21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 461/220


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Portijiet Nodfa, Ibħra Nodfa — il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti

(2018/C 461/18)

Relatur:

Spyros SPYRIDON (EL/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Poros

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE

COM(2018) 33 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Artikolu 5(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull tliet snin wara li jkun ġie approvat jew approvat mill-ġdid u wara li jkunu seħħew bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port. Dawn il-bidliet għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, bidliet strutturali fit-traffiku lejn il-port, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida, bidliet fid-domanda u l-provvista ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, u tekniki ġodda tat-trattament abbord.

L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan tal-akkoljenza u t-tqandil tal-iskart, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull ħames snin wara li jkun ġie approvat jew approvat mill-ġdid u wara li jkunu seħħew bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port. Dawn il-bidliet għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, bidliet strutturali fit-traffiku lejn il-port, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida, bidliet fid-domanda u l-provvista ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, u tekniki ġodda tat-trattament abbord.

Raġuni

L-estensjoni tal-perjodu ta’ reviżjoni se jgħin lill-portijiet biex jevalwaw aħjar l-effettività tal-pjan fl-applikazzjoni. Tibqa’ l-possibbiltà għal aġġustamenti preċedenti u reviżjoni fil-każ ta’tibdil sinifikanti. L-emenda hija konformi mad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fil-Parlament u l-Kunsill.

Emenda 2

Artikolu 7(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinżamm abbord għal tal-anqas sentejn u għandha tkun disponibbli fuq talba mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinżamm għal referenza għal tal-anqas sentejn u għandha tkun disponibbli fuq talba mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Raġuni

L-UE għandha tevita li jinħolqu ostakoli burokratiċi fejn ma jkunx meħtieġ. L-irċevuta maħruġa għall-vapur tista’ tinħażen f’format elettroniku bħala kopja skennjata fuq bastimenti.

Emenda 3

Artikolu 8(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-tariffi jistgħu ivarjaw rigward, fost ħwejjeġ oħra, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment u t-tip ta’ traffiku li l-bastiment ikun involut fih, kif ukoll fir-rigward ta’ servizzi pprovduti barra l-ħin normali tal-ħidma fil-port.

It-tariffi jistgħu jvarjaw rigward, fost ħwejjeġ oħra, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment u t-tip ta’ attività u traffiku li l-bastiment ikun involut fih, kif ukoll fir-rigward ta’ servizzi pprovduti barra l-ħin normali tal-ħidma fil-port.

Raġuni

L-emenda tagħmilha aktar faċli biex jiġu introdotti eżenzjonijiet għal trasport marittimu fuq distanzi qosra (eż. vapuri ro-ro). Dawn il-vapuri jservu l-istess portijiet b’mod regolari, iżda jvarjaw minn dawk li joperaw linji skedati jiġifieri mhux bilfors ikollhom rotta speċifika. Il-ħolqien ta’ distinzjoni bejn it-tariffi b’mod espliċitu se jibqa’ impossibbli, kemm taħt l-iskema attwali kif ukoll taħt dik li qiegħda tiġi diskussa.

Il-proposta tkopri wkoll il-bastimenti ta’ appoġġ li joperaw fil-portijiet.

Emenda 4

Artikolu 8(6)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex jiġi żgurat illi l-imposti huma xierqa, trasparenti, mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli u, fejn xieraq, użati, l-ammont tal-imposti u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu disponibbli għall-utenti tal-portijiet.

Sabiex jiġi żgurat illi l-imposti huma xierqa, trasparenti, mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli, u fejn hu adegwat, użati, inklużi, b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, spejjeż ta’ kumpens li ma jistgħux jaqbżu l-ispejjeż rilevanti u profitt raġonevoli mingħajr kumpens żejjed , l-ammont tal-imposti u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu disponibbli għall-utenti tal-portijiet.

Raġuni

L-emenda tagħmilha kompletament ċara li l-attività tal-akkoljenza u tal-immaniġġjar tal-iskart, li hija obbligatorja għall-portijiet kif ukoll għall-vapuri, huwa servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Id-dispożizzjoni tenfasizza d-dimensjoni ambjentali tal-attività.

Emenda 5

Artikolu 12(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għal spezzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 100 tunnellata gross kif ukoll għal opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ inqas minn 100 tunnellata gross, li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri semplifikati għal spezzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 100 tunnellata gross kif ukoll għal opri tal-baħar għar-rikreazzjoni ta’ inqas minn 100 tunnellata gross, li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva u mal-prinċipju tal-proporzjonalità .

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-attività marittima hija parti integrali mill-ekonomija ċirkolari

1.

