Strasburgu, 16.1.2018

COM(2018) 32 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari:
alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

options to address the interface between chemical, product and waste legislation

{SWD(2018) 20 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari:

alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Introduzzjoni

F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari biex lin-negozji u l-konsumaturi tal-UE tgħinhom jaqilbu għal ekonomija aktar b’saħħitha u aktar ċirkolari fejn ir-riżorsi jintużaw b’mod aktar sostenibbli.

L-azzjonijiet proposti kkontribwew biex “jingħalaq iċ-ċirku” taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti permezz ta’ aktar riċiklaġġ u użu mill-ġdid għall-ġid tal-ambjent u tal-ekonomija. L-għan hu li jinkiseb l-akbar valur u użu ta’ kull materja prima, prodott u skart ħalli jitħeġġeġ l-iffrankar fl-enerġija u jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid jistgħu jixxekklu bil-preżenza ta’ ċerti sustanzi kimiċi. Xi sustanzi kimiċi jistgħu joħolqu xkiel tekniku li jwaqqfu r-riċiklaġġ. Anki sustanza mhux perikoluża, li pereżempju jkollha riħa qawwija, xi drabi tista’ twaqqaf l-użu ta’ materjal riċiklat 1 . Xi sustanzi kimiċi oħra huma perikolużi għall-bniedem jew għall-ambjent. Kulma jmur qed jiżdied l-għadd ta’ dawn is-sustanzi identifikati u qed isiru soġġetti għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet. Dawn is-sustanzi kimiċi jistgħu jkunu preżenti fi prodotti li nbiegħu qabel ma ġew applikati r-restrizzjonijiet, li wħud minnhom ikollhom ħajja twila, u għalhekk xi kultant fil-flussi tar-riċiklaġġ jinstabu xi sustanzi kimiċi projbiti. Dawn is-sustanzi jaf ikun għali biex jinqabdu u jitneħħew, u dan joħloq xkiel b’mod partikolari għar-riċiklaturi żgħar. F’din il-Komunikazzjoni, dawn it-tipi differenti ta’ sustanzi kimiċi nsejħulhom “sustanzi kimiċi ta’ tħassib”.

Il-Komunikazzjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha huma r-riżultat ta’ ħidma trasversali bejn esperti responsabbli għal oqsma leġiżlattivi differenti. Minbarra dan, bejn it-12 ta’ April u s-7 ta’ Lulju 2017 saret konsultazzjoni mmirata estensiva mal-partijiet konċernati li matulha nkiseb il-kontribut ta’ aktar minn 100 espert.

Il-Komunikazzjoni tistħarreġ l-aktar erba’ kwistjonijiet kritiċi identifikati fir-rigward ta’ kif il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart jaħdmu flimkien u kif dawn ixekklu l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari. Abbażi ta’dan, saru wkoll xi mistoqsijiet speċifiċi dwar kif dawn il-kwistjonijiet jistgħu jingħelbu u ġew indikati l-azzjonijiet li l-Kummissjoni diġà se tniedi. Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż, is-servizzi tal-Kummissjoni jipprovdu analiżi aktar elaborata tal-isfidi ġuridiċi u tekniċi li jeħtieġ jiġu diskussi u jissuġġerixxu xi alternattivi possibbli biex jintrebħu dawn l-isfidi.

2.X’inhu l-għan?

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari jsemmi li jridu jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet:

1)ikun jista’ jsir ir-riċiklaġġ u jitjieb l-użu tal-materja prima sekondarja, billi jittaffew il-piżijiet bla bżonn, u teħfief iċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tal-materja prima sekondarja ħalli jkun żgurat li fl-UE tkun tista’ tiġi kkummerċjalizzata faċilment; u

2)issir is-sostituzzjoni tas-sustanzi kimiċi ta’ tħassib u, meta din ma tkunx possibbli, titnaqqas il-preżenza tagħhom u jitjieb it-traċċar tagħhom.

Ħafna drabi, dawn iż-żewġ għanijiet, wieħed li ġej mill-politika dwar l-iskart u l-ieħor mill-politika dwar is-sustanzi kimiċi, tqiesu li jopponu lil xulxin u wasal biex ingħad li qasam ta’ politika wieħed ifixkel milli jintlaħqu l-għanijiet tal-ieħor.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tippromwovi diskussjoni wiesgħa fl-Unjoni dwar kif l-elementi ewlenin identifikati fl-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart jistgħu jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti. Is-soluzzjonijiet jeħtieġ iqisu li dan hu qasam ta’ politika b’ċirkostanzi speċifiċi – ħafna drabi reġjonali jew saħansitra lokali – li għandhom rwol importanti.

