Brussell, 26.4.2018

COM(2018) 244 final

2018/0115(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Kooperazzjoni Msaħħa kontra l-Mard li jista’ jiġi Evitat bit-Tilqim

{SWD(2018) 149 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

It-tilqim huwa wieħed mill-ikbar suċċessi tal-mediċina. Il-tilqim isalva l-ħajjiet, jipproteġi s-soċjetajiet tagħna, inaqqas il-mard u jikkontribwixxi għal stennija tal-ħajja itwal. Qabel ma kien jeżisti t-tilqim, ħafna tfal kienu jmutu żgħar, jew isiru magħtuba b’mod permanenti. It-tilqim wassal għall-eradikazzjoni tal-ġidri, kważi elimina l-poljo u laqa' ħafna mwiet minn mard ieħor bħall-ħosba, id-difterite u l-meninġite.

Kull sena, madwar id-dinja, it-tilqim jilqa' milli 2,7 miljun persuna taqbadhom il-ħosba, milli 2 miljun persuna jieħdu t-tetnu tat-twelid, u milli 1 miljun persuna taqbadhom il-pertussis. Fl-Ewropa, it-tilqim kontra l-influwenza staġjonali jilqa' milli madwar 2 miljun persuna taqbadhom l-influwenza kull sena.

Madankollu, kif intqal fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker tat-13 ta’ Settembru 2017, illum il-ġurnata, fl-Unjoni Ewropea, għadhom qegħdin imutu tfal minn mard bħall-ħosba li jista’ jiġi evitat faċilment permezz tat-tilqima. Dan mhuwiex aċċettabbli.

Il-programmi tat-tilqim saru dejjem aktar fraġli; minħabba t-teħid baxx tat-tilqim, l-eżitazzjoni għat-tilqim, l-ispiża dejjem ikbar ta’ tilqim ġdid u l-iskarsezzi fil-produzzjoni u l-provvista tat-tilqim fl-Ewropa.

Din il-proposta hija sejħa għal azzjoni konġunta sabiex tiżdied il-kopertura tat-tilqim u sabiex jiġi żgurat li fl-Unjoni Ewropea, kulħadd ikollu aċċess għat-tilqim billi jitneħħew l-inugwaljanzi u n-nuqqasijiet fl-immunizzazzjoni. Id-domandi u d-dubji ġenwini dwar it-tilqim, espressi miċ-ċittadini madwar l-Ewropa, jindikaw il-bżonn urġenti li l-Istati Membri u l-komunità tas-saħħa jirrikonoxxuhom u jindirizzawhom kif xieraq. Din il-proposta hija sforz miftiehem sabiex dan it-tħassib jiġi indirizzat.

Diversi Stati Membri tal-UE u pajjiżi ġirien bħalissa qed jiffaċċjaw tifqigħat mingħajr preċedent ta’ mard li jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim, minħabba kopertura insuffiċjenti ta’ tilqim. Fl-2017 biss, fl-UE aktar minn 14,000 persuna qabdithom il-ħosba - tliet darbiet iktar min-numru rappurtat fl-2016. Fl-aħħar sentejn, mietu 50 persuna bil-ħosba u tnejn bid-difterite. L-Ewropa mhix qiegħda telimina l-ħosba f’konformità mal-miri miftiehma tad-WHO.

Ir-riskju ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-vajrus tal-poljo fl-UE jippersisti, u jpoġġi l-istatus tal-Unjoni mingħajr poljo f’riskju. Ir-rati ta’ kopertura tat-tilqim kontra l-influwenza staġjonali jibqgħu b’mod sinifikanti taħt il-mira ta’ kopertura ta’ 75 % għal gruppi ta’ età aktar anzjana stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar it-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun. Fil-fatt, il-kopertura tat-tilqim kontra l-influwenza staġjonali fil-gruppi ta’ età aktar anzjana naqset fl-aħħar ftit snin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE.

Għalkemm il-programmi nazzjonali tat-tilqim huma ppjanati, organizzati u mmexxija b’mod differenti fl-Istati Membri kollha, il-pajjiżi kollha tal-UE qed jaffrontaw dawn l-isfidi komuni: kopertura li qed tonqos, skarsezzi ta’ forniment u eżitazzjoni għat-tilqim li qiegħda tikber.

Hemm diversi motivaturi li jikkontribwixxu għal livelli baxxi ta’ kopertura tat-tilqim u nuqqasijiet ta’ immunizzazzjoni evitabbli permezz ta’ prevenzjoni:

Eżitazzjoni għat-tilqim u fiduċja li qed tonqos. Ideat żbaljati dwar it-tilqim neħħew l-attenzjoni tal-pubbliku mill-benefiċċji tat-tilqim, u tefgħuha fuq in-nuqqas ta’ fiduċja fix-xjenza u biża’ minn effetti sekondarji potenzjali. Hemm bosta fatturi involuti f’din iż-żieda ta’ retiċenza: nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u, f’xi każijiet, nuqqas ta’ fiduċja fil-fornituri tal-informazzjoni disponibbli; aċċettazzjoni aktar baxxa ta’ kwalunkwe riskji potenzjali assoċjati ma’ tilqim mogħti lil persuni b’saħħithom (b’mod partikolari tfal); nuqqas ta’ fehim tal-benefiċċji individwali mqabbla mal-benefiċċji fil-komunità tat-tilqim; u kontroversji tal-midja dwar is-sikurezza tat-tilqim ikkawżati minn informazzjoni ħażina. Peress li l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim naqas bis-saħħa tat-tilqim ta’ rutina fil-passat, iċ-ċittadini mhumiex konxji biżżejjed tar-rwol vitali tat-tilqim sabiex jiġu salvati l-ħajjiet u r-riskji tan-nuqqas ta’ tilqim.

Il-politiki u l-programmi tat-tilqim ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi rigward l-għażla tat-tilqim, it-tip ta’ tilqim użat, in-numru ta’ dożi amministrati, u ż-żmien meta jingħataw. Din id-differenza bejn l-Istati Membri ħafna drabi hija dovuta għal fatturi soċjali, ekonomiċi jew storiċi, jew sempliċement minħabba kif is-sistema tal-kura tas-saħħa hija organizzata fil-livell nazzjonali. Madankollu, differenzi bħal dawn bejn il-pajjiżi wasslu għal żieda fil-perċezzjoni ta’ opinjonijiet differenti fuq it-tilqim innifsu, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għal livelli dejjem akbar ta’ eżitazzjoni għat-tilqim. It-tixrid rapidu ta’ informazzjoni ħażina permezz tal-media online u ta’ dawk li jiċħdu t-tilqim b’mod vokali kkawża wkoll ideat żbaljati. Barra minn hekk, minħabba differenzi bħal dawn fl-iskedi nazzjonali tat-tilqim, iċ-ċittadini li jgħixu f’numru ta’ Stati Membri tal-UE matul ħajjithom isibu diffikultà sabiex jifhmu liema tilqima għandhom jieħdu u meta għandom jeħduha. Dan jista’ jwassal biex it-tfal ma jeħdux it-tilqim kollu li jkollhom bżonn.