Jilqa’ l-komunikazzjoni u l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija ċirkolari. Il-promozzjoni ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali pubblika u korporattiva u l-implimentazzjoni ta’ politiki speċifiċi biex jitnaqqas l-iskart u biex il-prodotti u l-materjali jintużaw mill-ġdid se jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli.

2.

Għalhekk, bi pjaċir jinnota li din id-direttiva ġiet inkluża fl-istrateġija dwar l-ekonomija ċirkolari. Għalkemm it-tniġġis marittimu jiġi kkawżat primarjament minn attivitajiet bbażati fuq l-art, ma għandniex ninjoraw il-fatt li dan huwa wkoll ir-riżultat tal-attività tal-bniedem fuq il-baħar.

3.

Itenni li l-Konvenzjoni MARPOL tistabbilixxi l-qafas għall-immaniġġjar tal-iskart prodott mill-vapuri, iżda ma tinkludix mekkaniżmi ta’ infurzar. Għalhekk, din id-direttiva ġġib il-leġislazzjoni Ewropea konformi mal-obbligi tat-trattati internazzjonali, filwaqt li tiċċara d-data prattika, legali u ekonomika u l-obbligi dwar l-aċċess għall-vapuri fil-portijiet tal-UE.

4.

Jiddispjaċih li s’issa l-Istati Membri interpretaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva preċedenti b’mod differenti, li rriżulta f’ambigwitajiet għall-utenti, għall-awtoritajiet tal-port u għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza.

5.

jenfasizza li issa l-isfida hija li jinħolqu inċentivi biex l-iskart jitwassal fil-portijiet, mingħajr ma jitpoġġa piż finanzjarju sproporzjonat fuq il-vapuri jew mingħajr ma jiġu introdotti proċeduri addizzjonali amministrattivi.

6.

Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni għall-immaniġġjar sod tal-iskart tal-vapuri fuq l-art, li huwa pass importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali.

7.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li titnaqqas il-produzzjoni tal-iskart tal-plastik u li tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari.

8.

Għalhekk, jenfasizza li l-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari abbord il-vapuri hija ta’ importanza partikolari. Dan se jeżiġi li l-ekwipaġġ u l-passiġġieri jitħarrġu dwar kif jisseparaw l-iskart u kif jisseparaw l-iskart b’mod korrett. It-taħriġ u l-ġbir separat huma l-passi preliminari għall-użu mill-ġdid tal-prodott u jinvolvu spejjeż, ħaġa li għandha titqies fl-ipprezzar tas-servizzi tal-port.

9.

Sabiex jitjieb l-immaniġġjar tal-iskart tal-vapuri u tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari, huwa importanti li l-kumpaniji tat-tbaħħir jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu d-ditti li se jkunu inkarigati mill-akkoljenza tal-iskart minn katalgu ta’ ditti ċċertifikati għal dan il-għan.

Dimensjoni reġjonali importanti tad-direttiva

10.

Biex tiġi implimentata d-direttiva l-ġdida se jkunu meħtieġa aktar minn 700 port fl-UE. Kull sena, jidħlu madwar 750 000 vapur f’dawn il-portijiet, mill-Istati Membri kollha. Il-fatt li dawn il-vapuri jipproduċu bejn ħames u seba’ miljun tunnellata ta’ fdalijiet żejtnin u aktar minn miljun tunnellata ta’ skart solidu kull sena għandu jiġi indirizzat.

11.

Jinnota l-impatt potenzjali tad-direttiva l-ġdida fuq il-portijiet reġjonali, b’mod partikolari fiż-żoni l-aktar imbiegħda u f’żoni li jmissu ma’ portijiet ta’ pajjiżi terzi li mhux se jkunu koperti bid-direttiva. Bħala eżempju, l-ispiża tal-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa, il-pagament ta’ tariffa obbligatorja u l-konsenja obbligatorja ta’ skart se jżidu l-ispejjeż amministrattivi tal-portijiet, l-ispejjeż li se jgħaddu għall-utenti, u b’hekk se jaffettwaw il-kompetittività, b’mod partikolari fil-każ tal-portijiet reġjonali.

12.

Jinnota li kieku kull Stat Membru kellu l-libertà li jfassal is-sistema ta’ tariffi, dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni reġjonali rigward ir-responsabbiltà għal riċeviment tal-iskart u u kontribuzzjonijiet lejn l-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ġestjoni. Għalhekk l-UE għandha tintroduċi kontrolli stretti fuq il-mod li bih it-tariffi proposti minn kull Stat Membru jiġu kkalkulati.

