10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

[COM(2018) 213 final — 2018/0105 (COD)]

(2018/C 367/16)

Relatur ġenerali:

Victor ALISTAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Bażi legali

L-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Deċiżjoni tal-Bureau

22.5.2018

Adottata fil-plenarja

12.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

176/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li l-azzjoni tal-Unjoni għandha l-għan li tiġġenera valur miżjud billi tipprovdi approċċ armonizzat li jsaħħaħ il-kooperazzjoni nazzjonali u transfruntiera fl-investigazzjonijiet finanzjarji dwar ir-reati serji u t-terroriżmu. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell Ewropew se twassal għal dispożizzjonijiet armonizzati, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex tkun żgurata l-effikaċja ta’ spazju komuni ta’ sigurtà u ġustizzja.

1.2.

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, huwa meħtieġ li jiġi kkompletat il-qafas regolatorju tal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (UIF) stabbiliti skont l-Artikolu 114, flimkien ma’ strument legali stabbilit skont l-Artikolu 87, paragrafu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-alternattiva magħżula hi dik li torbot l-aċċess għad-data finanzjarja, skont il-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (1), mal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.

1.3.

Il-proposta għal Direttiva tikkostitwixxi strument maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ investigazzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkollhom aktar aċċess dirett għad-data finanzjarja, bl-għan li jipproċedu kontra reati u biex jidentifikaw forom ta’ kriminalità.

1.4.

Il-kamp ta’ applikazzjoni definit mill-Kummissjoni jkopri l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra r-reati fil-qafas ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u jirreferi għall-Artikolu 2, ittra l) u l-Artikolu 3, paragrafu 1 tar-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Europol fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati serji (2). Dwar dan il-punt, il-KESE jqis li jeħtieġ tiġi stabbilita lista aktar preċiża u restrittiva tar-reati kriminali li għalihom ikun permess l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu.

1.5.

Jeħtieġ li fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni jirnexxielha ttejjeb il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni relatata mal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-trażżin tagħha, sabiex tiġi żgurata klima ta’ sigurtà u ġustizzja fil-livell tal-Unjoni.

1.6.

Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-aċċess għad-data finanzjarja taċ-ċittadini Ewropej u l-prinċipju tal-bżonn ta’ għarfien, huwa neċessarju li d-Direttiva tkun limitata esklużivament għall-għan ta’ detezzjoni u nfurzar tar-reati kriminali u ma tipprovdix, u ma jkollhiex, bħala prinċipju, l-għan ta’ azzjoni preventiva ġenerali wisq, u għaldaqstant ir-rakkomandazzjoni biex tintuża r-regola debitament ġustifikata skont il-każ.

1.7.

Ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jistgħu jiġu kkompletati permezz tal-inklużjoni tad-data finanzjarja dwar kontijiet ta’ investiment mill-maniġers tal-azzjonijiet fis-suq tal-kapital, peress li huwa magħruf li dawn l-azzjonijiet huma fost il-forom attwali ta’ ħasil tal-flus u l-ħabi ta’ prodotti finanzjarji miksuba b’mod illegali. Barra dan, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi biex tara jekk huwiex possibbli li tikkorrelata d-data miġbura skont il-ħames Direttiva kontra l-ħasil tal-flus (3), skont id-Direttiva attwali u skont ir-Raba’ Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (4), fir-rigward ta’ din tal-aħħar għal dokumentazzjoni ta’ reati serji biss, u bl-objettiv uniku ta’ identifikazzjoni tad-disparitajiet fid-data miġbura matul l-investigazzjonijiet u l-informazzjoni ġestita.

1.8.

Fir-rigward tal-elementi tekniċi tar-regolamentazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 17 jiġi supplementat b’dispożizzjonijiet proċedurali li jirreferu għar-regolamentazzjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi terzi.

1.9.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2, ittra f), “informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi”, u ittra l) “reati kriminali serji” sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza, il-prevedibbiltà u l-proporzjonalità tal-istandards li jistabbilixxu l-mekkaniżmi għall-aċċess għad-data finanzjarja taċ-ċittadini tal-Unjoni.