Numru ta’ pajjiżi qed jiffaċċjaw ukoll skarsezzi ta’ tilqim minħabba kwistjonijiet ta’ provvista kif ukoll ta’ domanda. Hemm diżinvestiment tal-industrija fit-tilqim fl-UE, allegatament minħabba domanda frammentata u parzjalment imprevedibbli. Barra minn hekk, hemm diffikultajiet legali fit-tqassim tat-tilqim bejn il-fruntieri f’każ ta’ kriżi. Fl-istess ħin, il-kapaċità tal-produzzjoni hija limitata b’perjodi twal ta’ implimentazzjoni; il-proċessi ta’ akkwist jibqgħu ingombranti u ineffiċjenti u n-nuqqas ta’ tbassir ippjanat flimkien mal-varjanza fl-iskedi tat-tilqim jagħmlu d-domanda imprevedibbli. Bidliet fid-demografija tal-popolazzjoni fil-mira minħabba l-migrazzjoni u t-tixjiħ qed ikomplu jxekklu t-tbassir ippjanat preċiż.

Bħala riżultat, xi Stati Membri qed jesperjenzaw problemi bid-disponibbiltà tat-tilqim jew jiffaċċjaw spejjeż għoljin tat-tilqim – li min-naħa tagħhom ifissru li l-ħażniet nazzjonali ħafna drabi mhumiex disponibbli jew għandhom ambitu limitat. F’dan il-kuntest, jekk Stat Membru ma jkunx jista’ jikkontrolla tifqigħa waħdu, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni Ewropea f’dan il-qasam, tifqigħa bħal din x’aktarx tinfirex bejn il-fruntieri lejn Stati Membri oħrajn, u tqiegħed is-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni kollha fir-riskju.

Hemm ukoll sfidi relatati mar-riċerka u l-iżvilupp tat-tilqim. Hemm bżonn investiment finanzjarju u kompetenza sostanzjali għall-iżvilupp ta’ tilqim innovattiv ġdid u t-titjib jew l-adattament ta’ dawk eżistenti (eż. profil ta’ siikurezza mtejjeb, adattament għal etajiet differenti, gruppi ta’ riskju jew patoġeni), li jagħmel ir-riċerka u l-iżvilupp ħafna aktar kumplessi, għaljin u riskjużi.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riżorsi, hemm restrizzjonijiet marbutin mal-finanzjament pubbliku. It-tilqim bħalissa jirrappreżenta frazzjoni żgħira tal-baġits tal-prevenzjoni fil-pajjiżi tal-UE, li jammontaw għal 0,5 % tal-baġits tal-kura tas-saħħa u hemm evidenza li l-infiq qed jonqos aktar. L-infiq fuq it-tilqim għandu jitqies bħala investiment essenzjali u intelliġenti fis-saħħa, minħabba l-impatt ekonomiku usa’ u l-valur soċjetali tiegħu.

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija mmirata sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, l-industrija u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn sabiex tgħin iżżid il-kopertura tat-tilqim, trawwem il-possibilità ta’ allinjament tal-iskedi tat-tilqim madwar l-UE, tippromwovi l-aċċettazzjoni tat-tilqim, tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp tat-tilqim u ssaħħaħ il-provvista tat-tilqim, l-akkwist u l-ġestjoni tal-istokk, inkluż f’każijiet ta’ emerġenza. Dawn l-attivitajiet għandhom fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu l-inċidenza ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim u jżidu l-prospetti tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, u jtejbu s-sigurtà tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Il-proposta tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, azzjonijiet konġunti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, u tilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq numru ta’ inizjattivi, filwaqt li jitqiesu inizjattivi kontinwi tan-NU u inizjattivi globali oħra tas-saħħa.

Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita Sistema Ewropea għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Tilqim bil-għan li jiġu żviluppati linji gwida dwar skeda komuni tal-UE tat-tilqim, karta tal-UE tat-tilqim u portal fuq l-internet b’informazzjoni affidabbli aġġornata dwar il-benefiċċji u s-siikurezza tat-tilqim.

Meta jiġu pprovduti għażliet possibbli għall-iżvilupp ta’ karta komuni tal-UE tat-tilqim dan tiżgura l-kontinwazzjoni tal-immunizzazzjoni meta ċ-ċittadini, b’mod partikolari t-tfal, jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor. Bħalissa, il-varjetà wiesgħa fl-iskedi u r-reġistrazzjoni tat-tilqim toħloq kwistjonijiet prattiċi sabiex l-istorja tal-immunizzazzjoni tiġi traċċata, issorveljata u dokumenta b’mod effettiv, kif ukoll għall-komunikazzjoni bejn fornituri differenti tat-tilqim fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu: dokumentazzjoni tat-tilqim fil-lingwa nazzjonali biss; diffikultà biex wieħed jiftakar jekk ġiex amministrat it-tilqim u f’liema dożi; nuqqas ta’ rikonoxximent u kapaċità li titkompla serje ta’ immunizzazzjoni diġà mibdija fil-pajjiż tal-oriġini, speċjalment jekk it-tifel ikun jinsab f’nofs kors ta’ tilqim li huwa parti mill-iskeda tal-pajjiż tal-oriġini iżda mhux tal-pajjiż tad-destinazzjoni. Karta komuni tal-UE b’sett ta’ informazzjoni ċentrali miftiehma għal kull tilqima tista’ tiffaċilita l-interpretazzjoni tar-rekords tat-tilqim, tiffaċilita ċ-ċaqliq taċ-ċittadini u tnaqqas l-ostakli għat-tilqim filwaqt li tipprovdi informazzjoni rilevanti, kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-fornituri tas-saħħa, li jkollhom bżonn sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jitlaqqmu kontra l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim. Fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-2009 dwar it-tilqim tat-tfal, 87 % tar-rispondenti kienu favur li jkollhom karta komuni tal-UE tat-tilqim.

Ir-Rakkomandazzjoni ssostni wkoll il-ħolqien ta' maħżen virtwali ta’ data rigward il-bżonnijiet u l-istokkijiet tat-tilqim li jista’ jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jidentifikaw ħażniet disponibbli ta’ tilqim f’każijiet ta’ tifqigħat jew skarsezzi serji u sabiex dak li jifdal żejjed jiġi skambjat b’mod reċiproku. Barra minn hekk, beħsiebha tidentifika l-għażliet għal ħażna fiżika tat-tilqim li tkun disponibbli f’każijiet ta’ tifqigħat serji jew skarsezzi globali. Minbarra dan, tipprevedi Koalizzjoni għat-Tilqim li tlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa u assoċjazzjonijiet ta’ studenti rilevanti sabiex jimpenjaw ruħhom biex iżidu l-kopertura tat-tilqim fl-Ewropa.