13.

Huwa kkonċernat ukoll li jekk id-direttiva tiġi implimentata mill-portijiet tal-UE, mingħajr ma jittieħdu miżuri simili fir-rigward tal-portijiet ta’ pajjiżi terzi b’mod partikolari fil-baċiri tal-baħar, din se jkollha biss impatt limitat mil-lat ambjentali.

14.

Iqis id-dimensjoni reġjonali mogħtija mill-Kummissjoni għall-kwistjoni tal-immaniġġjar tal-iskart mill-portijiet bħala pożittiva ħafna, filwaqt li jibda bl-Artikolu 5 tad-direttiva proposta. Dan jippermetti lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-utenti tal-portijiet ifasslu pjani għall-konsenja u l-ġestjoni tal-iskart bl-involviment xieraq ta’ kull port, skont il-possibbiltajiet u l-ħtiġijiet lokali, u jippermetti ppjanar reġjonali usa’ mingħajr ma jiġu esklużi s-sħubijiet transkonfinali potenzjali.

15.

Minħabba r-raġunijiet finanzjarji u ambjentali msemmija hawn fuq, jipproponi li jsiru sforzi biex id-direttiva tiġi applikata b’mod aktar wiesa’ għall-portijiet kollha fil-baċiri tal-baħar u fiż-żoni tal-viċinat, permezz ta’ inċentivi u premjijiet u permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni aktar estensivi fl-immaniġġjar tal-iskart.

16.

Jilqa’ d-diversifikazzjoni tal-programmi, li jirriflettu s-sitwazzjoni ddettaljata u l-possibbiltajiet ta’ kull port, skont it-tip ta’ traffiku li jservu.

17.

Jinnota li f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet tal-port għandu jibqa’ jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jistabbilixxu tariffi u spejjeż tal-portijiet, u jistieden lil dawn l-awtoritajiet biex jagħmlu kull sforz konċepibbli sabiex jiżguraw li t-tariffi jiġu kkalkulati bi trasparenza u proporzjonalità sħiħa, skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

18.

Jappoġġja l-perjodu ta’ żmien ta’ ħames snin biex jiġu riveduti l-programmi ta’ akkoljenza u ta’ mmaniġġjar.

19.

Jantiċipa li d-direttiva proposta se jkollha impatt pożittiv fuq ir-riċerka fl-immaniġġjar tal-iskart u għall-kompetittività tar-reġjuni tal-Ewropa f’termini tat-turiżmu u tal-kwalità tal-ħajja.

Iż-żieda fiċ-ċarezza tal-proċeduri hija pass pożittiv

20.

Jenfasizza li l-fdalijiet minn sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost għandhom jintremew ukoll b’mod xieraq u ma jispiċċawx fil-baħar. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida għall-ġestjoni xierqa ta’ dawn il-fdalijiet, filwaqt li l-Istati Membri għandhom għalhekk jesploraw kif dawn it-tipi ta’ fdalijiet jistgħu jiġu trattati fil-livell tal-portijiet.

21.

Jirrikonoxxi li l-industrija tas-sajd tkun kemm sors u vittma ta’ skart fil-baħar. Sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart mistad b’mod passiv, inizjattivi lokali bħal “Sajd għal l-Iskart” ġew stabbiliti b’suċċess, fejn l-iskart mistad b’mod passiv jista’ jintrema mingħajr ħlas — anki jekk il-port japplika tariffi diretti għal konsenja ta’ skart. Filwaqt li jilqa’ l-introduzzjoni ta’ “l-ebda tariffa speċjali”, il-KtR jixtieq jenfasizza li l-iskart mistad b’mod passiv — sors potenzjali ta’ dħul għal faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet, meta riċiklat – jenħtieġ li jkompli jiġi kkonsenjat mingħajr ħlas, irrispettivament mill-kwantità, sabiex ikun żgurat li l-proċess tal-ġbir u t-trasport tal-iskart għal faċilitajiet ta’ riċiklaġġ jopera bla xkiel. Dan ikun ifisser li jekk bastiment tas-sajd ikollu biss skart mistad b’mod passiv biex jikkonsenja, ma għandhux ikun obbligat li jħallas miżata.

22.

Għaldaqstant jipproponi li titqies il-possibbiltà li s-sistema ta’ tindif tal-gass tal-egżost li joħroġ mill-fdalijiet tiġi inkluża fost l-iskart għall-konsenja kopert mit-tariffa unika, u b’mod partikolari għar-reġjuni rregolati mill-protezzjoni ambjentali u kkontrollati mis-sistema tal-emissjonijiet, bħall-Baltiku.

