3.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/146


RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1336 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-18 ta’ April 2018

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0099/2018),

A.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Kontrollur”) kienu ħielsa minn żball materjali u li s-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.

Jinnota li fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati b’rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta’ akkwist għall-Kontrollur;

3.

Jinnota li, skont il-proċedura ta’ kwittanza attwali, il-Kontrollur jippreżenta rapporti ta’ attività annwali lill-Qorti f’Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f’Ottubru, u ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja sa Mejju; jinnota li, sakemm ma tiġix posposta l-kwittanza, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta’ kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta’ żmien ħafna iqsar; jisħaq fuq il-fatt li l-proċedura ta’ kwittanza teħtieġ li tiġi semplifikata u li titħaffef; jitlob lill-Kontrollur u lill-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi f’dan ir-rigward li jiġi stabbilit terminu għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ attività annwali sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena kontabilistika u terminu għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tal-1 ta’ Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta’ kwittanza kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali plenarja tal-Parlament, u b’hekk tingħalaq il-proċedura ta’ kwittanza fi żmien sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

4.

Jilqa’ l-ġestjoni finanzjarja ġeneralment prudenti u soda tal-Kontrollur fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla tal-paradigma li rnexxiet lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni introdotta mill-Viċi President Kristalina Georgieva f’Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva “Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati”; iħeġġeġ lill-Kontrollur japplika dak il-metodu għall-proċedura ta’ ppjanar tal-baġit tiegħu stess;

5.

Jinnota li fl-2016, il-Kontrollur kellu baġit allokat totali ta’ EUR 9 288 043 (EUR 8 760 417 fl-2015), u li r-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 91,93 % (94,66 % fl-2015); jinnota t-tnaqqis fir-rata ta’ implimentazzjoni u l-previżjoni tal-Kontrollur għaż-żamma ta’ din ix-xejra fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kontrollur jiddefinixxi l-estimi baġitarji tiegħu b’mod prudenti, filwaqt li jqis iż-żieda prevedibbli fl-attività għas-snin li ġejjin;

6.

Jinnota li l-Kontrollur għadu qed jaħdem fuq it-twaqqif tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; iqis li l-estimi baġitarji għandhom jiżguraw prestazzjoni baġitarja effiċjenti fis-snin li ġejjin;

7.

Jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (1) u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fis-setturi tal-pulizija u tal-ġustizzja (2) se jibdew ikunu eżegwibbli minn Mejju 2018 u se jkollhom jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kontrollur li jżomm ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala punt ta’ referenza għall-ħidma tiegħu;

8.

Jilqa’ l-ħidma li qed iwettaq bħalissa n-Netwerk tal-Inġinerija tal-Privatezza tal-Internet, li huwa grupp magħmul minn esperti tal-IT mis-setturi kollha li jipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar metodi u għodda ta’ inġinerija li jintegraw ir-rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data u l-privatezza fit-teknoloġiji l-ġodda, li hija kwistjoni essenzjali fl-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

9.

Jistieden lill-Kontrollur jipprovdi lista dettaljata tal-missjonijiet imwettqa mill-membri tiegħu fl-2016, li fiha jkunu indikati l-prezz, il-post u l-ispejjeż ta’ kull missjoni; jappella biex il-missjonijiet imwettqa fl-2017 jiġu inklużi fir-rapport ta’ attività annwali li jmiss tiegħu;

10.

Huwa konxju tal-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi biex ikun żgurat kontroll intern effikaċi tal-proċessi sabiex jiggarantixxu l-kisba ekonomika, effiċjenti u effikaċi tal-objettivi tal-Kontrollur; jistieden lill-Kontrollur jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri tar-rapport ta’ attività annwali tiegħu;

11.

Jilqa’ t-tnedija tal-Inizjattiva tal-Kontrollur għar-Responsabbiltà fl-2016, intiża biex tgħammar lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Kontrollur stess bħala kontrollur tad-data, ħalli jmexxu bl-eżempju kif l-istituzzjonijiet għandhom jikkonformaw u juru konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

12.

