23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/5


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar it-tibdil tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu appoġġjati r-riformi strutturali

(2018/C 176/02)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament li jemenda r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013 tas-6 ta’ Diċembru 2017 (1);

wara li kkunsidra:

(i)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Il-Proposta mill-Kummissjoni għal Regolament Ġenerali dwar il-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni tal-4 ta’ Mejju 2012, li tenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma għandhomx jiġu penalizzati minħabba li ċerti Stati Membri naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-governanza ekonomika, b’mod partikolari fir-rigward tad-defiċit nazzjonali;

(ii)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020, tat-8 ta’ April 2016, fejn il-KtR oppona li l-politika ta’ koeżjoni tkun soġġetta għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew peress li l-politika ta’ koeżjoni hija leġittima fiha nnifisha u hija minquxa fit-Trattati Ewropej;

(iii)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 “Għal politika ta’ koeżjoni Ewropea b’saħħitha u effettiva wara l-2020” tat-12 ta’ Mejju 2017, li fuqha tissejjes l-inizjattiva #CohesionAlliance u li enfasizzat li l-inklużjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-programmi nazzjonali ta’ riforma għandha titfassal mill-ġdid mil-livell Ewropew ’l isfel b’tali mod li jinżammu d-dimensjoni territorjali u l-approċċ deċentralizzat ibbażat fuq is-sħubija;

(iv)

l-Opinjoni tal-KtR dwar It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-11 ta’ Mejju 2017, li fiha sar appell biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b’mod strutturat bħala msieħba fis-Semestru Ewropew, fid-dawl tad-diviżjoni attwali tas-setgħat u l-kompetenzi fil-livelli differenti ta’ gvern fl-Istati Membri tal-UE, sabiex is-Semestru Ewropew jsir iżjed effettiv u tissaħħaħ is-sjieda tiegħu fil-livell lokali;

(v)

l-Opinjoni tal-KtR dwar Dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sal-2025 tal-1 ta’ Diċembru 2017, li appoġġjat strateġija ta’ konverġenza bil-għan li tikkomplementa l-politiki Ewropej eżistenti għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

1.

jiġbed l-attenzjoni li l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija għan għall-politiki kollha tal-UE (Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE) u fl-istess ħin politika ġenwina minquxa fit-Trattat (Artikoli 174 – 177);

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni – kif definita fit-Trattat tal-UE – ma tinkludix l-obbligu li tiffinanzja r-riformi strutturali fl-Istati Membri;

3.

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jiġu definiti l-kunċett u l-kamp ta’ applikazzioni tar-“riformi strutturali” eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju Ewropew. Il-KtR jinnota l-importanza li dan isir fuq il-bażi ta’ analiżi tal-valur miżjud Ewropew peress li l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 ta’ Lulju 1997, li l-proposta attwali tirreferi għalih, jipprovdi definizzjoni wiesgħa u, għaldaqstant mhux adatta, tal-kunċett ta’ “riformi strutturali”;

4.

jiċħad ir-raġunament mogħti għall-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-għan tal-politika ta’ koeżjoni, kif implementata permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li għalihom ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jipprovdi l-qafas legali ġenerali, mhuwiex li tappoġġja riformi strutturali fl-Istati Membri, iżda li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti;

5.

josserva bi tħassib li s-suġġeriment li l-appoġġ għar-riformi strutturali jitqiegħed taħt ġestjoni diretta u li ma jiġi stabbilit l-ebda rekwiżit ta’ kofinanzjament għal dan l-infiq jindika li l-politika ta’ koeżjoni qed terġa’ tiġi nazzjonalizzata billi tmur kontra l-prinċipji tal-kofinanzjament u l-ġestjoni kondiviża li fuqhom din tissejjes. Dawn il-prinċipji huma kruċjali għall-promozzjoni tas-sjieda, l-infurzar tal-governanza tajba u li l-politika ta’ koeżjoni jkollha l-aqwa effett ta’ lieva possibbli;

6.

jenfasizza li l-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, li huwa minqux legalment fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, jitlob azzjoni kkoordinata, b’mod partikolari bejn il-livelli differenti ta’ governanza, imwettqa fi sħubija skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni operazzjonali u istituzzjonali, fir-rigward tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tas-Sħubija u l-programmi. Għalhekk, l-użu tar-riżorsi tal-FSIE biex jiġu ffinanzjati r-riformi nazzjonali jitlob azzjoni koordinata bejn il-livelli differenti ta’ gvern li mhuwiex permess fil-proposta tal-Kummissjoni;

7.

jinnota bi tħassib li l-ħolqien ta’ sistema ta’ “flus għar-riformi” bħal dik li qed tiġi proposta attwalment imur kontra l-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli u ma tippermettix il-promozzjoni tas-sjieda lokali u reġjonali tar-riformi strutturali rilevanti fil-livell tal-UE, minħabba li ħafna minnhom jeħtieġu l-kontribut tal-gvern lokali u reġjonali;

8.