Is-soluzzjonijiet imfittxija jeħtieġu l-appoġġ wiesa’ tal-partijiet konċernati involuti li jenħtieġ jiġi implimentat fil-livell xieraq. Mhux bilfors li kull kwistjoni teħtieġ rispons fil-livell tal-UE, jekk fil-livell nazzjonali jew lokali s-soluzzjonijiet jagħtu riżultati aħjar.

3.Erba’ kwistjonijiet identifikati

Fis-suq Ewropew miftuħ u kompettitiv, l-impriżi jipproduċu l-prodotti tagħhom bil-materjali li jidhrilhom li jixirqu l-aktar għall-ħtiġijiet tagħhom. Meta l-iskart ikun ġie trattat biex jerġa’ jidħol fis-suq, dawn il-materjali rkuprati jkollhom il-kompetizzjoni diretta tal-materja prima. Għalhekk, għal kull materjal irkuprat, il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq hi l-aktar b’saħħitha meta tkun kemm jista’ jkun qrib il-materja prima fejn jidħlu r-rendiment u l-kwalità. Dan joħloq firxa usa’ ta’ użi tal-materjal irkuprat.

Il-materjali rkuprati li jkun fihom sustanzi kimiċi ta’ tħassib ma jistgħux jintużaw għax l-użu tagħhom jista’ sempliċiment jagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni tal-prodott li jkun fih il-materjal. Barra minn hekk, xi drabi, dawn il-materjali ma jkunux jistgħu jitħallew jerġgħu jintużaw biex pereżempju jipproduċu materjali ġodda li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

Biex iservi ta’ kontribut għas-suċċess tal-Unjoni li żżid kemm jista’ jkun ir-riċiklaġġ u tnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-materja prima, sar eżami bir-reqqa tar-regoli tal-UE applikabbli għall-immaniġġjar tal-iskart, għas-sustanzi kimiċi u għall-prodotti, u ħarġu fid-dieher erba’ kwistjonijiet ewlenin fejn tidħol l-interfaċċa bejn dawn ir-regoli.

3.1.L-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib mhix disponibbli faċilment għal dawk li jittrattaw l-iskart u jippreparawh għall-irkupru

Fil-biċċa l-kbira, l-iskart ikun fih taħlita ta’ oġġetti magħmula f’ħinijiet differenti li jkunu jissodisfaw standards tal-prodott differenti. Ħafna drabi, il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-iskart ma jkollhomx aċċess għal informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-oġġetti mormija li jkunu qed jittrattaw għax l-informazzjoni ma tkunx teżisti jew ma tkunx disponibbli iżjed meta l-oġġett sar skart. Barra minn hekk, matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom, il-materjali jistgħu jġarrbu kontaminazzjoni aċċidentali.

Eżempju: L-industrija tal-karta tagħmel sforzi biex il-prodott tagħha żżommu sikur u faċilment jiġi riċiklat. Meta l-konvertituri jużaw il-karta għall-istampar, din tista’ tiġi f’kuntatt mal-linka u materjali oħra. Ir-regoli attwali ma jippermettux li r-riċiklaturi tal-karta jkollhom informazzjoni biżżejjed dwar sustanzi kimiċi miżjuda fiċ-ċikli tal-ħajja preċedenti. Dan jillimita r-riċiklaġġ tal-karta u jżid l-ispejjeż għax ikunu jridu jsiru kontrolli addizzjonali u ttestjar 2 . F’xi każijiet riċenti, fl-ikel instabu residwi tal-linka u żjut minerali minħabba l-kuntatt ma’ imballaġġ magħmul mill-karta u l-kartun riċiklati 3 .

Barra minn hekk, l-istudji li għamlu l-Istati Membri dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku tal-iskart juru li f’każijiet rari biss, l-informazzjoni meħtieġa bil-liġi tal-UE qed tiġi trasferita jew issir aċċessibbli għall-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart 4 .

3.1.1.L-għan

Niżguraw li l-informazzjoni xierqa dwar sustanzi kimiċi ta’ tħassib fil-prodotti tkun disponibbli għall-atturi kollha fil-katina tal-provvista u fl-aħħar mill-aħħar issir disponibbli wkoll għall-operaturi tal-iskart. Dan se jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ ċikli tal-materjali mhux tossiċi u se jtejjeb il-ġestjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi waqt it-tiswija u forom oħra ta’ użu mill-ġdid u waqt il-proċessi tal-irkupru tal-iskart.

