15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ‘Dwana’ għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana”

(COM(2018) 442 final — 2018/0232 (COD))

(2019/C 62/07)

Relatur:

Laure BATUT

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill tal-UE, 27.6.2018

Bażi legali

Artikoli 114, 33 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

191/3/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li s-suq intern jagħti lid-dwana, u l-għan tal-proposta li tappoġġja l-unjoni doganali u l-awtoritajiet doganali billi tipprovdilhom strument finanzjarju ġdid biex jakkumpanja l-implimentazzjoni tal-Politika Doganali bil-għan li r-regoli jiġu implimentati b’mod uniformi. Il-KESE jqis li fuq perjodu fit-tul, fil-livell politiku, id-dwani Ewropej, li diġà japplikaw kodiċi leġislattiv komuni, għandhom jaħdmu bħala entità waħda.

1.1.   Dwar il-baġit u l-implimentazzjoni tal-programm Dwana:

1.1.1.

Il-KESE jqis li l-ammont previst għal dan il-programm Dwana ta’ mhux aktar minn EUR 950 miljun għal 7 snin, jiġifieri medja ta’ EUR 5,02 miljun kull sena għal kull pajjiż (UE27), jista’ jkun insuffiċjenti fir-rigward tal-iskala tal-għanijiet tal-proposta u tal-ambizzjonijiet stabbiliti għall-bnedmin, in-netwerks, it-teknoloġiji u l-materjali; peress li l-piż se jaqa’ b’mod sinifikanti fuq l-Istati, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-użu sħiħ tal-programm għall-awtoritajiet doganali nazzjonali, kif ukoll l-użu tas-sinerġiji stabbiliti bejn il-programmi; huwa jixtieq li l-Kummissjoni tiżgura l-flessibbiltà bejn iċ-ċentri baġitarji tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

1.1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li huwa diffiċli li jsiru suppożizzjonijiet dwar l-ispiża tal-Brexit, li jaf tkun għolja ħafna; huwa jirrakkomanda li jiġi aġġustat it-test mingħajr ma tiġi penalizzata t-tlestija tas-suq intern tas-27 u b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jkun hemm persunal imħarreġ sew, kif ukoll strumenti u proċeduri doganali komuni u kompetittivi fir-rigward tal-pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina.

1.2.   Dwar l-IT fil-programm:

Peress li dan huwa l-akbar valur miżjud mistenni tal-programm u waqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp tajjeb tal-istrateġija tal-IT fil-qasam doganali (1), il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni ta’ għodod maħsuba biex jiffinanzjaw u jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT doganali trans-Ewropej, u b’mod partikolari l-integrazzjoni ta’ għodod ta’ ppjanar tal-IT, b’mod partikolari jekk dawn jikkontribwixxu sabiex itaffu d-disparitajiet bejn l-Istati Membri.

1.2.1.

Dwar l-innovazzjoni teknoloġika: il-KESE jirrakkomanda li l-programm jiġi attivat għad-disseminazzjoni simultanja ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi lill-Istati parteċipanti kollha.

1.2.2.

Dwar il-kooperazzjoni diġitali: sabiex din tagħti d-dimensjoni kollha tagħha, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jaġixxu biex inaqqsu d-differenzi tagħhom fil-prattiki u fil-ħiliet, u biex isaħħu r-rieda komuni tagħhom għall-ġlieda kontra l-frodi.

1.3.   Dwar it-titjib tal-ħiliet:

Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-ħiliet tal-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet u t-taħriġ doganali huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni doganali tal-UE. Huwa jirrakkomanda li jsir użu sħiħ tal-programm sabiex jitkompla l-progress li diġà sar (2), li snin wara l-Programm Matthaeus, jista’ jitkompla f’Erasmus doganali (skambji temporanji ta’ uffiċjali ta’ kwalunkwe kategorija).

1.3.1.

Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet doganali jingħataw it-titolu ta’ “awtoritajiet kompetenti” biex jaċċessaw is-sistemi interoperabbli ta’ kontroll tal-persuni fil-fruntieri (3).

1.4.   Dwar id-drittijiet fundamentali:

Il-KESE jirrakkomanda li l-programm jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data fiż-żona operattiva tiegħu.

1.5.   Dwar l-indikaturi:

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati parteċipanti jiġu megħjuna biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-programm skont l-indikaturi proposti, filwaqt li jitqies li r-restrizzjonijiet fuq il-baġits pubbliċi mhux dejjem jippermettu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali jkollhom biżżejjed ħin/uffiċjali. Il-KESE jissuġġerixxi li mill-inqas fl-ewwel ħames snin, isir paragun bejn l-Istati Membri kollha.

