15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/214


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

(COM(2018) 392 final — 2018/0216 (COD))

dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013”

(COM(2018) 393 final — 2018/0217 (COD))

u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u (UE) Nru 229/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew”

(COM(2018) 394 final — 2018/0218 (COD))

(2019/C 62/35)

Relatur:

John BRYAN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22.6.2018

Bażi legali

Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau

22.5.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/11/19

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Politika tal-PAK b’saħħitha, b’baġit tal-PAK b’saħħtu bbażat fuq il-Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u l-Produzzjoni tal-Ikel, li tappoġġa politika tal-agrikoltura u settur tal-biedja Ewropej sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali, li tinvolvi l-ogħla standards u li tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ settur agrikolu kompetittiv, hija importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini kollha tagħha. L-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-PAK f’din ir-riforma huma essenzjali sabiex din issir aktar adatta għall-iskop tagħha li tissodisfa l-ħtiġijiet għal settur tal-biedja u tal-agrikoltura tal-UE aktar sostenibbli u vijabbli kullimkien fl-Ewropa u sabiex tindirizza l-isfidi ġodda dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

1.2.

Proposti sabiex jitnaqqas il-baġit tal-PAK mhumiex aċċettabbli. Iż-żamma ta’ pakkett finanzjarju xieraq għall-PAK hija prekundizzjoni għas-sostenibbiltà (ekonomika, ambjentali u soċjali) tal-biedja tal-UE sabiex jiġu ppreservati l-introjti u l-impjiegi u tiġi żgurata l-produzzjoni tal-beni pubbliċi ambjentali, u għalhekk tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-vitalità tal-ambjent rurali u għall-istabbiltà tal-ekonomija b’mod ġenerali. Il-KESE jappoġġja l-opinjoni li l-baġit tal-UE jenħtieġ li jiżdied għal 1,3 % tal-ING biex jipprovdi finanzjament xieraq għall-PAK u għall-objettivi u l-isfidi tal-politika ġodda li ġew identifikati.

1.3.

Il-KESE jilqa’ d-direzzjoni ġdida proposta għall-PAK dwar is-sussidjarjetà, b’responsabbiltà u flessibbiltà akbar għall-Istati Membri permezz tal-Pjani Strateġiċi tal-PAK u l-mudell ġdid ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni. Madankollu, il-KESE huwa ħerqan li jiżgura li l-PAK tibqa’ politika komuni fl-Istati Membri kollha u li s-suq uniku jiġi ppreservat bis-sħiħ. Iż-żamma tal-istruttura attwali tal-PAK b’żewġ pilastri b’pagamenti diretti b’saħħithom taħt il-Pilastru I biex jiġu appoġġjati l-introjti tal-azjendi agrikoli u miżuri ta’ żvilupp rurali fil-Pilastru II biex jiġu appoġġjati setturi, reġjuni u infrastruttura soċjali vulnerabbli u li titħeġġeġ it-tranżizzjoni lejn azjendi agrikoli iktar sostenibbli u innovattivi huma essenzjali. L-organizzazzjoni komuni tas-swieq u suq uniku effettiv huma ta’ importanza kritika wkoll.

1.4.

L-enfasi u l-ambizzjoni akbar fil-proposti tal-PAK fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima huma elementi pożittivi. L-objettivi speċifiċi huma ċari u b’saħħithom, filwaqt li jkopru kwistjonijiet bħall-ilma, l-arja u l-ħamrija kif ukoll il-pajsaġġ u l-bijodiversità, u l-produzzjoni sostenibbli ta’ ikel ta’ kwalità. Il-miżuri stipulati fit-test tar-regolament sabiex jintlaħqu l-għanijiet għandhom, madankollu, jiġu deskritti b’mod ħafna aktar ċar u speċifiku. Baġit tal-PAK xieraq huwa essenzjali sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, b’pagamenti stimulanti għall-bdiewa.

1.5.

40 % tan-nefqa agrikola għandu jmur lejn l-objettivi tal-UE rigward it-tibdil fil-klima. Il-KESE jilqa’ dan l-objettiv, iżda jistenna li l-UE tistipula sett definit b’mod ċar ta’ miżuri f’dan ir-rigward.

1.6.

Wara li f’diversi riformi preċedenti tal-PAK ġew imwiegħda impenji dwar is-simplifikazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dawn iridu jitwettqu f’din ir-riforma. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-sussidjarjetà u l-kondizzjonalità ġodda li jinvolvu pjani strateġiċi tal-PAK kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II tal-PAK u r-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (SMRs) u l-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba (KAAT) addizzjonali se jkomplu jżidu l-volum tal-piż burokratiku fuq il-bdiewa individwali pjuttost milli jnaqqsuh.

1.7.

Il-pagamenti diretti tal-Pilastru I u l-finsnzjament tal-Pilastru II tal-PAK iridu jiġu protetti bis-sħiħ biex jiġu żgurati azjendi agrikoli vijabbli u sostenibbli. Il-pagamenti diretti jenħtieġ li jingħataw biss lil bdiewa ġenwini u jenħtieġ li jiġu adottati kriterji oġġettivi ċari sabiex jiġi ddefinit aħjar bidwi ġenwin.

1.8.

Iż-żieda fl-appoġġ għal tiġdid ġenerazzjonali u bdiewa żgħażagħ hija element pożittiv. Din iż-żieda fl-għajnuna trid tkun akkumpanjata minn miżuri addizzjonali li jippermettu għal tiġdid ġenerazzjonali effettiv.

1.9.

Kwalunkwe proposta dwar il-konverġenza interna jew esterna, it-tnaqqis, id-digressività u r-ridistribuzzjoni trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u ma tistax titħalla ddgħajjef unitajiet vijabbli tal-azjendi agrikoli u tnaqqas il-kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni jew il-kompetittività tal-bdiewa fir-reġjuni varji tal-UE.

1.10.

Kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tal-Pilastru II tal-PAK huwa inaċċettabbli, peress li Programm tal-Iżvilupp Rurali b’saħħtu huwa essenzjali biex jiġu appoġġjati aktar oqsma u setturi vulnerabbli u jwassal għal żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat.

2.   Kwistjonijiet ewlenin fir-riforma tal-PAK bejn l-2021 u l-2027

Introduzzjoni

2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-proposti leġislattivi dwar ir-riforma tal-PAK u b’mod partikolari l-enfasi u l-ambizzjoni akbar fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent, jopponi t-tnaqqis fil-baġit tal-PAK peress li għal settur tal-agrikoltura sostenibbli u għaż-żamma tal-introjtu tal-azjendi agrikoli huwa meħtieġ baġit b’saħħtu, jirrikonoxxi t-tibdil fir-rigward tas-sussidjarjetà u jqis li jeħtieġ li titwettaq simplifikazzjoni reali fil-livell tal-azjendi agrikoli.

2.2.

Il-KESE jipprovdi l-opinjoni li ġejja dwar il-proposti leġislattivi b’lista ta’ proposti dettaljati għal tibdil u emendi, u l-KESE jitlob li din titqies fid-dibattitu futur fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u tal-Produzzjoni tal-Ikel

2.3.