1.

2.

3.

3.1.

3.1.1.

3.1.2.L-azzjonijiet ippjanati

Flimkien ma’ din il-konsultazzjoni, se titjieb il-bażi tal-evidenza bit-tnedija ta’ studju dwar il-fattibbiltà, li jindirizza setturi rappreżentattivi, dwar l-użu ta’ sistemi differenti tal-informazzjoni, teknoloġiji tat-traċċar innovattivi, u strateġiji li jippermettu l-fluss tal-informazzjoni rilevanti tul il-ktajjen tal-provvista tal-oġġetti u għar-riċiklaturi. Dan l-istudju mistenni jitlesta sa tmiem l-2019. Fost attivitajiet ippjanati oħrajn hemm l-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ ħidma ħalli jkun żgurat li l-oġġetti importati ma jkunx fihom sustanzi li mhumiex awtorizzati biex jintużaw fl-oġġetti magħmulin fl-Ewropa, u hemm proċeduri simplifikati li jillimitaw is-sustanzi CMR 5 fl-oġġetti tal-konsumatur.

 

Mistoqsijiet:

Xi jkun il-valur miżjud jekk fl-Unjoni tiddaħħal sistema obbligatorja tal-informazzjoni li tinforma lill-operaturi tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-irkupru dwar il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib?

Kif għandna nittrattaw l-oġġetti importati fl-Ewropa?

3.2.L-iskart jista’ jkun fih sustanzi li mhumiex permessi aktar fil-prodotti ġodda

Fis-suq kontinwament jitqiegħdu sustanzi kimiċi ġodda, filwaqt li oħrajn jiġu pprojbiti għax jinstab li joħolqu riskju. Dan il-proċess kontinwu jimplika li l-prodotti magħmula legalment illum jaf ikun fihom xi sustanza li fil-futur tiġi pprojbita. Meta l-prodott isir skart u jiġi rkuprat, is-sustanza pprojbita jaf xorta tibqa’ preżenti fil-materjal irkuprat. Din is-sustanza użata fil-passat tissejjaħ “sustanza ta’ legat”.

Eżempju: Hemm diversi eżempji ta’ problemi bis-sustanzi ta’ legat. Ngħidu aħna ġie rrappurtat li fi prodotti tal-plastik riċiklat, fosthom ġugarelli u oġġetti tal-kċina, instabu ċerti ritardanti tal-fjammi bromurati li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi 6 . F’każ ieħor, l-użu ta’ ċerti sustanzi li oriġinarjament ġew miżjuda mal-PVC biex irattbuh issa qed jiġi regolat u għalhekk jekk dawk is-sustanzi fil-PVC riċiklat ikunu jaqbżu l-kwantitajiet speċifiċi, dan m’għandux jintuża jew jitqiegħed fis-suq tal-UE.

3.2.1.L-għan

Ir-riċiklaġġ irid isir aktar faċli u l-użu tal-materja prima sekondarja jrid jitjieb billi jitħeġġu ċ-ċikli tal-materjali mhux tossiċi. Minbarra dan, meta jkunu qed jitqiesu r-restrizzjonijiet tas-sustanzi kimiċi u speċjalment l-eżenzjonijiet għar-restrizzjonijiet, trid tingħata aktar attenzjoni lill-impatti fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-futur tagħhom.

3.2.2.L-azzjonijiet ippjanati

Il-ħruġ tas-sustanzi ta’ legat se jibqa’ joħloq xkiel għall-ekonomija ċirkolari u għalhekk se jittieħdu passi biex tinħoloq metodoloġija speċifika għat-teħid tad-deċiżjonijiet li tappoġġa d-deċiżjonijiet dwar ir-riċiklabbiltà tal-iskart li jkun fih sustanzi kimiċi ta’ tħassib. Din il-metodoloġija se tqis ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji ġenerali tar-riċiklaġġ ta’ materjal partikolari meta mqabbla ma’ dawk tar-rimi tiegħu (inkluż l-inċinerazzjoni bi rkupru tal-enerġija). Din il-ħidma mistennija titlesta sa nofs l-2019.

Irridu nħejju wkoll linji gwida biex ikun żgurat li l-preżenza tas-sustanzi kimiċi ta’ tħassib fil-materjali rkuprati tiġi indirizzata aħjar fl-istadji bikrija tat-tħejjija tal-proposti biex issir ġestjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi ta’ tħassib.