1.6.   Dwar il-governanza:

Il-KESE huwa favur djalogu miftuħ dwar l-implimentazzjoni tal-programm bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati rilevanti. Fil-livell tal-Unjoni, huwa jirrakkomanda li jkun hemm appoġġ imġedded mill-Kunsill Ewropew, li għandu jagħti lill-programm viżibilità fit-tul, u jirrakkomanda li jiġu massimizzati l-opportunitajiet għal suċċess totali, bħall-armonizzazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, l-impenn tal-pajjiżi parteċipanti kollha u r-rieda tagħhom li jinvestu fil-kooperazzjoni, li jiġġieldu kontra l-frodi u jwettqu kummerċ ġust.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fil-QFP propost mill-Kummissjoni Ewropea, il-programm Dwana għandu l-għan li jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u jipproteġi l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-Unjoni. L-Unjoni Doganali għandha, wara 50 snin, qafas leġislattiv armonizzat fuq il-livell Ewropew. Madankollu, għad hemm lok għal titjib sabiex jiġi żgurat li d-dwani tal-Istati Membri jwettqu l-missjonijiet tagħhom b’mod uniformi u ekwivalenti. It-territorju doganali komuni u t-tariffa esterna komuni jeżistu u jipprojbixxu d-dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. Madankollu għad hemm diskrepanzi, peress li fil-lakuni tal-applikazzjoni tar-regoli li, flimkien mas-sanzjonijiet doganali, jaqgħu taħt id-drittijiet nazzjonali, qed jinħoloq “xiri doganali opportunistiku” li huwa ekwivalenti għall-kompetizzjoni inġusta.

2.2.

L-implimentazzjoni uniformi hija saħansitra aktar diffiċli biex tinkiseb minħabba li d-dwana għandha rwol multidimensjonali. Din tinsab fil-fulkru politiku bejn ir-regolamenti nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tal-kummerċ, u l-libertà ta’ moviment. Tiffoka fuq il-merkanzija – legali li tagħha għandha tippromovi ċ-ċirkolazzjoni, illegali li għandha tinterċetta, u perikoluża li għandha twaqqaf. F’ċerti Stati Membri, din tipproduċi l-istatistika tal-kummerċ estern.

2.3.

Id-dwana għandha tirrispetta wkoll għadd ta’ leġislazzjonijiet mhux doganali:

a.

hija tipproteġi lin-nies minn theddid terroristiku, ambjentali u għas-saħħa, minn armi tan-nar u drogi, tikkontrolla ċ-ċaqliq tal-muniti, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-saħħa u s-sigurtà pubblika, is-sigurtà tal-prodotti, il-protezzjoni tal-ispeċi selvaġġi u tal-ambjent, eċċ. Ir-rwol tiegħu huwa akbar fir-rigward ta’ kwalunkwe kollateral;

b.

l-awtoritajiet doganali għandhom ukoll rwol kruċjali biex jiżguraw l-integrità tal-katina ta’ provvista. Għalhekk huma bosta s-sinerġiji bejn programmi finanzjarji oħra tal-QFP u l-programm Dwana.

2.4.

Id-dwana diġà tuża apparat u teknoloġiji diġitali li naqqsu ż-żmien ta’ kontroll u l-infiq pubbliku minkejja ż-żieda fil-volumi tal-kummerċ globali u fil-kriminalità transnazzjonali. Hija għodda essenzjali għall-gvernijiet u għall-Unjoni. Tista’ tiġi mobilizzata fuq it-territorju kollu tal-UE għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar (pereżempju: dazji doganali/Stati Uniti) u taċ-ċittadini (pereżempju: il-marda tal-“mad cow”). Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (4) se jsaħħaħha.

3.   Sommarju tal-proposta għal Regolament

3.1.

Għall-perjodu 2021-2027 (5), il-Kummissjoni Ewropea ffokat il-pjan baġitarju globali tagħha fuq l-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni ta’ 27. Fost dawn l-għanijiet, il-programm Dwana ġdid jagħmel parti minn kontinwità rinfurzata u estiża tal-programm Dwana 2020 u għandu l-għan li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) (6) u tal-politika doganali. Għal dan il-għan jiffavorixxi kooperazzjoni strutturata, metodoloġika u baġitarja, kif ukoll tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u saħansitra ma’ pajjiżi “parteċipanti”, li jinkludi b’mod partikolari l-pajjiżi kandidati u kandidati u fil-proċess ta’ adeżjoni.