L-identifikazzjoni ta’ għażliet proposta għal ħażna possibbli ta’ tilqim ġejja mill-fatt li bosta Stati Membri tal-UE qegħdin jesperjenzaw skarsezzi ta’ tilqim ta’ rutina. Kull Stat Membru jeħtieġ ikollu pjanijiet ta’ tħejjija fis-seħħ u għalhekk ir-Rakkomandazzjoni teħtieġ titjib fil-proċessi tat-tbassir. Sabiex tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex ikopru l-iskarsezzi fuq medda qasira ta’ żmien li jirriżultaw, pereżempju, minħabba tifqigħat ta’ mard, sottovalutazzjoni tal-ħażniet jew tfixkil ta’ manifattura jew avvenimenti straordinarji bħall-influss ta’ migranti, l-assistenza miftiehma tal-UE tkun ta’ benefiċċju kbir. Rapport tal-valutazzjoni tar-riskju tal-2015 dwar l-iskarsezzi ta’ tilqim miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jikkonkludi li deher li l-iskarsezzi ta’ tilqim fl-UE/ŻEE huma aktar sinifikanti milli fil-passat u kkonkluda li huwa rakkomandabbli li l-pajjiżi jippjanaw għal ħażniet għall-programmi ta’ rutina sabiex jiġi evitat tfixkil tal-immunizzazzjoni f’każ ta’ skarsezzi fil-ġejjieni. L-Istati Membri diġà talbu tilqim mill-Kummissjoni sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet permezz tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE. Madankollu, l-istrumenti attwali tal-finanzjament tas-saħħa tal-UE ma jippermettux l-akkwist ta’ tilqim. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni issa qed tippjana li taħdem ma’ esperti tal-Istati Membri u fi djalogu mal-industrija biex tidentifika għażliet għal ħażna fil-livell tal-UE, filwaqt li tqis ukoll is-sejħa tal-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw soluzzjonijiet biex iżidu l-provvista u d-disponibbiltà tat-tilqim, inklużi arranġamenti għall-ħażna tat-tilqim.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tilqim hija konsistenti mal-politiki eżistenti fil-qasam tat-tilqim, u tibni aktar fuqhom. Ir-Rakkomandazzjoni se timmira li tistabbilixxi orjentamenti ta’ politika, u koordinazzjoni aħjar, tal-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri ta’ strumenti ta’ politika eżistenti, fosthom ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun (2009), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immunizzazzjoni tat-tfal (2011) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika (2014).

Ir-Rakkomandazzjoni tqis ukoll ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (2015); ir-rapport tas-seduta ta’ smigħ ta’ livell għoli dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun (2015); ir-Rapport speċjali 28/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “L-indirizzar ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa fl-UE” (2016); ir-rapport finali tal-workshop ta’ livell għoli SANTE “Infittxu sħubijiet ġodda għal azzjoni tal-UE dwar it-tilqim” (Mejju 2017); Ftehim dwar Akkwist Konġunt sabiex jinkisbu kontromiżuri mediċi u l-għanijiet tal-Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim (bidu tal-2018), kofinanzjat mill-Programm tas-Saħħa.

Ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti mal-azzjonijiet u l-politika tal-UE fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, speċjalment il-Prinċipju 10 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u l-Prinċipju 16 dwar aċċess universali għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Rakkomandazzjoni se tisfrutta s-sinerġiji ma’ azzjonijiet u politiki relatati tal-UE, pereżempju l-Aġenda dwar is-Sigurtà, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika, il-Komunikazzjoni dwar it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u l-kura, il-Komunikazzjoni dwar l-informazzjoni falza online, programmi qafas tal-UE attwali u futuri għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Jenħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 168(1) tat-TFUE. L-azzjoni tal-Unjoni, li jenħtieġ li tikkomplementa l-politiki nazzjonali, jenħtieġ li tindirizza t-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-evitar tas-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali.

Skont l-Artikolu 168(6) tat-TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet għall-għanijiet kif stabbiliti f’dak l-Artikolu sabiex tittejjeb is-saħħa pubblika, b’rabta b’mod partikolari mal-ġlieda kontra flaġelli kbar tas-saħħa, mal-monitoraġġ ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa, mat-twissija bikrija għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih. Mard evitabbli permezz ta’ tilqim huwa meqjus bħala flaġell kbir tas-saħħa. L-azzjoni tal-Unjoni f’dak ir-rigward għandha tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tagħhom tas-saħħa u għall-organizzazzjoni u l-forniment ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-programmi tat-tilqim huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, il-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim mhuwiex limitat fil-fruntieri nazzjonali. Id-dgħufija fl-immunizzazzjoni ta’ Stat Membru wieħed tpoġġi s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini madwar l-UE fir-riskju, u l-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw l-isfidi tat-tilqim enfasizzati hawn fuq. Minħabba n-natura transkonfinali tal-mard li jittieħed li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, l-Istati Membri talbu appoġġ intensiv fil-livell tal-UE, u enfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni komuni tal-UE u approċċi aktar koordinati sabiex jiġi llimitat it-tixrid ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim minn naħa għall-oħra tal-fruntieri.

Hemm valur miżjud ċar fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost is-setturi rilevanti kollha fil-livell tal-UE, inklużi l-awtoritajiet tas-saħħa, l-industrija tat-tilqim, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-atturi tal-kura tas-saħħa. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill teħtieġ l-involviment, l-impenn u l-approvazzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma ġeneralment magħqudin rigward il-benefiċċji tat-tilqim u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tippermetti l-preżentazzjoni ta’ pożizzjoni konġunta tal-UE li tirrifletti valutazzjonijiet tar-riskju bbażati fuq ix-xjenza u ġestjoni tar-riskju, filwaqt li tnaqqas l-impatt tal-eżitazzjoni għat-tilqim, tibni l-fiduċja u l-kooperazzjoni tal-pubbliku u ttejjeb l-effettività tar-riċerka u l-iżvilupp tat-tilqin tal-UE. Fl-istess ħin, tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u għall-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika.

Il-proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat bis-sħiħ peress li r-rakkomandazzjonijiet imressqa huma limitati għal azzjonijiet fi ħdan l-ambitu u l-mandati rispettivi tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri.

L-għażla tal-istrument

L-istrument xieraq għall-inizjattiva huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif isaħħu l-kooperazzjoni, itejbu l-kopertura tat-tilqim u, bħala riżultat, inaqqsu l-impatt u s-severità tal-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

Ir-Rakkomandazzjoni tippermetti li l-livell tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu aktar flimkien sabiex jindirizzaw id-dimensjonijiet differenti tal-problema fil-livell xieraq.

Il-valur miżjud ewlieni ta’ Rakkomandazzjoni huwa li ssejjaħ għal azzjoni u tippromwovi appoġġ politiku sabiex il-politiki u l-azzjonijiet dwar it-tilqim u l-immunizzazzjoni fl-Ewropa jerġgħu jissaħħu. Dan l-approċċ iffokat se jipprovdi l-viżibilità politika neċessarja, joħloq kuxjenza u jibni momentum. Hemm bżonn li jsiru sforzi miftiehma mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tingħata spinta lill-kopertura tat-tilqim, jitnaqqsu n-nuqqasijiet fl-immunizzazzjoni u tiżdied il-fiduċja u l-kunfidenza fit-tilqim.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Twettqu għadd ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati biex jinformaw din l-inizjattiva tul l-2017 u kmieni fl-2018 Dawn inkludew konsultazzjoni pubblika miftuħa u laqgħat immirati mar-rappreżentanti tal-Istati Membri permezz tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa.

Speċifikament, saret konsultazzjoni pubblika bejn il-21 ta’ Diċembru 2017 u l-15 ta’ Marzu 2018, li matulha ngħataw 8 984 risposta 1 .

Saret konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati f’Jannar u fi Frar 2018, bi 33 tweġiba għal kwestjonarju u sitt laqgħat immirati ma’ assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu fuq is-saħħa pubblika, il-komunità xjentifika u l-industrija tat-tilqim.

