10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali”

(COM(2018) 10 final)

(2018/C 283/11)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12/02/2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

16.1.2018

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

3.5.2018

Adottata fil-plenarja

23.5.2018

Sessjoni plenarja Nru

535

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

192/02/05

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’riserva din il-Komunikazzjoni billi, fid-dawl tal-livell attwali ta’ degradazzjoni tal-ambjent tagħna, il-pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u l-governanza ambjentali li għandha l-Kummissjoni Ewropea huwa nieqes bil-kbir mill-ambizzjoni u l-mezzi.

1.2.

Il-KESE huwa iktar inkwetat li, bħall-Kummissjoni, jirrikonoxxi li l-infurzar dgħajjef tal-mekkaniżmi li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-governanza ambjentali huwa fattur ta’ dispjaċir tal-kompetizzjoni żleali u ta’ ħsara ekonomika.

1.3.

Il-KESE jassoċja ruħu wkoll mal-Kummissjoni biex jenfasizza n-nuqqasijiet attwali li qed jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rigward tal-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jimmobilizzaw finanzjament sinifikanti għar-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-governanza u l-leġiżlazzjoni ambjentali.

1.4.

Kif iddikjarat fil-komunikazzjoni Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar (1), “il-ksur tad-dritt tal-UE mhuwiex kwistjoni ta’ rutina” u ma għandux jiġi ttrattat bħala tali. Il-KESE jemmen li n-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ jiġi indirizzat f’livell għoli xieraq u f’ħin opportun, li mhuwiex il-każ fil-komunikazzjoni attwali (2).

1.5.

Il-komunikazzjoni tindirizza biss il-bini ta’ kapaċità u l-appoġġ fil-livell tal-Istati Membri. L-ebda waħda mill-miżuri mhija relatata mal-monitoraġġ u mal-infurzar fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-trattat”. Il-pjan ta’ azzjoni jonqos milli jindirizza r-raġunijiet għal nuqqas ta’ konformità lil hinn mill-konfużjoni u min-nuqqas ta’ kapaċità, bħall-opportuniżmu u n-nuqqas ta’ rieda politika. Filwaqt li l-appoġġ tal-Istati Membri huwa meħtieġ, il-miżuri mhux vinkolanti ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni ma jistgħux ikunu l-unika strateġija biex titjieb il-konformità ambjentali.

1.6.

Barra minn hekk, il-KESE, b’referenza għall-Opinjoni (3), jitlob b’mod partikolari lill-Kummissjoni tikkompleta l-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Il-KESE jappella wkoll li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-ispiża ta’ dan l-aċċess għall-ġustizzja għas-soċjetà ċivili.

1.7.

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-ewwel nett jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tiġi evitata l-ħsara ambjentali u li strateġija ta’ prevenzjoni dejjem għandha tkun ippreferuta minn soluzzjoni. Infurzar konsistenti u strett tal-liġi ambjentali mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni huwa essenzjali għal dan il-għan, peress li jservi bħala deterrent qawwi għal ħsara futura. Barra minn hekk, il-kampanji ta’ komunikazzjoni lejn il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku jintlaqgħu b’sodisfazzjon sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u b’hekk jitjieb ir-rwol tal-pubbliku bħala għassies. Sabiex in-nies ikunu jistgħu jieħdu dan ir-rwol, aċċess effettiv għall-ġustizzja fil-qasam ambjentali huwa indispensabbli.

1.8.

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ l-possibbiltà li jinħatru rappreżentanti tal-KESE fi ħdan il-forum dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ambjentali u l-governanza ambjentali. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li tliet membri (wieħed għal kull grupp) jipparteċipaw bi dritt ta’ vot, minflok bħala osservaturi.

1.9.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm djalogu sinifikanti u effettiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Forum tal-Konformità Ambjentali u ta’ Governanza sabiex jiġi żgurat li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu. F’dan il-kuntest ta’ konformità ambjentali, il-Kumitat jenfasizza r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kapaċità tagħhom bħala għassiesa għall-istat tad-dritt, il-ġid komuni u l-protezzjoni tal-pubbliku.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Kemm l-Opinjoni tal-Kumitat dwar L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE (4) u l-Opinjoni dwar L-aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali b’rabta ma’ miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE (5) jenfasizzaw li implimentazzjoni fqira, frammentata u żbilanċjata tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija problema serja f’ħafna Stati Membri tal-UE.

2.2.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2018) 10 final fiha pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jżid il-konformità mal-liġi ambjentali tal-UE u li jtejjeb il-governanza ambjentali.

