2.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/14


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2017/C 251/07)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“PAN DE CRUZ DE CIUDAD REAL”

Nru tal-UE: PGI-ES-2210 — 13.1.2017

DOP ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Indirizz:

L-assoċjazzjoni provinċjali tal-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut tal-“Pan de Ciudad Real” (AFEXPAN CIUDAD REAL)

Avda. Rey Santo, 8-2o Planta

13005 Ciudad Real

ESPAÑA

Tel.

+34 926600002 Ext. 5007

Email:

igp@afexpan.es

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat/a mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikketta

Oħrajn (speċifika)

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott tad-DOP jew tal-IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott tad-DOP jew tal-IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għalih ma kienx ġie ppubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti).

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott tal-STG rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Tikkettar

Mill-punt “8. Tikkettar”. il-paragrafi li ġejjin jitħassru mill-ispeċifikazzjonijiet:

“F’waħda mill-kwadranti tas-salib ikun hemm il-kodiċi li jikkorrispondi man-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż u fil-kwadrant l-ieħor ikun hemm tikketta bil-logo tal-IĠP “Pan de Cruz de Ciudad Real”, il-logo Ewropew tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti kif ukoll in-numru tal-kontroll individwali korrelattiv li jikkorrispondi għall-ħobż, u l-identifikazzjoni tal-entità li tiċċertifikah.”

“Is-sekwenza numerika tal-ħobż għandha tiġi amministrata u kkontrollata mill-korp ta’ ċertifikazzjoni.”

It-test l-antik tal-paragrafu dwar it-tikkettar:

“Il-ħobż kopert minn din l-Indikazzjoni Ġeografika jkun immarkat u ttikkettat biex jiġi identifikat sew b’dan il-mod:

Fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib. F’waħda mill-kwadranti tas-salib ikun hemm il-kodiċi li jikkorrispondi man-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż u fil-kwadrant l-ieħor ikun hemm tikketta bil-logo tal-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’, il-logo Ewropew tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti kif ukoll in-numru tal-kontroll individwali korrelattiv li jikkorrispondi għall-ħobż, u l-identifikazzjoni tal-entità li tiċċertifikah.

Fuq in-naħa ta’ taħt tal-ħobż, ikun hemm l-anagramma jew il-logo tal-IĠP, iffurmat minn toqob żgħar ġol-qoxra.

Is-sekwenza numerika tal-ħobż għandha tiġi amministrata u kkontrollata mill-korp ta’ ċertifikazzjoni.

Il-ħobż kopert mill-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ jitqiegħed fis-suq immarkat u ttikkettat kif ukoll f’imballaġġ f’każijiet fejn dan ikun mitlub mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

Ġustifikazzjoni:

L-emenda qed issir minħabba d-diffikultà li qed tippreżenta ruħha meta l-ħobż jiġi mmarkat bin-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż, in-numru tal-kontroll individwali u l-identifikazzjoni tal-korp taċ-ċertifikazzjoni, b’mod partikolari f’ħobż żgħir, fil-ħobż tal-libbra u fil-ħbejżiet tas-salib, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, kif ukoll minħabba d-diffikultà biex titwaħħal it-tikketta għall-użu fl-ikel ma’ ħobż li jkun għadu ħiereġ mill-forn b’temperatura ta’ 180–200 °C.

Bl-istess mod, il-konsumatur jista’ jidentifika aħjar il-“Pan de Cruz de Ciudad Real” miż-żewġ marki li jibqgħu fl-emenda proposta.

Din l-emenda hija emenda minuri billi l-prodott mhux se jiġi modifikat u se jibqa’ l-istess, bl-istess karatteristiċi. Bl-istess mod, la ż-żona ġeografika, la r-rabta u lanqas l-isem mhuma se jiġu emendati u lanqas se jiżdiedu r-restrizzjonijiet imposti fuq il-kummerċ skont l-Artikolu 53(2), biex tiġi kkunsidrata bħala emenda minuri

It-test li jissostitwixxi l-paragrafu dwar t-tikkettar:

“Biex ikun jista’ jiġi identifikat sew, il-ħobż kopert mill-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ jiġi ppreżentat lill-pubbliku b’dan il-mod:

Fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib.