3.2.

L-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali qed jiżdied (madwar 310 miljuni fl-2016, jiġifieri 10 dikjarazzjonijiet kull sekonda li minnhom 98 % ġew ippreżentati b’mod elettroniku). Il-KDU diġà nieda l-proġett enormi ta’ diġitalizzazzjoni ta’ 17-il sistema elettronika sal-2020-25. Dawn ikopru l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej. Il-Kummissjoni tqis li dawn se jkunu l-akbar valur miżjud tal-Programm Dwana.

3.3.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt identifikaw ħtieġa ta’ titjib tal-ħiliet u tal-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali tal-UE, kif ukoll dik ta’ indikaturi ssemplifikati biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi minn fuqhom. Il-proposta tirreferi għal tisħiħ tal-azzjonijiet, kemm fil-livell operazzjonali, bi skambji strutturali ta’ prattiki tajba u ta’ għarfien operattiv bejn l-Istati Membri, kif ukoll b’firxa wiesgħa ta’ sistemi u ta’ infrastrutturi tal-IT, sabiex id-dwana tkun tista’ ssir (7) kompletament onlajn. Il-proġetti għandhom jitwettqu fuq diversi snin, u f’sinerġija, naturalment, mal-programm Fiscalis.

3.4.

Il-Kummissjoni se tirrispetta l-impenji internazzjonali meħuda mill-UE fi ħdan id-WTO u sabiex ikun hemm konformità mal-messaġġ politiku li jinsab fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-governanza (8), l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri għandhom jiffunzjonaw daqslikieku kienu jifformaw entità waħda biss.

3.5.

Filwaqt li tikkombina l-iffrankar li jirriżulta mir-riformi u l-awsterità tal-Brexit, u l-kontribuzzjonijiet ġodda mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi qafas finanzjarju pluriennali globali tal-Unjoni ta’ EUR 1 279 biljun għall-perjodu 2021-2027, jiġifieri 1,11 % tal-ġid iġġenerat mis-27 Stat Membru, li minnhom EUR 950 miljun se jmorru għall-Programm Dwana.

3.5.1.

Il-kombinazzjonijiet ta’ finanzjament se jippermettu sinerġiji permezz ta’ flessibbiltà ġdida bejn ċentri differenti fil-ġestjoni tal-baġit globali, pereżempju għall-IT. Il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri jista’ jiġi operat mid-dwana nazzjonali sabiex ittejjeb it-tagħmir ta’ kontroll tagħha (xiri, manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli), filwaqt li l-Programm Dwana se jappoġġja l-azzjonijiet relatati kollha, bħall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir jew it-taħriġ dwar it-tagħmir mixtri.

3.5.2.

Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali jista’ jtejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tad-dwana tal-Unjoni. Il-programm Dwana se jgħin lill-awtoritajiet doganali biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, u se jibbenefika wkoll mill-appoġġ tal-programm tal-ġlieda kontra l-frodi li se jieħu post il-programm attwali Hercule III (9) u s-sistema ta’ informazzjoni kontra l-frodi li tappoġġja l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali. Dan se jkun f’sinerġija mal-programm Fiscalis, mal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u mal-Programm dwar il-Ġustizzja tal-Fond għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri fir-rigward ta’ taħriġ dwar l-applikazzjoni tal-liġi doganali tal-UE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Implimentazzjoni tal-programm Dwana

4.1.1.

Fl-24 ta’ Marzu 2018, il-Parlament Ewropew irrakkomanda li l-baġit totali tal-Unjoni jiżdied b’EUR 219-ilbiljun. Il-Kummissjoni trid tagħmel enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew meta mqabbel mal-infiq pubbliku nazzjonali. Madankollu, iż-żieda globali kbira hija biss ta’ 1,11 % tal-ġid iġġenerat (10) mill-UE (1,13 % fil-perjodu preċedenti). Il-medja tal-1993 sal-1999 kienet ta’ 1,25 %. Il-KESE, li ilu jippromovi żieda fir-riżorsi proprji tal-UE għal bosta snin (11), jixtieq li r-rieda politika li jitlesta s-suq intern tkun viżibbli wkoll għall-politika doganali, u li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex tiġi implimentata.

4.1.2.