PAK b’saħħitha li tappoġġa politika agrikola u settur tal-biedja Ewropej sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali hija essenzjali għall-Unjoni Ewropea f’termini tas-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-ikel u anke biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal ikel ta’ kwalità għolja mill-512-il miljun ċittadin tal-Komunità (1). Barra minn hekk, l-UE jeħtiġilha żżomm f’moħħha t-tkabbir fil-popolazzjoni globali, li huwa stmat li sal-2050 se jilħaq id- 9,5 bn, bi 3,0 bn jgħixu f’żoni fejn hemm nuqqas ta’ ilma, li jwassal għal żieda fin-nuqqas ta’ ikel u fil-karestija. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-UE tiffoka fuq it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar kif iżjed ikel u ikel ta’ kwalità aħjar jista’ jiġi prodott b’mod sostenibbli u lokalment fi nħawi oħra tad-dinja.

2.4.

Il-PAK trid tilħaq l-objettivi oriġinali stabbiliti fit-Trattat ta’ Ruma għaċ-ċittadini Ewropej kollha u għall-komunitajiet rurali u tindirizza wkoll l-isfidi ġodda dwar il-klima u l-iżvilupp stabbiliti fl-impenji tal-UE tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs).

2.5.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politika tal-PAK 2021-2027 għandha tappoġġja u tiffaċilita fil-partijiet kollha tal-Ewopra l-Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u l-Produzzjoni tal-Ikel li jinvolvi l-istruttura tal-azjendi agrikoli tal-familja kif ukoll il-kooperattivi, il-grupp tal-produtturi u forom oħrajn ta’ biedja, u l-ikel prodott bl-ogħla standards fid-dinja (2). Il-PAK il-ġdida trid tindirizza aħjar il-kwistjoni tal-introjti baxxi tal-azjendi agrikoli u telimina d-diskrepanza dejjem akbar fl-introjtu bejn il-ħaddiema u s-salarji fl-ekonomija usa’ (3). Il-mudell agrikolu Ewropew ma jistax jinkiseb taħt il-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija u bil-prezzijiet tas-swieq dinjija. Għalhekk, il-mudell agrikolu Ewropew issa jinsab aktar minn qatt qabel mhedded mill-iżviluppi attwali u għal din ir-raġuni jeħtieġ li jiġi appoġġjat u promoss permezz ta’ PAK b’saħħitha (4).

2.6.

Filwaqt li jiġu rrikonoxxuti l-benefiċċji tal-kummerċ għas-settur agrikolu, huwa essenzjali li l-politika agrikola tal-UE permezz tal-PAK tipproteġi l-ogħla livell ta’ standards fil-biedja, il-produzzjoni tal-ikel, il-kontrolli ambjentali, is-saħħa u s-sigurtà u d-drittijiet tal-ħaddiema fid-dinja. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jkun hemm approċċ tal-politika tal-UE aktar koerenti lejn ftehimiet kummerċjali internazzjonali fis-settur tal-agrikoltura u tal-ikel u l-PAK (5). Filwaqt li l-PAK qed tirsisti biex iżżomm l-ogħla standards, f’xi negozjati kummerċjali, bħal Mercosur, l-UE qed taċċetta importazzjonijiet tal-ikel li ma jissodisfawx l-istandards tas-sikurezza tal-ikel tal-UE u jiġu prodotti bi standards ambjentali aktar baxxi. Il-globalizzazzjoni ma tistax titħalla ddgħajjef l-istandards u s-swieq Ewropej u tipperikola liċ-ċittadini tal-UE.

2.6.1.

Il-Kumitat jinnota bi tħassib in-numru kbir ta’ bdiewa fir-Renju Unit li vvutaw favur il-Brexit, apparentament minħabba n-natura intrussiva u kumplessa tal-PAK fil-livell lokali. Sabiex jiġu evitati kwistjonijiet simili fi Stati Membri oħrajn, u b’hekk jiżdiedu pressjonijiet populisti u kontra l-UE, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni reali u prattiċi fil-livell tal-azjenda agrikola huma parti ċentrali tal-proposti tal-PAK għall-2021-2027.

2.7.

Minħabba n-natura varjata tal-wirt agrikolu u kulinarju Ewropew u l-prospetti tas-suq, id-differenzjazzjoni tal-kwalità hija objettiv strateġiku u essenzjali għall-futur tal-agrikoltura Ewropea, flimkien mal-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza u l-kompetittività. Għalhekk, il-PAK jenħtieġ li tipprovdi modi differenti biex tippromovi l-politika dwar il-kwalità, kif kien il-każ fil-passat. Sabiex dan l-objettiv jintlaħaq, jenħtieġ li waqt l-iżvilupp tal-pjani strateġiċi tal-PAK tiġi enfasizzata wkoll il-kwalità.

2.8.

Kwalunkwe bidla proposta għall-PAK, bħas-sussidjarjetà, trid tiżgura li s-suq uniku tal-UE ma jiġix affettwat u li jiġi protett bis-sħiħ u jkompli jopera bħala suq uniku reali u effettiv. Huwa essenzjali li l-pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK ma jintervjenux fl-operazzjoni tas-suq uniku,

Ħtieġa għal baġit tal-PAK b’saħħtu

2.9.

Il-proposti għat-tnaqqis tal-baġit tal-PAK minn 38 % tal-baġit tal-UE tul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 għal 28,5 % fil-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027 huma inaċċettabbli għall-KESE, b’mod partikolari meta jitqies il-fatt li hemm żieda fil-baġit globali tal-UE. It-tnaqqis fil-baġit tal-PAK ivarja bejn 3 % u 4 % fi prezzijiet kurrenti u 11 % sa 16 % fi prezzijiet tal-2018 (meta titqies inflazzjoni ta’ 2 % fis-sena), skont il-metodu tal-kalkoli użat (6). Rigward il-fondi għall-iżvilupp rurali, it-tnaqqis propost fil-prezzijiet tal-2018 huwa ogħla minn 25 %.

EUR 1 000

2014-2020

(UE28+FEŻ)

7*2020

UE27+FEŻ

2014-2020

(UE27+FEŻ)

2021-2027

% ta’ bidla vs UE27

2020*7

% bidla vs UE27

2014-2020

QFP (Prezzijiet kurrenti)

1 115 919

1 151 866

1 063 101

1 279 408

+ 11 %

+ 20 %

% tal-ING

1,03  %

1,14  %

1,16  %

1,11  %

 

 

PAK (Prezzijiet kurrenti)

420 015

394 659

391 849

378 920

– 4 %

– 3 %

QFP (Prezzijiet tal-2018)

1 136 105

1 107 138

1 082 320

1 134 583

+ 2 %

+ 5 %

PAK (Prezzijiet tal-2018)

428 354

379 334

399 608

336 623

– 11 %

– 16 %

Sors: Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-tqabbil bejn il-QFP għal bejn l-2021 u l-2027 u l-QFP għal bejn l-2014 u l2020.

2.10.

