Brussell, 16.4.2018

COM(2018) 188 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-konformità mal-istandards tal-kubrit għall-fjuwils marini stabbiliti fid-Direttiva 2016/802/UE dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi


1.Rapportar dwar il-konformità mal-istandards tal-kubrit, l-evalwazzjoni tal-ħtieġa biex ikomplu jissaħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u jitqies il-potenzjal biex ikompli jitnaqqas it-tniġġis tal-arja

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi 1 ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi, l-aktar riċenti mid-Direttiva 2012/33/UE tal-21 ta’ Novembru 2012 fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu 2 li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Diċembru 2012 u li kellha tiġi trasposta fit-18 ta’ Ġunju 2014. Sabiex wara l-emendi sostanzjali differenti tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE jiġu ppreservati ċ-ċarezza u r-razzjonalità, din ġiet kodifikata bħala d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi 3 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Kubrit”).

L-għan prinċipali tad-Direttiva dwar il-Kubrit huwa li tnaqqas l-effetti ta' ħsara għas-saħħa u għall-ambjent ikkawżati minn emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2) li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ ċerti tipi ta’ fjuwils likwidi. Irrispettivament mill-Artikoli 3 u 4 li jirregolaw il-kontenut ta’ kubrit ta’ żejt tal-fjuwil tqil (HFO) u żjut tal-gass użati f’ċerti impjanti ta’ kombustjoni fuq l-art, issa d-Direttiva tirregola l-aktar il-kontenut ta’ kubrit ta’ fjuwils likwidi użati mill-vapuri (“fjuwils marini”).

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2016/802 jitlob lill-Istati Membri, biex kull sena, sat-30 ta’ Ġunju, jissottomettu rapport lill-Kummissjoni li jispjega l-konformità mal-istandards tal-kubrit tal-fjuwils likwidi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva abbażi tal-verifiki mwettqa fis-sena preċedenti. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali u n-notifiki dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ fjuwils marini, kull sena, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ħtieġa biex ikomplu jissaħħu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva u li tagħmel proposti leġiżlattivi għal dan il-għan.

L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/33/UE kienet it-18 ta’ Ġunju 2014. Minkejja dan, il-bidla ewlenija li rriżultat mid-Direttiva 2012/33/UE, jiġifieri l-użu obbligatorju ta’ fjuwils marini b’kontenut baxx ta’ kubrit fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana deżinjati bħala Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (“SOx-ECAs Ewropej”), ma daħlitx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2015. Konsegwentement, il-Kummissjoni rċeviet l-ewwel rapport tal-Istati Membri dwar il-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda tal-kubrit fl-SOx-ECAs Ewropej, mhux qabel it-30 ta’ Ġunju 2016. Madankollu, meta jitqies li għar-rapporti tagħhom tal-2016 mhux l-Istati Membri kollha kienu għadhom użaw l-għodod u l-mudelli l-ġodda ta’ rappurtar, ix-xenarju fl-UE kollha tal-livell ta’ infurzar u konformità mal-istandards il-ġodda tal-kubrit kien għadu kemxejn kumpless fl-2016. Għalhekk, sabiex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'ħarsa ġenerali aktar stabbli u aggregata tal-livell ta’ infurzar u konformità mal-istandards tal-kubrit aktar stretti għall-fjuwils marini mid-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit fl-SOx-ECAs Ewropej fl-1 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li f’dan ir-rapport uniku tkopri s-snin 2015 sa 2017 b’mod konġunt.

Dan ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-UE li ġew implimentati biex jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-industrija Ewropea tat-trasport marittimu fl-implimentazzjoni, fl-infurzar u fil-konformità mal-emendi miġjuba mid-Direttiva 2012/33/UE. Fl-aħħar nett, dan jindirizza l-assistenza teknika pprovduta mill-pajjiżi ġirien, il-kooperazzjoni internazzjonali, u jressaq xi suġġerimenti għat-tisħiħ ulterjuri ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

F’konformità mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2016/802, il-Kummissjoni diġà indirizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ azzjoni addizzjonali potenzjali tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-arja inkluż mit-trasport marittimu fil-“Pakkett ta’ Politika dwar l-Arja Nadifa” 4 , 5 ta’ Diċembru 2013 li rriżulta minn rieżami profond tal-politiki tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tressaqx proposta leġiżlattiva speċifika li tindirizza l-emissjonijiet tal-vapuri bħala parti mill-Pakkett ta’ Politika dwar l-Arja Nadifa tagħha. Minkejja dan, fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja 6 , il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjoni (Artikolu 5(1)) li tippermetti lill-Istati Membri “jikkumpensaw” għall-obbligi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali totali tagħhom bit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ SO2, tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u tal-materja partikolata fina (PM2,5) li jinkiseb b'miżuri addizzjonali li jirregolaw it-tniġġis tal-arja mill-vapuri. Madankollu, din il-flessibbiltà proposta, jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tindirizza tnaqqis tal-emissjonijiet tal-vapuri, ma ġietx inkluża fid-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi 7 (id-“Direttiva NEC il-ġdida”). 

Il-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vapuri, inklużi l-emissjonijiet għajr dawk tal-SOx, u l-potenzjal li jkomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dan is-settur. L-inizjattivi li għadhom għaddejjin f’dak ir-rigward huma stabbiliti wkoll fil-qosor f’dan ir-rapport.

2.Bidliet u effetti ewlenin miġjuba mid-Direttiva 2012/33/UE

Fl-2008, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) adottat emendi tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (l-“Anness VI rivedut tal-MARPOL”) li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri. L-Anness VI rivedut tal-MARPOL daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2010 u l-Artikolu 1(6)(b) tad-Direttiva 2012/33/UE introduċa waħda mill-bidliet ewlenin tar-reviżjoni, jiġifieri l-użu obbligatorju tal-fjuwils marini b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.10 % fl-SOx-ECAs mill-1 ta’ Jannar 2015, fid-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (UE) 2016/802).

Bl-istess mod għall-Anness VI rivedut tal-MARPOL, l-Artikolu 1(6)(c) tad-Direttiva 2012/33/UE stabbilixxa wkoll l-użu tal-fjuwils b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.50 % fl-ilmijiet l-oħrajn kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru (“Ilmijiet Ewropej”) lil hinn mill-SOx-ECAs mill-1 ta’ Jannar 2020 (l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/802). Madankollu, b’kuntrast mal-Anness VI rivedut tal-MARPOL, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-rekwiżit fl-UE fl-2020, ma kienx soġġett għal analiżi aktar tard tad-disponibbiltà tal-fjuwils konformi, u għalhekk jiżgura ċertezza tad-dritt mill-bidu u jagħti biżżejjed żmien lill-industrija biex tilħaq tħejji ruħha.

S’issa, l-użu obbligatorju tal-fjuwils marini b’kontenut ta’ kubrit ta’ 0.10 % fl-SOx-ECAs Ewropej minn Jannar 2015 wera li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ilħuq tal-għan tad-Direttiva li tnaqqas l-effetti ta’ ħsara tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit mill-vapuri fuq il-bnedmin u l-ambjent. Aktar minn 93 % tal-vapuri spezzjonati fl-SOx-ECAs irrispettaw il-konċentrazzjonijiet ta’ kubrit aktar stretti li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-konċentrazzjonijiet ta’ diossidi tal-kubrit fl-arja ambjentali fir-reġjuni mal-fruntiera tal-SOx-ECAs (eż. tnaqqis sa 60 % fid-Danimarka 8 , sa 50 % fil-gżira Ġermaniża ta’ “Neuwerk” 9 fil-Baħar tat-Tramuntana u l-gżejjer Żvediżi ta’ Öland (Ottenby) u Gotland (Hoburgen) 10 , u tnaqqis ta’ aktar minn 20 % fir-reġjun ta’ Rotterdam-Rijnmond 11 ).

Ladarba r-rekwiżit ta’ kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.50 % isir effettiv fl-2020, mistenni li jkun hemm ukoll tnaqqis ta’ konċentrazzjonijiet tal-SO2 fl-arja ambjentali għar-reġjuni kostali l-oħrajn kollha fl-UE. Madanakollu, xorta waħda għad irid jiġi determinat jekk il-limitu ta’ kubrit ta’ 0.50 % hux se jġib l-istess benefiċċji bħal-limitu ta’ kubrit ta’ 0.10 % fl-SOx-ECAs Ewropej u b’hekk jippermetti liċ-ċittadini kollha tal-UE jibbenefikaw minn protezzjoni ugwali mit-tniġġis tal-arja mill-vapuri.

