9.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/1


OPINJONI Nru 4/2018

(skont l-Artikolu 325(4), TFUE)

li tirrigwarda l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni

(2018/C 405/01)

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018) 218 final),

Wara li kkunsidrat it-talbiet li l-Parlament u l-Kunsill għamlu fid-29 ta' Mejju 2018 għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

KUMMENTI ĠENERALI

1.

B'segwitu għal ċertu għadd ta' każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta ta' profil għoli u bosta inizjattivi fil-livell tal-Istati Membri (1) u f'dak internazzjonali (2), fit-23 ta' April 2018 il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (“il-proposta”). Id-Direttiva kienet akkumpanjata minn komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE (3).

2.

Aħna nosservaw li, attwalment, l-Istati Membri għandhom firxa wiesgħa ta' approċċi għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta (4). Nosservaw ukoll li l-approċċ adottat fl-acquis tal-Unjoni fir-rigward tar-rappurtar dwar il-ksur mhuwiex uniformi. Direttiva komprensiva, imfassla tajjeb u faċli għall-utent tista' tikkostitwixxi għodda effettiva biex jiġi żgurat li l-persuni jiġu skoraġġuti milli jiksru d-dritt tal-Unjoni u li l-ksur li jseħħ ma jibqax ma jiġix ikkastigat. Jekk il-ksur jista' jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, ir-rappurtar f'waqtu u effettiv biex dan jiġi evitat jista' jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE, għall-ġestjoni finanzjarja tajba u għall-obbligu ta' rendikont.

3.

Aħna nilqgħu l-proposta b'interess, billi nqisu li l-introduzzjoni jew l-estensjoni tas-sistemi ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, fl-Istati Membri kollha, kif previst mill-proposta, jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni tal-politiki tal-UE minn isfel għal fuq, permezz tal-azzjonijiet li jittieħdu miċ-ċittadini u mill-impjegati, bħala komplemetari għall-infurzar minn fuq għal isfel bħal azzjonijiet għall-ksur li jitressqu mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri skont l-Artikolu 258 TFUE (5). F'dan is-sens, id-Direttiva tkun tista' żżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet legali tagħhom u l-fatt li dawn jista' jkollhom rwol kruċjali fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Fil-każ li ksur speċifiku jiġbed l-attenzjoni għal problema aktar sistemika, jekk dan jiġi rrappurtat jista' jgħin lill-Kummissjoni tressaq każ kontra Stat Membru.

4.

Barra minn hekk, fil-każ li ksur irrappurtat ikun jirrigwarda l-interessi finanzjarji tal-UE, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jista' jiġġenera ffrankar għall-baġit tal-UE permezz tal-irkupru ta' somom li jkunu tħallsu indebitament. Fit-terminu twil, fil-każ li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jiġbed l-attenzjoni għal lakuni jew nuqqasijiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-programmi tal-UE, huwa jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta l-bidliet meħtieġa għar-regoli b'segwitu għal proposta mill-Kummissjoni.

5.

Bħala l-awditur estern tal-Unjoni, aħna ma jkollniex rwol dirett fis-sistema ta' rappurtar prevista fil-proposta. Fit-twettiq tal-mandat tagħna skont l-Artikolu 287 TFUE, aħna ma nwettqux awtomatikament awditi jew investigazzjonijiet fuq il-bażi ta' informazzjoni li nirċievu minn partijiet terzi. Madankollu, meta nippjanaw ix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna nqisu b'mod serju kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tiġi rrappurtata permezz ta' kanali esterni. Meta wieħed mill-awdituri tagħna jiġi infurmat dwar nuqqas ta' konformità minn informatur, kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata tista' tintuża fix-xogħol tal-awditjar (6). Ir-rapporti li jsiru minħabba l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jistgħu wkoll jinformaw b'mod utli l-prijoritajiet futuri tax-xogħol tagħna (7).

6.

Aħna nosservaw li l-proposta ma tkoprix l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, mill-persunal tal-UE, dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-uffiċċji u tal-korpi tal-UE, li attwalment qed jiġi ttrattat fir-Regolamenti tal-Persunal (8).

