30.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/11


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 286/08)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA' EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“MONTASIO”

Nru tal-UE: PDO-IT-02251 — 21.12.2016

DOP ( X ) IĠP ( ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio per la Tutela del Formaggio Montasio

Vicolo Resia, 1/2

33033 Codroipo (UD)

ITALIA

Tel. +39 0432912052

Posta elettronika: info@formaggiomontasio.net

Il-konsorzju għall-protezzjoni tal-ġobon Montasio huwa magħmul mill-produtturi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”. Huwa awtorizzat li jippreżenta applikazzjoni għall-emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija Nru 12511 tal-14 ta' Ottubru 2013.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn (irid jiġi ppreċiżat)

4.   Tip ta' emenda/emendi

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma jkun ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti).

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' STG irreġistrata li tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/emendi

Deskrizzjoni tal-prodott

Il-parametri marbutin mal-piż u d-dijametru tal-ġobon ġew emendati kemxejn.

Kliem attwali:

“piż: 6-8 kg;

dijametru: 30-35 cm;”

Test emendat:

“piż: 5,5-8 kg;

dijametru: 27-35 cm;”

Il-forom użati għall-produzzjoni tal-ġobon “Montasio” għandhom dijametru minn 30 sa 35 cm; ilhom jintużaw minn meta ġie stabbilit il-konsorzju fl-1986. F'dawn is-snin kollha, dejjem intuża d-daqs massimu tal-forma, u l-piż u d-dijametru tal-ġobon wara 60 ġurnata ta' maturazzjoni, kif indikat fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, huma konsistenti ma' dan l-użu. Fil-każ li jintuża d-daqs minimu tal-forma, 30 cm, id-dijametru tal-ġobon bilfors irid ikun inqas minn 30 cm, jekk il- “Montasio” jonqos bejn wieħed u ieħor 15 % fil-piż bejn l-24 siegħa wara l-produzzjoni u s-60 ġurnata ta' maturazzjoni, u l-piż tiegħu, li meta jiġi prodott ikun ta' bejn wieħed u ieħor 6,5 kg, ikun inqas minn 6 kg wara t-telf fil-piż.

Il-ġobnijiet prodotti permezz tad-daqs minimu tal-forma, minn naħa jissodisfaw il-bżonnijiet tax-xerrejja diretti li japprezzaw il-ġobnijiet żgħar, u l-bejjiegħa bl-imnut kbar min-naħa l-oħra, jekk il-ġobon jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tagħhom għal prodotti imballati minn qabel.

Din l-emenda għandha titqies bħala minuri minħabba li l-bidla fil-parametri, kif stipulat hawn fuq, ma tolqotx l-istadji sussegwenti tal-iproċessar, il-maturità jew b'mod partikolari, il-karatteristiċi tal-prodott finali, li jibqgħu kif stipulati fl-ispeċifikazzjoni.

Metodu tal-produzzjoni

Il-paragrafu marbut mal-kwalità tal-għalf tal-baqar inbidel kemxejn.

Kliem attwali: “Huwa pprojbit l-għalf li t-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon tikkunsidra li jkollu effetti ħżiena fuq l-ipproċessar tal-ħalib fil-ġobon, bħall-foraġġ li jkun ġej minn pantani jew li jkun jinsab fil-ġenb ta' toroq li minnhom jgħaddi ħafna traffiku. Huma pprojbiti wkoll il-ħxejjex, il-frott, il-kolza u l-prodotti sekondarji tal-ipproċessar tar-ross, użati tale kwale; id-dqiq li joriġina mill-annimali, l-għalf industrijali immedikat, il-polpa tal-pitravi friska, niedja jew insilata, il-prodotti sekondarji tal-birra jew tal-prodotti distillati, il-foraġġ insilat (ħlief għall-ħuxlief fis-sajlo u għall-qamħirrum maħżun fis-sajlo) u s-sustanzi ffermentati tal-ipproċessar industrijali tal-frott, tal-pitravi, tal-birra u tal-prodotti distillati.”