3.L-appoġġ tal-Unjoni lill-Istati Membri u lill-industrija sabiex jiffaċilitaw l-infurzar u l-konformità tal-istandards tal-kubrit aktar stretti

Qabel l-1 ta’ Jannar 2015, il-prezz tal-fjuwils marini b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.10 % (“żejt tal-gass marin” jew “MGO”) ġie stmat li huwa bejn 65 u 80 % ogħla mill-prezz taż-żejt tal-fjuwil tqil użat fl-SOx-ECAs sa dak iż-żmien 12 . Ħafna sidien u operaturi tal-vapuri stennew li d-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit ta’ kontenut tal-kubrit ta’ 0.10 % iwassal għal impatti ekonomiċi konsiderevoli li jirriżultaw minn żieda sinifikanti fl-ispejjeż operatorji, speċjalment għas-sidien tal-vapuri b’partijiet kbar mill-attivitajiet tagħhom fl-SOx-ECAs Ewropej. Il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u mekkaniżmi ta’ appoġġ (spjegati aktar fid-dettall hawn taħt) sabiex tappoġġa l-infurzar u l-konformità mal-istandards tal-kubrit aktar stretti u biex tnaqqas l-effetti kollaterali mhux mixtieqa.

 

Madankollu, diversi studji sussegwenti 13 14 15 ikkonkludew li l-introduzzjoni tar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit fl-SOx-ECAs Ewropej ma wasslet għall-ebda telf ta’ traffiku jew bidla sinifikanti għat-trasport bit-triq. Ma nstab l-ebda waqfien fis-servizzi ta’ kumpaniji jew fis-servizzi marittimi, jew tnaqqis fid-dħul tal-merkanzija fil-portijiet fit-Tramuntana tal-Ewropa li jista’ jkun marbut direttament mar-rekwiżiti tal-SOx-ECA, filwaqt li ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ fjuwils konformi. Filwaqt li t-tnaqqis tal-prezzijiet taż-żejt jitqies bħala r-raġuni ewlenija għaliex ma ġie osservat l-ebda effett negattiv mir-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit fl-SOx-ECAs, l-appoġġ tal-UE għall-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati marittimi kkontribwixxa wkoll biex jimminimizza l-konsegwenzi tar-rekwiżiti ta’ livell baxx ta’ kubrit fuq il-kompetittività u l-ishma modali tas-settur.

3.1Il-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli

Bħala segwitu għall-“Għodda għal Trasport fuq l-Ilma Sostenibbli” ta’ Settembru 2011 16 , fl-2013 il-Kummissjoni stabbiliet l-ESSF 17 bħala forum speċjali li jiffaċilita djalogu strutturat u kooperazzjoni fost is-servizzi differenti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati marittimi sabiex tindirizza aħjar l-isfidi tas-sostenibbiltà ambjentali li jiffaċċja s-settur tat-trasport marittimu tal-UE. Minbarra kwistjonijiet tekniċi relatati mad-diversi opzjonjiet ta’ konformità ta’ kontenut baxx ta’ kubrit, l-ESSF jindirizza wkoll il-kompetittività tas-settur tat-trasport marittimu tal-UE u modi ġodda ta’ finanzjament tat-trasport marittimu sostenibbli.

L-ESSF jikkonsisti minn gruppi ta’ esperti plenarji u tekniċi (is-“sottogruppi”) u huwa ppresedut mill-Kummissjoni filwaqt li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) taġixxi bħala segretarjat tekniku. Bħalissa l-ESSF huwa magħmul minn erba’ sottogruppi speċjalizzati 18 , b’kull wieħed minnhom jikkonsisti minn esperti u partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri, u kopresedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u/jew tal-partijiet ikkonċernati. Is-sottogrupp dwar l-“Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kubrit”, aktar tard sostitwit bis-sottogrupp dwar “l-Emissjonijiet fl-Arja mill-Vapuri” kellu rwol ċentrali fl-appoġġ tal-preparazzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit ta’ 0.10 % ta’ kubrit fl-SOx-ECAs Ewropej, u bħalissa qed jappoġġa l-preparazzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit ta’ 0.50 % tal-kontenut ta’ kubrit 19 . Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESSF mhuwiex limitat għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kubrit, u l-Forum indirizza wkoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vapuri u mill-iskart iġġenerat mill-vapuri 20 .

L-ESSF jipprovdi appoġġ konkret u mfassal apposta lill-Istati Membri u lill-industrija fl-oqsma rispettivi tas-sottogruppi. Il-ħidma tiegħu ffaċilitat it-tħejjija ta’ dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni u tal-EMSA, atti ta’ implimentazzjoni u delegati tal-Kummissjoni, sottomissjonijiet (tal-UE) lill-OMI u l-analiżi tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni 21 . L-ESSF jirrifletti l-kooperazzjoni produttiva bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-esperti nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati bil-għan li jissaħħaħ is-settur tat-trasport marittimu tal-UE sostenibbli u kompetittiv. Fid-dawl tas-suċċess tiegħu, il-mandat tal-ESSF ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2018 22 u l-aħħar laqgħa Plenarja tal-ESSF tas-16 ta’ Ottubru 2017 irrakkomandat estensjoni ulterjuri.

3.2L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji tal-vapuri nodfa

Il-Kummissjoni tappoġġa b’mod attiv iż-żieda fis-sostenibbiltà tat-trasport marittimu fl-UE permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji mmirati lejn proġetti ta’ riċerka, żvilupp u użu ta’ teknoloġiji innovattivi jew fjuwils nodfa.

Il-programm “Orizzont 2020” 23 , jikkofinanzja l-proġetti tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) li għandhom l-għan li jtejbu t-teknoloġiji b’appoġġ għat-trasport marittimu sostenibbli (eż. sistemi tat-trattament tal-egżost, magni nodfa u effiċjenti, teknoloġiji ġodda bħal ċelluli tal-fjuwil, elettrifikazzjoni u enerġija mill-propulsjoni rinnovabbli (eż. mir-riħ), idrodinamika msaħħa) u li jħejju lill-industrija tat-trasport marittimu tal-UE biex tissodisfa l-obbligi u tilħaq l-għanijiet ambjentali internazzjonali u tal-Unjoni.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tappoġġa l-promozzjoni tat-trasport marittimu ekoloġiku permezz tal-iffinanzjar ta’ infrastruttura u tagħmir abbord ekoloġiċi. Għas-snin 2014 u 2015 biss, is-CEF (inkluż il-programm “Awtostradi tal-Baħar” 24 ) allokat ’il fuq minn EUR 185 miljun għal studji, azzjonijiet pilota u proġetti infrastrutturali 25 .

Sabiex tindirizza l-isfida tas-settur tat-trasport Marittimu Ewropew għall-aċċess għall-appoġġ finanzjarju mill-banek kummerċjali għall-finanzjament ta’ teknoloġija tat-trasport marittimu ekoloġika, il-Kummissjoni, wara ħidma preparatorja mill-ESSF u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment, żviluppat il-programm ta’ Garanzija ta’ Trasport Marittimu Ekoloġiku (GSG). Il-programm GSG huwa ffinanzjat permezz tas-CEF u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u l-pakkett finanzjarju totali tiegħu jammonta għal EUR 750 miljun. Il-programm mistenni jiġġenera EUR 3 biljuni f’investimenti fis-settur tat-trasport marittimu Ewropew. F’Diċembru 2017, ġiet iffirmata l-ewwel tranżazzjoni fil-programm GSG għall-finanzjament tal-bini ta’ vapur li jaħdem bl-LNG 26 .

3.3Appoġġ tekniku lill-Istati Membri mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

Il-Kummissjoni inkarigat lill-EMSA 27 b’attivitajiet addizzjonali li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit. F’dan il-kuntest, l-EMSA tipprovdi assistenza teknika dedikata lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, seminars ta’ taħriġ 28 , skambju tal-aħjar prattiki u gwida u għodod tekniċi oħra.