XOGĦOL PREPARATORJU MILL-KUMMISSJONI

7.

Aħna nosservaw li l-Kummissjoni wettqet ammont konsiderevoli ta' xogħol preparatorju matul l-2017. Hija organizzat konsultazzjoni pubblika ta' 12-il ġimgħa, li rriżultat f'5 707 tweġibiet, kif ukoll 3 konsultazzjonijiet online li kienu mmirati lejn partijiet ikkonċernati, 2 sessjonijiet ta' ħidma ma' esperti nazzjonali u sessjoni ta' ħidma ma' esperti akkademiċi u esperti ta' rappreżentanza. Hija kkummissjonat ukoll studju estern u wettqet valutazzjoni tal-impatt (9): b'segwitu għal opinjoni negattiva inizjali, din ġiet approvata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (10).

8.

Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni tistma li r-riskju attwali fl-UE, ikkawżat minn frodi u korruzzjoni, huwa ta' bejn 179 biljun euro u 256 biljun euro fis-sena (11). Hija tikkalkula li l-proposta tagħti lil 40 % tal-forza tax-xogħol tal-UE d-dritt għal protezzjoni tal-informaturi, u ttejjeb il-livell ta' protezzjoni għal kważi 20 %. Fl-aħħar nett, hija tistma li l-proposta tiswa lis-settur pubbliku u dak privat total ta' 747,8 miljun euro fi spejjeż ta' darba u 1 336,6 miljun euro fi spejjeż operazzjonali annwali.

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

Din it-taqsima tkopri biss dawk l-artikoli tal-proposta li għamilna kummenti speċifiċi dwarhom.

Artikolu 1 — Kamp ta' applikazzjoni materjali

9.

Il-proposta għandha l-għan li tipproteġi persuni li jirrappurtaw dwar erba' kategoriji prinċipali ta' ksur:

il-ksur li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni f'għadd limitat ta' oqsma (12). L-atti kkonċernati huma elenkati f'anness, li t-tieni parti tiegħu fiha atti li diġà jinkludu regoli speċifiċi dwar ir-rappurtar dwar ksur. Il-Premessi 19 u 82 jippermettu li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà jekk l-anness għandux jiġi emendat (jiġifieri estiż) kull darba li l-protezzjoni tal-informaturi tkun rilevanti għal att ġdid tal-Unjoni.

il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

il-ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 325 TFUE (dwar il-ġlieda kontra l-frodi), b'referenza partikolari għad-Direttiva PIF (13) u r-Regolament dwar l-OLAF (14).

il-ksur marbut mas-suq intern, fir-rigward ta' atti li jiksru r-regoli dwar it-taxxi korporattivi jew ftehimiet li l-għan tagħhom huwa li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jegħleb l-iskop jew l-oġġett tal-liġi tat-taxxa korporattiva applikabbli.

10.

Minħabba li ħafna atti legali tal-UE diġà fihom elementi ta' proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, il-proposta tiddikjara li r-regoli speċifiċi għas-setturi (pereżempju dawk fid-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (15)) jieħdu preċedenza. Madankollu, il-proposta tapplika għall-kwistjonijiet kollha li mhumiex irregolati f'att speċifiku għas-settur.

L-analiżi tagħna

11.

Aħna nilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura li d-Direttiva tkopri ħafna oqsma ta' attività tal-Unjoni. Dan jirrifletti r-rakkomandazzjoni, li saret mill-Kunsill tal-Ewropa, biex jiġi stabbilit qafas normattiv komprensiv u koerenti (16).

12.