Kien hemm sejħa ċara għal informazzjoni aktar trasparenti u aċċessibbli faċilment dwar it-tilqim b’mod ġenerali u b’mod partikolari dwar is-sikurezza u l-effetti sekondarji potenzjali ta’ tilqim differenti. Ġie enfasizzat ir-rwol ċentrali tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa sabiex jispjegaw it-tilqim lill-pazjenti tagħhom filwaqt li, fl-istess ħin, issemmiet il-ħtieġa għal aktar enfasi fuq it-tilqim fil-kurrikuli mediċi u t-taħriġ professjonali kontinwu. Kien hemm ukoll qbil wiesa' li t-tilqim għandu jiġi offrut f’ambjenti differenti u li hemm bżonn li l-proċess jiġi ssimplifikat.

Il-konsultazzjonijiet imwettqa wrew li hemm livell għoli ta’ interess tal-Istati Membri f’iktar azzjoni fil-livell tal-UE dwar din il-kwistjoni, filwaqt li wrew ukoll kemm huwa estiż it-tħassib espress minn dawk li jirrifjutaw jew li mhumiex ħerqanin li jaċċettaw it-tilqim kif ukoll dawk li jopponu t-tilqim obbligatorju f’xi gruppi soċjetali.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ir-Rakkomandazzjoni tistrieħ fuq bażi xjentifika u għarfien espert estiżi, eżami tal-kunsens xjentifiku stabbilit, analiżi tat-tendenzi attwali tat-tilqim derivati minn data komparattiva, u r-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika u tal-partijiet ikkonċernati.

Il-kollaborazzjoni ma’ gruppi ta’ esperti internazzjonali, bħall-Grupp Konsultattiv Strateġiku ta’ Esperti dwar l-Immunizzazzjoni (SAGE) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Grupp Konsultattiv Tekniku Ewropew ta’ Esperti dwar l-Immunizzazzjoni (ETAGE), u l-proċessi tal-Aġenda u tal-Inizjattiva għas-Sigurtà tas-Saħħa fid-Dinja żiedu mal-għarfien espert tal-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva minħabba li mhix se tintroduċi rekwiżiti regolatorji ġodda lil hinn minn dawk diġà pprovduti jew ippjanati permezz ta’ strumenti ta’ politika eżistenti rilevanti.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Xi impatti ewlenin mistennija li joħorġu minn din ir-Rakkomandazzjoni jkunu l-koordinazzjoni mtejba fi ħdan u fost l-Istati Membri u l-kriterji simplifikati ta’ monitoraġġ u rapportar għat-tilqim u l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

Drittijiet fundamentali

L-inizjattiva ssaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini Ewropej għall-kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba, kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja diretta fuq il-baġit tal-UE. Ix-xogħol kollu relatat mar-Rakkomandazzjonijiet immirati lejn il-Kummissjoni se jitwettaq bir-riżorsi eżistenti.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u tirrevedi r-Rakkomandazzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, tiżgura perjodu twil biżżejjed sabiex tevalwa l-effetti tal-inizjattiva wara li tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ. L-effettività tar-Rakkomandazzjoni tista’ titkejjel fuq abbażi ta’ data eżistenti u ġdida u ta’ informazzjoni miġbura permezz tar-rapportar tal-Istati Membri.

Fl-istess ħin, wieħed mill-impedimenti attwali għal evalwazzjoni komparattiva tal-protezzjoni Ewropea kontra dan il-mard huwa n-nuqqas ta’ kriterji standardizzati ta’ traċċar. Jenħtieġu kriterji aktar standardizzati sabiex iħeġġu lill-Istati Membri jiġbru u jippubblikaw statistika affidabbli – u komparabbli – dwar it-tilqim.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-punti # 1 sa 9 tar-Rakkomandazzjoni huma għall-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri, għandhom l-għan li jaċċelleraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għat-tilqim sabiex jilħqu l-għanijiet u l-miri tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar it-tilqim tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Hemm ukoll enfasi speċifika fuq it-tilqim kontra l-ħosba minħabba t-tifqigħa attwali fl-Ewropa. Il-proposta tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati u mwessgħa l-opportunitajiet għat-tilqim u għal firxa mmirata lejn gruppi vulnerabbli sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet fl-immunità. Il-proposta titlob li l-awtoritajiet edukattivi jsaħħu t-taħriġ dwar it-tilqim fil-kurrikuli mediċi u t-taħriġ mediku kontinwu għall-ħaddiema tas-saħħa kollha. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar komunikazzjoni u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-tilqim. L-isfruttar tas-sinerġiji mas-saħħa elettronika u mat-teknoloġiji diġitali biex jiġu stabbiliti rekords tat-tilqim għaċ-ċittadini kollha huwa wkoll element importanti tal-proposta li jiġi inkluż fl-iskambju tal-informazzjoni bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa transkonfinali fil-kuntest tal-ħidma tan-Netwerk tas-saħħa elettronika.

Il-punti # 10 sa 16 jikkonċernaw azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u jinkludu l-għan li tiġi stabbilita istema Sistema Ewropea għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Tilqim li tista’ tgħaqqad informazzjoni u kompetenza relatati mat-tilqim flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika. Skont din is-sistema, diversi partijiet ikkonċernati jistgħu jingħaqdu sabiex jiżviluppaw linji gwida dwar skeda ewlenija possibbli tal-UE tat-tilqim, jaqsmu metodoloġiji komuni għall-monitoraġġ tal-kopertura, u jniedu portal fuq l-Internet b’evidenza trasparenti dwar il-benefiċċji u r-riskji tat-tilqim inkluż it-traċċar ta’ ideat foloz u informazzjoni ħażina dwar it-tilqim. Il-proposta tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività tad-Direttiva eżistenti 2 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li tiggarantixxi li l-ħaddiema tas-saħħa jitlaqqmu kontra mard speċifiku.

Fl-aħħar nett, sabiex tindirizza l-iskarsezzi u żżid il-provvista, il-proposta tressaq l-idea ta’ ħolqien ta’ maħżen ta’ data virtwali għall-Ewropa dwar il-bżonnijiet u l-istokkijiet tat-tilqim u mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku ta’ tilqim fost l-Istati Membri; identifikazzjoni tal-għażliet għal ħażna fiżika ta’ tilqim f’każ ta’ tifqigħat jew skarsezzi globali tat-tilqim u tipprevedi l-ħidma mal-industrija u ma' partijiet ikkonċernati oħra sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-UE tal-manifattura tat-tilqim.

Il-Punti # 17 sa 25 jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq numru ta’ attivitajiet fosthom il-preżentazzjoni ta’ għażliet għal karta komuni tal-UE tat-tilqim b’informazzjoni standardizzata dwar l-istorja tat-tilqim; il-preżentazzjoni ta’ rapport dwar l-Istat tal-Fiduċja fit-Tilqim fl-UE hija mitluba flimkien ma’ azzjonijiet sabiex jinftiehmu aħjar l-ostakli u jiżdied l-aċċess għat-tilqim għal gruppi żvantaġġati u esklużi soċjalment; l-organizzazzjoni ta’ Koalizzjoni għat-Tilqim ma’ assoċjazzjonijiet ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej u assoċjazzjonijiet rilevanti ta’ studenti mmirati sabiex jippromwovu t-tilqim u jsaħħu s-sħubiji u l-kollaborazzjoni dwar it-tilqim ma’ sħab internazzjonali hija element importanti ieħor ta’ din il-proposta.