Il-Kummissjoni tat ukoll mandat lill-EMSA biex twettaq “ċiklu ta’ żjarat” fl-IStati Membri sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti 29 . Iż-żjarat mill-EMSA normalment jieħdu diversi jiem li matulhom il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali jiġu diskussi fid-dettall mal-awtoritajiet kompetenti differenti (eż. Ministeri, il-Gwardatal-Kosta, kif ukoll l-awtoritajiet lokali bħall-awtoritajiet tal-portijiet). Iċ-ċiklu ta’ żjarat beda lejn l-aħħar tal-2016 u mistenni li jitlesta fl-2021. Sa tmiem l-2017, l-EMSA żaret seba’ Stati Membri. Ir-reazzjonijiet inizjali mill-Istati Membri jenfasizzaw ir-reqqa taż-żjarat u jikkonfermaw kif is-sejbiet tal-EMSA jżidu l-fehim reċiproku u jservu ta’ katalist għad-djalogu nazzjonali u għall-azzjonijiet ta’ segwitu sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali. L-EMSA tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sessjoni ta’ ħidma ta’ nofs it-terminu fl-2019 sabiex tiddiskuti r-riżultati interim. Ladarba żżur l-Istati Membri kollha, l-EMSA se tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapport orizzontali li fih is-sejbiet u l-konklużjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

3.4Il-Kumitat tal-Istati Membri għall-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kubrit

F’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/802, il-Kummissjoni stabbiliet il-Kumitat għall-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kubrit sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni koerenti u effettiva tagħha (minn hawn ’il quddiem, “il-Kumitat”) 30 . Il-Kumitat iltaqa’ għall-ewwel darba f’Ottubru 2014, u s’issa b’kollox iltaqa’ ħames darbiet. Il-Kumitat jassisti lill-Kummissjoni fl-użu tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, fl-abbozzar ta’ sottomissjonijiet lill-OMI, u fl-analiżi tar-riżultati tas-Sottogruppi tal-ESSF dwar l-“Implimentazzjoni” u dwar l-“Emissjonijiet fl-Arja mill-Vapuri”. Bl-involviment attiv tal-Istati Membri, il-Kumitat għandu rwol importanti biex jiżgura implimentazzjoni u infurzar konsistenti u kosteffettiv tad-Direttiva mal-UE kollha, u huwa strumentali għat-tħejjija tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit ta’ 0.50 % ta’ kubrit fl-2020.

4.L-appoġġ għall-verifika tal-konformità tal-limiti tal-kubrit għall-fjuwils marini

Qabel l-2012, fin-nuqqas ta’ klawsoli preċiżi fid-Direttiva dwar in-numru annwali ta’ spezzjonijiet ta’ vapuri u kampjuni tal-fjuwil li għandhom jitwettqu kull sena mill-Istati Membri, in-numru globali tagħhom kien relattivament baxx u varja ħafna bejn Stat Membru u ieħor. Sabiex tibdel din is-sitwazzjoni, id-Direttiva 2012/33/UE tat is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-“metodi ta’ teħid tal-kampjuni” għall-fjuwils marini, id-definizzjoni ta’ “kampjun rappreżentattiv” u l-“frekwenza tat-teħid tal-kampjuni” tal-fjuwils marini (Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2016/802/UE).

Fis-16 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253 31 (minn hawn ’il quddiem “l-Att ta’ Implimentazzjoni”) li tistipula regoli dwar il-proċedura ta’ teħid tal-kampjuni abbord, il-kontroll tal-fornituri tal-bunkers kif ukoll dwar għadd vinkolanti ta’ spezzjonijiet ta’ vapuri u kampjuni tal-fjuwil li kull Stat Membru għandu jwettaq kull sena biex jivverifika l-kontenut tal-kubrit ta’ fjuwils marini li jkun qed jintuża mill-vapuri li jkunu qed joperaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

Wara diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-ESSF, f’Lulju 2015 l-EMSA ppubblikat is-“Sulphur Inspection Guidance” 32 li tikkumplimenta l-Att ta’ Implimentazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat approċċ armonizzat għall-verifika tal-istandards tal-kubrit. Il-Gwida, pereżempju, tispjega kif wieħed għandu juża d-dokumentazzjoni disponibbli dwar il-vapur b’mod effettiv (eż. noti ta’ eżekuzzjoni dwar il-bunker, il-ġurnali ta’ abbord tal-vapur inkluż Kotba dwar ir-Rekords taż-Żejt u Ġurnali ta’ Abbord dwar il-Magna, skandalji tat-tank u rekords tal-bdil taż-żejt tal-fjuwil, pjanti tat-tankijiet jew dijagrammi tal-pajpijiet) għall-kontroll tal-konformità. L-EMSA żviluppat ukoll kors ta’ taħriġ mudell dwar l-infurzar tad-Direttiva li mill-2015 intbagħat lil aktar minn 200 spettur tal-Istat Membri.

4.1Kampjunar ta’ fjuwils marini użati abbord il-vapuri

Il-kampjunar fiżiku ta’ fjuwils marini użat mill-vapuri għall-finijiet tal-verifika tal-kontenut ta’ kubrit tagħhom jenħtieġ li jitwettaq jew permezz tal-analiżi tal-“kampjun tal-bunker” issiġillat jew il-“kampjun rappreżentattiv” li jakkumpanja n-nota ta’ kunsinna tal-bunker u jkun disponibbli abbord, jew billi jinkiseb u jiġi analizzat “kampjun fuq il-post tal-fjuwil” meħud mis-sistema tas-servizz tal-fjuwil tal-vapur.

Filwaqt li l-proċedura tal-OMI għall-analiżi tal-kampjuni tal-bunker f’konformità mar-Regolament 18(8.1) u (8.2) tal-Anness VI tal-MARPOL kienet diġà fis-seħħ, l-Att ta’ Implimentazzjoni ddefinixxa proċedura għat-teħid ta’ kampjun fuq il-post tal-fjuwil abbord mis-sistema tas-servizz tal-fjuwil tal-vapur. Qabel l-Att ta’ Implimentazzjoni, spetturi minn l-UE kollha użaw postijiet differenti fis-sistema tal-pajpijiet tal-vapur għat-teħid ta’ kampjuni, li jista’ jaffettwa l-kontenut ta’ kubrit osservat tal-kampjuni. Sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ proċedura armonizzata fuq livell internazzjonali, il-proċedura tal-Unjoni għat-teħid ta’ kampjuni fuq il-post intbagħtet lill-OMI u dan irriżulta fil-“Guidelines for on-board sampling and verification of the sulphur content of fuel used on-board ships” 33 , li fil-biċċa l-kbira ħadu post il-proċedura definita fl-Att ta’ Implimentazzjoni.

4.2Teknoloġiji oħra tal-kontroll tal-konformità

Għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri jużaw it-teknoloġija tal-kontroll tal-konformità għajr għal kontrolli tad-dokumentazzjoni u kampjunar tal-fjuwil fiżiku sabiex jiksbu indikazzjoni ta’ malajr dwar jekk vapur jidhirx konformi mal-istandards tal-kubrit jew jekk hemmx dubju raġjonevoli li jwassal biex il-vapur issirlu spezzjoni formali sabiex jiġi vverifikat il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwil użat.

“Teknoloġiji tal-kontroll tal-konformità alternattivi” differenti, bħal tagħmir ta’ kampjunar portabbli (li jistgħu jagħtu indikazzjoni kważi immedjata tal-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils li jinsab abbord), teknoloġija ta’ telerilevament u “fittiexa”(sniffers) (analizzaturi tal-gass tal-egżost) li jistgħu jiddeterminaw il-kontenut ta’ kubrit billi jkejlu l-gassijiet tal-egżost tal-vapur filwaqt li jkunu qed joperaw, ġew installati fuq pontijiet, f’punti tad-dħul tal-portijiet, bastimenti tal-għassa u fuq ajruplani żgħar u qed jintużaw jew jiġu ttestjati fi Stati Membri differenti. L-UE qed talloka wkoll fondi biex tappoġġa l-iżvilupp u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji 34 . Barra minn hekk, l-EMSA reċentement kisbet droni / “Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod” (RPAS) 35 li jistgħu jassistu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fid-detezzjoni ta’ tniġġis marittimu (eż. tixrid ta’ żejt) jew fil-monitoraġġ ta’ emissjonijiet fl-arja.

L-użu ta’ dawn it-teknoloġiji alternattivi jista’ jnaqqas l-ispiża globali u ż-żmien assoċjat mal-kontroll tal-konformità tal-istandards tal-kubrit għall-Istati Membri. Il-Kumitat qasam l-esperjenzi dwar l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji tal-kontroll tal-konformità, u s-sejbiet tiegħu ġew kondiviżi mal-OMI 36 . L-Att ta’ Implimentazzjoni jirrikonoxxi b’mod speċifiku l-potenzjal tat-teknoloġiji ta’ verifika ta’ konformità innovattivi u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużawhom.