Madankollu, filwaqt li nagħrfu kompletament il-ħtieġa li tiġi rrispettata d-diviżjoni tas-setgħat bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u filwaqt li nirrikonoxxu l-limitazzjonijiet intrinsiċi tad-Direttiva bħala strument legali, aħna ninsabu mħassbin dwar il-kumplessità tal-kamp ta' applikazzjoni materjali u l-implikazzjonijiet li din il-kumplessità jista' jkollha fil-prattika għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi. Fil-Komunikazzjoni li takkumpanja l-proposta tagħha, il-Kummissjoni tħeġġeġ speċifikament lill-Istati Membri biex “jikkunsidraw li jestendu” l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal “oqsma oħra” u biex “jiżguraw qafas komprensiv u koerenzi (koerenti) fil-livell nazzjonali” (17). Jekk ma jkunx hemm estensjoni volontarja bħal din fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, l-utenti aħħarin jistgħu jkollhom iwettqu valutazzjonijiet kumplessi li jkunu jeħtieġu għarfien espert li jistgħu mhux bilfors ikollhom. Informatur potenzjali jkun jeħtieġ li jifhem jekk il-każ ta' ksur li kien biħsiebu jirrapporta kienx jirrigwarda att elenkat fl-anness (li sadanittant, seta' ġie emendat u kkonsolidat) u b'hekk ikun jista' jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha. Din il-kumplessità tista' tnaqqas iċ-ċertezza legali għall-informaturi potenzjali u, għaldaqstant, tiskoraġġihom milli jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni.

13.

Fil-fehma tagħna, il-kumplessità tal-kamp ta' applikazzjoni hija parzjalment immitigata mid-diversi dispożizzjonijiet tal-proposta biex l-informaturi potenzjali jiġu pprovduti informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli, pariri u assistenza (18), u mill-fatt li jkun biżżejjed li jkun hemm raġunijiet ġustifikati biex jitwemmen li rapport ikun jaqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni (19).

14.

Aħna nilqgħu l-fatt li l-Kummissjoni biħsiebha tkopri l-ksur kollu li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE kif definit fl-Artikolu 325 TFUE, li huwa meqjus bħala “qasam ewlieni li fih id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jissaħħaħ” (20). Id-Direttiva PIF tiddefinixxi l-“interessi finanzjarji tal-Unjoni” bħala “d-dħul, in-nefqa u l-assi kollha koperti minn, akkwistati permezz ta', jew minħabba: (i) il-baġit tal-Unjoni; (ii) il-baġits tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-korpi, tal-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti skont it-Trattati jew il-baġits ġestiti u ssorveljati direttament jew indirettament minnhom” (21). Dan jinkludi, pereżempju, il-fondi, il-VAT u d-dazji doganali kollha tal-UE, iżda jeskludi l-istrumenti li mhumiex stabbiliti taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jiġġenerawx dħul jew infiq tal-UE, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

Artikolu 2 — Kamp ta' applikazzjoni personali

15.

Il-proposta tkopri l-persuni li jaħdmu fis-settur privat jew pubbliku li jirrappurtaw li jiksbu informazzjoni dwar ksur f'kuntest relatat max-xogħol, inklużi volontiera, apprendisti mhux imħallsin u persuni li jinsabu fil-proċess li jiġu rreklutati.

L-analiżi tagħna

16.

Aħna nilqgħu l-ambitu wiesa' ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari l-fatt li din tieħu kont tal-ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE fi proġetti kumplessi li jinvolvu varjetà ta' atturi (kuntratturi, sottokuntratturi, konsulenti, volontiera, eċċ.) li huma kollha informaturi potenzjali.

Artikolu 4 — Obbligu ta' stabbiliment ta' kanali interni u proċeduri għar-rappurtar u għas-segwitu ta' rapporti

17.

Il-proposta teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-entitajiet legali fis-settur privat u f'dak pubbliku jistabbilixxu kanali interni u proċeduri għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta. L-użu ta' kanali interni bħal dawn irid ikun miftuħ għall-impjegati u jista' jkun miftuħ għal kategoriji oħra ta' persuni, bħall-partijiet ikkonċernati, il-kuntratturi jew l-apprendisti.

18.

L-entitajiet legali privati li jimpjegaw inqas minn 50 impjegat jew li t-total tal-fatturat jew tal-karta tal-bilanċ tagħhom hija inqas minn 10 miljun euro jiġu esklużi, bl-eċċezzjoni tal-entitajiet li joperaw f'ċerti oqsma sensittivi.

19.

