IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.4.2018
COM(2018) 248 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)
{SWD(2018) 159 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.4.2018
COM(2018) 248 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)
{SWD(2018) 159 final}
Introduzzjoni
Illum il-ġurnata l-kultura u l-kreattività għandhom rwol kruċjali fis-soċjetajiet tagħna u fit-tiswir tal-ġejjieni Ewropew tagħna. Ekonomikament, is-setturi kulturali u kreattivi jiġġeneraw madwar EUR 509 biljun f’valur miżjud għall-Prodott Domestiku Gross (PDG), jiġifieri jirrappreżentaw 5,3% mit-total tal-UE, u jipprovdu aktar minn 12-il miljun impjieg full-time, ekwivalenti għal 7,5% tal-forza tax-xogħol Ewropea 1 . Dawn huma t-tielet l-akbar impjegatur fl-UE, wara s-settur tal-kostruzzjoni u dak tal-ikel u x-xorb. Jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-investiment, għall-innovazzjoni u għall-ħolqien ta’ impjiegi wkoll fi ħdan l-ekonomija. Hemm effetti konsegwenzjali pożittivi, b’mod partikolari fuq is-settur diġitali, eż. il-kontenut jiskatta l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband, u t-turiżmu kulturali. Il-kultura u l-kreattività jiffaċilitaw ukoll l-esportazzjonijiet Ewropej madwar id-dinja billi jsaħħu l-immaġni tal-Ewropa u tal-istil tal-ħajja Ewropew.
Iżda l-Ewropa hi aktar minn suq uniku, hi wkoll proġett kulturali kbir. Is-setturi kreattivi u kulturali jservu ta’ pedament għall-preservazzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika tagħna, għat-tisħiħ tal-identitajiet Ewropej tagħna u għas-sostenn tal-koeżjoni soċjali. Dawn jittrażmettu l-għarfien u l-valuri Ewropej, li huma kundizzjonijiet għal demokraziji f’saħħithom u għal soċjetajiet inklużivi. B’hekk, il-kultura għenet biex tqarreb lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest politiku attwali.
Is-setturi kulturali u kreattivi jibnu pontijiet bejn l-arti, il-kultura, in-negozju u t-teknoloġija. Dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħsieb kritiku u tal-ħiliet ta’ sejbien ta’ soluzzjoni għall-problemi, kif ukoll tal-attitudnijiet ta’ teħid ta’ riskju, li se jkunu kompetenzi importanti fis-soċjetà tal-ġejjieni. Bis-saħħa tal-enfasi tagħhom fuq il-kreattività u fuq l-adozzjoni bikrija ta’ teknoloġiji ġodda, eż. l-użu mill-mużewijiet ta’ apps biex jissaħħaħ l-aċċess għall-kollezzjonijiet jew mit-teatri tal-vidjo jew tas-sottotitli, dawn huma katalisti tal-innovazzjoni.
“Ewropa Kreattiva” hu r-rispons tal-Unjoni Ewropea biex din tgħin lis-setturi kulturali u kreattivi jisfruttaw il-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir. Dawn is-setturi minnhom infushom huma diversifikati tul linji nazzjonali u lingwistiċi, u b’hekk jarrikkixxu l-kuntest kulturali tagħna. Fl-istess ħin, dawn jaffaċċjaw ostakli li jxekklu ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet kreattivi u l-ħila tagħhom li joperaw f’livell transnazzjonali u jilħqu lil udjenzi ġodda fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Il-programm iqis in-natura duwalistika tal-attivitajiet kulturali u awdjoviżivi: minn naħa, bħala motivatur tad-diversità u tal-involviment taċ-ċittadini, u min-naħa l-oħra, bħala motivatur tat-tkabbir u tal-impjiegi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kontribuzzjoni usa’ ta’ dawn għall-kreattività, għall-ġenerazzjoni tat-talent, għall-intraprenditorija u għall-innovazzjoni.
Dan ir-rapport hu ppreżentat b’konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sal-2020), li jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u indipendenti.
Din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva, billi tispjega l-kisbiet tiegħu filwaqt li tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin tiegħu, u tibni fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti, l-esperjenza diretta fil-ġestjoni tal-programm u l-konsultazzjonijiet mifruxa mal-partijiet interessati. Hi akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jistabbilixxi l-evidenza li informat dan ir-rapport.
Sfond għall-programm Ewropa Kreattiva
Ewropa Kreattiva hu l-programm qafas tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ għas-settur kulturali u dak kreattiv. Fl-2014, dan ġabar taħtu tliet programmi (MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus) biex joħloq strument komprensiv wieħed bl-għan li jsaħħaħ l-effiċjenza, jaħtaf l-opportunitajiet tal-bidla diġitali b’mod aktar effettiv u jindirizza l-frammentazzjoni tas-suq.
L-arkitettura tal-programm tagħraf l-eteroġenità tas-settur kulturali u dak kreattiv, il-pubbliku destinatarju differenti tagħhom u l-ħtieġa għal approċċi mfassla apposta. Din hi r-raġuni għaliex il-programm hu strutturat fuq żewġ subprogrammi indipendenti u fuq medda transettorjali.
Maħluq fl-1991 biex jakkumpanja d-Direttiva dwar it-Televiżjoni Mingħajr Fruntieri, is-Subprogramm MEDIA, li sar “MEDIA”, indirizzat lejn is-settur awdjoviżiv, irawwem il-ħolqien ta’ kontenut awdjoviżiv (films, sensiliet tat-TV, logħob vidjo) u l-aċċess għal dan mill-udjenzi Ewropej u globali, permezz tal-kanali ta’ distribuzzjoni kollha.