Huwa jesprimi dubji dwar kif ġie ddeterminat l-ammont ta’ EUR 950 miljun għall-2021-2027 (proposta tal-Artikolu 4(1)): EUR 137,7 miljun kull sena, jiġifieri EUR 5,02 miljun kull sena kull pajjiż (għas-27 Stat Membru) fil-livelli ta’ żvilupp differenti, jidher baxx.

4.2.

Fil-proposta huwa previst li wieħed għandu jaġixxi billi jagħti kuntratti u għotjiet taħt ġestjoni diretta. Il-flessibbiltà tal-mudell ġdid tal-QFP toħloq sinerġiji bejn programmi differenti u bejn il-kompiti tad-dwana differenti, ir-rabtiet tagħhom ma’ amministrazzjonijiet oħra, l-oqsma l-oħra ta’ intervent tal-UE, bħall-programm Ewropa Diġitali (12), il-programm Fiscalis, u l-Programm dwar il-Ġustizzja eċċ. u l-komponenti baġitarji relatati. Il-KESE jqis li dan huwa prinċipju tajjeb, iżda jistaqsi dwar x’se jkunu l-kriterji ta’ eliġibbiltà, biex tingħata l-għajnuna mitluba bejn il-komponenti permissivi ta’ kull programm. Huwa mħasseb dwar ir-riskju ta’ distakk bejn it-teorija u l-prattika ta’ dawn il-kombinazzjonijiet ta’ finanzjament fil-każijiet fejn jittieħdu azzjonijiet differenti fl-istess ħin fuq l-istess fond li għaldaqstant ma jistax jiżdied.

4.3.

Jidher li l-Kummissjoni qiegħda tqis li jista’ jkun hemm sitwazzjoni ekonomika tajba għad-dħul tal-Istati Membri u tal-UE, iżda din hija biss ipoteżi li diffiċli tiġi vverifikata fuq medda ta’ 7 snin.

4.4.

Il-proposta tħalli parti sostanzjali tar-reponsabbiltà baġitarja għall-Istati Membri, li se jkollhom jiżviluppaw elementi fil-livell tagħhom filwaqt li jqisu r-restrizzjonijiet nazzjonali. Madankollu, dawn għadhom iħabbtu wiċċhom mal-miżuri ta’ awsterità imposti mis-Semestru Ewropew, u ma’ tkabbir li għadu ma ġiex ikkonsolidat, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro. Madankollu, il-proposta, permezz tal-kooperazzjoni strutturata, tippermetti lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ komponenti tas-sistemi tal-IT.

5.   Kummenti speċifiċi tal-KESE

5.1.   L-IT

5.1.1.

Din titqies bħala l-akbar valur miżjud tal-programm (13). Probabbilment l-ewwel pedament tal-gvern elettroniku li kisbet l-Unjoni kien id-dwana. Il-ġerarkija tal-għodod ta’ kontroll u ta’ rapportar dejjem teżiġi aktar interkonnettività u interoperabbiltà. Qabelxejn dan jesiġi li l-Istati Membri kollha jkollhom infrastrutturi doganali tal-IT effiċjenti, b’veloċità għolja ħafna kullimkien. Il-KESE jixtieq li l-awtoritajiet doganali tas-27 Stat Membru jiġu rikonoxxuti bħala “awtoritajiet kompetenti” biex jużaw l-arkitettura futura tas-sistemi interoperabbli ta’ kontroll fil-fruntieri (14).

5.1.2.

L-Artikoli 7(5) u 8 tal-proposta jiddikjaraw li r-rata ta’ finanzjament applikabbli għall-proġetti mill-Kummissjoni tista’ titla’ sa 100 % għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni. Jekk attività tikkonċerna l-iżvilupp u l-użu ta’ sistema elettronika Ewropea, ser jitqiesu biss l-ispejjeż relatati mal-komponenti komuni u mal-koordinazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri ser jġorru l-ispejjeż relatati mar-responsabbiltajiet fdati lilhom skont it-test.

5.1.3.   Innovazzjoni fl-IT

5.1.3.1.

In-netwerks diġitali b’kapaċità għolja ħafna jsostnu s-servizzi diġitali innovattivi kollha. Sabiex il-valur miżjud tal-IT doganali jagħti r-riżultati mistennija, l-operaturi privati (intrapriżi) u pubbliċi (awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi) kollha li għandhom x’jaqsmu mad-dwana għandu jkollhom aċċess għall-ogħla livell ta’ materjali u ta’ servizzi.

5.1.3.2.