Fuq in-naħa ta’ taħt ikollu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP, iffurmati minn toqob żgħar fil-qoxra.

Il-ħobż kopert mill-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ jitqiegħed fis-suq immarkat u ttikkettat kif ukoll f’imballaġġ f’każijiet fejn dan ikun mitlub mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

Konsegwenzi tal-emendi fil-kliem ta’ sezzjonijiet oħra fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-prodott.

2.   Deskrizzjoni tal-prodott

It-test l-antik:

“Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ huwa definit bħala l-ħobż magħmul minn għaġna kompatta u densa ta’ qamħ komuni, imbuzzat, b’qalba konsistenti u bajda. Għandu forma ta’ ħobża minfuħa, bil-qoxra lixxa, u fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat perpendikulari u fondi forma ta’ salib, li għalih huwa msemmi, kif ukoll il-kodiċi korrispondenti tan-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li ħmieha. Fuq in-naħa ta’ taħt ikollu l-akronimu jew il-logo tal-IĠP.”

It-test li jissostitwixxi:

“Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ jiddefinixxi ruħu bħala ħobż magħmul minn għaġna kompatta u densa ta’ qamħ abjad u b’qalba konsistenti u bajda. Għandu forma ta’ ħobża kbira minfuħa, b’qoxra lixxa, u fil-wiċċ għandu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib, li minnu jieħu ismu. Fuq in-naħa ta’ taħt għandu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP.”

5.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott

It-test l-antik:

“Il-qtugħ

Il-qtugħ ukoll isir bl-idejn. Ladarba l-ħobż jiffermenta, iridu jsirulu żewġ qatgħat perpendikulari f’forma ta’ salib fil-wiċċ.

F’waħda mill-kwadranti li jirriżultaw mill-qatgħat li ssemmew, il-ħobża tiġi mmarkata b’kodiċi li jikkorrispondi man-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż, bl-użu ta’ għodda tal-metall b’forma ta’ timbru, adattat għal dan l-iskop.”

It-test li jissostitwixxi:

“It-tqattigħ

It-tqattigħ ukoll isir bl-idejn. Ladarba l-ħobż jiffermenta, isirulu żewġ qatgħat perpendikulari f’forma ta’ salib fil-wiċċ.”

It-test l-antik:

“Id-dħul fil-forn

Dan isir bl-idejn, billi jitpoġġa fuq pala wiċċu ’l isfel, bil-kodiċi li jikkorrispondi għan-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż u l-qatgħat perpendikulari f’forma ta’ salib taħt.”

It-test li jissostitwixxi:

“Id-dħul fil-forn

Dan il-pass ukoll isir bl-idejn, billi l-ħobż diġà maqsum jitpoġġa wiċċu ’l isfel fil-forn permezz ta’ pala, bil-qatgħat perpendikulari forma tas-salib ikunu taħt.”

It-test l-antik:

“Il-ħruġ mill-forn

Il-ħobż jinħareġ mill-forn b’pala u jitpoġġa fuq karrijiet bi xkafef tal-injam biex ikun jista’ jibred u jieħu l-arja.

X’ħin jiksaħ, il-ħobż jiġi ttikkettat manwalment, skont il-punt 8 ta’ din l-ispeċifikazzjoni, u b’hekk ikun lest għall-bejgħ.”

It-test li jissostitwixxi:

“Il-ħruġ mill-forn

Il-ħobż jinħareġ mill-forn bl-istess pala u jitpoġġa fuq karrijiet bi xkafef tal-injam biex ikun jista’ jibred u jieħu l-arja.”

L-intestatura 7 tiġi aġġornata bl-istess mod.

Il-korp ta’ spezzjoni

It-test l-antik:

“Il-korp ta’ spezzjoni attwali huwa l-entità ta’ ċertifikazzjoni li ġejja:

ECOAGROCONTROL, S.L.

Carlos VII 9

13630 — Socuéllamos (C.Real)

Tel. +34 926532628 917450014

Din l-entità hija awtorizzata mill-Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha u tissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard UNE-EN 45011.”