Is-subprogramm Kultura jkopri inizjattivi relatati mas-settur kulturali, bħal dawk li jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-pjattaformi, il-bini ta’ netwerks, u t-traduzzjoni letterarja;
Medda transettorjali, indirizzata lejn is-setturi kollha tal-kultura u tal-kreattività, li tinkludi Faċilità ta’ Garanzija, tappoġġa l-kooperazzjoni fil-politika transnazzjonali. Din il-medda tipprovdi wkoll appoġġ għad-Desks tal-Ewropa Kreattiva fil-pajjiżi parteċipanti kollha, biex dawn jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati
Il-Programm hu kumplimentari għal azzjonijiet f’livell nazzjonali fil-qasam tal-kultura u tas-settur awdjoviżiv, filwaqt li jirrifletti l-prijoritajiet tal-politika li l-UE qed issegwi fil-qasam tal-kultura u tal-kreattività.
Ewropa Kreattiva hu miftuħ għal organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal ċerti Stati li mhumiex membri tal-UE. Bħalissa, Ewropa Kreattiva jinkludi 33 pajjiż parteċipant, min-Norveġja sat-Tuneżija, mill-Ukrajna sar-reġjun tal-Balkani. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni f’MEDIA hi soġġetta għal allinjament mad-Direttiva 2010/13/UE (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva – AVMSD).
Il-programm hu stabbilit għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Dan ir-rapport ikopri l-meded kollha tal-programm (bl-eċċezzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li huma koperti minn evalwazzjonijiet separati) u l-ambitu ġeografiku sħiħ tiegħu matul l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tal-programm.
Sejbiet ewlenin tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni 2
L-iskop tal-evalwazzjoni hu li:
-Tivvaluta l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm, l-effiċjenza tal-programm u l-valur miżjud Ewropew tiegħu.
-Tindirizza l-koerenza interna u esterna tal-Programm, ir-rilevanza ssoktata tal-objettivi kollha tiegħu, u l-lok għal simplifikazzjoni.
-Tindirizza l-kontribuzzjoni ta' Ewropa Kreattiva għall-prijoritajiet tal-politika tal-UE.
-Tivvaluta l-impatt fit-tul tal-programmi predeċessuri.
F’konformità mal-linji gwida dwar Ir-regolamentazzjoni aħjar 3 , din il-valutazzjoni tindirizza r-rilevanza, il-koerenza, l-effikaċja, l-effiċjenza, is-sostenibbiltà u l-valur miżjud tal-UE tal-Programm.
Rilevanza
B’mod ġenerali, ir-raġunijiet tal-programm għal intervent u l-objettivi tiegħu għadhom rilevanti għall-prijoritajiet tal-politika tal-UE u għall-isfidi ewlenin tas-setturi kulturali u kreattivi, jiġifieri s-swieq frammentati, il-kompetizzjoni globali u t-tfixkil diġitali kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament.
Ewropa Kreattiva indirizza dawn l-isfidi u l-ħin kollu baqa’ jadatta l-appoġġ tiegħu f’kuntest ikkaratterizzat minn mudelli li jinbidlu tal-konsum għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji f’setturi li qed jittrasformaw lilhom infushom rapidament.
Madankollu, minkejja l-kisbiet pożittivi, għad hemm aktar xi jsir biex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet li tippreżenta l-bidla diġitali, b’kunsiderazzjoni tal-udjenza l-ġdida u l-mudelli tal-konsum u kif ix-xogħlijiet kulturali u kreattivi jsiru, jiġu prodotti, aċċessati u monetizzati fl-ekonomija diġitali.
MEDIA saħħaħ iċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tal-films u tal-produzzjonijiet awdjoviżivi Ewropej u fetaħ jew kabbar il-possibbiltajiet tal-aċċess għat-tali xogħlijiet Ewropej miċ-ċittadini Ewropej. Dan hu ferm rilevanti hekk kif anqas minn nofs l-1 500 film prodotti fl-Ewropa ta’ kull sena jimirħu lil hinn mit-territorju nazzjonali tagħhom. MEDIA appoġġa wkoll l-iżvilupp tax-xogħlijiet qabel il-produzzjoni biex tiżdied il-ġibda transfruntiera potenzjali tagħhom.
MEDIA adatta għal tendenzi ġodda tas-suq, inkluż permezz tal-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej online. Madankollu, kollaborazzjoni akbar fi ħdan il-katina ta’ valur u f’livell transfruntier tkun ta’ għajnuna għall-professjonisti biex jaħdmu flimkien bħala rispons għall-bidla diġitali u għall-globalizzazzjoni.
Is-subprogramm Kultura jinvesti fil-kultura biex jistimola l-koeżjoni soċjali, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni u fl-ibliet. L-iskemi taħt Ewropa Kreattiva għadhom rilevanti għall-objettiv ta’ preservazzjoni tal-wirt u tad-diversità kulturali fl-Ewropa kif ukoll għall-promozzjoni tal-kreattività artistika u tal-valuri Ewropej.
Taħt il-Medda transettorjali, il-Faċilità ta’ Garanzija twieġeb direttament għall-ħtiġijiet tal-SMEs kulturali u kreattivi, li jsibu diffikultajiet meta jiġu biex jaċċessaw self minħabba n-natura intanġibbli tal-assi tagħhom. Ir-rispons qawwi tas-suq għat-tnedija tiegħu fl-2016, bi tliet ftehimiet ta’ garanzija ffirmati f’Jannar 2017, juri r-rilevanza ta’ dan l-istrument għall-ħtiġijiet tas-suq. Fl-2017 diġà se jiġi pprovdut suppliment ta’ EUR 60 miljun (mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi), ekwivalenti għal 50% tal-baġit totali, biex isir skjerament aktar veloċi tal-appoġġ ta’ garanzija, jintlaħqu aktar pajjiżi u setturi u jissaħħaħ il-bilanċ ġeografiku u settorjali.
Koerenza
Ewropa Kreattiva jipprovdi sett ta’ azzjonijiet li jappoġġaw lis-setturi awdjoviżivi u kulturali u hu koerenti internament fi ħdan is-subprogrammi MEDIA u Kultura. Is-Subprogramm MEDIA jipprovdi kopertura koerenti tal-istadji differenti tal-katina ta’ valur; is-Subprogramm Kultura jipprovdi rispons prinċipalment koerenti lill-medda wiesgħa ta’ ħtiġijiet fi ħdan is-settur kulturali.