23.

Jinnota li l-introduzzjoni ta’ tariffa unika tipprovdi inċentiv ewlieni għall-iskart li għandu jiġi konsenjat. Madankollu, jinnota li ma ttieħdet l-ebda miżura biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart fil-livell tas-sors, li mhux konformi mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

24.

Jirrimarka li jista’ ma jkunx possibbli li l-kalkolu ta’ tariffa unika jkun ibbażat fuq previżjonijiet ta’ rekwiżiti reali minn kumpaniji li jirċievu. Għaldaqstant jaf ikun diffiċli li dan jiġi ddeterminat b’mod trasparenti.

25.

Jinnota li l-proċeduri ta’ akkoljenza tal-faċilitajiet tal-port għandhom ikunu rapidi u effiċjenti sabiex jiġi evitat dewmien mhux meħtieġ u spejjeż addizzjonali għall-vapuri.

26.

jipproponi li ssir dispożizzjoni ċara għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex jagħżlu, minn lista ta’ kumpaniji ċċertifikati, il-kumpanija jew il-kumpaniji li għandhom ikunu responsabbli biex jirċievu u jiġġestixxu l-iskart tagħhom, skont it-tip, sabiex titrawwem l-ekonomija ċirkolari billi jitnaqqsu l-ispejjeż għall-vapuri.

27.

Jilqa’ l-intenzjoni li jiġi ddefinit il-kunċett “vapur ekoloġiku” bħala pass li jista’ jwassal għal tnaqqis tal-ħlasijiet u li jikkonforma mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Madankollu jħeġġeġ li d-diskussjonijiet dwar il-“vapuri ekoloġiċi” u d-definizzjonijiet tagħhom isiru fil-livell internazzjonali minflok fil-livell Ewropew.

28.

Ifakkar li n-nuqqas ta’ kontrolli, jew tariffi eċċessivament għolja, jistgħu jwasslu biex l-iskart jintrema fil-baħar b’konsegwenzi dannużi mhux biss f’termini ambjentali iżda wkoll f’termini ekonomiċi għar-reġjuni u l-ekosistemi tal-baħar tal-madwar.

29.

Jenfasizza li fiha nnifisha, l-attività tal-port hija dannuża għall-ambjent naturali. Għalhekk huwa meħtieġ li jkun kompletament ċar għall-awtoritajiet rilevanti li l-ispiża ta’ akkoljenza u ta’ ġestjoni tal-iskart tal-vapuri, li huwa obbligu konġunt fuq il-vapuri u l-portijiet, mhix attività bi skop ta’ qligħ permissibbli għall-portijiet.

30.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li jiġu attribwiti tariffi mnaqqsa għal bastimenti involuti fit-trasport marittimu fuq distanzi qosra.

31.

Jinnota li l-materjali riċiklabbli li jappartjenu għall-bastiment: l-ipproċessar ta’ tali materjal jista’ jkun ta’ profitt u jista’ jiġi sfruttat għall-kummerċ. Dan l-aspett sinifikanti għandu jiġi rifless fl-ispejjeż għall-konsenja tal-iskart miġbur fuq il-baħar u mill-materjali riċiklabbli li jirriżultaw.

32.

Fl-istess ħin jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi jkomplu jiżviluppaw sistemi biex jintuża l-iskart tal-baħar, filwaqt li jagħtu kontribut attiv lill-ekonomija ċirkolari.

33.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiċċara t-tifsira ta’ “kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin” f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex id-diskrezzjoni tal-portijiet tiġi ristretta fid-determinazzjoni ta’ dan, u titnaqqas l-inċertezza li tirriżulta għall-utenti.

34.

Jitlob l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ żmien għat-tlestija rapida tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ notifika u tal-kontrolli u l-istandardizzazzjoni tad-dokumentazzjoni meħtieġa għall-portijiet kollha.

35.

Iqis li jekk l-operaturi tal-vapuri u l-awtoritajiet tal-port jinżammu infurmati dwar penali possibbli fil-każ ta’ ksur, dan se jagħti kontribut sinifikanti lit-trasparenza tar-reġim il-ġdid kif ukoll se jkun hemm konformità miegħu.

36.

Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex kemm jista’ jkun jistabbilixxu qafas uniku ta’ penali, sabiex tiġi evitata kemm il-kompetizzjoni inġusta kif ukoll ix-“xiri tal-portijiet”.

37.

jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni tikkonforma mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn tidħol l-implimentazzjoni tar-regoli madwar l-UE għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart mill-bastimenti.

Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