It-test li jissostitwixxi:

“Il-korp ta’ spezzjoni attwali huwa l-entità ta’ ċertifikazzjoni li ġejja:

CERTIFOOD

C/CRISTOBAL BORDIU, 35. 4o PLANTA. OFIC. 415,

28003, Madrid, ESPAÑA

Tel. +34 917450014

Din l-entità hija awtorizzata mill-Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha u tissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard UNE-EN 45011.”

L-emenda proposta fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott taffettwa l-abbozzar tad-Dokument Uniku fil-paragrafi li ġejjin.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

It-test l-antik:

“Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Pan de Cruz de Ciudad Real” huwa definit bħala l-ħobż magħmul minn għaġna kompatta u densa ta’ qamħ komuni, imbuzzat, b’qalba konsistenti u bajda. Għandu forma ta’ ħobża minfuħa, bil-qoxra lixxa, u fil-wiċċ jkollu żewġ qatgħat perpendikulari u fondi forma ta’ salib, li għalih huwa msemmi, kif ukoll il-kodiċi korrispondenti tan-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li ħmieha. Fuq in-naħa ta’ taħt ikollu l-akronimu jew il-logo tal-IĠP.”

It-test li jissostitwixxi:

“Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Pan de Cruz de Ciudad Real” jiddefinixxi ruħu bħala ħobż magħmul minn għaġna kompatta u densa ta’ qamħ abjad u b’qalba konsistenti u bajda. Għandu forma ta’ ħobża kbira minfuħa, b’qoxra lixxa, u fil-wiċċ għandu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib, li minnu jieħu ismu. Fuq in-naħa ta’ taħt għandu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP.”

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-test l-antik:

“Il-ħobż kopert minn din l-indikazzjoni ġeografika jkun immarkat u ttikkettat biex jiġi identifikat sew b’dan il-mod:

Fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib. F’waħda mill-kwadranti tas-salib ikun hemm il-kodiċi li jikkorrispondi man-numru tar-reġistrazzjoni tal-furnar li pproduċa l-ħobż u fil-kwadrant l-ieħor ikun hemm tikketta bil-logo tal-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’, il-logo Ewropew tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti kif ukoll in-numru tal-kontroll individwali korrelattiv li jikkorrispondi għall-ħobż, u l-identifikazzjoni tal-entità li tiċċertifikah.

Fuq in-naħa ta’ taħt tal-ħobż, ikun hemm l-anagramma jew il-logo tal-IĠP, iffurmat minn toqob żgħar ġol-qoxra.”

It-test li jissostitwixxi:

“Biex ikun jista’ jiġi identifikat sew, il-ħobż kopert mill-IĠP ‘Pan de Cruz de Ciudad Real’ jiġi ppreżentat lill-pubbliku b’dan il-mod:

Fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib.

Fuq in-naħa ta’ taħt ikollu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP, iffurmati minn toqob żgħar fil-qoxra.”

B’riżultat tal-adattament tad-Dokument Uniku tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014, li ma jinkludix l-intestaturi 5.1, 5.2 u 5.3, tneħħa il-kliem tagħhom filwaqt li nżammu l-istess karatteristiċi taż-żona ġeografika, in-natura speċifiċika tal-prodott u r-rabta kawżali.

It-test l-antik:

“5.1.   Karattru speċifiku taż-żona ġeografika

Il-klima taż-żona ġeografika, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ temperaturi u l-umdità, tippermetti li l-fermentazzjoni ssir ġeneralment f’temperatura tal-kamra, b’temperatura u umdità relattiva tal-arja tal-kamra tal-fermentazzjoni, rispettivament, ta’ bejn 26 u 30 °C u bejn 40 u 45 % ta’ umdità relattiva tal-arja.

Il-metodu ta’ produzzjoni artiġjanali tal-ħobż ‘Pan de la Cruz de Ciudad Real’ ta’ reputazzjoni magħrufa, għandu l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

Il-forma u l-qtugħ magħmula bl-idejn, bħalma huwa l-qtugħ f’forma ta’ salib fil-wiċċ, u t-toqob tal-marka fuq in-naħa ta’ taħt u l-ħin ta’ bejn 10 u 15-il minuta li matulhom jitħalla joqgħod il-ħobż qabel jiddaħħal fil-forn bil-qatgħa ta’ forma tas-salib wiċċha ’l isfel.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-ħobż huwa ta’ għaġna kompatta u densa, b’qoxra lixxa, ratba u ħoxna, qalba iebsa u bajda, b’aroma qawwija ta’ ċereali, u fil-palat għandha togħma pjaċevoli u kemm kemm ħelwa.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-metodu ta’ preparazzjoni ddefinixxa ruħu matul sekli ta’ tradizzjoni tal-preparazzjoni tal-ħobż.