2018/0115 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Kooperazzjoni Msaħħa kontra l-Mard li jista’ jiġi Evitat bit-Tilqim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-azzjoni tal-Unjoni, li jenħtieġ li tikkomplementa l-politiki nazzjonali, jenħtieġ li tindirizza t-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-evitar tas-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali.

(2)Skont l-Artikolu 168(6) tat-TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet għall-għanijiet kif stabbiliti f’dak l-Artikolu sabiex tittejjeb is-saħħa pubblika, b’rabta b’mod partikolari mal-ġlieda kontra flaġelli kbar tas-saħħa, il-monitoraġġ ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa, it-twissija bikrija għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih. Mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim huwa meqjus bħala flaġell kbir tas-saħħa.

(3)It-tilqim huwa waħda mill-aktar miżuri b’saħħithom u kosteffiċjenti tas-saħħa pubblika żviluppati fis-seklu 20 u jibqa’ l-għodda ewlenija għall-prevenzjoni primarja tal-mard li jittieħed.

(4)Filwaqt li l-programmi ta’ tilqim huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, in-natura transkonfinali tal-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim u l-isfidi komuni li jiffaċċjaw programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni se jibbenefikaw minn azzjoni u approċċi tal-UE aktar koordinati sabiex jipprevjenu jew jillimitaw it-tixrid ta’ epidemiji u mard b’dimensjoni transkonfinali.

(5)It-tixrid rapidu ta’ informazzjoni falza permezz tal-midja soċjali u attivisti vokali kontra t-tilqim ikkawża ideat żbaljati li qed ineħħu l-attenzjoni tal-pubbliku minn fuq il-benefiċċji individwali u kollettivi tat-tilqim u r-riskji li jinħolqu minn mard li jittieħed, u jitfgħuha fuq aktar nuqqas ta’ fiduċja u biża’ minn avvenimenti sekondarji mingħajr provi. Tinħtieġ azzjoni sabiex jissaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini u sabiex jinftiehem it-tħassib ġenwin jew id-dubji tagħhom dwar it-tilqim u sabiex dawn jiġu indirizzati b’mod adegwat skont il-bżonnijiet tagħhom.

(6)Ir-rati insuffiċjenti ta’ kopertura tat-tilqim tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa 3 u t-taħriġ adegwat tagħhom dwar it-tilqim jenħtieġ li jiġu indirizzati sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom - u tal-pazjenti tagħhom -, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali.

(7)Il-varjazzjoni tal-iskedi tat-tilqim bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet, it-tip ta’ tilqim użat, in-numru ta’ dożi mogħtija, u ż-żmien li fih jingħataw 4 iżid ir-riskju li ċ-ċittadini, b’mod partikolari t-tfal, jitilfu tilqima waqt li jkunu qed jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor.

(8)Il-ħtieġa li s-servizzi ta’ immunizzazzjoni jitressqu iktar qrib iċ-ċittadini teħtieġ sforzi ddedikati sabiex jintlaħqu l-iktar persuni vulnerabbli tas-soċjetà, b’mod partikolari permezz ta’ fornituri bbażati fil-komunità bħal spiżeriji u programmi mediċi tal-iskejjel. Il-Fondi Strutturali Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, joffru opportunitajiet sinifikanti għall-Istati Membri sabiex isaħħu t-taħriġ relatat mat-tilqim tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u jsaħħu l-kapaċitajiet tal-infrastrutturi tas-saħħa fil-qasam tat-tilqim.

(9)Il-bidliet demografiċi, il-mobbiltà tan-nies, it-tibdil fil-klima u l-immunità li qiegħda tonqos qed jikkontribwixxu għal ċaqliq epidemjoloġiku fil-piż tal-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, li jeħtieġ programmi ta’ tilqim b’approċċ tul il-ħajja kollha lil hinn mis-snin tat-tfulija. Dan l-approċċ għandu l-għan li jiżgura protezzjoni adegwata tul il-ħajja u jikkontribwixxi għal għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u tixjiħ b’saħħtu kif ukoll is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa.

(10)L-iskarsezzi tat-tilqim għandhom konsegwenzi diretti għat-twettiq u l-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ tilqim 5 ; L-Istati Membri jiffaċċjaw diversi tfixkil fil-provvista tat-tilqim 6 ; il-kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-UE għadhom limitati 7 ; u d-diffikultajiet jippersistu fit-tqassim tat-tilqim bejn il-fruntieri, filwaqt li n-nuqqas ta’ ppjanar ta’ tbassir ikkoordinat jikkontribwixxi għal inċertezza dwar id-domanda. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha jibqgħu vulnerabbli fil-każ ta’ tifqigħat ta’ mard li jittieħed.

(11)Il-ħtieġa li jsir avvanz malajr fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ tilqim ġdid u li jsir titjib jew adattament ta’ dak eżistenti teħtieġ sħubijiet u pjattaformi innovattivi, għarfien espert ta’ livell għoli u interkonnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn dixxiplini u setturi, kif ukoll investiment f’riċerka dwar xjenza soċjali u tal-imġiba sabiex nifhmu aħjar id-determinanti speċifiċi skont il-kuntest li huma l-bażi ta’ attitudnijiet ta’ eżitazzjoni għat-tilqim.

(12)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tilqim bħala Għodda Effettiva fis-Saħħa Pubblika 8 diġà jidentifikaw xi wħud minn dawn l-isfidi ewlenin u x’għandu jsir fil-ġejjieni, u jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw azzjonijiet konġunti biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar il-politiki tat-tilqim.

(13)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Immunizzazzjoni tat-Tfal 9 speċifikament jitolbu li r-reġistri tal-immunizzazzjoni u s-sistemi tal-informazzjoni jiġu rfinati sabiex jittejjeb il-monitoraġġ tal-programmi tat-tilqim u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz tat-tilqim.

(14)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 10 u l-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 11 ifakkru l-importanza tal-aġenda tas-saħħa diġitali u l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq is-Saħħa elettronika u fuq il-Big Data. Dawn l-inizjattivi huma msaħħa mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali 12 ; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha, sabiex jiġu żgurati mudelli tal-kura tas-saħħa moderni u sostenibbli kif ukoll l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa.

(15)Id-Direttiva 2000/54/KE 13 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol tistipula rekwiżiti minimi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, inkluża l-ħtieġa li jiġi offrut tilqim lil dawk li ma kinux immunizzati qabel u d-Direttiva 2010/32/UE 14 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU jipprevedu li jekk il-valutazzjoni tar-riskju turi li hemm riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema minħabba l-espożizzjoni tagħhom għal aġenti bijoloġiċi li għalihom jeżisti tilqim effettiv, il-ħaddiema għandhom jiġu offruti t-tilqim.

(16)Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE 15 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa tipprovdi l-bażi għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu volontarju għax-xiri bil-quddiem ta’ kontromiżuri mediċi għal theddid serju transkonfinali għas-saħħa.

(17)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea 16 japprovaw il-prinċipji u l-valuri ġenerali tal-universalità, aċċess għal kura ta’ kwalità tajba, ekwità u solidarjetà, li huma ta’ importanza assoluta sabiex jiżguraw aċċess ekwu għal servizzi ta’ tilqim irrispettivament mill-età, l-istatus soċjali jew il-lokazzjoni ġeografika, skont programmi ta’ immunizzazzjoni nazzjonali u reġjonali.