2.3.

Il-pjan jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-professjonisti rilevanti (spetturi, awdituri, uffiċjali tal-pulizija u prosekuturi) bil-għan li joħloq kultura intelliġenti u kooperattiva ta’ konformità mar-regoli ambjentali tal-UE; madankollu din hija biss frazzjoni żgħira ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

2.4.

L-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni kienet ikkaratterizzata minn sfidi sinifikanti, marbuta ma’ problemi persistenti (pereżempju: tixrid tat-tniġġis tal-ilma, kwalità ħażina tal-arja, trattament tal-iskart mhux sodisfaċenti, u tnaqqis fl-ispeċijiet u l-ħabitats).

2.5.

Skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jammontaw għal EUR 50 biljun fis-sena.

2.6.

Minbarra l-gwadann ekonomiku li ġie diskuss hawn fuq, jistgħu jinkisbu wkoll ħafna benefiċċji oħrajn (inkluż għas-saħħa pubblika u r-riżorsi fit-tul meħtieġa mis-soċjetà) permezz ta’ applikazzjoni aktar effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni.

2.7.

Barra minn hekk, mekkaniżmi dgħajfa li jiżguraw konformità mal-leġiżlazzjoni u l-governanza effettiva fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali (inkluż nuqqas ta’ kontrolli) huma fost il-kawżi tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli tal-UE.

2.8.

Dawn il-mekkaniżmi dgħajfa huma wkoll fattur ta’ kompetizzjoni inġusta għall-intrapriżi u ta’ ħsara ekonomika (bħal telf ta’ dħul mit-taxxa). Dan jimmina l-kunfidenza pubblika fl-effettività tal-liġijiet tal-UE.

2.9.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni b’disa’ punti, akkumpanjat bil-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti (6): il-Forum ta’ Konformità Ambjentali u ta’ Governanza.

2.10.

Id-disa’ tipi ta’ azzjoni li l-pjan ta’ azzjoni jipproponi li jwettaq huma stabbiliti fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (7).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Il-ksib ta’ mudell tal-Ewropa u l-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali

3.1.1.

Fil-kuntest globali, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tkun pijuniera fil-protezzjoni effettiva tal-ambjent u taċ-ċittadini tagħha u għandha tinsisti li din il-kwistjoni tkun prijoritizzata. Peress li leġiżlazzjoni hija diġà fis-seħħ u ttieħdu passi importanti, in-nuqqas li tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija opportunità mitlufa għall-UE biex twettaq il-valuri tagħha u biex tagħmel differenza reali.

3.1.2.

Il-KESE javża lill-Kummissjoni li l-istat tal-protezzjoni taċ-ċittadini huwa dgħajjef ħafna f’ċerti kuntesti. Konformità mad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha hija ta’ importanza kbira, peress li leġiżlazzjoni nazzjonali żbaljata sistematikament timmina l-kapaċità tan-nies li jasserixxu d-drittijiet tagħhom u li jużaw bis-sħiħ il-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan huwa ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ambjentali peress li nuqqas ta’ konformità pereżempju ma’ standards tal-arja jaffettwa s-saħħa tal-bniedem b’mod sinifikanti.

3.1.3.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-Opinjoni (8) tiegħu, u jittama li din se titqies fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha u li, pereżempju, lil hinn mill-kriminalità marbuta mal-iskart u mal-organiżmi selvaġġi, dan il-pjan se jiffoka wkoll fuq ir-regolamentazzjoni, il-kontrolli, u l-governanza relatati man-nanomaterjali u l-interferenti endokrinali.

3.1.4.

Madankollu, il-KESE jixtieq jindika li huwa japprezza r-rieda tal-Kummissjoni li tippromwovi, pereżempju, l-użu ta’ inġenji tal-arja (drones) u ta’ applikazzjonijiet għas-smartphone biex tiġi rrapportata jew identifikata ħsara ambjentali u li tħeġġeġ lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (bħalma hu pereżempju l-każ fl-Irlanda) biex jużawhom huma stess jew inkella jappoġġjaw inizjattivi pubbliċi li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni ta’ regoli ambjentali billi jużaw dan it-tip ta’ għodda.

3.2.   Is-Suq Uniku u l-aspetti ekonomiċi

3.2.1.