L-entitajiet legali pubbliċi huma definiti bħala amministrazzjonijiet tal-Istat u dawk reġjonali, muniċipalitajiet li jkollhom aktar minn 10 000 abitant u entitajiet oħra li huma rregolati mid-dritt pubbliku.

L-analiżi tagħna

20.

Aħna nifhmu li l-Kummissjoni tixtieq teżenta lil ċerti entitajiet privati u pubbliċi mill-obbligu li jistabbilixxu kanali interni ta' rappurtar, li, kif il-Kummissjoni tiddikjara fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, għandhom spiża finanzjarja u amministrattiva. Huwa ċar ukoll li din l-eżenzjoni ma tipprevenix lill-informaturi milli jagħmlu użu mill-kanali esterni.

21.

Madankollu, aħna nqisu li l-eżenjoni ta' ċerti muniċipalitajiet mill-obbligu li jistabbilixxu kanali interni ta' rappurtar tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-protezzjoni li tingħata lill-informaturi, peress li d-daqs medju tal-muniċipalitajiet fl-UE huwa ta' 5 887 abitant, b'varjazzjonijiet wiesgħa bejn l-Istati Membri (22). Aħna nifhmu li s-soll propost diġà qed jintuża f'għadd ta' Stati Membri (il-Belġju, Franza u Spanja) biex jiġu ddefiniti muniċipalitajiet iżgħar. Madankollu, aħna nqisu li l-Kummissjoni għandha tipprovdi r-raġunijiet tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill għalfejn adottat dan is-soll, u tispjega sa liema punt dan jirrifletti l-limiti tal-impjegati u tal-fatturat li jservu biex jiġu eżenti l-entitajiet fis-settur privat.

Artikolu 5 — Proċeduri għal rappurtar intern u għas-segwitu tar-rapporti

22.

Il-proposta tippreżenta fid-dettall tal-proċeduri għal rappurtar intern, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' kanali kunfidenzjali u l-għażla ta' persuna jew dipartiment responsabbli għas-segwitu diliġenti tar-rapporti ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, u tistabbilixxi perjodu ta' żmien raġonevoli — li ma jaqbiżx it-tliet xhur — biex jingħata feedback lill-informaturi.

L-analiżi tagħna

23.

Aħna nilqgħu l-fatt li l-obbligi dettaljati li jirrigwardaw ir-rappurtar intern jinkludu d-dispożizzjoni ta' “informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli” rigward il-proċeduri u r-rappurtar. Madankollu, fil-fehma tagħna, ma jkoprux biżżejjed is-sensibilizzazzjoni jew it-taħriġ tal-persunal. Aħna ninsistu fuq l-importanza, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, li jiġi promoss ambjent pożittiv u ta' fiduċja, li fih, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa parti aċċettata tal-kultura korporattiva (23).

Artikolu 13 — Kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw

24.

Dan l-artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex persuni li jirrappurtaw jikkwalifikaw għall-protezzjoni taħt id-Direttiva. Kien x'kien il-kanal li jkun intuża (intern, estern jew pubbliku), il-persuni li jirrappurtaw irid ikollhom raġunijiet iġġustifikati sabiex jemmnu li l-informazzjoni rrappurtata kienet vera fil-ħin tar-rappurtar u li l-informazzjoni kienet taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

25.

Persuna li tagħmel rapport estern (jiġifieri, tirrapporta lil awtorità nazzjonali kompetenti barra mill-kumpanija/uffiċċju tagħha) tista' tikkwalifika għall-protezzjoni tal-informaturi jekk tkun tissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Trid tkun l-ewwel għamlet rapport intern, iżda ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni xierqa fi “żmien raġonevoli” (li ma jaqbiżx it-tliet xhur); jew

Ma tkunx tista' tagħmel rapport intern, jew ma setgħetx tkun mistennija b'mod raġonevoli li tkun konxja tal-possibbiltà li tagħmel dan; jew

Trid tkun f'kategorija ta' persuni li għalihom ir-rappurtar intern ma jkunx obbligatorju (eż. kuntratturi, apprendisti mhux imħallsa); jew

Ma setgħetx tkun mistennija b'mod raġonevoli li tuża kanali interni ta' rappurtar minħabba s-“suġġett tar-rapport”; jew

Irid ikollha raġunijiet iġġustifikati biex temmen li l-użu ta' kanali interni ta' rappurtar jipperikolaw l-effettività tal-azzjonijiet investigattivi meħudin mill-awtoritajiet kompetenti; jew

Trid tkun intitolata mid-dritt tal-Unjoni li tagħmel rapport estern.