1.10.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tirregola l-għan tal-aċċess għad-data li tinsab f’kontijiet bankarji nazzjonali ċentralizzati billi tillimitah, fil-każi ta’ prevenzjoni, għal reati kriminali li jheddu s-sigurtà kollettiva u individwali taċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri t-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, filwaqt li testendieh għar-reati serji kollha meta dan jirrigwarda d-detezzjoni, kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-irkupru ta’ assi li joriġinaw mir-reati.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Il-gruppi kriminali, inklużi t-terroristi, joperaw fi Stati Membri differenti u l-assi tagħhom, inklużi l-kontijiet tal-bank, normalment ikunu jinsabu f’diversi pajjiżi, ġewwa l-UE jew saħansitra barra minnha. Huma jużaw teknoloġija moderna li tippermettilhom jittrasferixxu l-flus bejn diversi kontijiet tal-bank u bejn muniti differenti fi ftit sigħat.

2.2.

Il-KESE jinnota li l-azzjoni tal-Unjoni għandha l-għan li tiġġenera valur miżjud billi tipprovdi approċċ armonizzat li jsaħħaħ il-kooperazzjoni nazzjonali u transfruntiera fl-investigazzjonijiet finanzjarji dwar ir-reati serji u t-terroriżmu. Barra minn hekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni se tgħin sabiex tiżgura dispożizzjonijiet armonizzati, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li jekk l-Istati Membri jitħallew jilleġislaw b’mod indipendenti, ikun diffiċli biex jintlaħaq livell armonizzat ta’ salvagwardji.

2.3.

Il-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (5) tistabbilixxi reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji li jżidu l-kapaċità ta’ pproċessar u l-effettivitá tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF). L-awtoritajiet ġudizzjarji jeħtieġu aċċess aktar rapidu għall-informazzjoni finanzjarja sabiex l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tar-reati kriminali jsiru aktar effikaċi. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-qafas regolatorju tal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja stabbilit skont l-Artikolu 114 jeħtieġ li jiġi kkompletat, flimkien ma’ strument legali stabbilit skont l-Artikolu 87, paragrafu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.4.

B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti se jkollhom aċċess dirett għar-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, u dan jiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet tat-taxxa u tal-unitajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li għandhom setgħat investigattivi skont il-liġi nazzjonali. Fi ħdan din il-kategorija, ikun jaqbel ukoll li jitqiesu l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, li huma inkarigati mir-rintraċċar u l-identifikazzjoni tar-reati kriminali għall-finijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska possibbli tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-kriminali jiġu mċaħħda mid-dħul tagħhom.

2.5.

Il-kamp ta’ applikazzjoni definit mill-Kummissjoni jkopri l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra r-reati fil-qafas ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u jirreferi għall-Artikolu 2, ittra l) u l-Artikolu 3, paragrafu 1 tar-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Europol fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati serji (6). Dwar dan il-punt, il-KESE jqis li jeħtieġ tiġi stabbilita lista aktar preċiża u restrittiva tar-reati kriminali li għalihom ikun permess l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu.

2.6.

Barra minn hekk, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-aċċess għal reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji huwa mogħti wkoll lill-prosekuturi Ewropej (7), u b’hekk din l-awtorizzazzjoni se żżid il-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni f’każijiet ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħolqu mekkaniżmi li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkollhom aċċess aktar rapidu u dirett għad-data finanzjarja li tinsab fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn.

3.2.

Il-proposta għal Direttiva tikkostitwixxi strument maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ investigazzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità ġewwa l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkollhom aktar aċċess dirett għad-data finanzjarja, bl-għan li jidentifikaw ir-reati u jidentifikaw forom ta’ kriminalità.

3.3.

Jeħtieġ li fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni jirnexxielha ttejjeb il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni aktar effikaċi tal-leġislazzjoni relatata mal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-trażżin tagħha.

3.4.

Għaldaqstant ikun jaqbel li d-dritt għar-rispett u l-protezzjoni tal-privatezza ma jkunx ristrett sakemm il-miżura tkun proporzjonata mal-interess pubbliku li tiġi żgurata klima ta’ sigurtà u ġustizzja fil-livell territorjali tal-Unjoni Ewropea.

3.5.

Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-aċċess għad-data finanzjarja taċ-ċittadini Ewropej u l-prinċipju tal-bżonn ta’ għarfien, huwa meħtieġ li d-Direttiva tkun limitata esklużivament għall-għan ta’ detezzjoni u kontroll tar-reati kriminali u ma jkollhiex, bi prinċipju, l-għan ta’ azzjoni preventiva ġenerali wisq, u għaldaqstant ir-rakkomandazzjoni biex tintuża r-regola debitament ġustifikata skont il-każ.