Test emendat: “L-għalf industrijali għall-użu mediku u d-dqiq li joriġina mill-annimali huma pprojbiti talli huma u bħala ingredjenti f'għalf ieħor. L-ikel li ġej ma jistax jintuża frisk: ħxejjex, frott, kolza, prodotti sekondarji tal-ipproċessar tar-ross, polpa tal-pitravi u l-prodotti sekondarji tal-ipproċessar tal-birra, tal-frott u tad-distillati in ġenerali. L-użu tal-ħuxlief, il-qamħirrum u s-silaġġ taċ-ċereali huwa permess.”

L-intenzjoni kienet li jiġi enfasizzat b'mod ċar u mhux ambigwu l-fatt li l-għalf industrijali għall-użu mediku u d-dqiq li joriġina mill-annimali huma pprojbiti bi kwalunkwe mod li jintużaw. Ġie speċifikat li l-prodotti sekondarji friski fermentabbli mill-ipproċessar tal-ħxejjex, frott, eċċ. ma jistgħux jintużaw kif inhuma.

L-użu tas-silaġġ ġie estiż sabiex jinkludi ċ-ċereali; dan il-prodott qed jieħu post is-silaġġ tal-qamħirrum tradizzjonali peress li huwa inqas soġġett għall-kontaminazzjoni mill-aflatossina, u għaldaqstant jirrappreżenta ikel iktar san għall-bhejjem u għall-produzzjoni tal-ħalib. Tneħħiet ukoll ir-referenza ġenerali għall-għalf li tfixkel il-produzzjoni tal-ġobon, peress li din id-definizzjoni hija kkunsidrata bħala inkonsistenti mal-ispeċifikazzjoni u evalwazzjoni bir-reqqa tal-iżviluppi l-ġodda fis-settur hija meqjusa bħala iktar utli għall-identifikazzjoni u l-ivvalutar ta' kwalunkwe tibdil fid-dieta tal-bhejjem.

Ta' min jinnota li l-emendi deskritti hawn fuq ma jbiddlux il-kwalità tal-ħalib użat biex isir il-“Montasio” u għaldaqstant huma meqjusa bħala minuri.

It-tielet paragrafu mill-aħħar tal-Artikolu 5(11) tal-ispeċifikazzjoni ġie emendat kemxejn sabiex ikun iktar ċar u jitnaqqas ir-riskju ta' interpretazzjoni.

Kliem attwali: “Il-ġobon ‘Montasio’ jista' jiġi kkumerċjalizzat sħiħ jew f'porzjonijiet wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata.”

Test emendat: “Il-ġobon ‘Montasio’ jiġi rilaxxat għall-konsum wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata. Il-ġobon ‘Montasio’ jista' jiġi imballat minn qabel, maqsum f'porzjonijiet minn qabel, eċċ. wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata.”

L-intenzjoni kienet li jiġi ċċarat li “l-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon ‘Montasio’” tfisser kummerċjalizzazzjoni diretta lill-konsumatur u mhux lill-entitajiet l-oħrajn fil-bidu tal-katina tal-provvista tal-ġobon “addattat biex isir Montasio”.

Barra minn hekk, tqies importanti li jkun ċar li l-imballaġġ minn qabel, it-tqassim f'porzjonijiet, it-tqattiegħ f'dadi, it-tħakkik, eċċ. jitwettqu biss meta l-ġobon “Montasio” jkun temm il-perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata.

Tħassar l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 5(11) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott marbut mal-prodott maħkuk.

Kliem attwali:

“Il-ġobon ‘Montasio’ DOP użat għat-tħakkik wara mill-inqas 12-il xahar ta' maturazzjoni u meta l-ġobon jidher imfarrak, b'kulur dehbi u bi ftit toqob ċkejknin”.

Ġie deċiż li titneħħa din il-limitazzjoni dwar l-użu tal-“Montasio”, li issa ma għadhiex aġġornata u li, b'mod ċar, l-għan tagħha kien li tinforma lill-konsumaturi, peress li l-konsumaturi jeħtieġu jkunu ħielsa li jiddeċiedu kif jikkunsmaw u jużaw il-prodott, u wkoll meta tqies il-fatt li t-togħmiet u l-abitudnijiet inbidlu fis-snin riċenti.