Il-koerenza tal-Ewropa Kreattiva inġenerali tista’ tittejjeb permezz ta’ appoġġ akbar għax-xogħol transettorjali taħt il-medda Transettorjali.
L-objettivi u l-prijoritajiet tal-Ewropa Kreattiva huma b’mod ġenerali koerenti u kumplimentari ma’ dawk tal-politiki u tal-programmi nazzjonali, u b’hekk jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Ewropa Kreattiva hu koerenti mal-objettivi tal-Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-inizjattiva emblematika tagħha, l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali mnedija fl-2015.
MEDIA kkontribwixxa għall-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (DSM). Billi jħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet tal-UE f’livell internazzjonali, MEDIA jappoġġa l-aċċess transfruntier tal-kontenut u jaqdi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sostenn li jakkumpanjaw ir-riforma fid-drittijiet tal-awtur. Dan jikkumplimenta wkoll ir-rekwiżiti ta’ promozzjoni u ta’ prominenza għax-xogħlijiet tal-UE, stabbiliti bil-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD).
L-impatt ta’ MEDIA jkun imsaħħaħ aktar permezz ta’ koerenza akbar mal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-films, li jipprovdu l-parti l-kbira tal-appoġġ lis-settur awdjoviżiv (madwar EUR 2 biljun fis-sena meta mqabbla ma’ madwar EUR 115-il miljun għal MEDIA). Għal dan l-għan, fl-2015 tnieda djalogu mal-European Film Agency Directors (EFADs) biex tiġi żviluppata viżjoni komuni u strateġika għall-industrija. Barra minn hekk, f’Lulju 2017 ġie stabbilit il-Metodu Miftuħ tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Esperti tal-Istati Membri dwar it-Titjib taċ-Ċirkolazzjoni tal-Films Ewropej.
Hemm koerenza qawwija bejn Ewropa Kreattiva u l-objettiv tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura ta’ promozzjoni tal-kultura bħala katalist għall-kreattività. Dan hu evidenzjat permezz tal-appoġġ mill-programm għall-bini ta’ kapaċità u għall-iżvilupp ta’ ħiliet għall-operaturi tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS). B’mod partikolari, il-bini ta’ kapaċità u l-iżvilupp tal-ħiliet huma inkorporati fi ħdan l-iskemi tas-subprogramm Kultura, b’mod partikolari fil-Proġetti u fin-Netwerks ta’ Kooperazzjoni.
Ewropa Kreattiva hu fil-parti l-kbira koerenti ma’ programmi internazzjonali oħra għas-settur kulturali, li primarjament jiġu minn trusts u minn fondazzjonijiet, li l-fondi tagħhom huma relattivament fuq skala żgħira u ad hoc. Is-subprogramm Kultura jikkumplimenta appoġġ internazzjonali ieħor billi jipprovdi livell komparattivament fuq skala kbira u konsistenti ta’ finanzjament għax-xogħol transnazzjonali.
Effikaċja
Ewropa Kreattiva kkontribwixxa b'mod konsiderevoli għall-objettiv tal-impjiegi tal-UE2020 u għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni attwali permezz ta': l-istimolar tal-investiment bl-għan li jinħolqu l-impjiegi; u suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa. Mill-2014 sal-2016, Ewropa Kreattiva alloka EUR 544 miljun f’finanzjament lil 2 580 entità fis-settur kulturali u dak kreattiv. Hu stmat li Ewropa Kreattiva ġġenera 3 000 impjieg tul il-perjodu.
MEDIA jipprovdi appoġġ mit-taħriġ u l-iżvilupp sad-distribuzzjoni u l-wiri. B’mod partikolari, dan sostna suq intern għal films Ewropej mhux nazzjonali, billi appoġġa d-distribuzzjoni transfruntiera ta’ aktar minn 400 film fis-sena, ekwivalenti għal 25% tal-produzzjoni annwali ta’ films fl-Ewropa. Il-films li rċivew appoġġ minn MEDIA għad-distribuzzjoni attendew għalihom aktar minn 65 miljun spettatur totali fis-sena 4 . Dan l-appoġġ għen ukoll biex tiżdied id-disponibbiltà tal-kontenut legali madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, in-netwerk ta’ Europa Cinema, l-akbar benefiċjarju individwali ta’ MEDIA, jiffoka fuq il-wiri ta’ films Ewropej mhux nazzjonali fi 33 pajjiż li, kieku, kienu jsibuha aktar diffiċli li jaqsmu l-fruntieri.
Madankollu, filwaqt li l-ispettaturi li attendew fis-swali taċ-ċinema fl-Ewropa żdiedu sa livelli rekord mill-2014 ’l hawn, l-udjenza ġenerali għall-films Ewropej ma żdiditx b’mod sinifikanti. B’hekk, il-films mill-Istati Uniti kienu raġuni wara t-tkabbir fin-numru ta’ spettaturi Ewropej 5 .
Barra minn hekk, is-servizzi Video On Demand (VOD) sostnuti mill-programm illum huma primarjament servizzi VOD nazzjonali b’katalogu rikk ta’ films Ewropej, li jinkludu dawk mhux nazzjonali, iżda b’udjenza limitata.
MEDIA jrid jaħdem aktar fuq in-naħa tad-domanda biex ilaqqa’ dawk il-films ma’ udjenzi akbar u b’mod partikolari mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, in-nattivi diġitali li jirrappreżentaw il-ġejjieni tas-swieq awdjoviżivi. Barra minn hekk, MEDIA kiber fil-kamp ta’ applikazzjoni tul is-snin mingħajr żieda ekwivalenti fil-baġit u, għaldaqstant, il-finanzjament ikopri lil ħafna benefiċjarji bi ftit wisq. Bħalissa hemm 14-il skema li jindirizzaw segmenti differenti tal-industrija awdjoviżiva. Dan isejjaħ għal enfasi kbira fuq l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ espansjoni u għat-trawwim tal-kollaborazzjoni fl-industrija madwar l-Ewropa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ suq diġitali aktar miftuħ u kompetittiv.