Jekk il-pjan strateġiku pluriennali għas-sistemi elettroniċi doganali (e-customes MASP-C) (15) jintegra l-programm Dwana, kwalunkwe innovazzjoni diġitali tgħaddi minnu. Il-KESE jittama li kull innovazzjoni vvalidata mill-awtoritajiet tixxandar b’mod sikur fuq in-netwerk doganali interkonness fl-Unjoni b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda telf ta’ ħin wara l-validazzjoni mill-awtoritajiet u lanqas devjazzjoni tal-kummerċ.

5.1.3.3.

Il-ħtieġa ta’ ċibersigurtà hija invokata fl-oqsma kollha għad-data u għan-netwerks. Aktar ma jkun hemm interkonnessjoni, aktar ikun hemm riskji. Il-KESE jqis li din hija importanti biżżejjed biex tissemma fil-programm u tingħata fondi, speċjalment minħabba li l-attivitajiet tad-dwana huma aspetti strateġiċi.

5.2.   Indikaturi

5.2.1.

Il-Kummissjoni tiffoka fuq l-appoġġ li jista’ jagħti l-programm lill-implimentazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni u tal-politika doganali, u tipproponi indikaturi oriġinali kwalitattivi biex dawn jiġu vvalutati.

5.2.2.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati parteċipanti jkunu ppreparati permezz ta’ taħriġ stipulat fil-programm għal din il-ġabra ta’ data, kemm fil-livell ta’ ġbir kif ukoll ta’ proċessar. Fi żminijiet ta’ tnaqqis fil-baġits pubbliċi, id-dwana x’aktarx li ma jkollhiex biżżejjed ħin/uffiċjali biex tiżviluppa dawn l-inkjesti, li jista’ jkun hemm dubju dwar kemm huma affidabbli. Diġà jeżistu għodod għall-kejl, u s-softwer tal-kompjuter jista’ jipprovdi informazzjoni diretta dwar “id-disponibbiltà tas-sistemi elettroniċi Ewropej”.

5.3.   Governanza

5.3.1.

Biex tiġi evitata d-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali, u tal-kompetittività, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tikkoordina l-azzjonijiet lejn l-applikazzjoni uniformi tar-regoli. Bħal fil-passat, hija teħtieġ l-appoġġ ta’ kumitati u gruppi ta’ esperti, u tinsisti fuq il-parteċipanti tas-soċjetà ċivili.

5.3.2.

Din il-koordinazzjoni għandha tkun żgurata mal-awtoritajiet doganali nazzjonali, rappreżentanti speċjalizzati, fil-livell operazzjonali u fit-tul. Il-KESE huwa favur djalogu miftuħ mal-atturi bħall-esperti esterni u r-rappreżentanti ta’ awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari minn pajjiżi terzi, ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ta’ operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili; huwa jixtieq 1) li minn issa sa tmiem il-programm Dwana, il-Kunsill Ewropew jippromovih u juri l-interess tiegħu li l-programm jitlesta kompletament; 2) li l-programm jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-parteċipanti tas-soċjetà ċivili u dwar l-aċċess taċ-ċittadini għar-rimedji biex jiddefendu drittijiethom.

5.3.3.

Il-Kumitat iqis li biex tinkiseb l-armonizzazzjoni, jeħtieġ li l-Istati u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu fl-istess direzzjoni b’mod trasparenti. Wara d-deċiżjonijiet politiċi dwar il-prijoritajiet, il-KESE kien japprezza distinzjoni bejn l-azzjonijiet relatati mal-kontroll tal-merkanzija legali u dawk relatati mal-merkanzija illegali, u mal-kontroll tal-persuni fil-fruntiera (b’konformità mal-politika doganali u dik relatata mal-migrazzjoni).

5.3.4.

Għandhom jissemmew elementi ġenerali li jsejsu s-suċċess tal-programm Dwana, bħall-armonizzazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, l-impenn tal-pajjiżi parteċipanti kollha fit-taħriġ u r-rieda tagħhom li jinvestu fil-kooperazzjoni, li jiġġieldu kontra l-frodi u jwettqu kummerċ ġust.

5.4.   Rinfurzar tal-kapaċitajiet umani

5.4.1.

Id-dwana ma hijiex qed tibda mill-bidu nett, għandha persuni, materjali u għarfien espert. Dan il-punt importanti ħafna jissemma fil-programm, iżda mhux elaborat. Kull amministrazzjoni nazzjonali għandha tkun eliġibbli għall-Programm tal-Infrastrutturi u tal-iżvilupp tal-għarfien.

5.4.2.