Il-karatteristika prinċipali tal-metodu ta’ preparazzjoni partikolari, u fil-biċċa l-kbira tiegħu artiġjanali, ta’ dan il-ħobż, hija l-qatgħa f’forma ta’ salib li ssir biex il-qoxra ma tinfaqax waqt li tkun qiegħda ssir. Bl-istess mod, il-proċess ta’ fermentazzjoni jadatta ruħu għall-kondizzjonijiet tal-umdità u t-temperatura taż-żona.

Din is-sistema ta’ produzzjoni ħolqot ħobż speċjali b’karatteristiċi elenkati fil-punt 5.2.”

It-test li jissostitwixxi:

“Il-klima taż-żona ġeografika, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ temperaturi u umdità, tippermetti li l-fermentazzjoni ġeneralment issir f’temperatura tal-kamra, b’temperatura u umdità relattiva tal-arja tal-kamra tal-fermentazzjoni, jiġifieri bejn 26 u 30 °C u bejn 40 u 45 % ta’ umdità relattiva tal-arja, rispettivament.

Il-metodu ta’ produzzjoni artiġjanali tal-ħobż b’reputazzjoni magħrufa ‘Pan de la Cruz de Ciudad Real’, għandu l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

Il-forma u l-qtugħ magħmula bl-idejn, bħalma huwa l-qtugħ f’forma ta’ salib fil-wiċċ, u t-toqob tal-marka fuq in-naħa ta’ taħt u l-ħin ta’ bejn 10 u 15-il minuta li matulhom jitħalla joqgħod il-ħobż qabel jiddaħħal fil-forn bil-qatgħa ta’ forma tas-salib wiċċha ’l isfel.

Dan il-metodu speċjali tal-produzzjoni li fil-parti l-kbira tiegħu huwa artiġjanali, għandu bħala l-karatteristika prinċipali tiegħu l-qatgħat forma ta’ salib u l-ħami fil-forn li ma jħallix il-qoxra tal-ħobż tinqasam. Jirriżulta f’ħobża kompatta u densa, b’qoxra lixxa, ratba u ħoxna, b’qalba soda u bajda, b’aroma qawwija ta’ ċereali u b’togħma pjaċevoli u kemxejn ħelwa.”

6.   Speċifiċità aġġornata tal-prodott (għal DOP u IĠP biss)

http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/Pliego_Condiciones_IGP_PdeCMod_20160509_II.pdf

DOKUMENT UNIKU

“PAN DE CRUZ DE CIUDAD REAL”

Nru tal-UE: PGI-ES-2210 — 13.1.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Pan de Cruz de Ciudad Real”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Spanja.

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.3. Ħobż, pasti, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnar

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Pan de Cruz de Ciudad Real” jiddefinixxi ruħu bħala ħobż magħmul minn għaġna kompatta u densa ta’ qamħ abjad u b’qalba konsistenti u bajda. Għandu forma ta’ ħobża kbira minfuħa, b’qoxra lixxa, u fil-wiċċ għandu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib, li minnu jieħu ismu. Fuq in-naħa ta’ taħt għandu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP.

Il-karatteristiċi partikolari tal-ħobż huma dawn li ġejjin:

Isir minn għaġina iebsa magħmula minn dqiq abjad li l-indiċi tiegħu huma: W bejn 140–200; u P/L bejn 0,5–1,0).

Il-forma tiegħu għat-tond u ċċattjata, bil-qoxra.

Il-qoxra ħoxna bejn wieħed u żewġ millimetri, ratba u tqarmeċ, ta’ kulur li jvarja minn dehbi għall-qastni ċar u b’togħma ta’ ċereal mixwi.

Il-qalba: ta’ kulur abjad, ta’ għamla ratba, qisha sponża, konsistenti, mingħajr toqob u b’dehra tixbah lill-qoton.