huwa tal-fehma li hemm kontradizzjoni bejn l-użu tar-riżorsi tal-FSIE għall-finanzjament tar-“riformi strutturali ġenerali” fl-Istati Membri u l-obbligu tal-konċentrazzjoni tematika kif definit fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

9.

huwa mħasseb li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi modifika lir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll li tuża r-riżerva ta’ prestazzjoni tal-FEIS sabiex tiġi ffinanzjata għodda ta’ twettiq ta’ riforma li għadha ma ġietx proposta u li dwarha m’għad hemm l-ebda dettalji;

10.

jenfasizza li l-għan tar-riżerva ta’ prestazzjoni tal-FSIE kif deskritt fl-Artikoli 20-22 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni huwa li jiġu appoġġjati biss il-programmi u l-prijoritajiet li laħqu l-miri tagħhom u li jingħataw inċentivi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni li jirnexxu; jinsab imħasseb li t-tnaqqis propost ta’ dawn l-inċentivi jiskoraġġixxi r-reġjuni u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni li għamlu suċċess u, għalhekk, ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li partijiet minn din ir-riżerva ta’ prestazzjoni – anke fuq bażi volontarja – jintużaw għal skopijiet oħra; Jekk il-proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata mill-Kunsill u mill-Parlament, l-implimentazzjoni tagħha għandha ssir fuq bażi volontarja, biex il-bidliet tal-istruttura attwali tal-programmi tal-FSIE jitħallew f’idejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet.

11.

huwa tal-fehma li l-klawżoli ta’ inklużjoni fakultattiva u l-parteċipazzjoni volontarja fi skema tal-UE ma jistgħux jintużaw biex jiġi sostnut li din il-proposta ma għandha l-ebda rilevanza għas-sussidjarjetà sakemm din l-iskema tinvolvi finanzjament tal-UE maħsub sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattati li huma rilevanti għall-Istati Membri kollha tal-UE. Tabilħaqq, kwalunkwe finanzjament tal-UE għandu jingħata b’rabta mal-għanijiet stabbiliti fit-Trattati tal-UE u jkollu bażi legali direttament relatata mal-għanijiet li huwa intiż li jilħaq;

12.

huwa mħasseb li kwalunkwe tibdil fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni f’dan l-istadju ta’ implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, imwettaq qabel l-analiżi tal-prestazzjoni skedata fl-2019 (Artikolu 21), jista’ jwassal għal inċertezza legali u iżjed dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi attwali tal-FSIE;

13.

huwa mħasseb ukoll dwar iż-żmien li fih għandha titnieda l-għodda l-ġdida tal-implimentazzjoni, peress li r-riżultati tal-“fażi pilota” proposta ma jistgħux jikkontribwixxu għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid li għandu jiġi ppreżentat f’Mejju 2018. Jekk il-proġett pilota għadu jrid jiġi propost u adottat mil-leġislaturi u jrid jibda fl-2018, il-ġbir tal-evidenza dwar il-prestazzjoni tiegħu u r-riżultati qabel Mejju 2018 ser ikunu estremament diffiċli. Kwalunke proposta għal għodda għat-twettiq ta’ riforma għall-perjodu wara l-2020 mhux ser ikollha l-informazzjoni dwar l-esperjenza preċedenti;

14.

jinnota li l-prinċipju li jintużaw il-Fondi SIE sabiex jiġu ffinanzjati riformi strutturali li mhumiex relatati mal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni diġà ġie introdott mill-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, filwaqt li l-pakkett finanzjarju ta’ dan il-Programm jitnaqqas mill-assistenza teknika tal-FEŻR u l-Istati Membri huma permessi jieħdu kontribuzzjonijiet addizzjonali mir-riżorsi tal-assistenza teknika tal-programmi operattivi. Jissottolinja li dan il-preċedent ta’ tħassib issa huwa msaħħaħ mill-pakkett tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika, b’implikazzjonijiet li jitfgħu f’dubju l-pedamenti tal-politika ta’ koeżjoni;

15.

għalhekk jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni bil-għan li r-riżerva ta’ prestazzjoni tintuża biex tappoġġja r-riformi strutturali fl-Istati Membri. Il-KtR jinsab lest li jagħmel użu sħiħ mill-prerogattiva tiegħu li jikkontesta l-att leġislattiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

16.

rigward il-QFP u l-perjodu ta’ programmazzjoni wara l-2020, jinsab lest li jiddiskuti fid-dettall ir-rabtiet bejn il-politika ta’ koeżjoni, ir-riformi strutturali rilevanti fil-livell tal-UE u s-Semestru Ewropew. Dawn ir-rabtiet ikunu jridu jiffurmaw parti minn strateġija globali tal-UE dwar il-governanza ekonomika, soċjali u sostenibbli bħala segwitu għall-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KtR huwa tal-fehma li l-kontribut sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha ta’ strateġija bħal din huwa prerekwiżit, kif stabbilit fil-Kodiċi ta’ Kondotta tal-KtR;

17.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, l-1 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2017) 826 final