Is-subprogramm Kultura jagħti appoġġ lil ħafna mis-subsetturi b’mod ibbilanċjat, iżda hemm tħassib dwar il-prijoritizzazzjoni tal-objettivi ekonomiċi fuq kunsiderazzjonijiet artistiċi u soċjali. Id-daqs medju tal-proġetti appoġġati kiber b’aktar mid-doppju, in-numru ta’ operaturi naqas b’terz filwaqt li żdiedet l-orjentazzjoni tal-programm lejn il-kompetittività. Is-Subprogramm xorta waħda rnexxielu jattira firxa ta’ setturi kulturali differenti, li jinkludu dawk b’dimensjoni industrijali sinifikanti u dawk mingħajr. Finalment, l-attivitajiet sostnuti mill-programmi tal-Kultura jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ “spazju kulturali Ewropew” u b’hekk għenu fil-promozzjoni tad-diversità kulturali.
Taħt il-medda Transettorjali, il-Faċilità ta’ Garanzija tnediet malli l-baġit sar disponibbli fl-2016. Il-Kummissjoni ssupplimentat il-baġit tagħha b’50%, bl-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, bħala tweġiba għal rispons qawwi tas-suq. Lil hinn mill-Faċilità ta’ Garanzija, il-baġit limitat tal-medda transettorjali rrestrinġa l-kapaċità li jiġu żviluppati aktar attivitajiet transettorjali fil-prattika.
Effiċjenza
Fid-dawl tad-daqs enormi u tal-medda tas-setturi awdjoviżivi u kulturali fil-livell Ewropew u taż-żoni ġeografiċi koperti mill-programmi evalwati, il-baġit tal-Ewropa Kreattiva mhuwiex biżżejjed biex iħalli impatt qawwi fuq skala Ewropea u /jew fil-livell settorjali.
Il-kosteffettività tal-programmi kienet sodisfaċenti u tjiebet b’mod ġenerali minn perjodu ta’ programmazzjoni għal ieħor. L-effiċjenza ta’ ħafna mill-iskemi tjiebet jew baqgħet stabbli. Ir-rata ta’ suċċess naqset minn perjodu ta’ programmazzjoni għal ieħor, u dan it-tnaqqis jirrifletti l-fatt li l-iskemi mhumiex iffinanzjati biżżejjed meta mqabbla mal-interess potenzjali li jiġġeneraw; numru kbir ta’ applikazzjonijiet tajbin jiġu rrifjutati.
Għal MEDIA, sar titjib sinifikanti fl-effiċjenza permezz tal-Applikazzjonijiet elettroniċi, bl-introduzzjoni ta’ pagamenti ta’ Somma f’Daqqa għal tliet skemi (festivals, żvilupp u distribuzzjoni) u permezz tal-ġbir tal-għotjiet f’kuntratt wieħed. Madankollu, it-tkabbir fin-numru ta’ tranżazzjonijiet żgħar joħloq spejjeż ġenerali amministrattivi.
L-effiċjenza tal-iskemi taħt is-subprogramm Kultura kienet b’mod ġenerali ogħla minn dik taħt il-programmi predeċessuri. Iż-żieda fl-ispejjeż għal kull proġett normalment kienet ikkumpensata jew permezz ta’ livell ogħla ta’ outputs u/jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal livelli ogħla ta’ eżiti u/jew ta’ impatti. Pereżempju, il-“pjattaformi” kienu kosteffettivi speċjalment peress li kienu modi relattivament diretti ta’ lħiq tal-artisti u l-“proġetti ta’ traduzzjoni letterarja” pprovdew aktar traduzzjonijiet minn dawk sostnuti taħt il-programm predeċessur.
Taħt il-medda Transettorjali, l-akbar azzjoni kienet il-Faċilità ta’ Garanzija u din ġiet implimentata b’mod effiċjenti ħafna wara t-tnedija tagħha f’nofs l-2016. Il-progress fl-implimentazzjoni qabeż l-aspettattivi hekk kif fl-2017 ġew iffirmati tmien Ftehimiet ta’ Garanzija f’sitt territorji filwaqt li l-mira għall-2020 kienet tipprevedi 10 Ftehimiet ta’ Garanzija fi tmien territorji.
Il-Kummissjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) issorveljaw l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ u l-eżekuzzjoni tal-outputs. Minkejja dan, ma kienx hemm analiżi u rapportar sistematiċi tar-riżultati u tal-impatti miksuba fil-livell tal-programm. Dan hu parzjalment dovut għal enfasi fuq l-implimentazzjoni fl-ewwel fażi tal-Programm u parzjalment dovut għan-nuqqas ta’ indikaturi tal-prestazzjoni robusti biżżejjed u marbuta mal-attivitajiet tal-Programm. Dan iwassal għal dokumentazzjoni aktar dgħajfa dwar il-kisbiet tal-programm u jxekkel l-evalwazzjoni tar-riżultati.
Sostenibbiltà
Is-sostenibbiltà tar-riżultati hi bbażata primarjament fl-issoktar tas-sħubijiet mibdija taħt Ewropa Kreattiva u l-programmi predeċessuri. Kemm taħt MEDIA kif ukoll taħt Kultura, il-kollaborazzjoni bejn is-sħab tal-proġetti titkompla f’xi forma wara ċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti. Taħt MEDIA, is-sostenibbiltà tinsab ukoll fl-intenzjoni u fil-ħila tal-organizzazzjonijiet li jkomplu jikkollaboraw, jiġifieri interess sostnut fil-(ko)produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tax-xogħlijiet b’dimensjoni Ewropea.