DOKUMENT UNIKU

“MONTASIO”

Nru tal-UE: PDO-IT-02251 — 21.12.2016

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Montasio”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

Il-“Montasio” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra, b'maturazzjoni medja jew twila, li għandu forma ċilindrika, in-naħa ta' taħt dritta jew kważi dritta u ġnub ċatti jew kemxejn konvessi. Il-ġobon “Montasio” huwa magħmul minn ħalib mhux pasturizzat u juża biss batterji lattiċi naturali jew fermenti awtorizzati; irid ikollu perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-inqas 60 ġurnata b'livell ta' umdità kontrollat permezz ta' kampjuni li jittieħdu wara l-għaxar u wara s-sittin ġurnata tal-maturazzjoni. Wara 60 ġurnata ta' maturazzjoni, il-ġobon “Montasio” DOP irid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin: livell massimu ta' umdità ta' mhux iktar minn 36,72 %; kontenut ta' xaħam fil-materja niexfa: minimu ta' 40 %; piż: 5,5-8 kg; dijametru: 27 sa 35 cm; in-naħa ta' taħt: massimu ta' 8 cm qoxra: lixxa, regolari u elastika; konsistenza: kompatta bi ftit toqob; kulur: naturali, kemxejn dehbi; aroma: distinta; togħma: pjaċevoli, li tagħti kemxejn lejn il-pikkanti meta l-“Montasio” jitħalla jimmatura fit-tul.

Il-ġobon “Montasio” jista' jiġi rilaxxat għall-konsum wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata. Il-ġobon “Montasio” jista' jiġi imballat minn qabel, maqsum f'porzjonijiet minn qabel, eċċ. wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata. Il-ġobon “Montasio” DOP jista' jiġi kkumerċjalizzat bħala “fresco” (frisk) wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata, bħala “mezzano” (kważi matur) wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 120 ġurnata, bħala “stagionato” (matur) wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 10 xhur u bħala “stravecchio” (matur ħafna) wara perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 18-il xahar.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Montasio” DOP huwa magħmul mill-ħalib li ġej mill-irziezet li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni. Ir-razez prinċipali mrobbija fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni huma l-Bruna Alpina, il-Pezzata Rossa Italiana u l-Pezzata Nera, u r-razez inkroċjati tagħhom. Ma huwa miżjud l-ebda preżervattiv u l-ebda trattament bis-sħana ma huwa awtorizzat, ħlief it-tkessiħ sa temperatura minima ta' 4 °C.

Mill-inqas 60 % tal-għalf ġej miż-żona ġeografika.

Mill-inqas 60 % tal-għalf tal-baqar huwa magħmul minn ċereali mhux ipproċessati, foraġġ niexef u aħdar u silaġġ. Il-bqija jista' jkun fih konċentrati u/jew kejkijiet tal-proteini għall-bhejjem.

L-għalf industrijali għall-użu mediku u d-dqiq li joriġina mill-annimali huma pprojbiti talli huma u bħala ingredjenti f'għalf ieħor.

L-ikel li ġej ma jistax jintuża frisk: ħxejjex, frott, kolza, prodotti sekondarji tal-ipproċessar tar-ross, polpa tal-pitravi u l-prodotti sekondarji tal-ipproċessar tal-birra, tal-frott u tad-distillati in ġenerali.

L-użu tal-ħuxlief, il-qamħirrum u s-silaġġ taċ-ċereali huwa permess.

L-użu tas-supplimenti minerali u tal-vitamini huwa awtorizzat.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess ta' produzzjoni (it-trobbija tal-bhejjem, il-produzzjoni tal-ħalib, il-koagulazzjoni, l-ipproċessar tal-ħalib koagulat, l-iffurmar, it-tisfija, it-tmelliħ u l-maturazzjoni tal-ġobon) irid jitwettaq kollu fiż-żona speċifikata fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-prodott huwa identifikat oriġinarjament permezz ta' mmarkar f'forma speċifika li tindika l-kodiċi tal-produttur, l-akronimu tal-provinċja u d-data tal-produzzjoni (sena, xahar, jum). Il-marka tal-oriġini tal-“Montasio” DOP hija magħmula mill-kelma “Montasio” stampata djagonalment, rasha 'l fuq u rasha 'l isfel (ara l-Figura 1).

