differenzi fil-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-ewtrofikazzjoni applikati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis li għal applikazzjoni aktar armonizzata ta’ leġiżlazzjoni tal-ilma, ikun meħtieġ l-użu ta’ metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tal-ewtrofikazzjoni. Madankollu huwa possibbli li jiġi konkluż li għad baqa’ problemi ta’ ewtrofikazzjoni f’ħafna żoni, pereżempju, fil-Baħar Baltiku.

Bejn l-2012 u l-2015, l-intensità tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art kienet simili għal dik ta’ bejn l-2008 u l-2011, filwaqt li għall-ilma ħelu tal-wiċċ, żdiedu kemm in-numru kif ukoll id-densità tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforz akbar fir-rigward tal-monitoraġġ tal-ilma tas-superfiċje mielaħ minħabba li n-numru totali ta’ stazzjonijiet irrappurtati niżel b’mod sinifikanti matul dan il-perjodu ta’ rappurtar.

Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ sforzi sabiex jiġi żgurat li l-fatturat tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ ma jaffettwax il-preċiżjoni tax-xejriet tal-kwalità tal-ilma.

Barra minn hekk, għad hemm lok għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-ilma f’ċerti Stati Membri. Dan jista’ jgħin sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tad-data fir-rigward tal-livell u x-xejriet tat-tniġġis min-nutrijenti kif ukoll sabiex tiġi pprovduta stampa aktar dettaljata tal-kwalità ġenerali tal-ilmijiet tal-UE u sabiex jiġi żgurat li l-ilmijiet imniġġsa kollha tal-UE jiġu identifikati.

L-erja totali ta’ ŻVN ilha tiżdied mill-2012. Madankollu, għad fadal titjib xi jsir f’ċerti Stati Membri fid-deżinjazzjoni ta’ ŻVN biex jinkludu ż-żoni kollha li jiskulaw fl-ilmijiet fejn jikkawżaw tniġġis sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni.

B’mod ġenerali, il-kwalità tal-programmi ta’ azzjoni tjiebet, b’miżuri aktar stretti u metodoloġiji mtejba sabiex tintlaħaq fertilizzazzjoni bbilanċjata. Madankollu, għad baqa’ xi sfidi. Pereżempju, f’ċerti Stati Membri bil-programm ta’ azzjoni applikat mat-territorju kollu, il-miżuri jeħtieġ li jiġu adattati b’mod adegwat għal pressjonijiet u hotsposts reġjonali differenti. Il-programmi ta’ azzjoni li jippermettu approċċ aktar flessibbli fil-livell tal-azjendi agrikoli jistgħu jżidu s-sjieda u l-involviment tal-bdiewa. Dan l-approċċ madankollu jagħti riżultati biss jekk ikun akkumpanjat minn objettivi u miri ambjentali ċari flimkien ma’ pariri effettivi u appoġġ lill-bdiewa sabiex jagħżlu u jimplimentaw il-miżuri xierqa, mekkaniżmi ta’ infurzar iktar stretti u ppjanar ta’ ġestjoni ta’ nutrijenti preċiż.

Sfida waħda hija kif jitqiesu l-inputs tan-nutrijenti kollha kif xieraq, inkluż dawn minn sorsi għajr il-fertilizzanti minerali u d-demel bħal tejjieba tal-ħamrija, ilma reklamat użat għall-irrigazzjoni, diġestat u nutrijenti disponibbli diġà fil-ħamrija. Sfida oħra hi li jiġi evitat it-telf ta’ nutrijenti fl-ilma u fl-arja permezz ta’ ġestjoni effettiva tad-demel. Metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-eskrezzjoni tan-nutrijenti u l-ġbir tad-data jistgħu jippermettu stima aktar armonizzata tal-bilanċi tan-nutrijenti u użu aktar effettiv tan-nutrijenti mid-demel.

Hija meħtieġa aktar attenzjoni dwar kif l-użu tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġi integrat sabiex jiġu offruti soluzzjonijiet għal uħud mill-isfidi identifikati. Il-proġetti ta’ riċerka tal-UE jistgħu jipprovdu għarfien ta’ metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tal-ewtrofikazzjoni b’mod aktar armonizzat, għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma pereżempju abbażi ta’ għodod ta’ monitoraġġ tal-ogħla livell u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ azzjoni effettivi.

F’ċerti Stati Membri għadhom għaddejjin sforzi sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ipproċessar tad-demel innovattivi. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, dawn l-iżviluppi promettenti jipprovdu opportunità sabiex jiġu mħeġġa nutrijenti rriċiklati li jistgħu jissostitwixxu n-nutrijenti primarji. L-isfida ewlenija hija li jinkisbu prodotti rriċiklati li tal-inqas ikollhom prestazzjoni ambjentali u agrikola ugwali jew aħjar minn dik tan-nutrijenti primarji li huma jissostitwixxu.

Kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “L-Agrikoltura u l-Ġestjoni Sostenibbli tal-Ilma fl-UE” 46 , hemm ukoll il-ħtieġa li jittejbu l-governanza u d-djalogu rinforzat u azzjonijiet koordinati b’mod konġunt bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (l-awtoritajiet agrikoli u ambjentali, il-bdiewa, il-kumpaniji tal-ilma u l-utenti, eċċ.). F’dan il-kuntest, anke l-“Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija” 47 jitlob lill-Istati Membri jtejbu s-sinerġiji tagħhom bejn id-Direttivi dwar in-Natura u d-Direttiva dwar in-Nitrati.