Is-sostenibbiltà tal-impatti timmaterjalizza permezz tal-iskambju tat-tagħlim matul l-implimentazzjoni tal-proġetti u permezz tad-disseminazzjoni tat-tali tagħlim. Min-naħa tagħha, din twassal għal professjonalizzazzjoni tas-settur permezz ta’ kapaċità akbar ta’ ħidma f’livell internazzjonali u permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi ġodda jew permezz tal-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti fi ħdan is-settur. Dan kien il-każ fi ħdan il-programmi iżda b’mod partikolari għas-Subprogramm Kultura u għall-programm predeċessur.
Valur miżjud tal-UE
Ewropa Kreattiva ġab valur miżjud tal-UE, b’mod partikolari billi ffoka fuq il-kooperazzjoni transnazzjonali filwaqt li bena fuq programmi nazzjonali ta’ appoġġ. Huma biss ftit il-fondi internazzjonali li jappoġġaw il-kooperazzjoni transnazzjonali u dawk li jagħmlu dan huma fuq skala ferm iżgħar. Ħafna mill-attivitajiet appoġġati kienu jitnaqqsu b’mod sinifikanti fl-ambitu u fid-daqs jew ma kinux iseħħu, mingħajr il-finanzjament ipprovdut minn Ewropa Kreattiva u mill-programmi predeċessuri.
MEDIA għen biex jinġabru flimkien atturi differenti minn Stati Membri differenti, b’tali mod li jinħoloq valur għas-settur awdjoviżiv sħiħ. Netwerks transnazzjonali speċjalizzati, bħal Europa Distribution jew Europa International, ippermettew lid-distributuri u lill-aġenti tal-bejgħ rispettivament, jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jiddistribwixxu xogħlijiet Ewropej. Bis-saħħa tal-appoġġ ta’ MEDIA, numru sinifikanti ta’ xogħlijiet Ewropej qasmu l-fruntieri u tgawdew lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, u b’hekk ikkontribwixxa għall-promozzjoni tad-diversità tal-kultura Ewropea. MEDIA kkontribwixxa wkoll għall-kisba tal-objettiv ta’ DSM ta’ aċċess akbar għall-kontenut online. Fl-istess ħin, hemm lok għal titjib ulterjuri taċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej permezz ta’ proċess tal-għażla, ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni aħjar tax-xogħlijiet Ewropej.
L-ebda żewġ pajjiżi ma jaffaċċjaw l-istess sfidi biex jiżviluppaw l-industriji awdjoviżivi tagħhom. Għaldaqstant, MEDIA stinka wkoll biex jindirizza l-kwistjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn pajjiżi b’kapaċitajiet differenti, permezz ta’ numru ta’ miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva, favur pajjiżi b’kapaċità awdjoviżiva baxxa u dan wessa’ l-parteċipazzjoni ta’ professjonisti minn madwar l-Unjoni.
Għal Kultura, l-attivitajiet iffinanzjati huma inkorporati anqas fil-fond fi proċessi eżistenti, għad li dawn ġeneralment jistgħu jiġu allinjati mill-qrib mal-attivitajiet ġenerali tal-organizzazzjoni. L-attivitajiet, fil-biċċa l-kbira tagħhom, x'aktarx li ma kinux iseħħu mingħajr il-finanzjament tal-UE.
Taħt il-medda Transettorjali, il-Faċilità ta’ Garanzija hi mistennija jkollha effett ta’ ingranaġġ ta’ 6, li hu mod ferm effettiv ta’ kif jiżdied l-aċċess għall-finanzjament. Minn baġit inizjali ta’ EUR 121 miljun, huma mistennija jingħaddew aktar minn EUR 700 miljun f’self lill-SMEs u lill-operaturi kulturali madwar l-Ewropa.
Rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni esterna u azzjonijiet proposti tal-Kummissjoni
Rilevanza
Is-suċċess ta’ Ewropa Kreattiva, fil-parti l-kbira tiegħu, ser ikun ibbażat fuq il-kapaċità li kontenut kulturalment divers jitlaqqa’ mal-udjenzi. Għaldaqstant, l-istudju estern saħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-enfasi fuq l-udjenzi.
Il-kultura Ewropea trid tilqa’ r-rivoluzzjoni diġitali biex iżżomm id-diversità tagħha iżda toħloq ukoll kontenut ta’ kwalità li jista’ jivvjaġġa madwar id-dinja. Tabilħaqq, l-evalwazzjoni wriet il-ħtieġa li jsir adattament għall-kuntest li qed jinbidel. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tixpruna ċirku virtuż ta’ aċċess akbar għal xogħlijiet kulturali u kreattivi, ta’ intraprenditorija u ta’ opportunitajiet ġodda ta’ investiment.
Fil-kuntest tal-attivitajiet annwali tagħha ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni se tirrapporta fuq il-mod li bih il-programm qed jisfrutta l-opportunitajiet offruti mit-trasformazzjoni diġitali, mill-ħolqien ta’ kontenut ta’ valur għoli sa kanali ta’ distribuzzjoni ġodda.
L-evalwazzjoni tindika l-ħtieġa li fi programm suċċessur MEDIA jirfina l-enfasi tal-appoġġ tiegħu fuq kontenut li għandu l-potenzjal li jaqsam il-fruntieri. MEDIA tal-futur jista’ jagħti prijorità lill-iżvilupp u lil koproduzzjonijiet b’potenzjal ta’ suċċess transfruntier. Hekk kif is-settur awdjoviżiv ikompli jinbidel, l-esperimentazzjoni b’tipi ġodda ta’ rakkontar tal-istejjer tista’ tiġi appoġġata fil-livell Ewropew ukoll.