F’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-PE għall-Baġit, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-baġit tal-UE jenħtieġ li jiżdied għal 1,3 % tal-ING. Il-baġit tal-PAK jenħtieġ li jżomm il-perċentwal ta’ finanzjament attwali mill-baġit tal-UE. Dan jipprevedi baġit tal-PAK iffinanzjat b’mod adegwat sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-ambizzjonijiet tal-politika tal-PAK kif ukoll l-isfidi ewlenin l-oħra bħall-Brexit. Mingħajr baġit tal-PAK iffinanzjat b’mod xieraq, mhuwiex possibbli li jintlaħqu l-objettivi mressqa mill-Kummissjoni fil-proposti leġislattivi.

2.11.

It-tnaqqis fil-baġit tal-PAK mhuwiex konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, b’mod partikolari:

li jiġi żgurat livell ġust ta’ għajxien għall-komunità agrikola, b’mod partikolari billi tkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura;

li jiġu żgurati prezzijiet raġonevoli tal-provvisti lill-konsumaturi.

Il-KESE jopponi bis-sħiħ it-tnaqqis fil-finanzjament tal-Pilastru II tal-PAK (FAEŻR) deskritt fil-proposti peress li dan jaffettwa b’mod mhux proporzjonali ħafna Stati Membri fejn il-Pilastru II jagħmel sehem ikbar tal-finanzjament globali tal-PAK u jirrimarka li l-finanzjament tal-Pilastru II jappoġġja s-setturi u l-oqsma aktar vulnerabbli kif ukoll l-investimenti, il-modernizzazzjoni, it-tagħlim, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-benessri tal-annimali fis-settur agrikolu Ewropew kollu.

Trasferimenti bejn il-pilastri u l-kofinanzjament

2.12.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-livell ta’ flessibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tat-trasferiment tal-fondi bejn il-pilastri tal-PAK. Sabiex jipprevjeni li l-Istati Membri jevitaw l-obbligi tagħhom dwar il-kofinanzjament taħt il-Pilastru II, il-KESE jemmen li l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw biss il-flessibbiltà li jittrasferixxu l-fondi bejn il-pilastri jekk jikkofinanzjaw bis-sħiħ dawn it-trasferimenti. Il-KESE ma jaqbilx li l-Istati Membri jitħallew jittrasferixxu fondi mill-Pilastru II għall-Pilastru I (7).

Struttura u miżuri ġodda tal-PAK

2.13.

Il-proposti leġislattivi jżommu l-komponenti ewlenin tal-PAK (il-Pilastru I tal-PAK dwar il-pagamenti diretti, il-Pilastru II tal-PAK dwar miżuri ta’ żvilupp rurali u l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) li tinvolvi miżuri ta’ appoġġ għas-suq) f’konformità mal-wegħda li saret mill-Kummissarju Hogan li din ir-riforma hija evoluzzjoni pjuttost milli rivoluzzjoni.

2.14.

Il-KESE jilqa’ l-proposta fl-Artikolu 14 li ssir dispożizzjoni għal total ta’ erba’ tipi ta’ pagamenti diżakkoppjati kif ukoll pagamenti akkoppjati li għandha tgħin sabiex tistabbilizza d-dħul:

“appoġġ għad-dħul bażiku” — importnati: il-KESE jipproponi li “għas-sostenibbiltà” għandu jitħassar minn hawnhekk u jiġi inkluż fl-intestatura tal-Artikolu 14, hekk kif aktar sostenibilità u sostenibilità suffiċjenti jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ taħlita bbilanċjata b’mod ġenwin tal-erba’ pagamenti diżakkoppjati;

“appoġġ għall-introjtu ridistributtiv komplementarju” — hawnhekk ukoll huwa importanti li titħassar “għas-sostenibbiltà” u tiġi inkluża fit-titolu;

“appoġġ għall-introjtu komplementarju għall-bdiewa żgħażagħ” u

“skemi għall-klima u għall-ambjent”.

2.15.

Il-proposti jinkludu miżuri ġodda dwar il-kondizzjonalità ambjentali u tat-tibdil fil-klima addizzjonali għall-pagamenti kollha tal-PAK (il-Pilastru I u l-Pilastru II) kif ukoll proposti ġodda dwar is-sussidjarjetà b’mudell ġdid ta’ implimentazzjoni (Pjani Strateġiċi tal-PAK) imfassal biex jipprovdi lill-Istati Membri ħafna aktar responsabbiltà u flessibbiltà f’termini ta’ kif dawn jilħqu objettivi speċifiċi, kif dawn jindirizzaw oqsma problematiċi speċifiċi u kif dawn jimplimentaw u japplikaw il-konformità. Din iż-żieda fis-sussidjarjetà m’għandhiex twassal għal aktar renazzjonalizzazzjoni; pjuttost, għandha twassal għall-adattament tal-miżuri ġernali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull territorju.

2.16.

Il-KESE jilqa’ ż-żamma tal-aspetti ewlenin tal-PAK f’termini tal-pagamenti tal-Pilastru I u tal-Pilastru II, filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-pagamenti diretti għall-bdiewa u l-introjtu tal-azjendi agrikoli, u jilqa’ wkoll l-enfasi akbar fuq il-kondizzjonalità u t-twettiq ambjentali u tat-tibdil fil-klima.

Ambizzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima akbar

2.17.

Filwaqt li jfakkar li l-bdiewa diġà jikkontribwixxu għall-protezzjoni ambjentali u tal-klima, il-KESE jirrikonoxxi l-enfasi u l-ambizzjoni akbar fil-proposti fir-rigward tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-allinjament mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-twettiq ta’ dawn il-miri ambizzjużi m’għandux ifixkel il-kompetittività tas-settur u se jirrikjedi baġit tal-PAK adegwat.

2.18.

Is-soċjetà qed titlob li l-produzzjoni tal-ikel u l-biedja jkunu ambjentalment sostenibbli u huwa essenzjali li l-PAK tiġi mmodernizzata u ffukata fuq l-issodisfar ta’ dawn it-talbiet. Is-sostenibbiltà tikkonsisti fi tliet elementi inseparabbli; ekonomiku, soċjali u ambjentali. It-tlieta li huma huma importanti b’mod indaqs. It-twettiq tal-ħarsien ambjentali u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima huma essenzjali fil-PAK il-ġdida. Il-KESE huwa ssodisfat li wieħed mit-tliet objettivi ġenerali stabbiliti fil-proposti huwa li “jissaħħu l-ħarsien ambjentali u l-azzjoni klimatika u jingħata kontribut lill-objettivi tal-Unjoni relatati mal-ambjent u mal-klima” (8). Tali miżuri għandu jkollhom biżżejjed appoġġ baġitarju sabiex ma jikkompromettux il-kosteffikaċja globali tal-azjendi agrikoli tal-familja.

2.19.

Il-KESE huwa ssodisfat li mid-disa’ objettivi speċifiċi stabbiliti fil-proposti, tlieta minnhom huma ddedikati għat-titjib ambjentali u tat-tibdil fil-klima. B’mod speċifiku, dawn il-proposti:

jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u għall-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-enerġija sostenibbli;

irawmu l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja;

jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-bijodiversità, isaħħu s-servizzi tal-ekosistema u jippreservaw il-ħabitats u l-pajsaġġi.

huwa kruċjali li l-azzjoni u l-programmi rilevanti taħt l-iskemi għall-klima u għall-ambjent ikunu sostnuti minn komponent stimulanti li jħeġġeġ l-adozzjoni fost il-bdiewa u jibgħat sinjal qawwi lill-pubbliku.