Il-konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali hija fattur essenzjali li ssostni s-Suq Uniku. Applikazzjoni inkonsistenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali toħloq vantaġġi inġusti għan-negozji f’dawk l-Istati Membri fejn hemm nuqqas ta’ konformità. Dan iwassal għal kundizzjonijiet tas-suq inġusti u jipprovdi inċentivi ħżiena għan-negozji tal-UE.

3.2.2.

Konsistenza u ċertezza tal-applikazzjoni huma meħtieġa fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li nuqqas ta’ konformità huwa ssanzjonat b’mod ugwali madwar l-UE. Dan jipprovdi għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt u jippermetti lin-negozji jiddependu fuq id-dritt tal-Unjoni filwaqt li joħolqu wkoll kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fl-Istati Membri kollha.

3.2.3.

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistqarr li l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ konformità huma stmati li jammontaw għal EUR 50 biljun fis-sena. L-istudju tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-benefiċċji li jinkisbu permezz tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE (9) jistabbilixxi wkoll il-benefiċċji ekonomiċi vasti li jistgħu jinkisbu mill-iżgurar tal-konformità ambjentali. Minbarra l-interessi ambjentali, tas-saħħa u tal-istat tad-dritt, għandu jkun hemm ukoll interess ekonomiku ċar fil-prevenzjoni ta’ ħsara ulterjuri permezz ta’ kontrolli effettivi u infurzar xieraq ta’ liġi ambjentali eżistenti.

3.2.4.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ aktar riżorsi umani u finanzjari biex jiġi vverifikat li r-regoli ambjentali u l-governanza qed jiġu implimentati, kif spjegat preċedentement fl-Opinjoni tiegħu dwar Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija (10). Fuq kollox, il-finanzjament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma, pereżempju fil-qasam tal-bijodiversità, mhuwiex biżżejjed.

3.2.5.

Il-KESE jixtieq ukoll li l-UE, fil-kuntest ta’ negozjati kummerċjali bilaterali jew multilaterali, tikseb b’mod sistematiku ekwivalenza tal-leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali tagħha għall-prodotti importati.

3.3.   Proċedimenti ta’ infurzar mill-Kummissjoni

3.3.1.

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jimplimentaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni b’ mod korrett, il-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattat (11). Għalhekk, hija għandha tiżgura li l-istrumenti ambjentali huma rrispettati u li l-Istati Membri joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-ilħuq tal-objettivi tal-UE fil-politika ambjentali (12). Billi tagħmel dan, hija għandha d-diskrezzjoni li tinstiga proċedimenti ta’ infurzar skont l-Artikolu 258 tat-TFUE.

3.3.2.

Minħabba l-impatt transkonfinali tal-ħsara ambjentali, konformità fi Stat Membru wieħed hija ta’ interess kbir għall-Istati Membri kollha li qed ifittxu li jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom u jipprevjenu ħsara ambjentali fit-territorju tagħhom stess. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni ta’ dan l-interess komuni tal-UE u fil-provvediment ta’ aċċess għall-ġustizzja f’kunflitti transkonfinali.

3.3.3.

Fl-2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw li “titjib fl-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali tal-Unjoni fil-livell tal-Istati Membri se […] jingħata prijorità ewlenija fis-snin li ġejjin” (13). Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar (14) enfasizzat l-importanza tal-użu strateġiku tas-setgħa ta’ infurzar tagħha biex tipprijoritizza l-isforzi ta’ infurzar tagħha fuq l-aktar ksur importanti tad-dritt tal-Unjoni li jaffettwa l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji tagħha. Konformità mar-regolamenti ambjentali hija ta’ importanza vitali għall-UE, peress li taffettwa direttament lis-Suq Uniku u s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu, u għandha tingħata prijorità ċara fil-proċedimenti ta’ infurzar tal-Kummissjoni.

3.3.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-benefiċċji ta’ proċedimenti ta’ ksur barra l-applikazzjoni immedjata tagħhom għal każ speċifiku (15). Il-proċedimenti ta’ infurzar effettiv jibagħtu sinjal ċar lill-Istati Membri li l-UE tagħti prijorità kbira lill-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha u l-ambjent li jgħixu fih.

3.3.5.

L-insegwiment sistemiku ta’ nuqqas ta’ konformità jipprovdi wkoll fattur ta’ dissważjoni qawwi, billi jnaqqas in-nuqqas ta’ konformità b’mod aktar wiesa’. Dan ikompli jsaħħaħ il-fiduċja fid-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-qasam tal-protezzjoni ambjentali, b’effetti konsegwenzjali pożittivi f’oqsma oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.4.   L-effettività tal-liġi

3.4.1.

