5.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 333/4


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta' Ġunju 2017

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-każ AT.40013 — Sistemi tad-Dawl)

(notifikat bid-dokument C(2017) 4100)

(it-test bl-Ingliż biss hu awtentiku)

(2017/C 333/04)

Fil-21 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet li ġejjin: Valeo S.A., Valeo Service SAS u Valeo Vision SAS (iktar 'il quddiem, flimkien, imsejħa “Valeo”); Magneti Marelli S.p.A. u Automotive Lighting Reutlingen GmbH (flimkien, imsejħa “Automotive Lighting”) u Hella KGaA Hueck & Co. (“Hella”) (magħrufa wkoll bħala “il-partijiet” jew individwalment, bħala “il-parti”).

(3)

Il-prodotti kkonċernati minn dan il-ksur huma sistemi tad-dawl tal-karozzi. Id-destinatarji ta' din id-deċiżjoni kienu involuti f'serje ta' kuntatti antikompetittivi f'dak li għandu x'jaqsam ma' spare parts tat-tagħmir oriġinali (“OES” — original equipment spare parts) wara t-tmiem ta' serje ta' produzzjoni, inklużi l-kuntatti relatati mal-prezz u ċerti kondizzjonijiet oħra ta' kummerċ.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(4)

Il-każ beda wara applikazzjoni għall-immunità li ġiet sottomessa minn Valeo f'Jannar 2012. F'Lulju 2012, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr avviż skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, segwit b'numru ta' talbiet ta' informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-punt 12 tal-Avviż ta' Klemenza (2).

(5)

Automotive Lighting sussegwentement applikat għall-klemenza f'Awwissu 2012. Hella applikat għall-klemenza f'Settembru 2012.

(6)

Il-proċedimenti ġew mibdija fit-18 ta' Mejju 2016 bl-għan li jkun hemm diskussjonijiet dwar riżolviment mal-partijiet. Sussegwentement, il-partijiet kollha ressqu t-talba formali għar-riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (3).

(7)

Fl-10 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet indirizzata lill-partijiet. Il-partijiet kollha wieġbu għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet billi kkonfermaw li kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom ta' riżolviment u li għalhekk huma baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura tar-riżolviment.

(8)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-20 ta' Ġunju 2017.

(9)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni preżenti fil-21 ta' Ġunju 2017.

2.2.   Tul ta' żmien

(10)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, waqt il-perijodi indikati hawn taħt, f'attivitajiet antikompetittivi fir-rigward tal-forniment tas-sistemi tad-dawl tal-karozzi.

Impriża

Tul ta' żmien

Valeo

7 ta' Lulju 2004 – 25 ta' Ottubru 2007

Automotive Lighting

7 ta' Lulju 2004 – 25 ta' Ottubru 2007

Hella

1 ta' Jannar 2006 – 25 ta' Ottubru 2007

2.3.   Sommarju tal-ksur

(11)

Din id-deċiżjoni tkopri l-provvista ta' sistemi tad-dawl tal-karozzi (“Sistemi tad-Dawl”) fiż-ŻEE mis-7 ta' Lulju 2004 sal-25 ta' Ottubru 2007 b'varjazzjonijiet rigward id-data tal-bidu għal kull parti. It-tul taż-żmien globali tal-ksur huwa għalhekk 3 snin u 3 xhur.

(12)

Il-prodotti kkonċernati mill-kartell huma Sistemi tad-Dawl, li jinkludu l-bozoz ta' quddiem, id-dwal tas-sewqan ta' binhar, id-dwal ta' wara u d-dwal tal-waqfien immuntati fl-għoli, id-dwal taċ-ċpar u dwal awżiljarji. Is-Sistemi tad-Dawl huma mibjugħa mill-fornituri biex jgħammru l-vetturi l-ġodda jew wara l-bejgħ tal-karozza bħala spare parts. Il-kartell kien ikopri l-provvisti ta' Sistemi tad-Dawl fiż-ŻEE fuq l-ispare parts tat-tagħmir (“OES”) wara l-bejgħ tal-karozza, wara t-tmiem ta' produzzjoni tas-serje.

(13)

Il-kartell kien jikkonsisti f'serje ta' kuntatti antikompetittivi relatati mal-prezz u ċerti kondizzjonijiet oħra ta' kummerċ. Id-diskussjonijiet ta' natura kollużiva kkonċernaw l-istrateġiji ta' negozjar u kkwotar, l-istatus tan-negozjati mal-klijenti rigward iż-żidiet fil-prezzijiet, il-pożizzjoni tal-partijiet fuq konsumaturi individwali rigward mudelli tal-ipprezzar OES, talbiet tal-ipprezzar tal-klijent kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prospetti futuri u x-xejriet tal-industrija tal-OES.