2.20.

L-“approċċ tal-PAK kollha kemm hi” il-ġdid, li se jiġi kopert fil-pjani strateġiċi tal-Istati Membri, huwa mistenni jinvolvi l-interventi u l-kondizzjonalità kemm tal-Pilastru I kif ukoll tal-Pilastru II tal-PAK. Il-kundizzjonalità l-ġdida mtejba tinvolvi proposti ta’ kundizzjonalità u ta’ ekoloġizzazzjoni addizzjonali li jkopru:

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bħaż-żamma ta’ bwar permanenti, ħarsien xieraq tal-art mistagħdra u tat-torbiera, projbizzjoni fuq il-ħruq tal-qasbija fir-raba’ tal-ħrit;

il-ħarsien tal-ilma permezz tal-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-ilma, il-kontroll tat-tniġġis tal-fosfat, id-Direttiva dwar in-Nitrati u l-istabbiliment ta’ strixex marġinali tul il-mogħdijiet tal-ilma kif ukoll l-użu ta’ għodda sostenibbli għan-nutrijenti (Pjani tal-Ġestjoni tan-Nutrijenti);

il-ħarsien u l-kwalità tal-ħamrija, iffokati fuq il-ġestjoni tal-ħrit li tnaqqas ir-riskju tad-degradazzjoni tal-ħamrija, l-ebda ħamrija mikxufa fl-aktar perjodi sensittivi u n-newba tal-uċuh tar-raba’.

2.21.

F’termini tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ, il-proposti dwar il-kondizzjonalità jistabbilixxu d-dettalji dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, il-ħabitats naturali u l-flora u l-fawna selvaġġi: sehem minimu tal-wiċċ agrikolu ddedikat għal karatteristiċi jew żoni mhux produttivi, iż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, projbizzjoni fuq il-qtugħ ta’ sisien tal-ħaxix jew siġar matul l-istaġun tat-tgħammir u tat-tkabbir tal-għasafar u miżuri li jevitaw speċijiet invażivi (KAAT 9), l-istabbiliment ta’ strixxi ta’ lqugħ tul il-mogħdijiet tal-ilma (KAAT 4) jew rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ (KAAT 8). Madankollu, il-KESE jipproponi li l-UE għandha tehmeż miri kwantitattivi ċari lill-KAATs, li għandhom ikunu vinkolanti fuq l-Istati Membri.

2.22.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit li permezz tiegħu l-Istati Membri jeħtiġilhom mill-anqas jonfqu 30 % tal-baġit tal-FAEŻR fuq interventi immirati direttament lejn l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u 40 % mill-baġit totali (FAEG u FAEŻR) irid ikun rilevanti għat-tibdil fil-klima.

2.23.

40 % tan-nefqa agrikola għandu jmur lejn l-objettivi tal-UE rigward it-tibdil fil-klima. Il-KESE jilqa’ dan l-objettiv, iżda jistenna li l-UE tistipula sett definit b’mod ċar ta’ miżuri f’dan ir-rigward.

2.24.

Il-KESE jirrimarka li huwa ta’ importanza kruċjali li l-pjani strateġiċi tal-Istati Membri jagħtu prijorità lill-interventi tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima li jikkontribwixxu għar-reżiljenza u l-profitabbiltà fit-tul tal-azjendi agrikoli u ż-żamma tal-impjieg, u li l-implimentazzjoni tiffoka fuq l-ilħuq tal-miri.

Sussidjarjetà — Pjani Strateġiċi tal-PAK u mudell ġdid ta’ implimentazzjoni

2.25.

Il-KESE jappoġġja l-kunċett tat-tibdil tal-enfasi tal-politika tal-PAK mill-konformità għall-prestazzjoni u li l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà u responsabbiltajiet permezz tas-sussidjarjetà skont il-mudell ġdid ta’ implimentazzjoni u l-pjani strateġiċi tal-PAK.

2.26.

Madankollu, il-KESE huwa ħerqan biex jiżgura li l-PAK tibqa’ politika komuni fl-Istati Membri kollha u li s-suq uniku jiġi ppreservat bis-sħiħ. Il-Pjani Strateġiċi tal-PAK ma jistgħux jippermettu lill-Istati Membri jerġgħu jinnazzjonalizzaw is-swieq jew joħolqu ostakli jew restrizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku. Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandha l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani strateġiċi titqies bħala pass lejn il-kofinanzjament tal-PAK kollha.

2.27.

Huwa ta’ importanza kritika li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’termini ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonalità u l-KAAT. L-Istati Membri u r-reġjuni jenħtieġ li jiġu impeduti milli jadottaw regolamentazzjoni żejda jew varjazzjoni sottili fir-rigward tal-pjani ta’ implimentazzjoni.

2.28.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit skont il-Pjani Strateġiċi tal-PAK li l-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut akbar għall-ilħuq tal-objettivi ambjentali u klimatiċi speċifiċi stabbiliti. Jenħtieġ li l-bdiewa jingħataw l-għażla ta’ menù ta’ miżuri għal adattament aħjar għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom (eż. newba tal-uċuh tar-raba’ mhux possibbli fl-għelieqi tar-ross jew f’uċuħ tar-raba’ pluriennali jew permanenti).

2.29.

Il-proposta li tirrikjedi lill-Istati Membri jiżviluppaw u jissottomettu Pjani Strateġiċi tal-PAK kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II tal-PAK se tkun aktar kumplessa mis-sistema attwali. Huwa essenzjali li dan ir-rekwiżit ma jitħalliex idewwem l-implimentazzjoni u taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jdewwem l-għoti effiċjenti u f’waqtu ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa. Ir-reġjuni għandhom ikunu involuti hawnhekk, u l-għarfien espert tagħhom sfruttat.

2.30.

Flimkien mal-elementi ewlenin stabbiliti fil-proposti, il-KESE jipproponi li l-Pjani Strateġiċi tal-PAK fil-livell tal-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin;

kif Stat Membru jindirizza kwistjoni speċifika għall-pajjiż fl-istat tiegħu, pereżempju l-abbandun tal-art/id-deżertifikazzjoni f’partijiet tan-Nofsinhar tal-Ewropa, il-kwalità tal-ilma/in-nitrati f’partijiet tal-Majjistral tal-Ewropa, it-telfien tal-bijodiversità fl-Ewropa;

pjan ta’ Stat Membru dwar is-simplifikazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli;

pjan ta’ implimentazzjoni u dati tal-iskadenzi tal-pagamenti għall-pagamenti kollha tal-PAK;

sistema ta’ inċentiv għall-prestazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima tajba;

miri ta’ prestazzjoni u ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

Simplifikazzjoni u kondizzjonalità

2.31.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-simplifikazzjoni u jitlob li l-impenn politiku li sar dwar dan irid jitwettaq fil-livell tal-azjendi agrikoli skont il-proposti ġodda tal-PAK. Filwaqt li jirrikonoxxi elementi pożittivi, l-funzjonament propost tal-mudell il-ġdid ta’ twettiq, il-kondizzjonalità msaħħa, l-introduzzjoni ta’ indikaturi fil-Pilastru I u l-obbligu li jitħejjew pjanijiet strateġiċi tal-PAK dettaljati huma partikolarment inkwetanti u jmorru kontra simplifikazzjoni reali.