Jirrimarka li fir-rapport Annwali tal-Awditjar Intern tiegħu għall-2016, ippubblikat lejn tmiem Marzu 2017, l-awditur intern (IAS) identifika ħames rakkomandazzjonijiet importanti b’rabta mas-Sistemi ta’ Kontroll Intern li kienu diġà saru fi snin preċedenti u li għadhom ma ġewx indirizzati; jiddispjaċih li xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni u ma’ politiki dwar il-kontinwità tal-attivitajiet; jinnota li n-nuqqas ta’ Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni jżid ir-riskju li l-informazzjoni ma tiġix protetta biżżejjed, u dan jaf iwassal biex l-informazzjoni tiġi żvelata u r-reputazzjoni tal-Kontrollur tittappan; jilqa’ l-adozzjoni min-naħa tal-Kontrollur tal-Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni fid-19 ta’ Ġunju 2017 minkejja dewmien ta’ aktar minn 14-il xahar; jistieden lill-Kontrollur, speċjalment fid-dawl tan-natura tal-missjoni u l-kompiti tiegħu, biex imexxi bl-eżempju u fil-futur jimplimenta rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien bla bżonn;

13.

Jistieden lill-Kontrollur jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar l-ammonti mħallsa fl-2016 fl-ambitu tal-ftehimiet fil-livell tas-servizz li jinvolvu l-ħlas ta’ drittijiet li jiddependu mill-konsum;

14.

Jilqa’ l-adozzjoni fl-2016 ta’ strateġija għall-opportunitajiet indaqs u l-kunsiderazzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-benesseri fuq il-post tax-xogħol;

15.

Jilqa’ l-inklużjoni ta’ informazzjoni eżawrjenti dwar ir-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur fir-rapport ta’ attività annwali tiegħu;

16.

Jitlob li fir-rapport ta’ attività annwali tal-Kontrollur tingħata ħarsa ġenerali lejn it-taqsimiet dwar il-ġestjoni tal-akkwisti u tal-missjonijiet, biex tinkludi tabella komparattiva ta’ dawn l-aħħar erba’ snin;

17.

Jinnota l-adozzjoni fl-2016 tal-Qafas tal-Etika li jirregola l-imġiba tal-membri u tal-persunal kollu tal-Kontrollur fir-relazzjonijiet esterni u interni tagħhom; jinnota wkoll li dan il-qafas jinkludi l-kodiċi ta’ kondotta eżistenti, id-deċiżjonijiet dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u dawk kontra l-fastidju, il-proċeduri dixxiplinari u l-investigazzjonijiet amministrattivi; jitlob li l-informazzjoni dwar is-suġġetti differenti tal-qafas tkompli tiġi ppreżentata separatament fir-rapport ta’ attività annwali tal-Kontrollur;

18.

Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta’ żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b’riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

19.

Iħeġġeġ il-kontribut dejjem akbar tal-Kontrollur għal soluzzjonijiet li jmexxu l-innovazzjoni u li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, speċjalment billi jiżdiedu t-trasparenza, il-kontroll tal-utenti u r-responsabbiltà fl-ipproċessar tal-big data; jitlob li jittieħdu azzjonijiet effikaċi li jimmassimizzaw il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

20.

Jinnota li l-Kontrollur, fir-rapport ta’ attività annwali tiegħu, ippubblika kapitolu dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali ma’ istituzzjonijiet oħrajn kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu tas-27 ta’ April 2017 (3); jinnota li, fl-2016, il-Kontrollur iffirma żewġ Ftehimiet Individwali ta’ Kooperazzjoni ġodda; jistieden lill-Kontrollur ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali u jaġġorna ir-riżultati li kiseb fir-rapport ta’ attività annwali li jmiss tiegħu;

21.

Jinnota li l-Kontrollur, fir-rapport ta’ attività annwali tiegħu, inkluda dikjarazzjoni dwar il-progress li kien għamel fir-rigward tal-istrateġija tiegħu għall-2015-2019; jinnota li, f’Marzu 2015, il-Kontrollur evalwa mill-ġdid l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu sabiex jimmonitorja u jaġġusta l-impatt ta’ ħidmietu u l-użu min-naħa tiegħu tar-riżorsi; jinnota b’sodisfazzjon li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha stabbiliti fl-istrateġija għall-2015-2019 tal-Kontrollur intlaħqu, u li, xi drabi, il-Kontrollur qabeż l-objettivi rispettivi tiegħu fl-2016, fatt li juri li l-implimentazzjoni tal-istrateġija miexja tajjeb; iħeġġeġ lill-Kontrollur ikompli jaħdem f’din id-direzzjoni;

22.

Jilqa’ l-għan tal-Kontrollur, kif stabbilit fl-istrateġija dwar il-mandat tiegħu, biex il-protezzjoni tad-data ssir sempliċi u effikaċi kemm jista’ jkun għal dawk kollha involuti;

23.

Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li f’dan il-punt ma tista’ ssir ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u ta’ tip ieħor relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kontrollur u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016. p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(3)  ĠU L 252, 29.9.2017, p. 140.