(14)

Barra minn hekk, il-partijiet qablu fuq il-fatt li huma għandhom jimmiraw għal żieda fil-prezz wara t-tmiem ta' serje ta' produzzjoni u kkoordinaw mira fl-aħħar tal-perjodu tad-disponibbiltà kuntrattwali ta' spare parts wara t-tmiem ta' serje ta' produzzjoni.

(15)

Il-kartell opera prinċipalment abbażi ta' kuntatti bilaterali, iżda madanakollu ġie organizzat ukoll kuntatt multilaterali wieħed. Ġeografikament, diskussjonijiet antikompetittivi saru fiż-ŻEE, l-aktar fi Franza jew il-Ġermanja. Bejn l-2004 u l-2006, il-partijiet progressivament żviluppaw il-kuntatti antikompetittivi tagħhom fuq il-bejgħ kollu lill-produtturi ta' tagħmir oriġinali (“OEM”) li kienu l-klijenti tal-parts fiż-ŻEE matul is-sena 2007.

2.4.   Destinatarji

(16)

L-entitajiet legali li ġejjin huma meqjusa responsabbli mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni:

(a)

Valeo S.A., Valeo Service SAS u Valeo Vision SAS responsabbli flimkien u in solidum;

(b)

Magneti Marelli S.p.A. u Automotive Lighting Reutlingen GmbH, responsabbli flimkien u in solidum; kif ukoll

(c)

Hella KGaA Hueck & Co.

2.5.   Rimedji

(17)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (4).

2.5.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(18)

Sabiex ikun rifless aħjar l-impatt konkret tal-kartell, ser jintuża kalkolu għall-valur annwali tal-bejgħ (ibbażat fuq il-valur attwali tal-bejgħ ta' OES ta' Lighting Systems wara t-tmiem ta' serje ta' produzzjoni fiż-ŻEE magħmul mill-impriżi fil-perjodu rilevanti tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur) ser jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi imposti.

(19)

Meta titqies in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu (ŻEE), il-perċentwal tal-ammont varjabbli tal-multi u l-ammont addizzjonali (“il-ħlas tad-dħul”) hu stabbilit għal 16 % tal-valur tal-bejgħ għall-ksur.

(20)

L-ammont varjabbli hu mmultiplikat bin-numru ta' snin jew bi frazzjonijiet tas-sena b'mod rispettiv għall-parteċipazzjoni tal-partijiet fil-ksur, sabiex jitqies b'mod sħiħ il-perjodu tal-parteċipazzjoni fil-ksur għal kull impriża individwali. Il-Kummissjoni tqis it-tul attwali ta' parteċipazzjoni fil-ksur tal-partijiet fuq bażi ta' snin, xhur u ġranet sħaħ.

(21)

Peress li l-ambitu ta' kondotta fit-termini ta' klijenti OEM affettwati ġie estiż gradwalment minn diversi OEMs għall-OEMs kollha li kienu l-klijenti tal-partijiet fiż-ŻEE fl-2007, tliet gruppi distinti ta' klijenti ġew identifikati li għalihom il-valur tal-bejgħ huwa kkalkulat b'mod separat, li japplikaw multiplikaturi distinti tat-tul tal-perjodu.

2.5.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(22)

L-ebda ċirkostanzi aggravanti jew mitiganti ma japplikaw f'din id-deċiżjoni. L-ebda multiplikatur ta' dissważjoni ma huwa applikat f'din id-deċiżjoni ma' xi waħda mill-partijiet.

2.5.3.   L-applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta' 10 %

(23)

L-ebda waħda mill-multi kkalkulati ma qabżet l-10 % tal-fatturat totali tal-impriża fis-sena tan-negozju ta' qabel id-data tad-Deċiżjoni.

2.5.4.   L-applikazzjoni tal-Avviż ta' Klemenza tal-2006: tnaqqis ta' multi

(24)

Valeo kienet l-ewwel impriża li ppreżentat informazzjoni u evidenza li ssodisfaw il-kondizzjonijiet tal-punt 8(a) tal-Avviż ta' Klemenza tal-2006 u għalhekk qed tingħata immunità mill-multi.

(25)

Automotive Lighting kienet l-ewwel impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti tal-punti 24 u 25 tal-Avviż ta' Klemenza tal-2006 u qed tingħata tnaqqis ta' 35 % tal-multa.

(26)

Hella kienet it-tieni impriża li ssodisfat ir-rekwiżiti tal-punti 24 u 25 tal-Avviż ta' Klemenza tal-2006 u qed tingħata tnaqqis ta' 20 % tal-multa.

2.5.5.   Applikazzjoni tan-Notifika ta' Riżolviment

(27)

B'riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta' Riżolviment, l-ammont tal-multi impost fuq Automotive Lighting u Hella tnaqqas b'10 % oħra.

3.   KONKLUŻJONI

(28)

Il-multi li ġejjin ġew imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

(a)

Valeo: EUR 0

(b)

Automotive Lighting: EUR 16 347 000

(c)

Hella: EUR 10 397 000


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(4)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.