3.6.

L-aċċess għad-data finanzjarja għandu jingħata biss lill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw u jipproċedu kontra reati kriminali kif ukoll lill-uffiċċji tal-irkupru tal-assi, fil-każijiet debitament ġustifikati, sabiex jiġi evitat li jinħolqu settijiet ta’ metadata li mbagħad jinżammu minn entitajiet nazzjonali jew Ewropej li ma jkollhomx il-kompetenzi adatti fil-qasam tad-detezzjoni u tal-investigazzjoni.

3.7.

Ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jistgħu jiġu kkompletati permezz tal-inklużjoni tad-data finanzjarja dwar kontijiet ta’ investiment mill-maniġers tal-azzjonijiet fis-suq tal-kapital, peress li huwa magħruf li dawn l-azzjonijiet huma fost il-forom attwali ta’ ħasil tal-flus u l-ħabi ta’ prodotti finanzjarji miksuba b’mod illegali.

3.8.

Ikun jaqbel ukoll li l-proposta għal Direttiva tiġi kkompletata bl-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali li jirreferu għal testi leġislattivi Ewropej oħrajn dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju tal-informazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi terzi, sabiex jiġu rispettati ż-żewġ rekwiżiti segwenti: minn naħa, id-definizzjoni ta’ regoli ġuridiċi ġenerali dwar il-proċedimenti ġudizzjarji li jippermettu ġbir validu tal-provi filwaqt li strumenti leġislattivi oħrajn jintużaw għal finijiet komplementari, u min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni b’mod aktar mifrux tal-objettivi tal-politika pubblika li huma definiti fil-memorandum ta’ spjegazzjoni u fl-analiżi ex-post inwettqa mill-Kummissjoni

3.9.

Il-KESE jinnota u jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni tipprevedi dispożizzjonijiet ċari ħafna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, iżda jinnota li dawn huma limitati għall-protezzjoni tad-data personali trażmessa fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit u għall-aċċess għar-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, u li dawn ma jinkludux regoli speċifiċi li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata u li jiżguraw garanziji proċedurali rigward il-limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

4.1.

Sabiex jiġi żgurat li, matul l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni previsti fil-proposta għal Direttiva inkwistjoni, ir-restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali relatati mal-protezzjoni tal-privatezza tibqa’ proporzjonata mal-objettiv li jrid jinkiseb b’mod leġittimu, ikun jaqbel li jitneħħa l-għan ta’ prevenzjoni fid-definizzjoni tal-informazzjoni finanzjarja fl-Artikolu 2, punt e) mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni stabbilita fil-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (8), li tibqa’ l-istess fl-Artikolu 1, paragrafu 2, punt a), tal-proposta għal Direttiva proposta li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni. B’dan il-mod, jiġi eskluż kull riskju ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet fundamentali.

4.2.

Meta ssir analiżi tad-definizzjoni ta’ “reati kriminali serji” mogħtija fl-Artikolu 2, punt l), li jirreferi għall-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Europol (9), fl-istess spirtu tat-test tal-proposta għal Direttiva, kif ukoll mill-perspettiva tar-regoli dwar l-aċċess għad-data għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kriminalità serja, jidher li l-aċċess previst huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għan ġenerali segwit. Pereżempju, jista’ jingħata aċċess għad-data finanzjarja taċ-ċittadini bl-għan ta’ prevenzjoni ta’ reati li jinvolvu inċidenti fatali fit-toroq jew atti ta’ razziżmu, ta’ ksenofobija jew ta’ rikatt.

4.3.

Il-KESE jirrakkomanda li d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2, punt l) tinbidel kif ġej: “reati kriminali serji” tfisser il-forom ta’ kriminalità relatati mat-terroriżmu, kriminalità organizzata, traffikar ta’ droga, traffikar tal-bnedmin, korruzzjoni, attivitajiet ta’ ħasil tal-flus, reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi, traffikar ta’ migranti, kummerċ illegali ta’ organi u tessuti umani, ħtif ta’ persuni, ħtif ta’ persuni, sekwestru u teħid ta’ ostaġġi, serq bi vjolenza jew mingħajrha, traffikar illeċitu ta’ oġġetti kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ arti, kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, abbuż minn informazzjoni pprivileġġjata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju, rikattar organizzat u estorsjoni, falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti, falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas, traffikar fl-armi, munizzjon u splussivi, reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti, abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali, ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.