2.32.

Minkejja l-iżvilupp pożittiv li sar fir-rigward tas-simplifikazzjoni fir-Regolament Omnibus, l-estensjoni tas-sistema tal-karta safra u l-adozzjoni ta’ teknoloġija satellitari għall-kontroll taż-żoni, il-proposti tal-PAK għad għandhom volum kbir ta’ rekwiżiti ddettaljati b’piż burokratiku kbir fuq il-bdiewa individwali, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom qed joperaw bħala operaturi uniċi taħt pressjoni tal-introjtu qawwija.

2.33.

Il-KESE jinsab imħasseb li hemm kontradizzjoni fl-approċċ meħud mill-proposti tal-Kummissjoni bejn is-simplifikazzjoni u s-sussidjarjetà. Minn naħa, il-Kummissjoni tappoġġja s-simplifikazzjoni, filwaqt li min-naħa l-oħra proposti ġodda dwar il-mudell ta’ implimentazzjoni u l-pjani strateġiċi tal-PAK estiżi kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II, kif ukoll ir-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (SMR) u r-rekwiżiti KAAT (Anness III) (9) addizzjonali u aktar iddettaljati fil-livell tal-azjendi agrikoli, se jwasslu biex l-implimentazzjoni tal-politika ssir aktar kumplessa u burokratika kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-azjendi agrikoli. Il-kategoriji ta’ eżenzjoni differenti stabbiliti matul l-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni tal-2014–2020 għandhom jiġu trasferiti għar-regoli ta’ kondizzjonalità għal wara l-2020.

2.34.

Sabiex ikun hemm simplifikazzjoni reali fil-livell tal-azjendi agrikoli, filwaqt li jinżammu kontrolli sħaħ u adegwati, jeħtieġ li jitnaqqsu l-volum u l-piż tal-burokrazija fuq il-bdiewa. Is-sistema attwali tal-implimentazzjoni tal-PAK tiddependi fuq rekwiżiti ddettaljati fil-livell tal-UE, u fiha arranġamenti stretti għall-kontroll, għall-penali u għall-awditjar (10). Jenħtieġ li jkun hemm reviżjoni sħiħa u tfassil mill-ġdid tas-sistema ta’ kontroll fil-livell tal-azjendi agrikoli: żieda fl-użu tat-teknoloġija, l-ispezzjoni bis-satellita u t-telerilevament, żieda fit-tolleranzi u l-ispezzjonijiet ma jistgħux jitħallew idewmu l-pagamenti (11). B’rabta maż-żieda fl-użu tat-telerilevament, l-identifikazzjoni korretta taż-żona eliġibbli għandha taqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ.

2.35.

Ir-reġim attwali ta’ spezzjoni u ta’ penali huwa mfassal biex jidentifika u jippenalizza minflok jikkoreġi u jtejjeb. Il-KESE qed jipproponi l-kunċett tad-dritt għar-rettifika b’mudell ta’ għeluq introdott fil-livell tal-azjenda agrikola li jippermetti lill-bdiewa jikkoreġu nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonati mingħajr penali.

2.36.

Hemm ħtieġa kbira għal aktar simplifikazzjoni u anqas burokrazija fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fir-rigward tal-programmi tal-Pilastru II tal-PAK (12).

2.37.

Bħala parti mill-pjan strateġiku tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jfasslu taqsima speċifika dwar is-simplifikazzjoni u kif dawn jipproponu li jnaqqsu l-piż burokratiku fuq il-bdiewa u jiddeskrivu kif huwa differenti mir-reġim attwali.

Tiġdid ġenerazzjonali

2.38.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi akbar fuq it-tiġdid ġenerazzjonali u l-appoġġ addizzjonali propost għal bdiewa żgħażagħ, li jirrikjedu aċċess eħfef għall-art, għat-taħriġ u għall-finanzi. Iridu jingħataw inċentivi lill-bdiewa li jirtiraw u jittrasferixxu l-proprjetà tagħhom lil bidwi żagħżugħ.

3.   Proposti speċifiċi mill-KESE

Bdiewa ġenwini

3.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li permezz tiegħu, il-pagamenti diretti jenħtieġ li jingħataw biss lil bdiewa ġenwini. Is-sjieda tal-art waħedha ma għandhiex tikkwalifika persuna biex tirċievi pagamenti diretti, jekk dawn ma jkunux qed iwettqu attivitajiet relatati mal-biedja. Madankollu, din is-sitwazzjoni, billi taffettwa kważi lill-azjendi agrikoli kollha fl-UE, trid tiġi rikonoxxuta.

3.2.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li definizzjonijiet vitali bħal bdiewa ġenwini u kriterji tal-eliġibbiltà jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar, robust, unifikat fil-livell tal-UE sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, biex jiġi impedut il-vantaġġ/l-iżvantaġġ kompetittiv u jiġi impedut kwalunkwe indeboliment tar-regoli komuni.

3.3.

Barra milli teżamina t-testijiet dwar l-introjtu u l-inputs tax-xogħol fuq l-azjenda agrikola kif propost, id-definizzjoni ta’ bidwi ġenwin jenħtieġ li titwessa’ biex tinkludi kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħall-introjtu, l-assi, l-input tal-ħin, l-output u l-kriterji tal-edukazzjoni fost l-oħrajn. F’konformità mal-iskambji reċenti introdotti fir-Regolament Omnibus, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-flessibbiltà sabiex jindirizzaw aħjar l-eliġibbiltà tal-appoġġ. Għaldaqstant għandu jkun possibbli li jitfassal qafas komuni filwaqt li titħalla l-possibbiltà għall-adattament tad-definizzjoni għall-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet reali tal-Istati Membri.

Bdiewa żgħażagħ

3.4.

Il-KESE jipproponi li d-definizzjoni ta’ bidwi żagħżugħ tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti jmorru biss għand bdiewa żgħażagħ ġenwini. L-appoġġ għall-inkorporazzjoni ta’ dawk ġodda jenħtieġ li tkun miżura ta’ prijorità fil-Pilastru II.

Objettivi ġenerali

3.5.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li mhuwiex possibbli li jintlaħqu l-objettivi ġenerali fir-rigward ta’ agrikoltura intelliġenti, reżiljenti u diversifikata, is-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien għall-ambjent u l-azzjoni klimatika u t-tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali mingħajr ma qabelxejn ikollna settur tal-biedja ekonomikament sostenibbli. Il-kisba ta’ settur tal-biedja ekonomikament sostenibbli trid tkun objettiv ġenerali tal-PAK.

Objettivi speċifiċi

3.6.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-disa’ objettivi speċifiċi tal-PAK stabbiliti fil-proposti leġislattivi. Madankollu, il-KESE jipproponi li t-taqsima (f) tinkludi l-objettiv addizzjonali li jiġi evitat l-abbandun tal-art u li l-art agrikola tiġi protetta mit-teħid għal użu ieħor. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li żvilupp territorjali bbilanċjat jenħtieġ li jkun parti mill-objettivi speċifiċi. Il-KESE jappella wkoll biex l-objettiv 6(1)(b) biex tiżdied il-kompetittività jinkiteb mill-ġdid kif ġej, sabiex ikun iktar inklużiv: “tiżdied il-vijabilità tal-azjendi agrikoli fis-swieq lokali, nazzjonali u internazzjonali”. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi enfasizzat l-għan li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġi inkluż l-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali bħala objettiv speċifiku.

Indikaturi

3.7.

Il-KESE jqis li l-proposta għall-introduzzjoni ta’ indikaturi biex jitkejjel l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti bi stadji importanti u b’miri kkwantifikati skont kriterji dettaljati stabbiliti fl-Anness I (13) jenħtieġ li tapplika fil-livell nazzjonali biss u ma tridx iżżid il-piż burokratiku fuq il-bdiewa. L-indikaturi l-ġodda tal-PAK jridu jkunu sempliċi, realistiċi, faċilment kwantifikabbli, kontrollabbli u applikabbli għal realtajiet lokali. Għandhom ikunu marbuta direttament mal-objettivi definiti tal-PAK.

KAAT

3.8.

Il-KESE jipproponi li, fil-kuntest taż-żamma tal-art fil-KAAT, jenħtieġ li jitqies l-istabbiliment ta’ rata tal-irjus minima u massima għall-bwar.

Servizzi konsultattivi għall-azjendi agrikoli

3.9.

Appoġġ u żvilupp ulterjuri tal-AKIS, inklużi servizzi ta’ konsulenza, skambju ta’ għarfien u taħriġ vokazzjonali, huma importanti biex jgħinu lill-bdiewa fl-adozzjoni tal-innovazzjonijiet u teknoloġiji ġodda li konsegwentement itejbu l-kompetittivià u s-sostenibbiltà tagħhom. Kwalunkwe inizjattiva tal-UE fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza, is-sistemi ta’ innovazzjonijiet iridu jibnu fuq oħrajn eżistenti fil-livell tal-Istat Membru u jiffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ valur miżjud. Peress li l-baġit tal-PAK jinsab taħt pressjoni, il-proposti leġislattivi jenħtieġ li jagħmluha ċara li ma jista’ jkun hemm l-ebda rilaxx ta’ pagamenti diretti lil professjonisti li ma jwettqux attivitajiet relatati mal-biedja bħal servizzi konsultattivi.

Pagamenti diretti

3.10.

Il-KESE jirrikonoxxi u jappoġġja bis-sħiħ l-importanza vitali tal-pagamenti diretti tal-Pilastru I tal-PAK fl-appoġġ għall-introjti tal-azjendi agrikoli. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-pagamenti tal-Pilastru I tal-PAK iridu jkunu protetti bis-sħiħ u kwalunkwe aġġustament fl-appoġġ il-ġdid għal introjtu bażiku jrid jinżamm għal minimu assolut.

L-iffissar ta’ limitu massimu u t-tnaqqis fil-pagamenti

3.11.

Il-Kummissjoni fil-proposta tagħha tipprovdi għal żewġ forom differenti ta’ pagamenti diretti, speċifikament erba’ pagamenti diżakkoppjati u diversi pagamenti akkoppjati.

3.12.

Fir-rigward ta’ pagamenti diżakkoppjati, il-KESE stqarr b’mod ċar fl-opinjonijiet tiegħu li “Il-pagamenti diretti tal-Pilastru 1 għandhom jiġu limitati għal livell ġust u raġonevoli għal bdiewa individwali (eż. ugwali għal paga komparabbli ta’ ħaddiem kwalifikat). Għandhom ikunu possibbli aġġustamenti u għandhom jiġu kkunsidrati s-sħubijiet, il-kooperattivi, il-kumpaniji u l-għadd ta’ impjegati koperti mis-sigurtà soċjali” (14).

3.13.

Huwa rrakkomandat ukoll li ma jiġi applikat il-limitu massimu għal pagamenti li jippremjaw is-servizzi pubbliċi, speċjalment pagamenti fil-qasam tal-ambjent u l-klima, li għalih huwa talab li jkun hemm komponent b’inċentiv ċar.

3.14.

Il-Kumitat jesprimi ruħu favur ukoll primjum ogħla għall-art bil-ħaxix.

3.15.

Il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-inklużjoni ta’ salarji f’konformità mal-Artikolu 15(2)(a) u (b), iżda ma jqisx li din għandha tkun bir-rata ta’ 100 %. Mhuwiex ġustifikabbli għall-baġits pubbliċi li jiġu finanzjati b’mod sħiħ is-salarji u taxxi relatati ta’ grupp professjonali speċifiku u anke li xogħol bla ħlas ikun inkluż għal kollox fil-kalkolu. Rata massima ta’ inqas minn 100 % għandha tiġi mfassla mill-UE.

Konverġenza tal-pagamenti

3.16.

Il-KESE jappoġġja l-proposti dwar il-konverġenza esterna għall-armonizzazzjoni kontinwata tal-livell ta’ appoġġ għal pagament dirett bejn l-Istati Membri. Il-proposta timmira li tagħlaq 50 % tal-lakuna eżistenti bejn il-livell ta’ pagament dirett medju attwali tal-Istati Membri u d-90 % tal-medja ta’ pagamenti diretti tal-UE mill-2021 sal-2027. Madankollu, permezz ta’ baħit adegwat għall-PAK, il-proposti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu iktar ambizzjużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri bil-livell l-iktar baxx ta’ għajnuna. Il-Kumitat huwa tal-fehma li fi tmiem il-perjodu baġitarju li jmiss, il-livell tal-pagament dirett għandu jkun mill-inqas 85 % tal-medja tal-UE.

3.17.

It-tnaqqis tal-intitolamenti tal-pagamenti huwa approċċ primittiv ħafna u jonqos milli jqis kwalunkwe kriterju oġġettiv bħal-livell ta’ investiment li sar fl-azjenda agrikola, it-tip ta’ sistema tal-biedja, il-livell tal-introjtu, ir-rekwiżit tax-xogħol, il-vijabbiltà futura tal-azjenda agrikola u kemm l-azjenda agrikola tista’ tiddependi fuq il-pagamenti diretti u l-impenn tal-bidwi.

3.18.

Sabiex il-bdiewa jibbenefikaw mill-kriterji ta’ konverġenza biex sal-2026 jgħollu l-intitolamenti ta’ pagament minimu sa 75 % tal-medja, dawn jenħtieġ li jintalbu jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi.

Riżerva nazzjonali

3.19.

Il-KESE jappoġġja l-kunċett ta’ riżerva nazzjonali għall-bdiewa żgħażagħ ġodda u għal min jidħol ġdid għall-ewwel darba. Madankollu, il-kriterji għall-allokazzjoni mir-riżerva nazzjonali jridu jkunu tali li ma jsirx abbuż mill-allokazzjoni tal-intitolamenti u l-intitolamenti jiġu allokati biss lil bdiewa ġenwini abbażi ta’ kriterji oġġettivi ċari, bħall-età, l-introjtu, l-edukazzjoni, l-input u l-output tal-ħin.