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-ħobż huma dawn li ġejjin: il-qalba b’aroma qawwija ta’ ċereali, b’togħma pjaċevoli u kemxejn ħelwa, il-qoxra ratba u tqarmeċ u fil-palat tagħti togħma ta’ ċereal mixwi. F’kundizzjonijiet normali ta’ konservazzjoni, il-“Pan de Cruz de Ciudad Real” iżomm tajjeb għall-konsum għal sitta jew sebat ijiem.

Ma għandux moffa, l-ebda residwi anomali, jew xi materja stramba.

Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 30 % u l-aċidità tal-ħobża tkun bejn pH 5 u 7.

Il-ħobż isir f’forma ta’ ħobża kbira (750–850 g), ħobża żgħira (550–650 g), ħobża tal-libbra (310–410 g) u ħbejżiet tas-salib (115–135 g.)

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Dqiq abjad, li l-indiċi tiegħu huwa: W bejn 140–200; u P/L bejn 0,5–1,0).

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess ta’ preparazzjoni tal-ħobż kopert mill-IĠP “Pan de Cruz de Ciudad Real” isir esklussivament bi dqiq tal-qamħ abjad, ilma, melħ, ħmira naturali u aġenti tat-titjib tal-ikel u addittivi awtorizzati. Il-karatteristiċi tad-dqiq irid ikollhom dawn l-indiċi: W bejn 140–200 u P/L bejn 0,5–1,0).

L-indiċi medju ta’ trasformazzjoni huwa ta’ 110–125 kg ta’ ħobż għall kull 100 kg ta’ dqiq, skont il-piż ta’ kull ħobża.

Il-proċess ta’ preparazzjoni tal-ħobż kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pan de Cruz de Ciudad Real”, irid jgħaddi mill-fażijiet li ġejjin:

1.   L-għaġna.

Issir bl-użu ta’ magna li tagħġen, u tintgħaġen għal ħin biżżejjed biex tinkiseb għaġina omoġenja, bejn 20 u 30 minuta skont it-tip ta’ magna użata, filwaqt li jrid ikun żgurat li t-taħlita ma tinħariġx mill-magna meta t-temperatura tkun aktar minn 24–25 °C.

2.   L-irfinar.

Permezz ta’ magna tal-irfinar, preferibbilment waħda bil-paletti, fejn l-għaġina tgħaddi għal diversi drabi minn bejn paletti sakemm tiġi fina u tiġġebbed.

3.   L-użin.

Ladarba huwa ħobż aritġjanali, l-użin isir b’apparat tal-kejl tal-volum, b’miżien elettroniku jew bi tqassim tal-volum. L-użin tal-għaġna huwa ppreżentat fi grammi, biex wieħed jkun jista’ jottjeni d-diversi għamliet ta’ ħobż kif ġej: Ħobża kbira, li tiżen bejn 900 g u 1 000 g; Ħobża żgħira, li tiżen bejn 660 g u 760 g; Ħobża tal-libbra, li tiżen bejn 370 g u 470 g, Ħbejża tas-salib, li tiżen bejn 150 g u 180 g.

4.   L-ifformar.

Dan isir bl-idejn, billi l-għaġina tiġi ffurmata qisha ballun ta’ forma konika, mingħajr ma jitħalla ebda residwu jaqbad magħha. Imbagħad tiġi ċċattjata sakemm tifforma ċirku u tinfetaħ iktar ’il barra. L-għan huwa li jitkabbar iċ-cirku u t-truf jirqaqu, filwaqt li n-nofs jibqa’ għoli.

5.   Il-fermentazzjoni.

Ladarba l-ħobż ikun iffurmat, jitpoġġa fuq twavel u jitgħatta b’għata tal-għażel jew xi drapp simili, biex tibda l-fermentzzjoni f’temperatura tal-kamra u tifforma l-qoxra fina. It-temperatura u l-umdità relattiva tal-arja tal-kamra tal-fermentazzjoni jkunu bejn 26 u 30 °C, u bejn 40 u 45 % ta’ umdità. Il-ħin tal-fermentazzjoni jvarja bejn siegħa u 20 minuta u sagħtejn u 20 minuta, skont it-temperatura eżistenti tal-kamra.