(18)Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 17 jagħti mandat liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex jappoġġa l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed u jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-esperjenza fir-rigward tal-programmi ta’ tilqim. Barra minn hekk, iċ-Ċentru jikkoordina l-ġbir, il-validazzjoni, l-analiżi u t-tixrid tad-data fil-livell tal-UE, inkluż dwar strateġiji ta’ tilqim.

(19)Id-Direttiva 2001/83/KE 18 u r-Regolament (UE) Nru 726/2004 19 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxu l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji mandat sabiex jippromwovu u jipproteġu s-saħħa pubblika billi jawtorizzaw l-użu ta’ tilqim sikur u effettiv, u billi jivvalutaw kontinwament il-profil tal-benefiċċji u r-riski tagħhom wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

(20)Il-Pjan ta’ Azzjoni "Saħħa Waħda" tal-Kummissjoni 20 jappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra r-reżistenza antimikrobika (RAM) u jitlob mogħdijiet simplifikati għall-awtorizzazzjoni ta’ aġenti antibatteriċi ġodda, u biex tingħata spinta lir-riċerka u l-iżvilupp ta’ tilqim ġdid għal patoġeni assoċjati mar-reżistenza antimikrobika.

(21)Il-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta’ tilqim fl-Ewropa 21 tistieden lill-Istati Membri jiżguraw tilqim suffiċjenti tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, jieħdu passi effettivi kontra informazzjoni ħażina, u jimplimentaw miżuri għat-titjib tal-aċċess għall-mediċini. Hija tistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita skeda aktar armonizzata għat-tilqim madwar l-UE.

(22)Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aħbarijiet Foloz u d-diżinformazzjoni online 22 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ strateġija fil-livell tal-UE dwar kif jiġi trattat it-tixrid tad-diżinformazzjoni, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni 23 tindirizza l-isfidi tal-pjattaforma online fir-rigward tat-tixrid ta’ diżinformazzjoni.

(23)Il-Kummissjoni tappoġġa t-titjib tal-aċċess għal tilqim modern u essenzjali fl-iktar 77 pajjiż fqir permezz ta’ GAVI l-Alleanza tat-Tilqim mill-bidu tagħha fis-sena 2000. Ingħataw EUR 83 miljun sal-2015 u EUR 200 miljun oħra huma mwiegħda għall-perjodu 2016-2020, li kkontribwew sabiex ġew mlaqqma bis-sħiħ 277 miljun tifel fil-perjodu 2011-2015, bi pjanijiet li jiġu mlaqqma 300 miljun tifel ieħor fl-2016-2020.

(24)Il-Ministri tas-Saħħa, fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-2012, approvaw il-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar it-Tilqim, sabiex jiżguraw li ħadd ma jitlef tilqim vitali sal-2020. Fl-2014 il-Kumitat Reġjonali Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa adotta l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015-2020.

(25)L-Għan tlieta tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 24 - li “Jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età” - jenfasizza l-importanza tat-tilqim fil-protezzjoni tan-nies kontra l-mard. U, permezz tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp “Id-Dinja Tagħna, Id-Dinjità Tagħna, Il-Futur Tagħna” 25 , l-UE u l-Istati Membri tagħha jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jipproteġu d-dritt ta’ kulħadd li jgawdi l-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali li jista’ jintlaħaq, inkluż billi jgħinu sabiex jiġi żgurat aċċess għal mediċini essenzjali u tilqim affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd.

(26)Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim, ikkofinanzjata mit-tielet Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa 26 , li tibda fl-2018, għandha tiffoka fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-politiki nazzjonali tat-tilqim u l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi rigward sistemi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar l-immunizzazzjoni, previżjonijiet tat-tilqim, prijoritizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp tat-tilqim, u riċerka sabiex tiġi indirizzata l-eżitazzjoni għat-tilqim.

(27)L-azzjonijiet imressqa f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom l-għan li jżidu s-sigurtà tas-saħħa pubblika, inaqqsu l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri, u jżidu s-sigurtà tal-provvista tat-tilqim fis-Suq Intern. Dawn jikkumplimentaw u jsaħħu l-politiki u l-azzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha filwaqt li jqisu l-punti ta’ tluq differenti tagħhom fir-rigward tal-politiki dwar l-immunizzazzjoni, it-twaqqif istituzzjonali, id-differenzi reġjonali, u l-kapaċitajiet tal-kura tas-saħħa tagħhom.

(28)Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.Jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ tilqim nazzjonali u/jew reġjonali, bil-għan li tiżdied il-kopertura tat-tilqim sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar it-tilqim tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sal-2020. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għal finanzjament sostenibbli u forniment ta’ tilqim, approċċ ta’ tul il-ħajja kollha għat-tilqim, kapaċità li tingħata risposta għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, u attivitajiet ta’ komunikazzjoni u promozzjoni.

2.Jiżguraw, b’mod partikolari għall-ħosba, sal-2020, ir-rata ta’ kopertura tat-tilqim ta’ 95 %, b’żewġ dożi tat-tilqim għall-popolazzjoni tat-tfal fil-mira, u jneħħu d-distakki fl-immunità fil-gruppi tal-etajiet l-oħra kollha bl-għan li l-ħosba tiġi eliminata fl-UE.

3.Jintroduċu kontrolli ta’ rutina tal-istatus tat-tilqim u opportunitajiet regolari sabiex jingħata tilqim fi stadji differenti tal-ħajja, permezz ta’ żjarat ta’ rutina fis-sistema tal-kura primarja u permezz ta’ miżuri addizzjonali bħal dħul fl-iskola (preprimarja), fil-post tax-xogħol jew f’faċilitajiet ta’ kura.

4.Jiffaċilitaw l-aċċess għal servizzi ta’ tilqim nazzjonali u/jew reġjonali, permezz ta’:

a.Simplifikazzjoni u twessigħ tal-opportunitajiet sabiex joffru tilqim, jisfruttaw fornituri bbażati fil-komunità bħal spiżeriji, infermiera, u servizzi mediċi fl-iskejjel u fuq il-postijet tax-xogħol;

b.Involviment immirat lejn l-aktar gruppi vulnerabbli fosthom dawk esklużi soċjalment u l-minoranzi, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u n-nuqqasijiet fil-kopertura tat-tilqim.

5.Jiżguraw, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet ikkonċernati, li l-kurrikuli mediċi nazzjonali u kwalunkwe programm ta’ edukazzjoni medika kontinwa jinkludu jew isaħħu t-taħriġ dwar il-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, il-vaċċinoloġija u l-immunizzazzjoni għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa fis-setturi kollha.

6.Iżidu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-tilqim permezz ta’:

a.Il-preżentazzjoni ta’ evidenza xjentifika sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tad-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta’ għodod diġitali u sħubiji mas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

b.L-involviment mal-ħaddiema tas-saħħa, partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni u l-media bħala multiplikaturi, sabiex tiġi miġġielda l-kompjaċenza u tiżdied il-fiduċja fl-immunizzazzjoni.

7.Jiżviluppaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa biex ikollhom informazzjoni elettronika aġġornata dwar l-istatus tat-tilqim taċ-ċittadini, abbażi ta' sistemi ta’ informazzjoni li jipprovdu funzjonalitajiet ta’ tfakkira, li jiġbru data dwar il-kopertura tat-tilqim f’ħin reali fil-gruppi tal-etajiet kollha u li jippermettu rabtiet u skambji tad-data fis-sistemi tal-kura tas-saħħa kollha.