4.3Frekwenza obbligatorja tal-ispezzjonijiet u l-kampjunar tal-fjuwil

Sabiex tiżgura piż ta’ infurzar ugwali fost l-Istati Membri u kundizzjonijiet ekwi għall-portijiet u l-operaturi tal-UE, id-Direttiva 2012/33/UE tat is-setgħa lill-Kummissjoni tiddefinixxi frekwenza vinkolanti tal-ispezzjonijiet u tal-kampjunar tal-fjuwils marini (l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva (UE) 2016/802) li ġiet stipulata fl-Att ta’ Implimentazzjoni.

Din il-frekwenza hija determinata primarjament mill-għadd annwali ta’ vapuri individwali li jżuru Stat Membru. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253, l-Istati Membri kollha għandhom iwettqu spezzjonijiet tad-dokumentazzjoni tal-vapur fuq mill-inqas 10 % tal-vapuri individwali li jżuru l-portijiet tagħhom. L-Istati Membri jridu jikkumplimentaw il-verifika tad-dokumentazzjoni billi jikkampjunaw u janalizzaw il-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils ta’ bejn 20 u 40 % tal-vapuri spezzjonati dejjem skont jekk l-Istat Membru jkunx imiss (parzjalment) mal-fruntiera ta’ SOx-ECA jew le. Il-frekwenza tal-kampjunar fiż-żoni SOx-ECA hija ogħla minn dik f’ilmijiet Ewropej oħrajn, meta wieħed iqis li l-primjum tal-prezz għal fjuwils marini b’kontenut baxx ta’ kubrit jista’ jinċentiva lill-operaturi biex jirriskjaw penali potenzjali għax ma jużawx fjuwil konformi. L-għażla tal-vapuri li jkunu soġġetti għal kontroll u/jew kampjunar ta’ fjuwil tibqa’ l-prerogattiva tal-ispetturi nazzjonali. F’konformità mal-Att ta’ Implimentazzjoni, in-numru totali ta’ kampjuni tal-fjuwil annwali għal Stat Membru jista’ jiġi aġġustat f’każ li dan jagħmel użu minn teknoloġiji tal-kontroll tal-konformità alternattivi.

Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tirrevedi l-frekwenza ta’ kontrolli u kampjunar fil-futur fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit ta’ 0.50 % ta’ kontenut ta’ kubrit fl-2020, iżda li tintroduċi wkoll approċċ ta’ spezzjoni tal-Unjoni bbażat fuq ir-riskju li jimmira l-isforzi ta’ infurzar lejn l-aktar trasgressuri possibbli. L-iżvilupp ta’ tali mekkaniżmu jeħtieġ li jkun hemm disponibbli informazzjoni sostanzjali dwar mudelli ta’ konformità għat-tipi ta’ vapuri, operaturi, rotot u fornituri tal-fjuwil.

4.4Kampjunar ta’ fjuwils marini waqt li jkunu qed jiġu kkunsinjati għall-vapur

Filwaqt li l-kontroll tal-konformità tal-kontenut ta’ kubrit ta’ fjuwils marini huwa ffukat l-aktar fuq “l-aspett abbord il-vapur”, id-Direttiva 2012/33/UE introduċiet ukoll dispożizzjonijiet biex issaħħaħ il-kontrolli tal-fornituri tal-fjuwil, jiġifieri l-“aspett tal-art” (l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva (UE) 2016/802). L-Istati Membri issa huma obbligati jieħdu azzjoni kontra l-fornituri tal-fjuwils li nstabu li jikkunsinjaw fjuwil marin li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni fuq in-nota tal-kunsinna tal-bunker u biex iżommu reġistru disponibbli għall-pubbliku ta’ fornituri ta’ fjuwils marini sabiex iżidu t-trasparenza. L-Istati Membri huma mitluba wkoll jikkontrollaw lill-fornituri tal-fjuwils marini billi jieħdu kampjuni tal-prodotti tagħhom malli dawn jiġu kkunsinjati lil vapur fil-każ ta’ rapporti rikorrenti ta’ kwistjonijiet allegati ta’ kwalità (“ittri ta’ protesta”) (l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253).

Fl-2016, il-Kummissjoni nediet studju 37 sabiex tkompli tivvaluta l-proċeduri dwar is-sorveljanza u l-liċenzjar tal-fornituri tal-bunkers fl-Istati Membri. L-istudju se jipprovdi wkoll indikazzjonijiet dwar fejn hemm mnejn li jkollhom jissaħħu l-kontrolli tal-fornituri tal-fjuwils marini sabiex tiġi żgurata kunsinna ta’ fjuwils konformi u ta’ kwalità għolja lil vapuri li jżuru l-portijiet tal-UE 38 .

5.Rapporti mill-Istati Membri u t-THETIS-EU

Fil-passat ir-rapporti mill-Istati Membri wrew li mhux biżżejjed li tinkiseb ħarsa ġenerali tal-UE kollha tal-konformità mal-istandards tal-kubrit minħabba nuqqas ta’ dispożizzjonijiet armonizzati dwar il-kontenut u l-format tar-rapporti tal-Istati Membri 39 . Ir-reviżjoni tal-2012 tad-Direttiva dwar il-Kubrit għalhekk tat is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta aktar dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontenut u l-format tar-rapporti annwali tal-Istati Membri.

Għal dak il-għan, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253 jiddefinixxi l-informazzjoni kollha dwar l-infurzar tal-istandards tal-kubrit fil-fjuwils marini li għandha tiġi inkluża fir-rapporti annwali tal-Istati Membri. Ir-rapporti annwali mill-Istati Membri dwar l-azzjonijiet tagħhom sabiex jivverifikaw il-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils użati fl-impjanti ta’ kombustjoni fuq l-art isiru f’konformità ma’ mudell li ntlaħaq qbil fuqu għal użu volontarju fil-Kumitat fl-2016.

Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit fl-SOx-ECAs fl-1 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni inkarigat lill-EMSA biex tiżviluppa “sistema tal-Informazzjoni tal-Unjoni” għar-reġistrazzjoni u l-iskambju ta’ dettalji u sejbiet ta’ spezzjonijiet abbord vapuri, inkluż mill-kampjunar u l-analiżi tal-fjuwil. L-EMSA fasslet it-“THETIS-EU” li saret kompletament operazzjonali fl-1 ta’ Jannar 2015.

THETIS-EU fiha l-oqsma ta’ rappurtar obbligatorji kollha stipulati fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253 u tippermetti monitoraġġ kważi f’ħin reali tar-rekord ta’ konformità tal-vapuri individwali fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri kollha jużaw THETIS-EU (fuq bażi volontarja) u l-pajjiżi ġirien tal-UE jistgħu jingħataw ukoll aċċess għas-sistema fil-futur qarib. THETIS-EU kkontribwiet b’mod sinifikanti għat-titjib fil-kwalità u l-konsistenza tar-rappurtar dwar il-konformità tal-vapuri mal-istandards tal-kubrit fl-UE kollha. Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kif tista’ tkompli tissaħħaħ l-utilità u l-faċilità għall-utent tat-THETIS-EU, u kif is-sistema tista’ tiġi adattata għal ħtiġijiet ta’ infurzar futuri skont id-Direttiva.

F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/253 u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, THETIS-EU tista’ tipprovdi lill-Istati Membri b’sommarju tad-data li tiddaħħal matul is-sena preċedenti u li jista’ jintuża għall-konformità mal-obbligu ta’ rappurtar annwali tagħhom lill-Kummissjoni. Wara deċiżjoni tal-Kumitat, minn Ġunju 2017, fuq il-portal tat-THETIS-EU tal-EMSA saret disponibbli wkoll għall-pubbliku verżjoni aggregata tad-data ta’ spezzjoni tal-kubrit f’THETIS-EU 40 .

6.Il-livell ta’ konformità mal-istandards tal-kubrit għall-fjuwils marini

Bejn l-1 ta’ Jannar 2015 (meta s-sistema saret operazzjonali) u l-31 ta’ Diċembru 2017, f’THETIS-EU ġew irreġistrati ’l fuq minn 28 000 spezzjoni speċifika 41 (medja ta’ madwar 700 sa 900 fix-xahar). Meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel l-Att ta’ Implimentazzjoni u t-THETIS-EU, il-volum ta’ spezzjoni żdied mill-ispezzjoni ta’ vapur wieħed minn kull 1 000 li jżur il-portijiet tal-UE għal madwar vapur wieħed minn kull 10. Madwar 60 % ta’ dawk l-ispezzjonijiet (madwar 16 500) twettqu fiż-żona tal-Baħar Baltiku u dik tal-Baħar tat-Tramuntana, bil-bqija f’żoni oħra marittimi Ewropej. Fl-istess perjodu, ġew irreġistrati madwar 1 350 nonkonformità 42 (madwar 5 % tan-numru totali ta’ spezzjonijiet). Aktar minn 80 % ta’ dawk il-każijiet instabu fl-SOx-ECAs u l-bqija (il-biċċa l-kbira relatati mal-użu ta’ fjuwils mhux konformi minn vapuri rmiġġati) fiż-żoni l-oħra marittimiEwropej.