6.   It-tqattigħ.

It-tqattigħ ukoll isir bl-idejn. Ladarba l-ħobż jiffermenta, isirulu żewġ qatgħat perpendikulari f’forma ta’ salib fil-wiċċ. Imbagħad tiġi mmarkata n-naħa l-oħra, jew in-naħa ta’ taħt tal-ħobża, bil-logo indentifikattiv tal-IĠP “Pan de Cruz de Ciudad Real”. Id-daqs tal-logo huwa ta’ dijametru ta’ 6 ċentimetri għall-ħobża l-kbira u għaż-żgħira, u ta’ 4 ċentimetri għall-ħobża tal-libbra u għall-ħbejża tas-salib. Wara dan, il-ħobża titħalla toqgħod bejn 10 minuti u 15-il minuta biex il-qatgħat isiru konsistenti hi u tifforma l-qoxra.

7.   Id-dħul fil-forn

Dan isir bl-idejn, billi jitpoġġa fuq pala wiċċu ’l isfel.

8.   Il-ħami jew it-tisjir fil-forn

Dan il-ħobż isir fi fran li għandhom qigħan u ġnub ta’ materjal li jiflaħ għas-sħana. Il-ħin tat-tisjir huwa bejn 30 u 50 minuta. Fl-ewwel 15-il minuta, it-temperatura tal-forn trid tkun ta’ 250 °C, filwaqt li għall-15 sa 35 minuta li jibqa’, it-temperatura trid titniżżel sa 200 °C.

9.   Il-ħruġ mill-forn.

Il-ħobż jinħareġ mill-forn bil-pala u jitpoġġa fuq xkafef tal-injam biex ikun jista’ jibred u jieħu l-arja. X’ħin jiksaħ, il-ħobż ikun lest biex jitqassam.

Il-kontenut massimu ta’ ndewwa huwa 30 % u l-aċidità tal-ħobża tkun bejn pH 5 u 7.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-ħobż kopert minn din l-Indikazzjoni Ġeografika jkun immarkat u ttikkettat biex jiġi identifikat sew b’dan il-mod:

Fil-wiċċ ikollu żewġ qatgħat fondi u perpendikolari f’forma ta’ salib.

Fuq in-naħa ta’ taħt ikollu l-anagramma jew il-logo tal-IĠP, iffurmati minn toqob żgħar fil-qoxra.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ preparazzjoni tal-ħobż kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pan de Cruz de Ciudad Real” hija mifruxa fuq il-muniċipji kollha tal-provinċja ta’ Ciudad Real.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-klima taż-żona ġeografika, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ temperaturi u umdità, tippermetti li l-fermentazzjoni ġeneralment issir f’temperatura tal-kamra, b’temperatura u umdità relattiva tal-arja tal-kamra tal-fermentazzjoni, jiġifieri bejn 26 u 30 °C u bejn 40 u 45 % ta’ umdità relattiva tal-arja, rispettivament.

Il-metodu ta’ produzzjoni artiġjanali tal-ħobż b’reputazzjoni magħrufa “Pan de la Cruz de Ciudad Real”, għandu l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

Il-forma u l-qtugħ magħmula bl-idejn, bħalma huwa l-qtugħ f’forma ta’ salib fil-wiċċ, u t-toqob tal-marka fuq in-naħa ta’ taħt u l-ħin ta’ bejn 10 u 15-il minuta li matulhom jitħalla joqgħod il-ħobż qabel jiddaħħal fil-forn bil-qatgħa ta’ forma tas-salib wiċċha ’l isfel.

Dan il-metodu speċjali tal-produzzjoni li fil-parti l-kbira tiegħu huwa artiġjanali, għandu bħala l-karatteristika prinċipali tiegħu l-qatgħat forma ta’ salib u l-ħami fil-forn li ma jħallix il-qoxra tal-ħobż tinqasam. Jirriżulta f’ħobża kompatta u densa, b’qoxra lixxa, ratba u ħoxna, b’qalba soda u bajda, b’aroma qawwija ta’ ċereali u b’togħma pjaċevoli u kemxejn ħelwa.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/Pliego_Condiciones_IGP_PdeCMod_20160509_II.pdf


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.