8.Jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tat-taħriġ u tal-ħiliet tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa fuq il-vaċċinoloġija, l-immunizzazzjoni u l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, u sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-infrastrutturi tas-saħħa nazzjonali u reġjonali fil-qasam tat-tilqim.

9.Iżidu l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni tat-tilqim sabiex ikun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-avvanz rapidu ta’ tilqim ġdid jew imtejjeb, u jiffaċilitaw l-adozzjoni immedjata tar-riċerka dwar it-tilqim għal programmi u politiki ta’ tilqim nazzjonali jew reġjonali infurmati aħjar.

HAWNHEKK JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIEĦU L-AZZJONIJIET LI ĠEJJIN, FIL-QAFAS TA’ KOOPERAZZJONI MILL-QRIB MAL-ISTATI MEMBRI:

10.Timmira li tistabbilixxi sistema Ewropea għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Tilqim (EVIS), ikkoordinata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), sabiex:

a.Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika,

i.sal-2020, jeżaminaw il-possibbiltajiet li jiġu stabbiliti linji gwida għal skeda ewlenija tal-UE tat-tilqim, li timmira li tiffaċilita l-kompatibbiltà tal-iskedi nazzjonali u tippromwovi ekwità fil-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, u sussegwentement jiżguraw adozzjoni wiesgħa tal-iskeda ewlenija kif ukoll karta komuni tat-tilqim;

ii.isaħħu l-konsistenza, it-trasparenza u l-metodoloġiji fil-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali u reġjonali dwar it-tilqim, billi jaqsmu l-evidenza xjentifika u l-għodda bl-appoġġ tal-Gruppi Konsultattivi Tekniċi Nazzjonali dwar l-Immunizzazzjoni (NITAG);

iii.ifasslu metodoloġiji u gwida tal-UE dwar ir-rekwiżiti tad-data għal monitoraġġ aħjar tar-rati ta’ kopertura tat-tilqim fost il-gruppi ta’ etajiet kollha, inklużi l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Jiġbru din id-data u jaqsmuha fil-livell tal-UE;

b.Sal-2019, jistabbilixxu portal Ewropew ta’ informazzjoni dwar it-tilqim, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, sabiex jipprovdu evidenza oġġettiva, trasparenti u aġġornata online dwar it-tilqim, il-benefiċċji u s-sigurtà tagħhom, u l-proċess ta’ farmakoviġilanza.

c.Jimmonitorjaw informazzjoni ħażina dwar it-tilqim online u jiżviluppaw għodod ta’ informazzjoni u gwida bbażati fuq l-evidenza sabiex jappoġġaw lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni online.

11.Bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, timmonitorja l-benefiċċji u r-riskji tat-tilqim b’mod kontinwu, fil-livell tal-UE.

12.Taħdem biex tiżviluppa metodoloġiji komuni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet biex tiġi vvalutata l-effettività relattiva tat-tilqim u tal-programmi tat-tilqim, inkluż bħala parti mill-kooperazzjoni Ewropea dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa.

13.Issaħħaħ l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għall-aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol, kif stipulat fid-Direttiva 2000/54/KE u fid-Direttiva 2010/32/UE, b’mod partikolari billi jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, jiġi mmonitorjat l-istatus tal-immunizzazzjoni tagħhom u, fejn meħtieġ, jiġi offrut tilqim b’mod attiv sabiex jiġu żgurati livelli adegwati ta’ sikurezza tal-pazjenti u tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa.

14.Tipprovdi evidenza u data, inkluż permezz ta’ European Schoolnet, sabiex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu l-aspetti relatati mal-vaċċinoloġija u l-immunizzazzjoni fil-kurrikuli mediċi nazzjonali tagħhom kif ukoll l-edukazzjoni ta’ wara l-lawrja.

15.Issaħħaħ l-provvista tat-tilqim u timmitiga r-riskji tal-iskarsezzi billi timmiraw li:

a.tiżviluppa maħżen tad-data Ewropew virtwali dwar il-bżonnijiet u l-istokkijiet tat-tilqim, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju volontarju ta’ informazzjoni dwar provvisti disponibbli, eċċessi possibbli u skarsezzi globali ta’ tilqim essenzjali;

b.Tiżviluppa kunċett għal mekkaniżmu għall-iskambju tal-provvisti tat-tilqim minn Stat Membru għal ieħor f’każ ta’ tifqigħa, li jtejjeb ir-rabtiet bejn il-provvista u d-domanda tat-tilqim;

c.Tidentifika l-għażliet għall-ħażna fiżika u twettaq djalogu mal-kumpaniji li jipproduċu t-tilqim fuq mekkaniżmu li jiffaċilita l-ħażna u d-disponibbiltà tat-tilqim f’każ ta’ tifqigħat b’kunsiderazzjoni ta’ nuqqasijiet globali ta’ tilqim essenzjali;

d.B’mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati u l-industrija, ittejjeb il-kapaċità tal-manifattura tal-UE u tiżgura l-kontinwità tal-provvista;

e.Tisfrutta l-possibbiltajiet tal-akkwist konġunt ta’ tilqim jew antitossini li għandhom jintużaw f’każijiet ta’ pandemiji, tifqigħat mhux mistennija u f’każ ta’ domanda żgħira għat-tilqim (numru żgħir ta’ każijiet jew popolazzjonijiet speċifiċi ħafna li għandhom jiġu koperti);

f.Tappoġġa n-netwerk tal-Laboratorji Uffiċjali tal-Kontroll tal-Mediċini tal-UE u x-xogħol tiegħu sabiex tiżgura l-kwalità għolja tat-tilqim imqiegħed fis-suq tal-UE.

g.Timmonitorja l-obbligu ta’ provvista kontinwa ta’ mediċini mqiegħed fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (l-Artikolu 81 tad-Direttiva 2001/83/KE)

16.Iżżid l-effettività u l-effiċjenza tal-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp tal-UE u nazzjonali dwar it-tilqim permezz ta’ sforzi sabiex:

a.Jiġu msaħħa u stabbiliti sħubiji ġodda u infrastrutturi ta’ riċerka, inkluż għal provi kliniċi, li jiffaċilitaw – flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini – djalogu bikri ma’ żviluppaturi, dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u regolaturi sabiex jappoġġaw l-awtorizzazzjoni ta’ tilqim innovattiv, inkluż għal theddid emerġenti għas-saħħa;

b.Jiġi żviluppat pjan direzzjonali għal ħtiġijiet mhux issodisfati tal-popolazzjoni u l-prijoritajiet miftiehma għat-tilqim li jistgħu jintużaw sabiex jiġu infurmati programmi ta’ finanzjament għar-riċerka dwar it-tilqim f’livell nazzjonali u tal-UE, inklużi l-ingranaġġ tal-vantaġġi tal-Koalizzjoni għal innovazzjonijiet ta’ Tħejjija għall-Epidemija (CEPI) u l-Kollaborazzjoni għar-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv (GloPID-R);

c.Isir investiment fir-riċerka dwar ix-xjenza soċjali u tal-imġiba dwar id-determinanti tal-eżitazzjoni għat-tilqim bejn sottogruppi differenti tal-popolazzjoni u ħaddiema fil-kura tas-saħħa.