It-tneħħija mifruxa tal-liġi ambjentali kriminali, kif ukoll impedimenti għall-aċċess pubbliku għall-ġustizzja ambjentali u l-governanza, ġiet innotata f’diversi pajjiżi minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili. Dan jista’ jkun minħabba interpretazzjoni żbaljata ta’ ċerti linji gwida ta’ politika tal-UE (pereżempju, strateġija ta’ Regolament Aħjar li twassal għal simplifikazzjoni u esperimentazzjoni, li tippermetti l-ksur tar-regoli).

3.4.2.

Barra minn hekk, għal għadd ta’ politiki ambjentali tal-UE, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw in-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni minflok ma jkun hemm regolamentazzjoni żejda. Din ir-regolamentazzjoni żejda fil-livell nazzjonali tista’ twassal għall-perċezzjoni żbaljata li l-Istati Membri huma ambizzjużi ħafna meta fil-verità qed jonqsu bil-kbir billi ma jimplimentawx biżejjed il-liġi ambjentali tal-UE, li qed iwassal għal nuqqas ta’ konformità.

3.4.3.

Filwaqt li l-Komunikazzjoni tippreżenta tliet klassijiet ta’ intervent għall-iżgurar tal-konformità, din tonqos milli tissuġġerixxi miżuri li huma relatati mat-tlieta li huma. L-azzjonijiet proposti huma kollha miżuri li jippromwovu konformità u bini ta’ kapaċità fil-livell tal-Istati Membri. L-ebda waħda mill-azzjonijiet issuġġeriti mhija relatata ma’ miżuri ta’ segwitu u ta’ infurzar mill-Kummissjoni nnfisha, u b’hekk dan il-pjan ta’ azzjoni jsir mhux vinkolanti u x’aktarx ma jwassalx għal titjib sinifikanti fil-konformità ambjentali.

3.4.4.

Għalhekk, fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni tonqos milli tindirizza l-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar fil-livell tal-UE. Anke fi ħdan il-mekkaniżmi ta’ appoġġ li pproponiet, hija tilfet l-opportunità li tassoċja miri ċari ma’ kull azzjoni sabiex tkejjel l-effettività tagħhom. Peress li l-appoġġ finanzjarju ma jiddependi fuq l-ebda bidla fil-prattika fl-Istati Membri, ir-riżultat antiċipat mhuwiex ċar u għalhekk jinħolqu dubji dwar l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ssuġġeriti.

3.4.5.

Il-KESE huwa ddispjaċut ukoll dwar in-nuqqas ta’ indirizzar tat-tħaddim tal-ilmenti u tal-ispezzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni. Il-KESE huwa mħasseb serjament dwar nuqqas ta’ rieda politika fil-Kummissjoni li jwassal għal nuqqas ta’ trasferiment ’il quddiem tal-ilmenti. In-natura “mhux vinkolanti” tal-miżuri proposti tenfasizza dan it-tħassib.

3.4.6.

Fil-fehma tal-KESE, minbarra l-applikazzjoni korretta tal-liġi ambjentali u ta’ governanza ambjentali tajba, għandu jitqies ukoll il-prinċipju ta’ non-rigressjoni fil-liġi ambjentali sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

3.4.7.

Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li hemm raġunijiet differenti għan-nuqqas ta’ konformità, fosthom konfużjoni, fehim dgħajjef jew nuqqas ta’ aċċettazzjoni tar-regoli, nuqqas ta’ investiment, opportuniżmu u kriminalità. Sfortunatament, il-Kummissjoni tonqos milli tindirizza b’mod adegwat dawn ir-raġunijiet kollha, billi tissuġġerixxi biss miżuri biex jiġu indirizzati l-konfużjoni u l-fehim dgħajjef. Filwaqt li l-Istati Membri jeħtieġu appoġġ, din ma tistax tkun l-unika strateġija biex titjieb il-konformità ambjentali peress li tonqos milli tindirizza ħafna mir-raġunjiet li mhumiex relatati ma’ konfużjoni u ma’ kapaċità limitata.

3.5.   Aċċess għall-ġustizzja fil-livell nazzjonali u Ewropew

3.5.1.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li nuqqas ta’ konformità sistemika fl-Istati Membri u n-nuqqas ta’ infurzar adegwat permezz tal-qrati nazzjonali jippreżentaw problema ċara ta’ applikazzjoni tal-ġustizzja fil-livell nazzjonali.