Kif indikat fil-graff hawn taħt, in-numru totali ta’ spezzjonijiet annwali rrappurtati żdied b’mod sinifikanti bejn l-2015 u l-2017 filwaqt li n-numru annwali ta’ nonkonformitajiet irrappurtati deher li stabbilizza u naqas b’mod proporzjonali meta mqabbel maż-żieda fl-ispezzjonijiet annwali.

 

   

In-numru vinkolanti annwali ta’ spezzjonijiet u kampjuni tal-fjuwil flimkien mal-format ta’ rappurtar vinkolanti u l-użu tat-THETIS-EU irriżultaw f’rappurtar ħafna aktar dettaljat u komprensiv li jippermetti paragun aħjar tal-isforzi bejn l-Istati Membri. Ir-rata tajba ta’ konformità tixhed l-isforzi tal-industrija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja mit-trasport marittimu filwaqt li ż-żieda sinifikanti fil-monitoraġġ u l-infurzar tal-istandards tal-kubrit mill-Istati Membri wkoll kellha effett ta’ deterrent sinifikanti.

Minkejja l-isforz ta’ infurzar rinforzat b’mod ġenerali, xi Stati Membri għadhom ma jikkonformawx man-numru vinkolanti ta’ spezzjonijiet u kampjunar tal-fjuwil tagħhom kif stipulat fl-Att ta’ Implimentazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-isforzi tal-Istati Membri filwaqt li hi konxja li xi awtoritajiet (tal-ispezzjoni lokali) esperjenzaw dewmien fir-reġistrazzjoni tas-sejbiet tal-ispezzjonijiet tal-kubrit imwettqa fit-THETIS-EU. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni, kif xieraq, rigward l-Istati Membri li mhumiex konformi mal-frekwenza ta’ spezzjoni u kampjunar tal-fjuwil obbligatorja.

Id-data rrappurtata turi wkoll ħtieġa għal azzjoni ta’ infurzar addizzjonali mill-Istati Membri biex jikkontrollaw il-konformità ma’ xi standards tal-kubrit oħra, b’mod partikolari l-massimu ta’ 1.50 % għall-fjuwils użati minn “vapuri tal-passiġġieri li joperaw servizzi regolari” (l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2016/802), li fil-prinċipju jistgħu jinkludu wkoll vapuri tal-kruċiera, barra mill-SOx-ECAs bħal fil-Mediterran u sakemm jitqies li dawk il-bastimenti joperaw fuq servizz regolari 43 , kif ukoll il-kontenut ta’ kubrit u l-kwalità globali tal-fjuwils marini waqt li dawn ikunu qed jiġu kkunsinjati lil vapuri minn fornituri tal-fjuwil (“fornituri tal-bunkers”) (l-Artikolu 13(2)(b)(i) tad-Direttiva (UE) 2016/802).

7.Metodi ta’ konformità alternattivi

L-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/802 jippermetti l-użu ta’ “metodi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet” bħal fjuwils alternattivi, installazzjonijiet jew tagħmir speċjali abbord vapuri bħala alternattivi għall-użu ta’ fjuwils marini b’kontenut baxx ta’ kubrit dejjem jekk l-użu tagħhom jirriżulta fi tnaqqis tal-emissjonijiet ekwivalenti jew saħansitra akbar u li l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti fid-Direttiva jiġu ssodisfati.

Minkejja dan, kif imsemmi wkoll fil-premessa (34) tad-Direttiva (UE) 2016/802, l-użu ta’ metodi alternattivi għall-konformità mal-limiti tal-kontenut ta’ kubrit fl-ilmijiet tal-Istati Membri jenħtieġ li ma jwassalx għal impatti negattivi fuq żoni oħra bħall-ambjent akkwatiku li jirriżultaw minn skariki ta’ tniġġis fl-ibħra jew minn flussi ta’ skart solidu jew żieda sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra 44 . Sa fejn possibbli, il-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità ma’ obbligi li jidhru sovraimposti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 45 .

7.1Sistemi tat-Tindif tal-Gass tal-Egżost

Is-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost (EGCS), jew “purifikaturi”, jipprovdu għall-użu kontinwu taż-żejt tal-fjuwil tqil minħabba li jneħħu l-partikuli tal-kubrit mill-gass tal-egżost billi jgħadduh minn ċirkwit tal-ilma baħar jew tal-ilma ħelu. F’termini ta’ approvazzjoni u użu ta’ sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost, l-Artikolu 9 u l-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/802 jirreferu għar-regoli rilevanti stipulati mill-OMI, filwaqt li għall-vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, l-EGCS għandhom jiġu approvati f’konformità mad-Direttiva 2014/90/UE dwar Tagħmir tal-Baħar 46 . Bl-assistenza teknika tal-ESSF, l-UE tikkontribwixxi fit-tmexxija tad-diskussjonijiet dwar il-qafas regolatorju rigward l-approvazzjoni u l-użu tas-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost fl-OMI 47 .

Il-kontrolli effettivi ta’ rimi (eż. ilma tal-ħasil, skariki) mill-bastiment għal ġol-baħar mill-EGCS huma meħtieġa biex jitnaqqas il-potenzjal tal-effetti negattivi fuq l-ambjent tal-baħar ikkawżati mill-aċidifikazzjoni (bidla fil-valuri tal-pH) jew ir-rilaxxi ta’ metalli tqal li jimpedixxu lill-Istati Membri milli jilħqu l-għanijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-kwalità tal-ilma tas-superfiċje tal-Unjoni 48 . Sabiex tnaqqas aktar l-impatti negattivi tal-EGCS fuq l-ambjent tal-baħar u biex tiżgura l-allinjament mal-Anness VI tal-MARPOL, il-Kummissjoni reċentement ipproponiet li tinkludi r-residwi u l-ilma tal-iskariki mill-EGCS bħala tipi ta’ skart fil-proposta tagħha għal Direttiva “ġdida” dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti 49 .

7.2Gass naturali likwifikat (LNG)

Meta mqabbel mal-żejt tal-fjuwil tqil, l-użu tal-LNG bħala fjuwil alternattiv għandu l-potenzjal li mhux biss inaqqas l-emissjonijiet tal-SOx iżda li jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-NOx u tal-materja partikolata. Madwar id-dinja bħalissa hawn aktar minn 200 vapur (li diġà qed joperaw jew huma ordnati) li jużaw l-LNG bħala fjuwil alternattiv, u jkopru firxa wiesgħa ta’ daqsijiet u tipi ta’ vapuri. Minkejja dan, l-emissjonijiet potenzjali tal-metan (CH4) li jirriżultaw mill-użu ta’ gass naturali fil-magni tal-vapuri jeħtieġ li jiġu kkontrollati sabiex jiġu żgurati l-benefiċċji ambjentali globali tal-użu tal-LNG bħala fjuwil tat-trasport marittimu.

Is-sottogrupp tal-ESSF dwar l-“LNG bħala Fjuwil Marin” jaħdem fuq l-iżvilupp ta’ regoli uniformi li jiżguraw l-użu sikur u sostenibbli tal-LNG fl-UE, kif ukoll fuq livell internazzjonali 50 . Fi Frar 2018, l-EMSA ppubblikat dokument ta’ gwida dwar il-forniment sikur tal-LNG 51 għall-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet tal-portijiet li fil-biċċa l-kbira huwa bbażat fuq il-ħidma, u l-esperjenza tal-esperti fl-ESSF. Id-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi 52 (Anness II, punt 3.1) tipprevedi standardizzazzjoni ulterjuri dwar il-punti ta' riforniment tal-LNG għall-bastimenti tal-baħar u l-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’portijiet Ewropej sabiex tiffaċilita l-operat tagħhom fl-UE kollha. Diversi Stati Membri ħabbru wkoll miżuri ulterjuri sabiex jippromwovu fjuwils alternattivi għat-trasport marittimu fil-“Qafas ta’ Politika Nazzjonali” tagħhom adottat skont id-Direttiva 2014/94/UE 53 .