26.

Persuna li tagħmel rapport pubbliku, tista' tikkwalifika għall-protezzjoni tal-informaturi jekk tkun tissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Trid tkun l-ewwel għamlet rapport intern u/jew estern f'konformità mad-Direttiva; jew

Ma setgħetx tkun mistennija b'mod raġonevoli li tuża kanali interni u/jew esterni minħabba periklu imminenti jew evidenti għall-interess pubbliku, jew minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jew fejn kien hemm riskju ta' ħsara irriversibbli.

L-analiżi tagħna

27.

Aħna nqisu li l-fattur determinanti għandu jkun li l-informazzjoni żvelata fil-qafas tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta tkun ta' interess pubbliku. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiġu pprevenuti milli jadottaw kull esklużjoni ta' protezzjoni bbażata fuq l-intenzjonijiet suġġettivi jew il-motivazzjonijiet speċifiċi tal-informatur.

28.

Aħna nqisu li r-regola ġenerali, li teħtieġ rikors minn qabel għall-kanali interni, hija fil-prinċipju tajba u twassal għal kultura ta' aċċettazzjoni tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta. Madankollu, aħna nosservaw li l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola, li huma mfassla b'mod ġenerali, għandhom ikunu suġġetti għal aktar interpretazzjoni (amministrattiva u ġudizzjarja) sabiex tiġi evitata l-inċertezza għall-informaturi potenzjali. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li s-sistema proposta ta' rapporti suċċessivi, minħabba l-akkumulazzjoni ta' dati ta' skadenza, ma toħloqx ostakoli għall-prevenzjoni ta' ksur, u dan ikun ifixkel l-iskop tad-Direttiva.

29.

Fl-aħħar nett, għalkemm minħabba l-ispeċifiċità tal-istruttura istituzzjonali tal-UE, iż-żewġ sitwazzjonijiet mhumiex kumparabbli b'mod dirett, aħna nosservaw li l-approċċ attwali, li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal, għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta, mill-persunal tal-UE, huwa differenti mir-regoli proposti hawn mill-Kummissjoni. Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal tal-UE jista', mingħajr eċċezzjoni, jibbenefika minn protezzjoni tal-informaturi billi jikkuntattjaw direttament lill-OLAF mingħajr ma l-ewwel ikollhom għalfejn jużaw il-kanali interni (24).

30.

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għall-obbligu li jintużaw il-kanali interni ta' rappurtar, aħna konna nistennew li fl-Artikolu 13(2) naraw possibbiltà bħal din għall-informaturi li jkollhom raġunijiet iġġustifikati biex jemmnu li r-rappurtar intern ipoġġi f'riskju s-sikurezza personali jew l-interessi leġittimi tagħhom.

31.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirċievi b'mod regolari għadd ta' denunzji spontanji, minn partijiet terzi, dwar frodi suspettata (fl-2017 ġew riċevuti 29 denunzja bħal din), inklużi każijiet li setgħu jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni personali u materjali tal-proposta. Wara eżaminar, aħna nittrasferixxu kull każ rilevanti lill-OLAF (25). Aħna nilqgħu l-fatt li l-proposta (26) tiggarantixxi lil dawn l-informaturi l-istess protezzjoni bħallikieku rrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tagħhom.

32.

Fl-aħħar nett, aħna nemmnu li jenħtieġ li persuni li jkunu rrappurtaw b'mod anonimu ma għandhomx jiġu mċaħħda l-protezzjoni tal-informaturi jekk l-identità tagħhom tiġi sussegwentement żvelata. Dan ikun konsistenti mat-tħeġġiġ, min-naħa tal-Unjoni, għal rappurtar anonimu lill-OLAF, fost l-oħrajn, minn ġewwa Stat Membru (27), u mal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (28). Fil-kuntest tax-xogħol tagħna dwar din l-opinjoni, il-Kummissjoni kkonfermatilna li l-protezzjoni tiġi tabilħaqq estiża għall-informaturi anonimi li l-identità tagħhom tiġi żvelata aktar tard.