Fl-aħħar nett, qed jiġi kkunsidrat li titfassal leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni biex ikun jista’ jsir kontroll effettiv tal-użu tal-eżenzjoni eżistenti mir-reġistrazzjoni tar-REACH għas-sustanzi rkuprati.

Mistoqsija:

Kif nistgħu nirrikonċiljaw l-idea li l-iskart hu riżorsa li rridu nirriċiklaw u fl-istess waqt niżguraw li l-iskart b’sustanzi kimiċi ta’ tħassib se jiġi rkuprat biss f’materjali li jistgħu jintużaw mingħajr periklu?

Għandna nippermettu li l-materjali riċiklati jkun fihom sustanzi kimiċi li mhumiex permessi aktar fil-materja prima? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

3.3.Ir-regoli tal-UE dwar tmiem l-iskart mhumiex armonizzati għalkollox, u b’hekk it-tranżizzjoni tal-materjali minn skart għal prodott mhix ċerta

Ir-regoli attwali, il-każistika u snin ta’ esperjenza jistabbilixxu meta oġġett ma jkunx għadu tajjeb u sar skart. Meta dan iseħħ, tkun tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Ir-regoli tal-UE dwar l-iskart huma stretti ħalli jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Fl-ekonomija ċirkolari, il-materjali għandhom jitħallew fil-fażi tal-iskart b’mod temporanju biss, għax l-għan hu li dawn jiġu rkuprati u jergħu jiddaħħlu fl-ekonomija biex jieħdu post il-materja prima. F’ħafna każijiet, biex dan iseħħ, il-materjali riċiklati ma jridux jibqgħu jitqiesu bħala skart.

Biex l-iskart li ma jibqax isir skart, dan irid jissodisfa l-hekk imsejħa “l-kriterji ta’ tmiem l-iskart”. Għal xi flussi tal-iskart, dawn il-kriterji ġew stabbiliti fil-livell tal-UE jew nazzjonali. Iżda jonqos il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u ċarezza fuq kif jitħaddmu. Il-kumplessità tal-flussi tal-iskart, tal-proċessi tal-irkupru u tal-materjali rkuprati twassal biex ikun diffiċli li jinħolqu kriterji ta’ tmiem l-iskart applikabbli għall-flussi kollha tal-iskart. Għalhekk, ħafna materjali rkuprati jiġu kummerċjalizzati u użati mingħajr kriterji ta’ tmiem l-iskart u għalhekk b’ċirkostanzi legali mhux ċari u mingħajr trasparenza.

Eżempju: Waqt il-konsultazzjoni mmirata, l-industriji tal-metalli u tal-elettriku rrappurtaw ċerti diffikultajiet biex jiskopru l-istatus tal-iskart jew tal-prodott ta’ materjali bħalma huma l-irmied tal-faħam, il-gagazzi tar-ram jew il-gagazzi tal-ferromolibdenu. Fost l-Istati Membri, u anke bejn reġjuni differenti, jiġu applikati kriterji differenti. Dan iwassal għal problemi fit-trasport transfruntier ta’ dawn il-materjali u xi kultant ikun impossibbli li minn dawn il-materjali jinkisbu ċerti riżorsi siewja, li wħud minnhom huma skart iġġenerat bi kwantitajiet li jlaħħqu l-miljuni ta’ tunnellati fis-sena 7 .

Anki l-inċertezzi dwar l-istatus ta’ materjal bħala skart jew prodott huma kwistjoni għall-awtoritajiet li ta’ spiss isibu diffikultajiet biex jagħrfu liema leġiżlazzjoni tapplika jekk hix dik dwar l-iskart jew dik dwar il-prodott. Din is-sitwazzjoni tiġri pereżempju meta jkun qed jiġi deċiż jekk il-PVC riċiklat li jkun fih id-DEHP għandux jibqa’ jitqies bħala skart jew jekk għandux jiġi trattat bħala prodott.

3.3.1.L-għan

Ir-regoli dwar tmiem l-iskart jiġu interpretati u implimentati b’mod aktar armonizzat madwar l-UE kollha ħalli jeħfief aktar l-użu tal-materjali rkuprat fl-UE.