7.3Elettrifikazzjoni

Minħabba l-qrubija tagħhom għal żoni urbani, il-vapuri rmiġġati jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tniġġis tal-arja fi bliet li għandhom port u għalhekk jimpedixxu l-isforzi biex jintlaħqu l-istandards dwar il-kwalità tal-arja tal-Unjoni stabbiliti fid-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 54 . Sabiex l-emissjonijiet tal-SOx tal-vapuri rmiġġati jkomplu jitnaqqsu, id-Direttiva tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħallu l-vapuri jużaw l-“elettriku max-xatt” jew il-“provvista tal-enerġija fuq l-art” (“OPS”) waqt li dawn ikunu rmiġġati. Il-konnessjoni tal-vapuri mal-OPS tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-NOx u l-PM, u tista’ tiġi promossa lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/94/UE sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-bliet li għandhom port.

F’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u tal-elettriku 55 , l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati japplikaw rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-vapuri rmiġġati, li tista’ tħeġġeġ lis-sidien tal-vapuri jinvestu fit-tagħmir neċessarju abbord sabiex jużaw l-elettriku minn grilja fuq l-art minflok fjuwils marini. Numru ta’ Stati Membri li diġà użaw din l-awtorizzazzjoni 56 .

7.4Approvazzjoni u provi ta’ metodi ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

Sabiex tippromwovi l-ittestjar u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex japprovaw u jagħtu perjodi ta’ prova qabel l-approvazzjoni, ta’ metodi ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fuq vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom. L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/802 jirrikjedi lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat tal-port ikkonċernat bl-intenzjoni tagħhom li jagħtu tali perjodu ta’ prova sitt xhur qabel il-bidu tiegħu u dwar ir-riżultati kompleti tiegħu wara li dan jintemm. Filwaqt li mit-18 ta’ Ġunju 2014 (l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/33/UE), ħames Stati Membri nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu permessi ta’ prova lil 26 vapur f’konformità mal-Artikolu 10, sfortunatament jidher li mhux l-Istati Membri kollha nnotifikaw il-provi ppjanati tagħhom u r-riżultati ta’ dawn, fil-perjodi ta’ żmien applikabbli stipulati fid-Direttiva.

Il-Kummissjoni se ssegwi kif xieraq il-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti rigward il-provi, inkluż ta’ bastimenti li ma jtajrux bandiera tal-UE u li joperaw fl-ilmijiet tagħhom, sabiex tiżgura t-trasparenza sħiħa tal-benefiċċji ambjentali tal-metodi l-ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex jiġi evitat li ċerti vapuri jibbenefikaw minn perjodi ta’ prova twal b’mod illeġittimu. THETIS-EU tista’ tiġi adattata wkoll biex tipprovdi għan-notifika ta’ permessi ta’ prova mill-Istati Membri.

8.Appoġġ addizzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri

8.1It-tħejjija għall-infurzar tal-limitu massimu globali ta’ kubrit ta’ 0.50 %

F’Ottubru 2016, filwaqt li qieset il-konklużjonijiet ta’ valutazzjoni tad-disponibbiltà globali tal-fjuwils konformi, l-OMI ħadet id-deċiżjoni importanti li żżomm l-2020 bħala d-data għad-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu globali ta’ kubrit ta’ 0.50 % 57 . L-appoġġ tal-UE u l-Istati Membri kien kruċjali għall-ksib ta’ din id-deċiżjoni li se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri għaċ-ċittadini madwar id-dinja kollha.

B’segwitu għall-mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ tal-Unjoni kif deskritti f’dan ir-rapport, l-Istati Membri tal-UE huma mħejjija sew biex mill-2020 jinfurzaw b'mod effettiv il-kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.50 %. Madankollu, fil-livell internazzjonali jeħtieġ li ssir ħidma konsiderevoli bħala tħejjija għall-konformità globali mal-limitu massimu ta’ kubrit ta’ 0.50 % stipulat fl-Anness VI tal-MARPOL, u l-infurzar tiegħu. Il-preparazzjoni effettiva hija essenzjali għas-salvagwardja ta’ kundizzjonijiet globali ekwi għall-operaturi u sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mill-vapuri madwar id-dinja, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni kostali qrib rotot internazzjonali intensivi tat-trasport marittimu.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE, bl-appoġġ tas-sottogrupp tal-ESSF dwar l-Emissjonijiet fl-Arja mill-Vapuri, jikkontribwixxu b’mod attiv għad-diskussjonijiet dwar it-tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu globali tal-kubrit fl-OMI inkluż billi jikkondividu l-esperjenza estensiva tagħhom dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit fl-SOx-ECAs Ewropej mill-perspettiva tal-Amministrazzjoni kif ukoll dik tal-operatur 58 .

8.2Dimensjoni esterna tad-Direttiva dwar il-Kubrit

L-EMSA tipprovdi attivitajiet tal-bini ta’ kapaċità, bħal taħriġ dedikat dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE inkluż dwar l-emissjonijiet fl-arja mill-vapuri għal amministrazzjonijiet marittimi u spetturi ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi li jaqgħu taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat bil-għan li jissaħħaħ l-infurzar tal-istandards tal-kubrit u li tiġi approssimata l-leġiżlazzjoni tal-acquis tal-Unjoni (b’appoġġ għall-proċess ta’ adeżjoni li għadu għaddej / ippjanat tagħhom 59 , 60 ). L-appoġġ tal-EMSA jinkludi l-iffaċilitar tal-aċċess futur għat-THETIS-EU.

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija 61 ddeċieda li jemenda t-Trattat billi jinkorpora d-Direttiva dwar il-Kubrit u l-Att ta’ Implimentazzjoni 62 . Dan l-allinjament regolatorju se jgħin biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-SOX f’reġjuni tal-viċinat.

Bħala parti mill-Anness VI tal-MARPOL, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (il-“Konvenzjoni ta’ Ħelsinki”), u bħala stat riparju tal-SOx-ECA Baltika, il-Federazzjoni Russa kellha rwol importanti fil-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ kontenut baxx ta’ kubrit minn vapuri li jżuru l-portijiet Russi fil-Baħar Baltiku jew li jtajru l-bandiera tar-Russja. Sforzi bħal dawn huma kruċjali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari fl-SOx-ECA Baltika u l-aċċess għat-THETIS-EU jista’ jappoġġa dawk l-isforzi ta’ infurzar.      

8.3Iż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tan-Nitroġenu fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana

Wara l-Pakkett ta’ Politika dwar l-Arja Nadifa tal-2013 tal-Kummissjoni, u f’konformità mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2016/802, il-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vapuri, inkluż l-emissjonijiet għajr dawk tal-SOx, u l-potenzjal li jkompli jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mis-settur. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) mill-vapuri jikkontribwixxu għall-problemi tal-kwalità tal-arja lokali fl-UE (ikkważati minn żieda fil-konċentrazzjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) fl-arja ambjentali) u għall-ewtrofikazzjoni tal-ibħra Ewropej.

Bi tweġiba għat-talba konġunta tal-istati riparji bil-fruntiera mal-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana, f’Lulju 2017, l-OMI ddeżinjat iż-żewġ ibħra bħala “Żoni għall-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tan-Nitroġenu” (NOx-ECAs) 63 . Dan jimplika li magna installata fuq vapur mibni wara l-1 ta’ Jannar 2021 u li jopera fil-Baħar Baltiku jew fil-Baħar tat-Tramuntana se jkollha tkun konformi mar-rekwiżiti tal-magni tal-“Livell III” stipulati fl-Anness VI tal-MARPOL. Mingħajr dawn il-miżuri ta’ kontroll, l-emissjonijiet tal-NOx mit-trasport marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana kienu jikkontribwixxu bejn 7 % u 24 % tal-konċentrazzjonijiet medji annwali tal-arja ambjentali ta’ NO2 fl-istati riparji tal-Baħar tat-Tramuntana sal-2030, filwaqt li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-magni ta’ “Livell III” tista’ tnaqqas l-ewtrofikazzjoni f’diversi żoni fil-Baħar Baltiku b’bejn 20 u 30 % 64 .

8.4Azzjoni ulterjuri dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri

L-istandards dwar il-kwalità tal-arja tal-Unjoni jibqgħu jinqabżu f’ħafna bliet u reġjuni kostali fl-UE kollha, u dan jitlob għal azzjoni u miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja mis-sorsi kollha ta’ kontribuzzjoni differenti, inkluż it-trasport marittimu. Filwaqt li mill-2020, iċ-ċittadini Ewropej kollha se jibbenefikaw minn tnaqqis tal-emissjonijiet tal-SOx mit-trasport marittimu wara d-dħul fis-seħħ tal-istandard ta’ 0.50 % ta’ kubrit, mhu previst l-ebda tnaqqis immedjat ta’ emissjonijiet tal-NOx mit-trasport marittimu lil hinn mill-NOx-ECAs tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana anke jekk l-istandards dwar il-kwalità tal-arja tal-UE għall-NO2 spiss jinqabżu fir-reġjuni kostali tan-Nofsinhar tal-Ewropa 65 .