3.20.

Barra minn hekk, jenħtieġ li jsir obbligatorju li kwalunkwe intitolament allokat mir-riżerva nazzjonali jiġi attivat u jintuża mill-benefiċjarju għal perjodu minimu stabbilit mill-Istat Membru, u ma għandux ikun possibbli għall-benefiċjarji tar-riżerva nazzjonali li jbigħu intitolamenti allokati qabel dan il-perjodu ta’ 10 snin.

Appoġġ għall-introjtu ridistributtiv komplementarju

3.21.

Filwaqt li l-appoġġ għall-introjtu ridistributtiv kellu riżultati tajbin ħafna f’xi pajjiżi, f’kuntesti oħrajn se jkompli jnaqqas il-livell ta’ pagamenti diretti u l-introjti għall-bdiewa li jiddependu l-aktar fuq il-pagamenti diretti għall-introjtu tagħhom, li ħafna minnhom huma bdiewa full-time, u jittrasferixxu pagamenti lil bdiewa part-time u lil bdiewa li jiddependu anqas fuq il-pagamenti diretti għall-introjtu kollu tagħhom.

3.22.

Il-proposti jenfasizzaw l-importanza ta’ pagamenti diretti fir-rigward tal-introjti tal-azjendi agrikoli u jagħmluha ċara li l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ appoġġ u, b’hekk, ta’ livell xieraq ta’ introjtu tal-azjendi agrikoli, jibqa’ element ewlieni għall-ġejjieni sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel, l-ambizzjoni ambjentali u klimatika, kif ukoll il-vitalità rurali. Madankollu, il-KESE jirrimarka li kwalunkwe għażla li għandha effett ridistributtiv sinifikanti tal-pagamenti diretti lejn l-azjendi agrikoli u r-reġjuni b’inqas produttività, fuq perjodu qasir ta’ żmien se twassal għal tnaqqis fil-kompetittività tal-UE (15) fis-swieq internazzjonali; fl-istess waqt, dan għandu jaqbel iktar mal-aspettattivi tal-konsumaturi u ċ-ċittadini fir-rigward l-orjenatament tal-PAK iktar lejn il-ħtiġijiet tas-suq intern.

3.23.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-pagament ridistributtiv komplementarjum fil-każ li jiġi applikat, jenħtieġ li jiġi ffinanzjat biss mill-fondi rilaxxati mill-iffissar ta’ limitu massimu u, sabiex jitnaqqsu d-distakki kbar li jeżistu fis-settur, dan jiġi mmirat u dirett lejn il-bdiewa li fil-biċċa l-kbira huma dipendenti fuq il-biedja għall-introjtu tagħhom.

Appoġġ għall-introjtu komplementarju għall-bdiewa żgħażagħ

3.24.

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal appoġġ tad-dħul komplimentari għall-bdiewa żgħażagħ. Sabiex ikun aċċertat li dan ma jagħmilx ħsara lill-bdiewa ġenwini, iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti sabiex jiġu evitati allokazzjonijiet finanzjarji li ma jwasslux għal involviment ġenwin fl-attività tal-biedja.

Skema volontarja għall-klima u għall-ambjent (“ekoskema”)

3.25.

Il-KESE jinnota l-introduzzjoni ta’ ekoskema volontarja għall-klima u għall-ambjent fil-livell tal-azjenda agrikola fil-Pilastru I. Madankollu, huwa importanti li l-“ekoskema” proposta fil-Pilastru I jenħtieġ li ma tiskoraġġixxix jew timmina lill-bdiewa milli japplikaw u jipparteċipaw fi skema ambjentali u tat-tibdil fil-klima importanti fil-Pilastru II.

3.26.

Jenħtieġ li jkun hemm provvediment biex ikun permess pagament għall-bwar għall-produzzjoni tal-bhejjem b’rata tal-irjus minima u massima taħt din il-miżura. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm ukoll provvediment għall-pagamenti tal-benessri tal-annimali abbażi ta’ kull annimal, kif inhu bħalissa l-każ b’din it-tip ta’ skema.

Pagamenti akkoppjati

3.27.

Il-pagamenti akkoppjati għandhom rwol importanti ħafna billi jipproteġu lil setturi vulnerabbli u żoni vulnerabbli. Pagamenti akkoppjati jistgħu jipprovdu pagamenti diretti immirati u ta’ livell ogħla lil setturi ta’ introjtu baxx bħall-biedja estensiva tan-nagħaġ jew tal-baqar li jreddgħu, il-biedja tal-prodotti tar-raba’ li fihom il-proteini jew tal-bhejjem, fejn iż-żamma tal-bhejjem hija essenzjali għall-bilanċ tal-ekosistema. L-għażla ta’ pagamenti akkoppjati għandi tkompli tiġi ristretta b’mod ġenerali, iżda għandha tkun disponibbli sabiex tgħin tipprevjeni l-abbandun tal-art u tippromovi u tħeġġeġ l-ekonomija tal-biedja tar-ragħa (16).

Żvilupp rurali

3.28.

Il-KESE jappoġġja t-tmien interventi wesgħin tal-UE taħt l-iżvilupp rurali. Kif issemma qabel, il-KESE huwa kontra t-tnaqqis kollu propost għall-finanzjament tal-Pilastru II, billi jaffettwa b’mod mhux proporzjonali xi Stati Membri u jqajjem dubji dwar l-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u kompetittiv tal-agrikoltura.

3.29.

Il-KESE jqis li, f’konformità mal-PAK attwali, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għal interventi speċifiċi tat-trattament xieraq tal-annimali taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali u li din għandha tiġi inkluża taħt wieħed mill-interventi wesgħin.

3.30.

Il-KESE jipproponi li, sabiex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tal-bdiewa, jenħtieġ li jiġi allokat sehem akbar tal-pagament għall-ispejjeż tat-tranżizzjoni jew għall-inċentivi.

3.31.

Il-KESE jqis li l-impenji ambjentali, klimatiċi u impenji oħra ta’ ġestjoni jenħtieġ li jitqiesu għal perjodu itwal minn seba’ snin sakemm anke l-finanzjament ta’ dawk l-impenji jkun garantit kif meħtieġ.

3.32.

Il-KESE jqis li l-pagamenti ANC (17) jenħtieġ li jkunu obbligatorji fiż-żoni rilevanti sabiex jiġi evitat l-abbandun tal-art fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-miżuri jenħtieġ li jinkorporaw miżuri ta’ rata tal-irjus minima u massima u jispeċifikaw medda ta’ perjodu ta’ żmien li l-annimali għandhom iqattgħu jirgħu. Il-pagamenti ANC jenħtieġ li jitħallew jikkwalifikaw bħala parti mill-infiq ambjentali taħt il-Pilastru II.

3.33.

Skont il-proposti dwar il-limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi għaż-żona, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ ebda restrizzjoni mingħajr kumpens. Sabiex jinbiddlu l-prattiki, huwa importanti ħafna li l-kumpens jiġi kkalkolat għat-telf kollu u li jitħallsu inċentivi xierqa.