Artikolu 15 — Miżuri għall-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw kontra r-ritaljazzjoni

33.

Il-proposta tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kontra r-ritaljazzjoni. Hija tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta' seba' miżuri:

rekwiżiti ta' informazzjoni pubblika,

assistenza mill-awtoritajiet kompetenti,

nuqqas ta' eżegwibbiltà għall-informatur, tar-restrizzjonijiet, kemm dawk kuntrattwali kif ukoll dawk mhux kuntrattwali, għad-divulgazzjoni (eż. klawsola ta' kunfidenzjalità f'kuntratt),

treġġigħ lura tal-oneru tal-prova fi proċeduri ġudizzjarji li huma relatati ma' detriment imġarrab mill-informatur (eż. l-impjegatur irid jagħti prova li s-sensja ma kinitx konsegwenza tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta iżda kienet esklussivament ibbażata fuq raġunijiet oħra debitament iġġustifikati),

aċċess għal miżuri ta' rimedju inklużi miżuri interim,

eżenzjoni minn miżuri, proċeduri u rimedji previsti fid-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali (29), u l-possibbiltà li jiġi invokat l-iżvelar ta' informazzjoni protetta sabiex jitwaqqfu l-proċedimenti legali,

għajnuna legali, u assistenza legali u finanzjarja.

L-analiżi tagħna

34.

B'mod ġenerali, aħna naqblu mal-Kummissjoni u nilqgħu l-proposta għal Direttiva. Aħna nilqgħu, b'mod partikolari, il-lista estensiva ta' eżempji ta' miżuri kontra r-ritaljazzjoni, li madankollu ma tipprevenix lill-impjegaturi milli jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-impjieg li jkunu debitament iġġustifikati, anki kontra l-informaturi. Aħna ninsistu b'mod partikolari fuq l-importanza, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, li jiġi promoss ambjent pożittiv, li fih, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jkun parti aċċettata tal-kultura korporattiva. Aħna nosservaw ukoll li, id-Direttiva ma ssemmi xejn dwar il-kwistjoni ta' limiti ta' żmien, u dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu jew iżommu limiti bħal dawn fuq il-protezzjoni tal-informaturi.

Artikolu 21 — Rappurtar, evalwazzjoni u reviżjoni

35.

L-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-proposta mbagħad tiddeskrivi approċċ b'żewġ stadji. Sal-15 ta' Mejju 2023, jiġifieri sentejn wara tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni fil-15 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

36.

L-Istati Membri jkunu meħtieġa wkoll jibagħtu, fuq bażi annwali, ċerti statistiki lill-Kummissjoni “jekk dawn ikunu disponibbli fil-livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat”. L-istatistiki kkonċernati huma relatati mal-għadd ta' rapporti riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti, mal-għadd u l-eżitu finali tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti li jkunu nbdew b'riżultat ta' dawn ir-rapporti, kif ukoll mal-ħsara finanzjarja stmata u l-ammonti rkuprati. Fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li din id-data mbagħad tintuża fit-tfassil tar-rapporti attwali tal-OLAF u tista' tiġi kkomplementata mir-rapporti annwali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u dawk tal-Ombudsman tal-UE.

37.

Sal-15 ta' Mejju 2027, jekk jitqiesu dawn l-istatistiki, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta rapport ieħor lill-Parlament u lill-Kunsill li jkun jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva. Fost affarijiet oħra, ir-rapport ikun jivvaluta l-ħtieġa għal kwalunkwe emenda biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva.

L-analiżi tagħna

38.