Fl-2017, il-Kummissjoni nediet studju biex tidentifika l-benefiċċji tas-saħħa u l-ispejjeż assoċjati tad-deżinjazzjoni taż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet (kemm għall-emissjonijiet tal-SOx kif ukoll għal dawk tal-NOx) fl-ibħra Ewropej barra mill-Baħar Baltiku u dak tat-Tramuntana. L-istudju se jivvaluta wkoll il-benefiċċji tat-tnaqqis fil-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils marini minn 0.50 % għal 0.10 % fl-ibħra Ewropej lil hinn mill-SOx-ECAs mill-2020. Il-Kummissjoni inkarigat ukoll lill-EMSA biex tiżviluppa inventarji tal-emissjonijiet totali tal-vapuri (SOx, NOx u PM) fl-ilmijiet Ewropej kollha bbażati fuq id-data ta’ attività tal-vapuri.

Il-ħidma fuq iż-żewġ kompiti jenħtieġ li tiġi ffinalizzata fl-2018. Din se tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw aħjar l-impatt tal-emissjonijiet tal-vapuri fuq il-kwalità tal-arja fir-reġjuni kostali b’appoġġ għall-istabbiliment ta’ politiki u miżuri xierqa li jistgħu jkomplu jnaqqsu l-kontribuzzjoni tat-trasport marittimu għat-tniġġis tal-arja fl-Unjoni. Barra minn hekk, dan jista’ jinforma wkoll id-diskussjonijiet, skont il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona” li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, dwar il-fattibbiltà ta’ deżinjazzjoni futura tal-Baħar Mediterran, jew partijiet minnu, bħala SOx-ECA.

9.Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-konformità, u azzjonijiet futuri

Wara t-tħejjija bir-reqqa u l-kollaborazzjoni tajba mal-Istati Membri u l-industrija u fosthom, kif deskritt f’dan ir-Rapport, sar progress sod fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE mill-aktar reviżjoni riċenti tagħha fl-2012 (illum kodifikata bħala d-Direttiva (UE) 2016/802). Bħala riżultat tar-rata tajba ta’ konformità mal-istandards tal-kubrit u l-infurzar imsaħħaħ tagħhom, il-konċentrazzjonijiet tal-SO2 fir-reġjuni kostali, b’mod partikolari l-SOx-ECAs, naqsu b’mod sinifikanti filwaqt li l-impatti ekonomiċi globali fuq is-settur baqgħu minimi.

L-esperjenza tal-industrija u tal-Istati Membri fit-tħejjija għall-bidla għal kontenut ta’ kubrit 0.10 % fi fjuwils marini fl-1 ta’ Jannar 2015 fl-SOx-ECAs Ewropej u l-kontroll tal-konformità, ipprovdiet tagħlimiet siewja li jistgħu jiġu replikati f’reġjuni Ewropej oħrajn u fuq livell internazzjonali fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu globali ta’ kubrit ta’ 0.50 % fl-2020.

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2016/802, u abbażi tar-rapporti ta’ infurzar li rċeviet għas-snin 2015 sa 2017 u ta’ żviluppi rilevanti oħrajn kif deskritt f’dan ir-Rapport, il-Kummissjoni evalwat il-ħtieġa ta' tisħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva jew kwalunkwe proposta leġiżlattiva xierqa għal dak il-għan. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, sabiex tiżgura li r-rati ta’ infurzar u konformità tal-limitu ta’ 0.50 % stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/802 ikunu ta’ livell simili għal dak li hemm bħalissa fl-SOx-ECAs, se tivvaluta l-ħtieġa tar-reviżjoni tal-frekwenza tal-ispezzjoni u tal-kampjunar, it-tisħiħ tat-THETIS-EU sabiex tipprovdi għan-notifika tal-provi u l-użu ta’ teknoloġija moderna għall-kontroll tal-konformità (eż. minn fittiexa u droni) u ż-żieda fil-kontroll tal-fornituri tal-fjuwils marini li jiffaċilitaw immirar ibbażat fuq ir-riskju aktar avvanzat ta’ bastimenti possibbilment mhux konformi. Sabiex takkomoda dawn il-bidliet possibbli, il-Kummissjoni inter alia se tqis l-emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni u se tagħmel l-użu tat-THETIS-EU obbligatorju. Il-Kummissjoni se tinvestiga wkoll il-penali li l-Istati Membri imponew fuq operaturi mhux konformi u tivvaluta jekk dawn għandhomx effett verament dissważiv. Barra minn hekk, flimkien mal-Istati Membri, u bl-appoġġ tal-EMSA, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b’mod attiv lill-pajjiżi ġirien tal-UE fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-SOx mill-vapuri u fit-tħejjija mill-OMI għad-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu globali tal-kubrit.

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2016/802, il-Kummissjoni se tkompli tqis ukoll il-potenzjal, inkluż l-ispejjeż u l-benefiċċji, għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri, li jkopri wkoll l-emissjonijiet għajr dawk mill-SOx.

Dawn l-azzjonijiet previsti jippermettu liċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn tnaqqis fit-tniġġis tal-arja kkawżat mill-vapuri, ikomplu jtejbu l-kosteffettività tal-infurzar tal-istandards tal-kubrit inklużi fid-Direttiva, jiffaċilitaw id-djalogu internazzjonali u jiżguraw il-progress lejn settur tat-trasport marittimu tal-UE sostenibbli u kompettitiv f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati marittimi.

(1)

ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13

(2)

ĠU L 327, 27.11.2012, p. 1

(3)

ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58

(4)

Ara: VITO, Marzu 2013, “Specific evaluation of emissions from shipping including assessment for the establishment of possible new emission control areas in European Seas”

(5)

Ara: http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/index.htm

(6)

COM(2013) 920 final

(7)

ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1

(8)

Il-Ministeru Daniż għall-Ambjent u l-Ikel, Novembru 2016, “Sulphur content in the air halved since 2014”, ara: http://en.mfvm.dk/news/news/nyhed/sulphur-content-in-the-air-halved-since-2014/

(9)

Kattner et al., 2015, “Monitoring compliance with sulfur content regulations of shipping by in-situ measurements of ship emissions”, u Seyler et al., 2017, “Monitoring shipping emission in the German Bight using MAX-DOAS measurements”

(10)

IVL - l-Istitut Żvediż għar-Riċerka Ambjentali, Novembru 2015, “Reduced sulphur content in air after tightening of ship fuel regulations”, ara: http://www.ivl.se/

(11)

L-Aġenzija ta’ Rotterdam Rijnmond għall-Protezzjoni Ambjentali (DCMR), Lulju 2015, “Cleaner air from cleaner shipping”, ara: http://www.dcmr.nl/nieuws/nieuwsberichten/2015/07/schonere-scheepvaart.html

(12)

Ara: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, Diċembru 2010, “The 0,1 % sulphur in fuel requirement as from 1 January 2015 in SECAs – An assessment of available impact studies and alternative means of compliance”

(13)

CE Delft, April 2016, “SECA Assessment: Impacts of 2015 SECA marine fuel sulphur limits - First drawings from European experiences”

(14)

Stħarriġ tal-European Community Shipowners’ Associations (ECSA) imwettaq fil-kuntest tas-sottogrupp tal-ESSF dwar il-Kompetittività (ippreżentat lill-Plenarja tal-ESSF fis-26 ta’ Jannar 2016)

(15)

L-Università Teknika tad-Danimarka, “Mitigating and reversing the side-effects of environmental legislation on Ro-Ro shipping in Northern EuropeRoRo SECA”, implimentat mill-15 ta’ Ġunju 2015 sal-14 ta’ Ġunju 2017

(16)

COM(2013) 475 final

(17)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti dwar is-sostenibbiltà tat-trasport marittimu - Il-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF), C(2013)5984 final

(18)

 L-Emissjonijiet fl-Arja mill-Vapuri; il-Gass Naturali Likwifikat Marittimu; is-Sistemi tat-Tindif tal-Gass tal-Egżost; il-Kompetittività

(19)

 Ara r-Reġistru tal-Kummissjoni tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni, Nru E02869, http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?Lang=MT

(20)

Is-sottogruppi li ġejjin lestew il-mandat tagħhom u ġew sussegwentement magħluqa: Finanzjament; Riċerka u Żvilupp; Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Port; Monitoraġġ, Rappurtar u Verifika tal-emissjonijiet tad-CO2 mit-trasport marittimu

