Brussell, 19.1.2018

COM(2018) 36 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (‘SĠP’) li jkopri l-perjodu 2016-2017

{SWD(2018) 23 final}
{SWD(2018) 24 final}
{SWD(2018) 25 final}
{SWD(2018) 26 final}
{SWD(2018) 27 final}
{SWD(2018) 28 final}
{SWD(2018) 29 final}
{SWD(2018) 30 final}
{SWD(2018) 31 final}
{SWD(2018) 32 final}


1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal 1 li jakkumpanjah jivvaluta l-effetti tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (‘SĠP’) matul is-snin 2016-2017, b’fokus fuq il-prestazzjoni tal-benefiċjarji tal-SĠP+. Skont ir-Regolament SĠP 2 dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Permezz tal-SĠP, l-UE tkompli tibqa’ fuq quddiem nett takkumpanja lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jiksbu żvilupp sostenibbli permezz tal-magni ekonomiċi tal-kummerċ. Il-preferenzi kummerċjali bħala faċilitaturi biex jippromwovu l-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien ambjentali huma parti integrali tal-istrateġija tal-Kummissjoni Kummerċ għal kulħadd 3 . Aċċess ġeneruż għas-suq tal-UE jippermetti lill-benefiċjarji tal-SĠP jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz tal-kummerċ internazzjonali u jikkontribwixxi għall-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-governanza tajba.

1.1.Tliet arranġamenti fl-SĠP

L-SĠP għandha tliet arranġamenti differenti ta’ preferenza kummerċjali, li ġew stabbiliti fid-dettall fir-rapport dwar l-SĠP tal-2016 4 u huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

L-arranġament ġenerali (‘SĠP Standard’) jagħti tnaqqis fid-dazji għal madwar 66% tal-linji tariffarji kollha tal-UE lil pajjiżi bi dħul baxx jew medju baxx 5 , li ma jibbenefikawx minn aċċess preferenzjali kummerċjali ieħor għas-suq tal-UE. Matul il-perjodu ta’ rapportar 2016-2017 kien hemm 23 benefiċjarju tal-SĠP Standard (ara Table 1 ).

L-arranġament speċjali dwar l-inċentiv għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Governanza Tajba (‘SĠP+’) jagħti sospensjoni sħiħa tad-dazji għal essenzjalment l-istess 66% tal-linji tariffarji bħall-SĠP Standard lil pajjiżi vulnerabbli eliġibbli f’termini ta’ diversifikazzjoni ekonomika u volumi ta’ esportazzjoni. Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi benefiċjarji jridu jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali ewlenin, kif elenkat fir-Regolament SĠP, li jkopru d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba. Matul il-perjodu ta’ rapportar 2016-2017, kien hemm 10 benefiċjarji tal-SĠP+ (ara t-Tabella 2).

L-arranġament speċjali Kollox Ħlief Armi (‘EBA’) jagħti aċċess sħiħ mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti kollha ħlief l-armi u l-munizzjon għal pajjiżi kklassifikati min-NU bħala Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (‘LDCs’). Minbarra fil-każ tal-SĠP Standard u tal-SĠP+, il-pajjiżi ma jitilfux l-istatus ta’ EBA meta jidħlu fi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) mal-UE. Matul il-perjodu ta’ rapportar 2016-2017, kien hemm 49 benefiċjarju tal-EBA (ara Table 3 ).

Fl-2016, fl-UE daħlu EUR 62.6 biljun f’importazzjonijiet taħt il-preferenzi SĠP maqsuma kif ġej: EUR 31.6 biljun minn pajjiżi fl-SĠP Standard, madwar EUR 7.5 biljun minn benefiċjarji tal-SĠP+ u EUR 23.5 biljun minn pajjiżi fl-EBA (id-dettalji huma mogħtija fit-Tabelli 4 - 7) 6 .

Il-Figuri 1 u 2 hawn taħt jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-importazzjonijiet taħt it-tliet arranġamenti tal-SĠP.