Il-Kumitat jappoġġja l-ġeneralizzazzjoni tat-taħriġ Ewropew komuni, bħalma jagħmel il-Europol. Dan jista’ jkun tematiku, dwar l-interoperabbiltà, dwar l-awditi tal-OEA (16), il-ġlieda kontra l-frodi, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà interna, eċċ. Apparti l-moduli komuni diġà żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea f’format diġitali, dan jista’ jiġi supplimentat minn Erasmus doganali iddedikat għat-taħriġ kontinwu, li jippermetti l-iskambji temporanji tal-persunal ta’ kwalunkwe grad, u ffinanzjat fil-qafas tal-programm Dwana.

5.4.3.

Il-Kumitat huwa konvint li sabiex tirnexxi l-kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet nazzjonali b’kulturi differenti, sabiex jiġu identifikati u kondiviżi l-prattiki tajbin, huma meħtieġa uffiċjali li jkunu saru jafu lil xulxin u jagħmlu x-xogħol tagħhom b’mod simili (17), bl-użu tat-teknoloġija diġitali iżda mhux esklużivament (kompetenzi amministrattivi). Il-KESE jemmen li tkun politika tajba għall-Istati u għall-Unjoni li jżommu l-amministrazzjonijiet doganali f’uffiċċji, minkejja r-rekwiżiti tekniċi dejjem ikbar. Huwa jixtieq li l-awsterità flimkien mal-ambizzjoni murija fil-programm ma jwasslux għal tnaqqis fil-persunal pubbliku, u li kollha jkollhom aċċess biex jarrikkixxu l-għarfien tagħhom biex jikkooperaw mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom.

5.5.   Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

5.5.1.

Il-Kumitat jenfasizza li minbarra li huwa strument ta’ implimentazzjoni tal-politika doganali, il-programm Dwana jħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ taħriġ armonizzat għall-uffiċjali u r-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi parteċipanti, u li huwa importanti li ma tintesiex din l-opportunità.

5.5.2.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (RĠPD) (18) japplika fl-Unjoni kollha. L-utenti kummerċjali, l-intrapriżi u l-uffiċjali għandhom jirrispettawh, u dan għandu jkun irrispettat fir-rigward tagħhom ukoll. Il-protezzjoni tad-data ċivili, industrijali u kummerċjali tista’ tkun vitali u għandha tkun garantita mis-sistemi nazzjonali u komuni fil-proċeduri regolari u fil-proċeduri kontenzjużi, kif ukoll fil-kummerċ elettroniku u fl-istatistika relatata mal-indikaturi tal-progress tal-programm.

5.5.2.1.

Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, f’kooperazzjoni mal-Frontex, tista’ tippreżenta każijiet fejn id-drittijiet tal-bniedem huma mhedda. L-amministrazzjonijiet doganali konċernati għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kemm fir-rigward tal-allegati trasgressuri kif ukoll tal-uffiċjali tagħhom.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 178 final: rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11.4.2018.

(2)  SWD(2017) 34 final.

(3)  COM(2017) 793 et 794 final – 2017/0351 u 352 (COD).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624.

(5)  COM(2018) 322 final.

(6)  Il-KDU – Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) nru 952/2013, applikazzjoni 1.5.2016 – jipprevedi l-possibbiltà li operatur jibgħat id-dikjarazzjonijiet tiegħu lil uffiċċju doganali wieħed fl-Unjoni (ċentralizzazzjoni), anke jekk il-merkanzija tiegħu tgħaddi minn postijiet differenti; huwa għandu l-għan li jiddimaterjalizza kompletament il-formalitajiet doganali sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008, “Dwana mingħajr karti”.

(8)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 43.

(9)  Hercule III (Regolament (UE) Nru 250/2014, EUR 104,9 miljun) għandu l-għan li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE billi jappoġġja azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni li jaffettwaw il-baġit tal-UE. Dan huwa ġestit mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

(10)  Dħul nazzjonali gross.

(11)  ĠU C 74, 23.3.2005, p. 32, punt 4.5.15.

(12)  COM(2018) 434 final.

(13)  SWD (2018) 322 final, Valutazzjoni tal-impatt.

(14)  COM(2017) 793 final.

(15)  Il-pjan strateġiku pluriennali għas-sistemi elettroniċi doganali (e-customs MASP-C Multi-Annual Strategic Plan), Taxud.a.3 (2017) 6498377.

(16)  OEA: Operatur Ekonomiku Awtorizzat.

(17)  Ara fil-passat, il-programm Matthaeus.

(18)  RĠPD: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32016R0679