3.5.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-Opinjoni tiegħu dwar l-aċċess għall-ġustizzja (16) fir-rigward tal-monitoraġġ tar-referenzi preliminari. Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-referenzi preliminari fl-iżgurar tal-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-użu u l-konformità ma’ din l-għodda mill-qrati nazzjonali.

3.5.3.

Il-KESE jtenni (17) li aċċess liberu għal informazzjoni ambjentali huwa essenzjali għall-pubbliku u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom bħala għassiesa pubbliċi.

3.5.4.

Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi d-differenzi bejn is-sistemi tal-ġustizzja tal-membri differenti, huwa ddiżappuntat li la l-kwistjoni ta’ locus standi u lanqas l-ispejjeż involuti biex il-każ jinġieb fil-livell nazzjonali ma ġew indirizzati. Dawn iż-żewġ aspetti jippreżentaw ostakli sostanzjali għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw iċ-ċittadin, kif ukoll il-konsumatur, huma u jiddefendu l-interessi soċjali u ambjentali, u jesiġu li l-gvernijiet u n-negozji l-kbar jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom fil-qrati nazzjonali.

3.5.5.

Anke jekk il-locus standi jingħata, u kif ġie nnotat qabel fl-Opinjoni tiegħu (18), il-KESE jtenni li r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma estremament limitati, li spiss iwassal għal ċaħda tal-ġustizzja għall-individwi affettwati. Barra minn hekk, dawn l-ostakli jipprevjenu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili milli jwettqu x-xogħol utli tagħhom għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi eżistenti, li huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt.

3.5.6.

Il-KESE jwissi wkoll li huwa importanti li jkun hemm sistemi fis-seħħ sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-sistema tal-qorti. Dan għandu jitqies meta jingħata aċċess liberu għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Madankollu, il-KESE jissottolinja l-benefiċċji tal-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ aċċess għall-ġustizzja, li jippermettilhom jipproteġu lill-konsumaturi, is-saħħa u l-ambjent għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-użu abbużiv għandhom ikunu speċifiċi u mmirati, b’tali mod li ma jfixklux ix-xogħol importanti mwettaq mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

3.5.7.

In-nuqqas tal-Kummissjoni u tal-qrati Ewropej li jiżguraw konformità mad-dritt tal-Unjoni jipperikola l-istat tad-dritt u jdgħajjef il-kunfidenza tal-pubbliku u l-kunfidenza tal-Istati Membri u tan-negozji fid-dritt tal-Unjoni. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiġi mċaħħad l-aċċess għall-ġustizzja miċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-negozji, li jwassal għal żieda fin-nuqqas ta’ fiduċja fl-effiċjenza tal-Kummissjoni u tal-qrati, u tnaqqis fil-fiduċja fl-UE kollha kemm hi.

3.5.8.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tinjora żewġ punti li huma sensittivi fil-livell Ewropew, li t-tnejn li huma għandhom x’jaqsmu mal-aċċess għall-qrati Ewropej;

l-aċċess għall-ġustizzja tal-UE, li ġie enfasizzat fil-laqgħa tal-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li huwa relatat mal-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet tal-UE (pereżempju, il-Kummissjoni tiddeċiedi malajr wisq biex ma tiħux azzjoni dwar l-ilmenti);

id-drawwiet ta’ ċerti qrati nazzjonali, li jirrifjutaw li jirreferu mistoqsijiet preliminari u minflok jieħdu r-responsabbiltà huma, bi ksur tat-Trattati, li jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni, xi drabi b’deċiżjonijiet grotteski (pereżempju, fi Franza relatur pubbliku fil-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat) qal lill-ġurija li l-fatt li wieħed jirreferi mistoqsija preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa inutli peress li din tal-aħħar qatt ma indirizzat is-suġġett inkwistjoni).

3.5.9.

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkludi b’mod espliċitu l-punti li saru dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi żgurat approċċ olistiku li jservi lill-pubbliku billi jipproteġi s-saħħa tan-nies u l-ħabitat attwali u dak futur.

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.

(2)  COM(2018) 10.

(3)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65.

(4)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114.

(5)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65.

(6)  ĠU C 19, 19.1.2018, p. 3.

(7)  SWD(2018) 10.

(8)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114.

(9)  https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/219e8506-9adf-11e6-868c-01aa75ed71a1.

(10)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90.

(11)  L-Artikolu 17 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE).

(12)  L-Artikolu 4(3) tat-TUE.

(13)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(14)  ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.

(15)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 88.

(16)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65.

(17)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114.

(18)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 65.