(21)

Għal lista ta’ riżultati żur: http://emsa.europa.eu/main/sustainable-toolbox/relevant-eu-projects.html

(22)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2016 - C(2015)9741

(23)

Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE (2014 – 2020), ara wkoll:

https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/area/transport

(24)

Ara wkoll: https://ec.europa.eu/inea/en/connecting-europe-facility/cef-transport/cef-transport-motorways-sea

(25)

Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2016)326 final, tat-30 ta’ Settembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għat-Trasport Marittimu tal-UE 2009-2018, paragrafu 52

(26)

Ara: https://ec.europa.eu/commission/news/juncker-plan-france-signature-first-green-financing-maritime-sector-2017-dec-12_en  

(27)

Abbażi tal-“ftehimiet ta’ kooperazzjoni” bejn DĠ Ambjent u l-EMSA, ara: http://www.emsa.europa.eu/partnerships/operational-agreements.html

(28)

Ara l-pjan ta’ taħriġ sħiħ tal-EMSA dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-Istati Membri: http://emsa.europa.eu/implementation-tasks/training-a-cooperation/trainings-for-member-states.html

(29)

L-Artikolu 3 tar-Regolament 1406/2002/KE jipprevedi li l-EMSA twettaq żjarat lill-Istati Membri sabiex tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u tal-verifika tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni. Ara: http://www.emsa.europa.eu/visits-to-member-states/reduction-sulphur-content-of-certain-liquid-fuels.html

(30)

Ikkonsulta r-Reġistru tal-Komitoloġija tal-Kummissjoni għall-“Kumitat għall-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontenut ta’ Kubrit fi Fjuwils Marini”, http://ec.europa.eu/transparency/regcomitology/index.cfm?CLX=mt

(31)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/253 tas-16 ta’ Frar 2015 li tistipula r-regoli rigward il-kampjunar u r-rappurtar skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontentut tal-kubrit tal-fjuwils marittimi, ĠU L 41, 17.2.2015, p. 55

(32)

“EMSA Sulphur Inspection Guidance under Council Directive 1999/32/EC” ta’ Lulju 2015

(33)

MEPC.1/Circ.864 tad-9 ta’ Diċembru 2016

(34)

Ara pereżempju l-proġett COMPMON: https://compmon.eu/

(35)

Ara: http://www.emsa.europa.eu/operational-scenarios.html

(36)

PPR 5/13/5 tal-OMI dwar proposta għall-implimentazzjoni konsistenti tar-Regolament 14.3.1 tal-Anness VI tal-MARPOL

(37)

Ara l-avviż dwar il-kuntratt 2016/S 130 – 232460 tat-8 ta’ Lulju 2016

(38)

Il-fjuwils marini bħalissa jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils (id-Direttiva 98/70/KE). Madankollu, fid-dawl tal-kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 0.50 % fl-2020, qed jiġu żviluppati tipi ġodda ta’ fjuwils (inkluż taħlitiet ta’ prodotti bbażati fuq iż-żejt), u jkun utli li jiġu wkoll ikkontrollati aħjar parametri tal-kwalità ta' fjuwil oħra barra mill-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-fjuwils il-ġodda.

(39)

Ara wkoll il-Premessa (18) tad-Direttiva 2012/33/UE

(40)

Ara: https://portal.emsa.europa.eu/web/thetis-eu/home

(41)

Status fit-30 ta’ Diċembru 2017

(42)

Identifikati mill-kontrolli tad-dokumentazzjoni li jidentifikaw “ġurnali ta’ abbord tal-vapuri” skorretti / mhux kompluti, proċeduri tal-“Bdil tal-Fjuwil”, Noti ta’ Kunsinna tal-Bunker u rekords għall-funzjonament tal-Metodi tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet, jew mill-analiżijiet ta’ kampjuni tal-fjuwil li jindikaw skorrimenti tal-kontenut massimu ta’ kubrit permess.

(43)

Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Jannar 2014, wara talba ta’ deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Genova (l-Italja), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-537/11 ipprovdiet ċerti kundizzjonijiet sabiex tasserixxi li vapur tal-kruċiera partikolari għandu jitqies vapur tal-passiġġieri li jopera servizz regolari.

(44)

Billi jippermettu l-użu ta’ metodi ta’ konformità alternattivi għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva, l-Istati Membri ma jinħelsux mill-obbligi tagħhom stabbiliti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni oħra bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE), id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE), jew id-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (id-Direttiva 2000/59/KE).

(45)

L-aċċettabbiltà tal-iskariku tal-ilma tal-ħasil minn sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost hija waħda minn dawn il-kwistjonijiet. Ara: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/acceptability_of_discharges_of_scrubber_wash_water.pdf

(46)

ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146–185

(47)

L-UE ssottomettiet diversi dokumenti lill-OMI dwar l-EGCS, bħall-MEPC 71/9/1 tal-OMI dwar reviżjoni tal-Linji Gwida tal-OMI għas-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost, l-IMO 5/11 dwar il-proċedura ta’ kampjunar armonizzata fuq livell globali għall-ilma mormi, u l-IMO 5/11/1 dwar il-ħsara aċċidentali, il-funzjonament ħażin tal-istrumenti, in-nonkonformità temporanja perċepita u l-prestazzjoni tranżitorja ta’ bastimenti mgħammra bil-purifikaturi

(48)

Eż. id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (“id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”) u d-Direttiva 2008/56/KE li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (“id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina”))

(49)

COM(2018)33 final

(50)

Ara pereżempju s-sottomissjonijiet lill-OMI: MSC 94/11/1 dwar nota ta’ kunsinna ta’ bunker standard tal-LNG u MSC 94 11/2 tal-OMI dwar konnetturi standard

(51)

 Ara: http://www.emsa.europa.eu/news-a-press-centre/external-news/item/3207-guidance-on-lng-bunkering-to-port-authorities-and-administrations.html  

(52)

 ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1-20

(53)

Ara wkoll is-sommarju tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali għal infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2017-11-08-mobility-package two/summary_of_national_policy_frameworks_on_alternative_fuels.pdf

(54)

ĠU L 152 ,11.6.2008, p. 1 – 44

(55)

ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51

(56)

Eż. il-Ġermanja, l-Iżvezja u d-Danimarka (id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill: 2014/722/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014, 2014/725/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 u (UE) 2015/993 tad-19 ta’ Ġunju 2015

(57)

Ara: http://www.imo.org/en/mediacentre/pressbriefings/pages/mepc-70-2020sulphur.aspx

(58)

L-UE u l-Istati Membri bagħtu sottomissjonijiet speċifiċi lill-OMI (eż. l-MEPC 70/INF.41 u l-PPR 5/13/5) u jipprevedu s-sottomissjoni ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali.

(59)

F’Mejju 2014 sar taħriġ iddedikat dwar it-tniġġis tal-arja għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati. Fl-ewwel tliet xhur tal-2018 huwa previst taħriġ ieħor ta’ jumejn. Ara: http://www.emsa.europa.eu/implementation-tasks/training-a-cooperation/training-for-candidates-a-potential-candidates.html

(60)

L-EMSA tipprovdi assistenza teknika taħt il-proġett “TRACECA” lil pajjiżi benefiċjarji bil-fruntiera mal-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju, u lil benefiċjarji fir-reġjun tal-Viċinat tan-Nofsinhar taħt il-proġett “SAFEMED IV”. Iż-żewġ proġetti, ta' EUR 4 miljuni l-wieħed, huma ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI).

Ara: http://emsa.europa.eu/implementation-tasks/training-a-cooperation.html

(61)

 Il-Komunità tal-Enerġija hija organizzazzjoni internazzjonali li tikkonsisti mill-UE u mill-Albanija, mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Georgia, mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mill-Kosovo, mill-Moldova, mill-Montenegro, mis-Serbja u mill-Ukrajna. Hija għandha l-għan li twessa' s-suq intern tal-enerġija tal-UE għar-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed.

(62)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali 2016/15/MC-EnC tal-14 ta’ Ottubru 2016

(63)

Ara: http://www.imo.org/en/MediaCentre/MeetingSummaries/MEPC/Pages/MEPC-70th-session.aspx  

(64)

Ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-70 u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-approvazzjoni u l-adozzjoni ta’ emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL fir-rigward tad-deżinjazzjoni u s-seħħ effettiv tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidu tan-Nitroġenu (NECA), COM(2016)617 final

(65)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), Ottubru 2017, “Air quality in Europe - 2017 report”