Id-distribuzzjoni u l-promozzjoni se jkollhom rwol strateġiku fil-ħolqien ta’ konnessjoni mal-udjenzi. Il-kontenut irid jitqiegħed għad-dispożizzjoni fejn tinsab l-udjenza, pereżempju permezz ta’ possibbiltajiet akbar ta’ aċċess online. Għaldaqstant, wara l-2020 MEDIA jista’ jikkunsidra mudelli innovattivi għall-promozzjoni u għad-distribuzzjoni tal-kontenut li jiġbru flimkien lill-awturi, lill-produtturi, lill-aġenti tal-bejgħ, lid-distributuri u lis-servizzi tal-pjattaforma. Barra minn hek, l-appoġġ minn MEDIA għad-distribuzzjoni online jista’ jsir aktar strateġiku. Pereżempju, l-atturi bl-ambizzjoni li jespandu jistgħu jitħeġġu jikkollaboraw u jiżviluppaw strateġiji transfruntiera ġenwini u mudelli tan-negozju li jippermettulhom jikkompetu ma’ pjattaformi globali.
Mill-2018-2020, il-Kummissjoni se tniedi djalogu dwar il-kontenut, b’mod partikolari biex tara kif l-appoġġ għat-televiżjoni jista’ jsir aktar effettiv fid-dawl tal-formats awdjoviżivi li qed jinbidlu (sensiliet tat-TV, online, transmidja). Il-Kummissjoni se tniedi djalogu dwar kif tappoġġa l-aħjar il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni wkoll. F'dan il-kuntest se tniedi sperimentazzjoni pilota fuq skala żgħira billi tuża l-big data biex tlaqqa’ l-kontenut mal-udjenzi.
Anki jekk is-Subprogramm Kultura qed juri li hu rilevanti fl-għoti ta’ appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ bini ta’ kapaċità tal-organizzazzjonijiet kultrali u fil-kontribuzzjoni favur id-diversità kulturali fl-Ewropa, hemm bżonn li tingħata kunsiderazzjoni aħjar lill-ambizzjonijiet ta’ operaturi kulturali żgħar. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-operaturi żgħar għandhomx aċċess għal appoġġ finanzjarju li jilħaq l-ambizzjonijiet ta’ espansjoni lil hinn mis-swieq nazzjonali tagħhom. Fl-istess ħin, din se tikkunsidra jekk id-distinzjoni bejn proġetti żgħar u kbar ta’ kooperazzjoni hix rilevanti għall-iżvilupp u għat-tkabbir tal-operaturi kulturali.
Filwaqt li l-proġetti ffinanzjati minn Netwerks Ewropej potenzjalment jiġġeneraw effetti pożittivi, id-disinn inizjali tagħhom ma tax lill-benefiċjarji l-flessibbiltà li jixtiequ biex jadattaw l-attivitajiet tagħhom għal evoluzzjonijiet usa’ fis-setturi jew fis-suq. Anki jekk aspetti ġodda u aġġustamenti simili oħra jistgħu jiġu akkomodati fuq il-bażi tal-programmi ta’ ħidma li jissottomettu annwalment. Għaldaqstant, hu neċessarju li: - il-benefiċjarji tan-Netwerks Ewropej jitħallew jimmodifikaw aspetti tal-attivitajiet tal-proġetti tagħhom bħala rispons għal tendenzi teknoloġiċi jew tas-suq ġodda; - tiġi żgurata rilevanza tematika ssoktata għall-Proġetti ta’ Kooperazzjoni billi l-benefiċjarji jitħallew ibiddlu jew jimmodifikaw l-attivitajiet tagħhom aktar faċilment.
Minkejja r-rilevanza ġenerali tal-iskema tat-Traduzzjoni Letterarja, hemm bżonn li din tappoġġa aktar id-diversità lingwistika billi tħeġġeġ it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji mill-pajjiżi iżgħar għall-Ingliż, għall-Franċiż, għall-Ġermaniż u għall-Ispanjol; u billi tikkunsidra rikonoxximent aħjar għal ġeneri iżgħar bħall-kotba tat-tfal, ir-reċti u l-poeżija.
Fir-rigward tal-Medda Transettorjali, il-programm suċċessur se jibni fuq l-esperjenza u l-fehim miksubin bil-Faċilità ta’ Garanzija dwar il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-operaturi u tal-kumpaniji kulturali. L-esperjenza turi li l-istrumenti finanzjarji jiksbu ingranaġġ ta’ investiment privat fil-proġetti billi jaqsmu l-piż tar-riskju u jżidu l-potenzjal tas-suq tagħhom. Tista’ tiġi kkunsidrata firxa ta’ strumenti, li tħallat il-finanzjament pubbliku u privat u li tinkludi strument ta’ ekwità għal proġetti akbar aktar riskjużi.
Fil-perjodu sal-2020, l-inizjattiva emblematika tal-Faċilità ta’ Garanzija se twieġeb għal domanda b’saħħitha fis-suq billi tfittex li tilħaq Ftehimiet addizzjonali ta’ Garanzija sal-limitu massimu tas-suppliment ipprovdut mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Din se twessa’ l-parteċipazzjoni ġeografika tal-intermedjarji finanzjarji fl-għoti ta’ self lis-settur kulturali u lil dak kreattiv.
Anki tipi oħra ta’ proġetti transettorjali jridu jingħataw spinta. Il-Kummissjoni se timmira li żżid il-kollaborazzjoni u s-sinerġiji fl-implimentazzjoni ta’ proġetti u ta’ azzjonijiet transettorjali, pereżempju, il-Proġetti ta’ Integrazzjoni tar-Refuġjati u l-Moduli għal-Lawrji Master fl-Arti u fix-Xjenzi.
Koerenza
Ser jitwettqu sforzi ulterjuri biex tissaħħaħ il-koerenza ta’ Ewropa Kreattiva mal-objettivi tal-politika tal-UE bħall-Aġenda Ewropea għall-Kultura u l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali bl-“inkorporazzjoni” tat-tali objettivi tal-politika fil-programm.