3.3.2.L-azzjonijiet ippjanati

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-netwerks eżistenti ta’ esperti fl-immaniġġjar tas-sustanzi kimiċi u fl-immaniġġjar tal-iskart u se tħejji repożitorju tal-UE onlajn għal kull kriterju nazzjonali u tal-UE li jiġi adottat b’rabta ma’ tmiem l-iskart u l-prodotti sekondarji. Din se tniedi wkoll studju biex tifhem aħjar il-prattiki tal-Istati Membri fejn jidħlu l-implimentazzjoni u l-verifika tad-dispożizzjonijiet dwar tmiem l-iskart bħala sies għal linji gwida possibbli.

Mistoqsija:

Kif u għal liema flussi tal-iskart irridu niffaċilitaw aktar armonizzazzjoni tar-regoli dwar tmiem l-iskart?

3.4.Ir-regoli li jiddeċiedu liema skart u sustanzi kimiċi huma perikolużi mhumiex allinjati sew u dan jaffettwa l-użu tal-materja prima sekondarja

Il-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi u prodotti perikolużi huma soġġetti għal regoli stretti tal-UE adottati biex iħarsu lill-ħaddiema 8 , liċ-ċittadini u l-ambjent minn danni. Meta jinstab li sustanza kimika tkun perikoluża, din tiġi kklassifikata bħala tali, u dan jiskatta obbligi ċari għall-operaturi biex jiżguraw it-trattament sikur tagħhom.

Bl-istess mod, l-immaniġġjar tal-iskart hu rregolat minn regoli tal-UE adottati bl-istess għanijiet ħalli l-iskart perikoluż jiġi ttrattat mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem. Iżda ż-żewġ settijiet ta’ regoli mhumiex allinjati għalkollox. Hemm sitwazzjonijiet meta l-istess materjal, li jkun fih sustanza perikoluża, jista’ jitqies perikoluż jew mhux perikoluż skont jekk ikunx skart jew prodott. Din id-diskrepanza turi li wieħed ma jistax jassumi li l-materjali li jerġgħu jiddaħħlu fl-ekonomija biex jirkupraw skart mhux perikoluż, bilfors se jwasslu biex isir prodott mhux perikoluż.

Il-mod kif ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart jiġu implimentati u infurzati jħalli konsegwenzi importanti dwar l-għażliet futuri tal-immaniġġjar tal-iskart, fosthom il-fattibbiltà u l-vijabbiltà ekonomika tal-ġbir, il-metodu tar-riċiklaġġ jew l-għażla bejn riċiklaġġ u rimi. Dawn id-diskrepanzi jaf iħallu impatt fuq l-użu tal-materja prima sekondarja.

Eżempju: Il-metall taċ-ċomb għandu klassifikazzjonijiet differenti skont l-istatus tiegħu ta’ skart jew prodott. L-iskart tal-metall taċ-ċomb minn attivitajiet tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ hu elenkat bħala skart mhux perikoluż fil-Lista Ewropea tal-Iskart. Il-metall taċ-ċomb bħala prodott hu klassifikat bħala sustanza perikoluża fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi kimiċi (ir-Regolament CLP) minħabba l-effetti ħżiena li jħalli fuq ir-riproduzzjoni.

Eżempju ieħor hu l-każ tal-iskart tal-PVC flessibbli li jkun fih ċerti addittivi, li ħafna drabi l-operaturi tal-iskart jikklassifikawh (ħażin) bħala skart mhux perikoluż għalkemm il-prodott irkuprat li jirriżulta jiġi klassifikat fir-Regolament CLP bħala taħlita kimika perikoluża.

3.4.1.L-għan

Irid ikun żgurat approċċ aktar konsistenti bejn ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart.

3.4.2.L-azzjonijiet ippjanati

Fiż-żmien li ġej se jiġi ppubblikat dokument gwida dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart biex jgħin lill-operaturi tal-iskart u biex l-awtoritajiet kompetenti jħaddmu approċċ komuni għall-karatterizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-iskart. Minbarra dan, se jitħeġġeġ l-iskambju tal-aqwa prattiki fejn jidħlu l-metodi tal-ittestjar għall-valutazzjoni tas-sustanzi fir-rigward tal-karatteristika perikoluża HP14 “Ekotossiku” bil-ħsieb tal-armonizzazzjoni possibbli tagħhom.

Mistoqsija:

Għandna nkomplu nallinjaw ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli ħalli l-iskart jitqies perikoluż skont l-istess regoli bħall-prodotti?

4.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Dawn l-erba’ kwistjonijiet jikkostitwixxu xkiel importanti għall-ekonomija ċirkolari. Mill-kontribut mogħti, hu ċar li jeżistu xi sfidi fejn tidħol l-applikazzjoni fil-prattika, minħabba d-disponibilità limitata tar-riżorsi u tal-għarfien kif ukoll fejn tidħol il-koordinazzjoni bejn l-atturi differenti fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE.