Aħna nqisu li hemm lok għal titjib tat-trasparenza u tal-firxa tar-rekwiżiti ta' rappurtar proposti. Fil-fehma tagħna, il-fatt li t-trażmissjoni tal-istatistiki hija fakultattiva għal ċerti Stati Membri (dawk li ma jkollhomx statistiki li jkunu diġà disponibbli fil-livell ċentrali), u li l-istatistiki ma jiġux ripartiti skont il-qasam ta' politika, inaqqas l-effettività ta' din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-pubbliku ma jkunx jista' jaċċessa l-informazzjoni li tkun tinsab fl-istatistiki qabel sitt snin mid-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni u tmien snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan il-perjodu jidher li huwa twil b'mod sproporzjonat u jikkontradixxi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) li jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni l-“informazzjoni kollha rilevanti” rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

39.

Aħna nosservaw li, anke fid-Direttiva PIF (30), ir-rappurtar mill-Istati Membri huwa fakultattiv. Madankollu, aħna ma nqisux li din il-konsistenza, fiha nfisha, tiġġustifika ż-żamma ta' dispożizzjonijiet dgħajfa ta' rappurtar bħal dawn. Filwaqt li nirrikonoxxu l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż ta' obbligu usa', aħna niġbdu l-attenzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill għall-fatt li, fi stadju aktar tard, id-disponibbiltà ta' dawn l-istatistiki tista' tkun kruċjali għall-kejl tal-prestazzjoni tal-investiment finanzjarju u amministrattiv ħafna akbar li l-Istati Membri u l-entitajiet pubbliċi u privati jkollhom jagħmlu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Fix-xogħol preparatorju tagħha, il-Kummissjoni setgħet tibbaża fuq tagħlimiet meħudin f'ġurisdizzjonijiet differenti madwar id-dinja; dan kien parzjalment dovut għad-disponibbiltà tad-data minn dawk il-ġurisdizzjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tagħhom għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' teżamina d-diversi possibbiltajiet għall-għoti ta' finanzjament mill-UE sabiex tassisti lill-Istati Membri bil-ġbir tad-data.

40.

Aħna nemmnu li jenħtieġ li l-informazzjoni statistika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-Istati Membri tkun tal-ogħla kwalità possibbli u b'mod partikolari, din għandha tkun disponibbli skont il-pajjiż, skont l-att legali u skont il-qasam tas-suġġett, u għandha tinkludi l-eżiti finali tal-każijiet ċivili u dawk kriminali. Aħna naqblu mal-fehma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tar-Renju Unit li l-pubblikazzjoni ta' statistiki komprensivi dwar l-investigazzjonijiet relatati mal-iżvelar ta' informazzjoni protetta, inklużi l-eżiti tagħhom, hija mezz biex tiżdied il-fiduċja tal-impjegati fl-arranġamenti għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta, billi hija tippermettilhom jaraw li r-rappurtar jittieħed bis-serjetà (31).

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. LAZAROU, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta' Settembru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  Ara l-analiżi, imwettqa mill-Kummissjoni, tal-qafas leġiżlattiv tal-Istati Membri, disponibbli hawn bħala l-“Anness 6”: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/1-11_annexes.pdf

(2)  Ara fost l-oħrajn: il-Kunsill tal-Ewropa, Criminal Law Convention on Corruption (Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni), sensiela tat-Trattati Ewropej Nru. 173, Strasburgu, 27/1/1999; il-Kunsill tal-Ewropa, Protection of whistleblowers (Protezzjoni tal-informaturi), ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 u memorandum ta' spjegazzjoni; ir-Riżoluzzjoni 58/04 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-31 ta' Ottubru 2003: United Nations Convention against Corruption (Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni); il-pjan ta' azzjoni tal-G20 kontra l-korruzzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi: Study on whistle blower protection frameworks, compendium of best practices and guiding principles for legislation (Studju dwar l-oqfsa ta' protezzjoni tal-informaturi, kompendju tal-aħjar prattiki u prinċipji gwida għal-leġiżlazzjoni) (2011).

(3)  COM(2018) 214 final.