3.34.

Il-KESE jiffavorixxi lista pożittiva ta’ proposti ta’ investiment għall-kuntrarju ta’ lista negattiva.

3.35.

Il-KESE jqis li l-proposti dwar l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jkunu volontarji għall-kuntrarju tal-livell tal-Istati Membri fejn dawn huma obbligatorji. B’mod ġenerali, il-KESE jemmen li l-aħjar protezzjoni kontra l-volatilità tal-introjtu hija pagamenti diretti b’saħħithom tal-Pilastru I, u li dawn ma għandhom bl-ebda mod jiġu eliminati sabiex il-fondi jiġu ttrasferiti lejn skemi ta’ assigurazzjoni jew fondi mutwi. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li kwalunkwe finanzjament għall-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jkun speċifiku għas-settur.

3.36.

Il-KESE jilqa’ l-flessibbiltà u l-firxa ta’ appoġġ ġodda deskritti taħt l-istrumenti finanzjarji.

Riżerva għall-kriżijiet

3.37.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal fond ta’ riżerva tal-kriżijiet permanenti effettiv u ffinanzjat b’mod xieraq. Il-KESE jipproponi li l-finanzjament għar-riżerva għall-kriżijiet jenħtieġ li jiġi pprovdut minn element ġdid ta’ nefqa, barra mill-baġit tal-PAK u għalhekk ma jistax jinvolvi xi tnaqqis fil-pagamenti diretti lill-bdiewa. Taħt il-leġislazzjoni attwali tal-PAK, fondi mhux użati mir-riżerva għall-kriżijiet tal-2020 jridu jingħataw lura lill-bdiewa fl-2021.

Organizzazzjoni Komuni tas-Suq

3.38.

Il-proposti leġislattivi jħallu l-OKS prinċipalment l-istess, filwaqt li jinvolvu xibka ta’ sikurezza ta’ intervent pubbliku u ħżin privat u miżuri eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-OKS tipprevedi standards tal-kummerċjalizzazzjoni u regoli dwar il-kooperazzjoni tal-bdiewa. Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li ssaħħaħ iktar ir-regolazzjoni tas-suq sabiex tiżgura dħul aħjar.

3.39.

Il-KESE jqis li l-proposti jenħtieġ li jeżaminaw u jistabbilixxu mill-ġdid il-prezzijiet ta’ referenza, b’kont meħud tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni, u jiskattaw livelli għall-introduzzjoni tal-appoġġ għas-suq f’livelli aktar prattiċi, bl-għan li jiġi pprovdut appoġġ għas-suq aktar realistiku u utli meta meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq strumenti ta’ ġestjoni tas-suq, b’mod partikolari billi tillimita fluttwazzjonjiet fil-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli, billi jirrappreżentaw is-sors ewlieni ta’ dħul għall-bdiewa.

Pagamenti

3.40.

Il-KESE jipproponi li mis-16 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-pagamenti avvanzati jiżdiedu għal 80 % (attwalment 50 % iżda normalment huma permessi 70 %) għall-pagamenti diretti u għal 90 % (attwalment 75 % iżda normalment huma permessi 85 %) taħt il-miżuri tal-iżvilupp rurali.

Skedar

3.41.

L-iskedar tal-ftehim tal-QFP u tal-proposti l-ġodda tal-PAK mhuwiex ċar, b’mod partikolari fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-PE li jmiss. Il-proposta ta’ riforma tintroduċi diversi elementi ġodda bħall-Pjan Strateġiku, komponent bażiku tar-riforma li l-amministrazzjonijiet nazzjonali mhux ħa jsibu faċli biex jimplimentaw, u struttura ġdida tal-PAK li tistabbilixxi ċerti obbligi għall-bdiewa (kundizzjonalità msaħħa ġdida, konformità mal-indikaturi tal-Pjan Strateġiku, eċċ.) li se jesiġu ċertu perjodu ta’ żmien biex ikunu adottati u implimentati mill-bdiewa nfushom. Il-KESE jirrakkomanda ftehim bikri dwar il-QFP qabel l-elezzjonijiet tal-PE f’Mejju 2019 u ftehim f’waqtu dwar il-futur tal-PAK sabiex il-bdiewa u s-settur tal-agrikoltura jkunu jistgħu jippjanaw kif xieraq għall-futur b’ċertezza. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi adottat minn ħafna qabel perjodu tranżitorju xieraq ibbażat fuq is-sistema ta’ appoġġ attwali għal kwalunkwe perjodu ta’ wara l-2020 qabel ma l-arranġamenti ġodda jidħlu fis-seħħ.

Il-katina alimentari

3.42.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tiġi żviluppata politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE (18). Il-KESE, b’mod partikolari, jiltqa’ l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol imprtanti tal-PAK fil-promozzjoni ta’ dieti aktar sani, li tagħmel prodotti tal-ikel nutrittivi bħall-frott u l-ħxejjex disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. Proposti konkreti u rakkomandazzjonijiet dwar dan se jsiru f’opinjoni fuq inizjattiva proprja li għadha għaddejja. Il-KESE jilqa’ l-proposti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Iż-żieda fit-trasparenza tal-prezz tas-suq hija essenzjali f’kull livell mid-dritt tal-konsumaturi sal-produttur primarju. Barra minn hekk, jenħtieġ li jingħataw inċentivi u appoġġ akbar lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Eurostat — il-popolazzjoni tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2017.

(2)  Opinjoni tal-KESE — Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU C 288 31.8.2017, p. 10).

(3)  Preżentazzjoni minn R. Ramon Sumoy, DĠ Agri, Unità C.1, lill-grupp ta’ studju tal-KESE fil-25 ta’ Ġunju 2018.

(4)  ĠU C 354, 28.12.2010, p.35.

(5)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69, Taqsimiet 10.2/10.3/10.4.

(6)  Dokument ta’ ħidma tal-UE dwar It-tqabbil tal-proposti dwar il-QFP 2021-2027 u l-QFP 2014-2020.

(7)  ĠU C 283, 10.08.2018, p. 69 Taqsima 7.13.

(8)  COM(2018) 392 final, l-Artikolu 5 — Objettivi ġenerali, p. 41.

(9)  COM(2018) 392 final, Anness 3 — Regoli dwar il-kondizzjonalità skont l-Artikolu 11.

(10)  COM(2018) 392 final, p. 3.

(11)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69, Taqsima 1.9/6.4.

(12)  Programmi tal-Pilastru II tal-PAK — Evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-iżvilupp rurali għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013.

(13)  COM(2018) 392, Anness I — Indikaturi tal-impatt, tar-riżultat u tal-output skont l-Artikolu 7.

(14)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 10 u ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.

(15)  COM(2018) 392 final, p. 7.

(16)  Il-Pjan Direzzjonali ta' Politika għas-Settur tal-laħam tan-Nagħaġ tal-UE — Rakkomandazzjonijiet mill-Forum tal-UE dwar il-Laħam tan-Nagħaġ, ippresedut minn John Bryan.

(17)  Żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi.

(18)  ĠU C 129, 11.4.2018, p.18.