Din il-marka ta' oriġini tidher fuq il-ġobon “Montasio” kollu, kemm jekk il-produtturi huma membri tal-konsorzju, u kemm jekk le, dejjem jekk ikun hemm konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Figura 1

Image

(1) Timbru bin-nar tal-kelma “Montasio” u tikketta bl-ittri “PDM”

(2) Xahar tal-produzzjoni / (3) Jum tal-produzzjoni / (4) Kodiċi tal-produttur tal-ġobon / (5) Akronimu tal-provinċja / (6) Sena tal-produzzjoni

Il-logo tad-denominazzjoni huwa magħmul mill-ittra “M” b'tipa kbira stilizzata, bil-kelma “MONTASIO” miktuba taħtha. Dan il-logo jrid dejjem jiġi riprodott bit-tipa “HORATIO”. Irid jikkonforma mal-proporzjonijiet tal-Figura 2 (pereżempju, wisa' ta' 8 cm u tul ta' 6 cm).

Figura 2

Image

Fil-każ li l-proċess kollu tal-produzzjoni, mill-produzzjoni tal-ħalib sal-perjodu minimu ta' maturazzjoni ta' 60 ġurnata, jitwettaq fiż-żoni meqjusa muntanjużi taż-żona ta' produzzjoni tad-DOP, kif definiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, jista' jintuża fit-tikkettar it-terminu “prodotto della montagna” (“prodott tal-muntanja”). F'dawn il-każijiet, fuq in-naħa ta' taħt tal-ġobon tiġi stampata tikketta bl-ittri “PDM” (l-akronimu ta' “prodotto della montagna”).

Fuq talba ta' kwalunkwe produttur (kemm jekk membru u kemm jekk le), il-konsorzju jista' jittimbra bin-nar il-logo tad-DOP fuq in-naħa ta' taħt tal-ġobon “Montasio” DOP li jkun immatura għal aktar minn 100 ġurnata, wara li jkun ivverifika dan (Figura 2).

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta' produzzjoni tal-ġobon “Montasio” DOP tinkludi: Il-Friuli-Venezia-Giulia – ir-reġjun kollu; Il-Veneto – il-provinċji kollha ta' Belluno u Treviso u parti mill-provinċji ta' Padova u Venezia, kif ġej: “minn fejn il-linja tal-konfini tal-provinċja ta' Treviso tiltaqa' ma' dik ta' Padova, sal-awtostrada Serenissima, li tkompli sal-pont tal-awtostrada tax-xmara Brenta u matul ix-xmara sal-punt fejn tiżbokka”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-fatturi naturali huma dawk marbutin mal-klima taż-żona ta' produzzjoni, li prinċipalment tikkonsisti minn muntanji u għoljiet baxxi fil-bażi tal-muntanji fejn għadu jsir ir-ragħa u r-ragħa tal-muntanji, li jaffetwa l-kwalità tal-għalf tal-baqar.

Il-ġobon “Montasio” ilu jidher fil-lista tal-prezzijiet ta' San Daniele u ta' Udine mill-1773 u l-1775, li juri li kien kummerċjalizzat u għalhekk mhux biss prodott lokalment jew għall-konsum personali. Ir-rabta qawwija tal-prodott maż-żona ta' produzzjoni tidher mill-fatt ta' kif tat spinta lill-iżvilupp tal-koperattivi ta' produzzjoni. Il-ġobon “Montasio” u t-teknika partikolari tal-produzzjoni tiegħu, infirxu malajr fil-Friuli u fil-Lvant tal-Veneto, mhux biss minħabba l-fatturi umani u t-tagħmir użat (il-koperattivi tal-ħalib il-ġodda jew it-twaqqif tal-kulleġġ tal-produzzjoni tal-ġobon), u sas-Sittinijiet kien hemm iktar minn 650 ażjenda attiva tal-ħalib. Madankollu, dan l-iżvilupp ma kienx ikun stabbli li kieku l-ambjent ma kienx bħal dak li fih infirxet it-teknika oriġinarjament.

Fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żona ta' produzzjoni, il-Lvant tal-Italja minn dejjem kien u għadu kkaratterizzat mill-ħafna xita li tagħmel fir-rebbiegħa u l-ħarifa, u dan wassal għall-firxa fil-mergħat u l-kultivazzjoni taċ-ċereali (qamħ u xgħir) li jiffurmaw id-dieta bażika tal-bhejjem. L-iżvilupp tal-qamħirrum bħala għalla u għalhekk, l-użu tiegħu fl-għalf frisk, u s-silaġġ, kisbu wkoll importanza maż-żmien. Fl-aħħar snin li għaddew, it-tkabbir tas-sojja bħala suppliment ta' proteini sar ukoll karatteristika tipika taż-żona ta' produzzjoni.

Il-karatteristika ewlenija tal-“Montasio” hija li huwa adattat ferm għall-maturazzjoni medja u fit-tul. Fil-varjetà tal-ġobon nazzjonali, il-“Montasio” huwa fost il-ġobon medjament iebes, iżda jinsab ukoll fil-kategorija rara ta' ġobon iebes li mmatura fit-tul minħabba li jista' jimmatura sa 36 xhar.

Id-daqs tal-“Montasio” hija karatteristika oħra tiegħu.

Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-“Montasio” DOP żammet l-obbligu li l-ħalib ma jkunx pasturizzat, u b'hekk jinżamm kemm jista' jkun l-ammont ta' batterji spontanji tal-ħalib prodott fiż-żona ta' produzzjoni.

Jintużaw dożi żgħar ta' aġenti ta' fermenti lattiċi (madwar 1 %), it-tisjir isir f'temperaturi baxxi (bejn 42 u 48 °C) u l-iskular u l-ippressar jagħtu l-konsistenza medjament soda lill-ġobon, b'kontenut ta' ndewwa ta' 36 % f'xahrejn (li jikkorrispondi maż-żmien minimu biex jiġi kkumerċjalizzat il-ġobon).

L-ambjent li fih jiġi żviluppat il-“Montasio” għandu karatteristiċi mikrobijoloġiċi adattati għall-iżvilupp u t-tixrid tiegħu. Il-prodott huwa kkaratterizzat mill-preżenza tal-flora mikrobika termofila li minn dejjem għamlitu uniku fost il-ġobon minħabba li jista' jiġi kkunsmat frisk (illum wara minimu ta' xahrejn peress li huwa prodott minn ħalib mhux pasturizzat) iżda jista' jimmatura għal aktar minn 36 xahar; għalhekk, dan il-ġobon għandu karatteristiċi organolettiċi, konsistenza soda, togħmiet u aromi li jvarjaw minn żmien għal żmien, propju minħabba l-batterji naturali preżenti fil-mergħa u l-għalf fiż-żona tal-produzzjoni.

Fil-fatt, wara xahrejn ta' maturazzjoni, il-“Montasio” huwa ġobon b'konsistenza medjament soda u b'togħma delikata li tfakkar fil-ħalib li ġie prodott minnu. Peress li l-maturazzjoni hija estiża u s-sustanzi jiġu konċentrati, il-“Montasio” jikseb togħmiet iktar pronunċjati u kemxejn pikkanti, u l-ġobon jissoda u jitfarrak iktar.

Bit-titjib tat-trobbija tal-annimali, it-tkabbir iktar effiċjenti tal-għelejjel u l-introduzzjoni ta' metodi ta' taħlib iktar iġeniċi, inħass il-bżonn li l-ħalib jiġi miżjud b'mikroorganiżmi utli għall-produzzjoni tal-“Montasio”. Għalhekk, bdew jintużaw fermenti ta' aċidu lattiku u aġenti ta' fermentazzjoni magħżula (b'ħafna kokkus u ftit baċilli), prattika li sussegwentement infirxet ħafna.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

It-test konsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq is-sit web: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew:

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit web tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP e IGP” (fil-parti ta' fuq tal-lemin tal-iskrin), wara fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-parti tax-xellug tal-iskrin), u fl-aħħar nett billi jagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all'esame dell'UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.