B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX:

17.Teżamina kwistjonijiet ta’ kopertura insuffiċjenti tat-tilqim ikkawżata minn moviment transkonfinali tan-nies fi ħdan l-UE u tfittex possibbiltajiet biex tindirizzahom, inkluż l-iżvilupp ta' karta/passaport ta’ tilqim komuni għaċ-ċittadini tal-UE, kompatibbli ma’ sistemi ta’ informazzjoni elettronika dwar l-immunizzazzjoni u rikonoxxuti għall-użu transkonfinali.

18.Timmira li tipproduċi fuq bażi regolari, fil-kuntest tal-Istat tas-Saħħa fil-proċess tal-UE, Rapport dwar l-Istat tal-Fiduċja fit-Tilqim fl-UE, biex tissorvelja l-attitudnijiet lejn it-tilqim. Abbażi ta’ dak ir-rapport, tippreżenta gwida li tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim.

19.Tlaqqa' Koalizzjoni għat-Tilqim sabiex tgħaqqad flimkien assoċjazzjonijiet Ewropej ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa kif ukoll assoċjazzjonijiet ta’ studenti rilevanti f’dan il-qasam, sabiex jimpenjaw ruħhom li jipprovdu informazzjoni preċiża lill-pubbliku, jiġġieldu l-ideat foloz u jiskambjaw l-aħjar prattiki.

20.Issaħħaħ l-impatt tal-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni annwali billi tospita inizjattiva tal-UE għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tappoġġa l-attivitajiet tal-Istati Membri stess.

21.Tidentifika l-ostakoli għall-aċċess u l-appoġġ ta’ interventi biex jiżdied l-aċċess għat-tilqim għal gruppi żvantaġġati u esklużi soċjalment inkluż bil-promozzjoni ta’ medjaturi tas-saħħa u netwerks tal-komunità fil-livell lokali.

22.Tiżviluppa gwida sabiex jiġu megħluba l-ostakoli legali u tekniċi li jimpedixxu l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali tal-informazzjoni dwar l-immunizzazzjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faċilitazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti ta’ setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha.

23.Tkompli tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programmi qafas tal-EU għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ tilqim ġdid, sikur u effettiv, u l-ottimizzazzjoni tat-tilqim eżistenti

24.Issaħħaħ is-sħubiji u l-kollaborazzjoni ma’ atturi u inizjattivi internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Grupp Konsultattiv Strateġiku dwar l-Immunizzazzjoni (SAGE) tagħha, il-Grupp Konsultattiv Tekniku Ewropew ta’ Esperti dwar l-Immunizzazzjoni (ETAGE) , il-proċessi tal-Aġenda u l-Inizjattiva Globali dwar is-Sigurtà tas-Saħħa (Inizjattiva Globali dwar is-Sigurtà tas-Saħħa, l-Aġenda Globali dwar is-Sigurtà tas-Saħħa), il-UNICEF u inizjattivi ta’ ffinanzjar u riċerka bħall-GAVI L-Alleanza tat-Tilqim u l-Koalizzjoni għal innovazzjonijiet ta’ Tħejjija għall-Epidemija (CEPI) u l-Kollaborazzjoni għar-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv (GloPID-R).

25.Tirrapporta fuq bażi regolari dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni abbażi ta’ data magħmula disponibbli mill-Istati Membri u sorsi rilevanti oħra.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/info/consultations/open-public-consultation-strengthened-cooperation-against-vaccine-preventable-diseases_mt ; Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Rapport fil-Qosor li jakkumpanja r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Kooperazzjoni Msaħħa kontra Mard li jista’ jiġi Evitat bit-Tilqim
(2)    Id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32000L0054&qid=1524491901744&from=MT
(3)    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. It-tilqim tal-influwenza staġunali fl-Ewropa. Rakkomandazzjonijiet għat-tilqim u rati ta’ kopertura fl-Istati Membri tal-UE għal tmien staġuni tal-influwenza: 2007–2008 sa 2014–2015. Stokkolma: ECDC; 2017, https://ecdc.europa.eu/sites/portal/files/documents/influenza-vaccination-2007%E2%80%932008-to-2014%E2%80%932015.pdf  
(4)    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Pjattaforma Online ta’ Skedi ta’ Tilqim fil-Pajjiżi Kollha tal-Unjoni Ewropea, https://vaccine-schedule.ecdc.europa.eu/  
(5)    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Skarsezzi ta’ tilqim li fih il-pertussis aċellolari u l-impatt fuq programmi ta’ immunizzazzjoni fl-UE/ŻEE – 2 ta’ Frar 2016. Stokkolma: ECDC; 2016. https://ecdc.europa.eu/sites/portal/files/media/en/publications/Publications/RRA-shortage-of-aP-containing-vaccines.pdf  
(6)    L-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa, Nindirizzaw l-iskarsezzi ta’ tilqim: is-sitwazzjoni attwali u l-attivitajiet kontinwi. L-impatt tan-nuqqasijiet u s-soluzzjonijiet stabbiliti mill-pajjiżi, Laqgħa SAGE ta’ April 2016 http://www.who.int/immunization/sage/meetings/2016/april/2_Benes_shortages_SAGE_Apr2016.pdf  
(7)    It-tilqim fl-Ewropa, L-industrija tat-Tilqim tal-UE f'Ċifri 2014, https://www.vaccineseurope.eu/about-vaccines/vaccines-europe-in-figures/  
(8)    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika (2014/C 438/04), http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014XG1206(01)&from=mt  
(9)    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immunizzazzjoni tat-tfal: suċċessi u sfidi tal-Immunizzazzjoni Ewropea tat-tfal u t-triq ’il quddiem (2011/C 202/02), http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/PDF/?uri=CELEX:52011XG0708(02)&from=mt  
(10)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd, COM/2017/0228, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/HTML/?uri=CELEX:52017DC0228&from=mt  
(11)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, COM/2012/736, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/com_2012_736_mt.pdf  
(12)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha, COM(2018)233
(13)    Id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32000L0054&qid=1524491901744&from=MT  
(14)    Id-Direttiva 2010/32/UE tal-10 ta’ Mejju 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1524818210955&uri=CELEX:32010L0032
(15)    Id-Deċiżjoni 1082/2013 / UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/decision_serious_crossborder_threats_22102013_mt.pdf  
(16)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (2006/C 146/01), http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:146:0001:0003:EN:PDF
(17)    Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32004R0851&from=MT
(18)    Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT-EN/TXT/?qid=1524819938886&uri=CELEX:32001L0083&from=MT  
(19)    Ir-Regolament  726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/files/eudralex/vol-1/reg_2004_726/reg_2004_726_mt.pdf  
(20)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (2017), https://ec.europa.eu/health/amr/sites/amr/files/amr_action_plan_2017_en.pdf  
(21)    Il-Parlament Ewropew. Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel Abbozz ta’ Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta’ tilqim fl-Ewropa (2017/2951RSB) 19 04 2018
(22)    Il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Aħbarijiet Foloz u d-diżinformazzjoni online, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/high-level-group-fake-news-and-online-disinformation  
(23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-Indirizzar tad-Diżinformazzjoni Online: Approċċ Ewropew, COM(2018)236
(24)    Ir-Riżoluzzjoni 70/1 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015: It-trasformazzjoni tad-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli
(25)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (2017/C 210/01) il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp “Id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna”
(26)    Ir-Regolament Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE