Brussell, 22.3.2018

COM(2018) 145 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti

1. INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti ( 1 ) (ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti) jistipula regoli għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis, għall-minimizzazzjoni, u sa fejn huwa prattikabbli, għall-eliminazzjoni ta’ aċċidenti, ta’ korrimenti u ta’ impatti avversi oħra fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżati mir-riċiklaġġ tal-bastimenti. Għal dan l-għan, ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jirrikjedi b’mod partikolari li l-vapuri jkollhom abbord inventarju ta’ materjali perikolużi, minn diversi dati stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament u skont l-istatus tal-bastiment.

Ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati, kif imsemmi fl-Artikolu 5(8), bil-ħsieb li “taġġorna l-lista ta’ oġġetti għall-inventarju tal-materjali perikolużi fl-Annessi I u II biex tiżgura li l-listi jinkludu għall-inqas is-sustanzi elenkati fl-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong”. L-Artikolu 5(8) jiddikjara wkoll li “il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull sustanza li tkun ser tiżdied jew titneħħa mill-Annessi I jew II”.

2. BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. Skont dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Mill-Kummissjoni huwa mistenni wkoll li tħejji rapport dwar is-setgħat delegati, sa mhux iktar tard minn disa’ (9) xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. B’konformità mal-Artikolu 24(2), id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Matul il-perjodu kopert b’dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa delegata msemmija fl-Artikolu 5(8). Ir-raġuni hi li minkejja li l-Konvenzjoni ta’ Hong Kong ġiet adottata, għadha ma daħlitx fis-seħħ. Għalhekk, għadhom ma jistgħux jiġu rreveduti l-kontenuti tagħha u ma jistgħux jiġu miżjuda sustanzi addizzjonali fl-Appendiċijiet tagħha. Billi attwalment l-Annessi tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jinkludu s-sustanzi kollha elenkati fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, ma hemmx bżonn ta’ atti delegati.

(1)

 ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1-20.