4.4.

Bl-istess raġunament, sabiex jiġi ċċarat l-għan tar-regoli u biex tiġi żgurata l-koerenza mal-objettivi tal-politika pubblika ddikjarata, l-aċċess għal reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji għandu jkun permess biss għall-prevenzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu, ta’ traffikar tad-drogi jew ta’ traffikar tal-bnedmin, kif ukoll għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, investigazzjoni, prosekuzzjoni kriminali, piena u rkupru tad-danni, kemm għall-ksur imsemmi hawn fuq kif ukoll għar-reati l-oħrajn kollha definiti mid-Direttiva proposta.

4.5.

L-Artikolu 5 tal-proposta għal Direttiva jeħtieġ jiġi supplementat b’paragrafu ġdid 3, li jkun jipprevedi garanziji tal-proporzjonalità u tal-leġittimità fir-rigward tal-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal data, inkluża data finanzjarja, marbuta mal-privatezza. F’dan is-sens, jeħtieġ li fil-paragrafu 3 jiddaħħal l-obbligu ta’ analiżi tat-talbiet għal aċċess fuq bażi ta’ każ b’każ, abbażi tal-prinċipju ta’ “każ debitament ġustifikat”, b’tali mod li, f’każ li dawn l-elementi jinbidlu f’evidenza ġudizzjarja, tali aċċess għad-data jkun konformi mal-kundizzjonijiet ta’ legalità dwar l-irkupru u l-użu ta’ evidenza, kif ukoll mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-qafas ta’ proċedura ġusta, kif jirriżulta mill-prattika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi Strasburgu, u li dawn ikunu jistgħu jiġu applikati tajjeb biex jiġu imposti sanzjonijiet minħabba ksur imwettaq mill-qrati nazzjonali.

4.6.

F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-aċċess għad-data finanzjarja ta’ persuni fiżiċi għandu jingħata taħt il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 7 u 8 tal-proposta għal Direttiva, peress li dawk id-data huma aċċessibbli wkoll għal korpi, bħall-Europol, li ma għandhomx is-setgħat ta’ investigazzjoni adatti kif previst fl-Artikolu 10.

4.7.

Ikun jaqbel li l-Artikolu 7, paragrafu 1 jiġi allinjat mal-osservazzjonijiet fil-paragrafu 4.1, dwar l-Artikolu 2, punt e), tal-proposta għal Direttiva. Għalhekk, qed jiġi propost li l-Artikolu 7, paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej: “hija meħtieġa (…) għall-prevenzjoni tar-reati kriminali fil-qasam tat-terroriżmu, it-traffiku tal-bnedmin u tad-drogi, kif ukoll għal l-identifikazzjoni ta’ reati bħal dawn, u ta’ kull reat kriminali gravi ieħor, jew għal l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji.” Għal raġunijiet ta’ koerenza u simmetrija, qed jiġi ssuġġerit li l-Artikolu 7, paragrafu 2 jiġi emendat bl-istess mod.

4.8.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li, fl-Artikolu 9, paragrafu 4 tal-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni tipprevedi li f’każ ta’ falliment tekniku tan-netwerk FIU.net il-mekkaniżmi alternattivi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni jeħtieġ jirrispettaw l-istess kundizzjonijiet tas-sigurtà bħal dawk applikabbli għan-netwerk. Meta s-sitwazzjoni tkun tirrikjedi dan, il-KESE jemmen li l-mekkaniżmi alternattivi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni finanzjarja jeħtieġ ikollhom ukoll il-kapaċità li jiġġeneraw dokument bil-miktub f’kundizzjonijiet li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, bħal fil-każ tal-FIU.net.

4.9.

Fir-rigward tal-Artikolu 10, li jiddefinixxi l-aċċess tal-Europol, b’mod parallel ma’ dak tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3, il-KESE jitlob li dan id-dritt ta’ aċċess jiġi definit abbażi tas-setgħat investigattivi ta’ din l-aġenzija u li dan ikun akkumpanjat mill-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-analiżi ta’ metadata.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(3)  Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8).

(5)  Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Ara nota nru 2 f’qiegħ il-paġna.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(8)  Ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(9)  Ara nota Nru 2 f’qiegħ il-paġna.