6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/4


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Trakkijiet

(AT.39824)

(2017/C 108/04)

(1)

Dan ir-rapport jirrigwarda abbozz ta’ deċiżjoni ta’ riżolviment ta’ kartell li għandha tiġi adottata konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (2) (“l-Abbozz ta’ Deċiżjoni).

(2)

Dan l-Abbozz ta’ Deċiżjoni huwa indirizzat lil 15-il persuna ġuridika (“id-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni”), li kull waħda minnhom tappartjeni għal waħda minn ħames impriżi: MAN, Volvo, Daimler, Iveco and DAF (“l-Impriżi li Rriżolvew”) (3).

(3)

Skont l-Abbozz ta’ Deċiżjoni, l-Impriżi li Rriżolvew ħadu sehem f’arranġamenti kollużivi rigward l-ipprezzar u żidiet fil-prezzijiet grossi fiż-Żona Ekonomika Ewropea għal trakkijiet medji u tqal, kif ukoll dwar it-twaqqit u l-wirt ta’ kostijiet għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji għat-trakkijiet medji u tqal rikjesti minn standards tal-emissjonijiet riveduti.

(4)

Dan il-każ jinbet minn applikazzjoni għall-immunità minn multi. Wara spezzjonijiet li saru kmieni fl-2011, il-Kummissjoni rċeviet tliet applikazzjonijiet għall-klemenza.

(5)

Fl-20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 fir-rigward tal-Impriżi li Rriżolvew u l-impriża l-oħra (“is-Sitt Impriża”). Il-proċeduri rigward is-Sitt Impriża kienu għaddejjin taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali (mhux ta’ riżolviment) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 meta sar dan ir-rapport (4).

(6)

Barra minn hekk, fl-20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fil-Kawża AT.39824 (id-“DO”). Bejn l-20 u l-24 ta’ Novembru 2014, id-DO ġie notifikat lid-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni kif ukoll lit-tliet entitajiet li jappartjenu għas-Sitt Impriża (“id-Destinatarji tad-DO”).

(7)

Id-Destinatarji kollha tad-DO talbu li jkollhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”) qiegħed il-korp ewlieni tal-fajl aċċessibbli disponibbli għad-destinatarji tad-DO f’Diċembru 2014. Rigward parti mil-fajl tal-Kummissjoni li għalih kienu jixirqu miżuri speċjali ta’ kunfidenzjalità, id-DĠ Kompetizzjoni organizza proċeduri ta’ aċċess ristrett (fil-bini tad-DĠ Kompetizzjoni u barra minnu) li ppermettew lil avukati esterni jidentifikaw id-dokumenti li għalihom kienu qegħdin ifittxu li jkollhom verżjonijiet mhux kunfidenzjali f’isem il-klijenti rispettivi tagħhom. Dawn il-proċeduri għal aċċess ristrett bdew f’Diċembru 2014. Talbiet għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti identifikati fil-proċeduri għal aċċess ristrett tressqu lid-DĠ Kompetizzjoni fi Frar u Marzu 2015. Fi Frar 2016, DĠ Kompetizzjoni ta l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali korrispondenti.

(8)

Bejn l-1 ta’ Settembru 2015 u t-3 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni kellha taħditiet ta’ riżolviment mad-Destinatarji tad-DO li, f’Lulju 2015, kienu resqu b’mod informali lejn il-Kummissjoni jesprimu interess li possibilment jagħmlu preżentazzjonijiet ta’ riżolviment konformi mal-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

(9)

Bejn il-15 u l-21 ta’ Ġunju 2016, id-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni għamlu sottomissjonijiet għal riżolviment lill-Kummissjoni konformi mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Kull waħda minn dawn is-sottomissjonijiet kien fiha, fost affarijiet oħra, turija ta’ għarfien li d-destinatarju tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni kkonċernat kien ġie informat biżżejjed dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qajmet kontrih u li kien ingħata biżżejjed ċans li jgħarraf lill-Kummissjoni fehmietu.

(10)

F’dan il-każ, ma rċevejt l-ebda talba jew ilment (5).

(11)

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-Abbozz ta’ Deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li dwarhom id-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni ngħataw l-opportunità li jsemmgħu fehmiethom dwarhom. Nikkonkludi li dan hu l-każ.

(12)

Fid-dawl ta’ dan kollu, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tad-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni ġie rrispettat.

Brussell, it-18 ta’ Lulju 2016.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18) kif emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3). Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1) (“l-Avviż ta’ Riżolviment”).

(3)  Miġburin skont l-Impriża li Rriżolviet rispettiva, id-Destinatarji tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni huma: (i) MAN SE, MAN Truck & Bus AG, MAN Truck & Bus Deutschland GmbH; (ii) AB Volvo (publ), Volvo Lastvagnar AB, Volvo Group Trucks Central Europe GmbH, Renault Trucks SAS; (iii) Daimler AG; (iv) Fiat Chrysler Automobiles N.V, CNH Industrial N.V., Iveco SpA., Iveco Magirus AG; (v) PACCAR Inc., DAF Trucks N.V., and DAF Trucks Deutschland GmbH.

(4)  Ara t-taqsima 2.2 tal-Avviż dwar ir-Riżolviment, partikolarment il-paragrafu 19.

(5)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet għall-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jistgħu jirrikorru għall-Uffiċjal tas-Seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ riżolviment sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż ta’ Riżolviment u l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.