(4)  Ara l-analiżi, imwettqa mill-Kummissjoni, tal-qafas leġiżlattiv tal-Istati Membri, disponibbli hawn bħala l-“Anness 6”: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/1-11_annexes.pdf

(5)  Dwar din il-kwistjoni, ara l-analiżi panoramika tagħna li ġiet ippubblikata fit-3 ta' Settembru 2018: “L-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-prattika: Ir-responsabbiltajiet ta' sorveljanza tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

(6)  L-Istandard Internazzjonali tal-Awditjar (ISA) 250 (Rivedut), Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet u r-Regolamenti f'Awditu tar-Rapporti Finanzjarji, it-taqsima A17. L-awditur jista' jsir konxju ta' informazzjoni li tirrigwarda każ ta' nuqqas ta' konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti minbarra dik li sar konxju tagħha b'riżultat tat-twettiq tal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 13–17 (eż. meta l-awditur jiġi infurmat dwar nuqqas ta' konformità minn informatur).

(7)  Għas-sena attwali, ara l-Programm ta' Ħidma tagħna għall-2018.

(8)  L-Artikolu 22c tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif emendat l-aħħar (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385)); ara wkoll l-inkjesta li saret mill-Ombudsman Ewropew fir-rigward ta' dawn ir-regoli, li ngħalqet fis-27.2.2015 (il-Każ OI/1/2014/PMC).

(9)  SWD(2018) 116.

(10)  SEC(2018) 198.

(11)  SWD(2018) 116, il-paġna 46.

(12)  L-akkwist pubbliku; is-servizzi finanzjarji, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; is-sikurezza tal-prodotti; is-sikurezza tat-trasport; il-protezzjoni tal-ambjent; is-sikurezza nukleari; is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali; is-saħħa pubblika; il-protezzjoni tal-konsumatur; il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, u sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni.

(13)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7, il-paragrafu 7.

(17)  COM(2018) 214 final, il-paġna 13.

(18)  L-Artikolu 5(1)(e) għall-entitajiet legali fis-settur privat u f'dak pubbliku, l-Artikolu 10 għall-awtoritajiet kompetenti u l-Artikolu 15(2) u (3) għall-Istati Membri.

(19)  L-Artikolu 13(1).

(20)  Il-Premessa 16.

(21)  L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2017/1371.

(22)  L-OECD, Subnational governments in OECD Countries: Key Data, 2018 edition (Gvernijiet Sottonazzjonali fil-Pajjiżi tal-OECD: Data Ewlenija, l-Edizzjoni 2018), il-paġni 5-6.

(23)  Ara l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tar-Renju Unit, Making a whistleblowing policy work (Biex il-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tiffunzjona), Rapport mill-Kontrollur u mill-Awditur Ġenerali, HC 1152, is-Sessjoni 2013-14, it-18 ta' Marzu 2014; Chartered Institute of Internal Auditors, Whistleblowing and corporate governance, the role of internal audit in whistleblowing (Żvelar ta' informazzjoni protetta u governanza korporattiva, ir-rwol tal-awditjar intern fl-iżvelar ta' informazzjoni protetta), Jannar 2014.

(24)  L-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati.

(25)  Decision No 43-2017 of the European Court of Auditors on cooperation between the European Court of Auditors (ECA) and the European Anti-fraud Office (OLAF) concerning cases of suspected fraud identified by the ECA during its audit work or provided to it as unsolicited denunciations from third parties (Id-Deċiżjoni Nru 43-2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kooperazzjoni bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi li tirrigwarda każijiet ta' frodi suspettata li ġiet identifikata mill-QEA matul ix-xogħol tal-awditjar tagħha jew li ngħatat lilha bħala denunzji mhux mitluba minn partijiet terzi).

(26)  L-Artikolu 13(3).

(27)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Artikolu 5 (Ftuħ ta' investigazzjonijiet) il-paragrafu 1: “Id-Direttur Ġenerali jista' jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista' jkun ukoll ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe pajjiż terz jew informazzjoni anonima, li twettqu atti ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.” (enfasi miżjuda).

(28)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17).

(29)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(30)  L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371.

(31)  L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tar-Renju Unit, Biex il-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tiffunzjona, Rapport mill-Kontrollur u mill-Awditur Ġenerali, HC 1152, is-Sessjoni 2013-14, it-18 ta' Marzu 2014, il-punt 4.18.