L-analiżi tagħna turi wkoll li hemm sfidi ġuridiċi. L-aspirazzjoni fit-tul trid tkun li tinkiseb koerenza sħiħa bejn il-liġijiet li jimplimentaw il-politiki dwar l-iskart u s-sustanzi kimiċi. Dan se jgħin biex jintlaħaq l-għan li l-materjali jkunu sikuri, adattati u mfassla għal durabbiltà, għar-riċiklaġġ u b’impatt ambjentali baxx. Il-prodotti jridu jiġu ddisinjati, manifatturati, kkumerċjati u riċiklati bl-anqas użu ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib ħalli jeħfief l-użu mill-ġdid b’mod li jinkisbu l-aktar benefiċċji ekonomiċi u utilità tal-materjali għas-soċjetà filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

L-alternattivi ta’ politika fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ikopru l-kwistjonijiet immedjati u dawk li jistgħu jissolvew maż-żmien. Id-dokument jinkludi diversi alternattivi għal kull kwistjoni u jħeġġeġ riflessjoni dwar il-bilanċ xieraq bejn il-benefiċċji ġenerali fit-tul mill-użu ċirkolari ta’ dawn il-materjali u t-tħassib ġenerali fit-tul għas-saħħa u għall-ambjent li għandhom x’jaqsmu mas-sustanzi kimiċi li jkun fih dak il-materjal.

Jeħtiġilna niċċaraw it-triq lejn ekonomija ċirkolari fl-Unjoni. Fid-dispożizzjoni tagħna għandna għodod li jistgħu jtaffu wħud mid-diffikultajiet, iżda neħtieġu aktar evidenza u kontribut minn madwar l-EU kollha biex niżguraw l-aqwa mod li jindirizza wħud mill-kwistjonijiet usa’.

Nistiednu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-partijiet konċernati biex jinvolvu ruħhom fid-diskussjoni u biex jieħdu pożizzjonijiet dwar l-isfidi identifikati ħalli nkunu nistgħu nistabbilixxu t-triq ’il quddiem lejn ekonomija tassew ċirkolari.

L-ambizzjoni hi li sa tmiem il-mandat ta’ din il-Kummissjoni fl-2019, l-azzjonijiet imwiegħda jkunu diġà qabdu t-triq it-tajba u mirfuda b’evidenza soda. Għaldaqstant, l-istudji l-ġodda mnedija u l-konsultazzjoni li l-partijiet konċernati kollha huma mistiedna jieħdu sehem fiha, se jaqdu rwol importati biex din il-ħidma tkun tista’ titwettaq.

(1)

Dan jista’ jkun il-każ għall-materjali rkuprati li jintużaw bħala materjal ġdid li jiġi f’kuntatt mal-ikel.

(2)

Skont informazzjoni tas-CEPI mogħtija waqt konsultazzjoni mmirata.

(3)

Pereżempju, ara https://chemicalwatch.com/7210/mineral-oils-health-scare-sparks-food-packaging-debate jew id-dokument ta’ pożizzjoni tal-BEUC (ara l-paġna 5) https://www.anec.eu/images/Publications/position-papers/Sustainability/ANEC-PT-2017-CEG-017.pdf .

(4)

Is-sors: Il-kontribut tal-EPA Żvediża u ta’ Franza. L-istudji: Goodpoint, Information on Hazardous Substances in Waste, 2016 (bl-Ingliż) and Goodpoint, Information Transfer on Hazardous Substances, 2017 (bl-Ingliż).

(5)

Sustanzi li jikkawżaw il-kanċer, mutazzjonijiet jew effetti ħżiena fuq ir-riproduzzjoni.

(6)

Ara r-referenza għal diversi studji mogħtija fil-kontribut tal-EEB u l-BEUC. Pereżempju, ara l-paġna 4 ta’ http://eeb.org/publications/81/circular-economy/33789/pops-in-the-circular-economy.pdf  

(7)

Ara l-Eurometaux: https://www.eurometaux.eu/media/1634/eurometaux-response-chemicals-products-waste-interface-stakeholder-c.pdf u l-Eurelectric: http://www.eurelectric.org/media/340047/eurelectric-interface_consultation-final_07072017-2017-2430-0001-01-e.pdf .

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol; id-Direttiva 98/24/KE dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol; id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.