Il-programm Ewropa Kreattiva jikkumplimenta programmi ta’ finanzjament oħra tal-UE, b’mod partikolari Erasmus +, H2020 kif ukoll programmi fl-oqsma tal-migrazzjoni u taċ-ċittadinanza. Biex tindirizza l-ħtieġa għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet kumplimentari minn sorzi ta’ finanzjament oħra tal-UE, il-Kummissjoni se tikkunsidra kwalunkwe soluzzjoni inkluża l-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb biex issaħħaħ l-għarfien fost il-partijiet ikkonċernati dwar in-negozju ġenerali disponibbli u l-appoġġ ekonomiku kif ukoll il-finanzjament għall-kultura f’kuntesti differenti (eż. l-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka, l-infrastruttura).
Biex tissaħħaħ il-koerenza mas-sors internazzjonali u nazzjonali u ta’ finanzjament, il-Kummissjoni se taqsam aktar informazzjoni mal-korpi settorjali mill-Istati Membri biex trawwem l-allinjament ma’ Ewropa Kreattiva. Id-djalogu mal-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ finanzajment bħal pereżempju EURIMAGES jista’ jiġi promoss biex tiġi ffaċilitata l-kumplimentarjetà.
MEDIA se jkompli jakkumpanja l-isforzi biex tissaħħaħ id-disponibbiltà tal-kontenut Ewropew online, kif previst fil-qafas riformat tad-drittijiet tal-awtur. Se jappoġġa l-promozzjoni msaħħa tax-xogħlijiet Ewropej prevista mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.
Fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fondi tal-Istati Membri, se jiġu żgurati koerenza, allinjament u kumplimentarjetà akbar ma’ MEDIA. Għal dan l-għan, MEDIA jista’ jagħti appoġġ għad-djalogu dwar il-politika li jrawwem kooperazzjoni u sinerġiji fost l-Istati Membri favur il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE fil-qasam.
Sadanittant, fl-2018 id-djalogu se jitmexxa mal-Assoċjazzjoni European Film Agency Directors (EFAD). Sa tmiem l-2018, il-Metodu Miftuħ tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej li jiġbor rappreżentanti tal-Istati Membri se jipprovdi ideat siewja dwar iċ-ċirkolazzjoni u l-promozzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet Ewropej kif ukoll dwar il-kumplimentarjetà bejn il-finanzjament nazzjonali u dak tal-UE.
Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati awdjoviżivi matul il-Forum dwar il-Films Ewropej. Il-konklużjonijiet ewlenin minn dan id-djalogu se jiġu prodotti kull sentejn. Barra minn hekk, l-istudji u l-analiżi tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew se jintużaw b’mod aktar sistematiku għat-tfassil tal-politiki u għat-tmexxija tal-implimentazzjoni ta’ MEDIA.
Effikaċja
Ewropa Kreattiva se jindirizza b’mod ibbilanċjat iż-żewġ objettivi ġenerali tal-programm, jiġifieri d-diversità kulturali u l-kompetittività, filwaqt li jqis id-dimensjoni b’diversi lati tal-programm kif ukoll l-objettivi kulturali, soċjali u ekonomiċi tiegħu.
L-evalwazzjoni turi li l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni jistgħu jkunu sostnuti b’mod aktar effettiv biex jagħtu spinta lil forom innovattivi ta’ kollaborazzjoni u lil proġetti trażversali bejn setturi kreattivi (eż. il-films u l-moda, l-arkitettura u r-realtà virtwali) biex tiġi sfruttata l-bidla diġitali.
Rigward MEDIA, fil-programm suċċessur tiegħu l-flessibbiltà tista’ tissaħħaħ biex ikun jista’ jsir adattament veloċi għall-ħtiġijiet emerġenti filwaqt li fl-istess ħin iż-żieda tal-enfasi fuq numru limitat ta’ azzjonijiet u fuq prijoritajiet ewlenin se tinċentiva l-kollaborazzjoni biex jingħelbu silos tal-industrija.
Sadanittant, fil-perjodu 2018-20, MEDIA se jappoġġa ulterjorment l-espansjoni ta’ kumpaniji awdjoviżivi billi jippromwovi mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni u strateġiji konġunti ta’ distribuzzjoni u billi jirrieżamina l-iskema ta’ distribuzzjoni selettiva biex tiġi inċentivata kollaborazzjoni aktar sostnuta f’livell transfruntier.
Wara l-adozzjoni mill-industrija fl-2017 tal-Pjan Ewropew għall-Animazzjoni, il-Kummissjoni se tgħin fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati biex tespandi l-Industrija Ewropea tal-Animazzjoni, settur li għandu potenzjal tajjeb li jiżviluppa u jikkompeti f’livell internazzjonali.
Effiċjenza
Taħt il-programm suċċessur, il-MEDIA futur u Music Moves Europe jaf ifittxu modi kif jippremjaw ir-riżultati tajbin u s-suċċess.
L-evalwazzjoni indikat il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas komprensiv ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni li jikkonsisti f’sett ta’ indikaturi li huma marbuta mill-qrib mal-objettivi tal-programm, kemm f’termini tal-outputs u tal-benefiċċji għall-benefiċjarji kif ukoll tal-impatti kulturali, ekonomiċi u soċjali usa’ u aktar fit-tul.
Sadanittant, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipproponu t-tisħiħ tas-sistemi, tal-proċessi u tal-indikaturi tal-qafas ta’ monitoraġġ għall-Programm Ewropa Kreattiva matul l-2018. Dawn se jadottaw indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi supplimentari tal-prestazzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar Ewropa Kreattiva (Att Delegat). Il-Kummissjoni se tindirizza l-isfidi assoċjati mal-qafas kurrenti ta’ monitoraġġ, jiġifieri n-natura tal-indikaturi u d-dejta li bħalissa qed jiġu rrapportati u r-rwoli u r-responsabbiltajiet relatati mal-monitoraġġ tal-Programm.
Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ applikazzjoni ser ikomplu jiġu ssimplifikati u se tiġi żgurata informazzjoni puntwali lill-benefiċjarji dwar ir-riżultati tal-għażla. Għal MEDIA, is-sistema ta’ somom f’daqqa se tiġi ssorveljata biex jiġi żgurat allinjament mal-evoluzzjoni tal-ispejjeż reali fis-settur, u b’hekk tkompli tipprovdi appoġġ b’għotjiet simplifikat u aktar veloċi. L-implimentazzjoni ta’ MEDIA se tiġi ssimplifikata, pereżempju, billi jinġabru fi gruppi l-benefiċjajri u jitnaqqas in-numru ta’ kuntratti ta’ għotjiet u ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament sottostanti. B’mod partikolari fl-iskemi ta’ Distribuzzjoni, li jirrappreżentaw 30 % tal-baġit ta’ MEDIA, hemm il-ħsieb li t-tranżazzjonijiet jitnaqqsu bi 30 % biex b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż ġenerali amministrattivi.
Sostenibbiltà
Ewropa Kreattiva tilħaq liċ-ċittadini permezz tax-xogħlijiet u tal-attivitajiet appoġġati, filwaqt li tarrikkixxi l-identitajiet Ewropej tagħhom. Madankollu, iċ-ċittadini mhux dejjem ikunu konxji mir-rwol li jaqdi Ewropa Kreattiva. Billi jibni fuq l-esperjenzi riċenti, bħall-kompetizzjonijiet online, il-komunikazzjoni permezz tal-midja soċjali se tiżdied biex il-Programm jilħaq udjenzi akbar. Fil-prattika, il-Kummissjoni se torganizza konferenzi u avvenimenti ta’ wiri biex ixxerred ir-riżultati, b’enfasi fuq kwistjonijiet u kollaborazzjoni transettorjali.
Id-Desks ta’ Ewropa Kreattiva se jitħeġġu jiżviluppaw ir-rwol tagħhom, billi jaqsmu stejjer ta’ suċċess mhux biss minn pajjiżhom stess iżda fil-livell pan-Ewropew, biex iżidu l-viżibbiltà tal-koproduzzjonijiet u tal-istrateġiji kollaborattivi ta’ distribuzzjoni.
Peress li l-proġetti appoġġati minn Ewropea Kreattiva potenzjalment jilħqu udjenzi kbar u jippreżentaw potenzjal tajjeb ta’ komunikazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini, il-Kummissjoni se ssaħħaħ u tissorvelja mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti xierqa ta’ viżibbiltà. Il-Kummissjoni se tkompli turi wkoll l-istejjer ta’ suċċess u tipprovdi lill-benefiċjarji b’għodod u b’linji gwida xierqa biex ikunu jistgħu jaqsmu l-istejjer tagħhom online.
Ix-xogħlijiet kreattivi u kulturali appoġġati minn Ewropa Kreattiva jikkostitwixxu portafoll ta’ kontenut b’dimensjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati għarfu li hemm potenzjal għal sfruttament akbar tal-outputs tal-programm. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kriterju ta’ għotja ġdid biex tiżviluppa pjan ta’ użu sostenibbli tal-outputs tal-proġetti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li jitwaqqfu mekkaniżmi ġodda biex jiġi żgurat l-użu tal-outputs tal-proġetti fis-Subprogramm Kultura.
Valur miżjud tal-UE
Biex tikkapitalizza fuq is-sħubijiet u fuq in-netwerks eżsitenti, il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda, eż. bejn pajjiżi b’kapaċità għolja u baxxa.
Rigward MEDIA, il-Kummissjoni daħlet f’diskussjoni estensiva mal-Istati Membri dwar kif jistgħu jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi bejn il-pajjiżi b’kapaċità awdjoviżiva differenti filwaqt li jiġi żgurat li l-kriterju ta’ għażla globali jibqa’ l-eċċellenza tal-proġetti. Għaldaqstant, fil-programm suċċessur se tiġi żviluppata definizzjoni ġdida ta’ “kapaċità” bbażata fuq sett ta’ indikaturi miżurabbli.
L-iżviluppi riċenti juru l-importanza tal-kreattività u tal-kultura fis-sostenn ta’ demokraziji f’saħħithom, tad-diversità u ta’ sens kondiviż ta’ identità Ewropea. Il-kultura għandha rwol uniku fit-tisħiħ tal-għarfien dwar l-isfidi soċjali komuni u, permezz ta’ rakkontar tajjeb tal-istejjer, tista’ tiġbor lin-nies flimkien minn madwar l-Ewropa. Ewropa Kreattiva għandu potenzjal b’saħħtu li però għadu mhuwiex sfruttat biex jappoġġa forom ġodda ta’ involviment taċ-ċittadini f’livell transfruntier li għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ.
Il-programm suċċessur jista’ jkollu rwol siewi fit-tweġib għall-populiżmu billi jsaħħaħ id-diversità kulturali u jżid it-tolleranza u l-fehim reċiproku. Għaldaqstant, il-programm se jintensifika d-dimensjoni taċ-ċittadini tal-attivitajiet tiegħu.
Mill-istudju “Boosting the competitiveness of cultural and creative industries for growth and jobs” ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2016 u prodott mill-Istitut Awstrijak għall-SMEs/VVA Europe, bl-użu ta’ dejta sal-2013. L-istudju “Creating growth”, ippubblikat minn Ernst and Young fl-2014, jagħti stima li, fl-2012, is-CCIs kellhom dħul ta’ EUR 536 biljun, ikkontribwew għal 4,2 % tal-PDG, u pprovdew impjieg lil 7 miljun ruħ jew 3,3% tal-popolazzjoni attiva. Hemm nuqqas ta’ statistiki komparabbli dwar is-setturi kulturali u kreattivi fil-livell Ewropew.
Dawn is-sejbiet huma rrapportati fl-SWD (2018) 159
https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt
Esklużi l-ispettaturi li attendew fis-suq nazzjonali.
Fl-2016, il-films tal-Istati Uniti kellhom sehem mis-suq ta’ 67,4% fil-box office tal-Ewropa