Fl-aħħar nett, bil-għan li żżid it-trasparenza, filwaqt li tipprovdi rappurtar aktar iffukat u tnaqqas il-piż amministrattiv, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni meħtieġa fil-kuntest tar-rapport dwar “Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali” 48 .

(1)      Il-Belġju, il-Kroazja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja
(2)      il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
(3)    COM(2017) 753 final. http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:8c5065b2-074f-11e8-b8f5-01aa75ed71a1.0004.02/DOC_1&format=PDF
(4)    SWD(2016) 390 final. https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/swd-key-european-actions-2030-agenda-sdgs-390-20161122_en.pdf
(5)      It-taqsima “Pressjonijiet mill-Agrikoltura” fl-Iskedi tas-Sommarju tal-Istati Membri - fit-Taqsima VIII - hija bbażata b’mod esklużiv fuq id-data rrappurtata mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar in-Nitrati. Jenħtieġ li jiġi nnutat li ġie osservat li f’xi każijiet kien hemm diskrepanzi bejn id-data rrappurtata mill-Istati Membri u d-data tal-Eurostat.
(6)    Ara t-Tabella 18 u l-Figuri 36 u 37 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(7)    Ara t-Tabella 12 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(8)    Ara t-Tabella 13 u l-Figuri 26 u 27 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(9)    Ara t-Tabella 14 u l-Figuri 28 u 29 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(10)    Ara t-Tabella 15 u l-Figuri 30 u 31 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Abbażi tad-data tal-Eurostat għas-snin 2010 u 2013
(11)    Ara t-Tabella 21 u l-Figuri 42 u 43 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(12)    Ara t-Tabella 22 u l-Figuri 44 u 45 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(13)    Ara t-Tabella 19 u l-Figuri 38 u 39 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(14)    Ara t-Tabella 20 u l-Figuri 40 u 41 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(15)    Ara t-Tabella 17 u l-Figuri 34 u 35 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
(16)    OECD (2013), OECD Compendium of Agri-environmental Indicators, Pubblikazzjoni OECD, Pariġi.
http://dx.doi.org/10.1787/9789264186217-en
(17)    Ara t-Tabella 23 u l-Figuri 46 u 47 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(18)    Ara t-Tabella 24 u l-Figuri 48 u 49 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(19)    Tnax-il Stat Membru biss ipprovdew data dwar il-perjodu ta’ rappurtar ta’ bejn l-2008 u l-2011 u dak ta’ bejn l-2012 u l-2015. Ara t-Tabella 6 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(20)    Ara t-Tabella 1 u l-Figura 1 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(21)    Ara l-Figura 2 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(22)    Ara t-Tabella 2 u l-Figura 3 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(23)    Ara t-Tabella 3 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(24)    Ara l-Figura 4 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(25)    Ara t-Tabella 4, il-Figura 5, il-Mappa 1 u l-Mappa 2 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(26)    Ara l-Figura 6 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(27)    Il-paragun tal-Figura A mad-dijagramma ta’ frekwenza tal-konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art fir-rapporti mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament fir-rigward tal-perjodi ta’ rappurtar preċedenti jista’ jiġi mfixkel minħabba fid-differenzi sostanzjali possibbli fin-numru ta’ stazzjonijiet immonitorjati.
(28)    Ara l-Figura 7 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(29)    Ara t-Tabella 5, il-Figura 8 u l-Mappa 9 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(30)    Ara t-Taqsima VII tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(31)    Ara l-iskedi ta’ sommarju tal-Istati Membri fit-Taqsima VIII tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(32)    Ara l-Figura 12 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(33)      Malta ma għandhiex xmajjar jew lagi iżda għandha sistemi ta’ widien u ilmijiet qiegħda bħala korpi ta’ ilma tas-superfiċje ħelu.
(34)    Ara l-Figura 13 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(35)    Ara t-Taqsima VII tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Xejra kbira dejjem tiżdied hija definita bħala differenza fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati bejn iż-żewġ perjodi ta’ rappurtar jew ogħla minn +5 mg/L
(36)    Ara l-Figura 11 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(37)    “Ilmijiet mielħa” tfisser ilmijiet tranżizzjonali, kostali u marini
(38)    Ara t-Tabella 3 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(39)    Ara l-Figura 13 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(40)    Ara l-Figura 14 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(41)    Ara l-Figura 15 tat-Taqsima I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(42)    Ara t-Tabella 25 u l-Mappa 18 tat-Taqsima II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(43)    Il-perċentwali tat-territorju tal-UE u ż-żona agrikola koperti minn ŻVN ġew ikkalkulati mill-JRC inkluż iż-żoni ta’ dawk l-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva u li jużaw saffi ta’ GIS ipprovduti mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar.
(44)    Il-mappa tirrappreżenta s-sitwazzjoni għall-perjodu ta’ bejn l-2011 u l-2015. Minn dak iż-żmien ’l hawn jista’ jkun li ġew iddeżinjati ŻVN ġodda.
(45)    Ara t-Tabella 26 tat-Taqsima V tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
(46)    SWD(2017) 153 final:  https://circabc.europa.eu/sd/a/abff972e-203a-4b4e-b42e-a0f291d3fdf9/SWD_2017_EN_V4_P1_885057.pdf
(47)    SWD(2017) 139 final. http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/action_plan/factsheets_en.pdf
(48)

   COM(2017) 312 final.  http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2017/MT/COM-2017-312-F1-MT-MAIN-PART-1.PDF