6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/6


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Lulju 2016

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39824 — Trakkijiet)

(notifikat permezz tad-dokument C(2016) 4673)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2017/C 108/05)

Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet li ġejjin: MAN SE, MAN Truck & Bus AG, MAN Truck & Bus Deutschland GmbH (flimkien “MAN”); Daimler AG (minn hawn ‘il quddiem “Daimler”); Fiat Chrysler Automobiles N.V., CNH Industrial N.V., Iveco S.p.A., Iveco Magirus AG (flimkien “Iveco”); AB Volvo (publ), Volvo Lastvagnar AB, Renault Trucks SAS, Volvo Group Trucks Central Europe GmbH, (flimkien “Volvo/Renault”); PACCAR Inc., DAF Trucks Deutschland GmbH, DAF Trucks N.V., DAF (flimkien “DAF”).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

Wara applikazzjoni għall-immunità mingħand MAN fl-20 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-binjiet tal-produtturi tat-trakkijiet bejn it-18 u l-21 ta’ Jannar 2011. Fit-28 ta’ Jannar 2011, Volvo/Renault applikaw għal tnaqqis fil-multi, segwiti minn Daimler fl-10 ta’ Frar 2011, fl-10:00 am, u Iveco fl-10 ta’ Frar 2011, fl-22:22 pm.

(4)

Fl-20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra DAF, Daimler, Iveco, MAN, Volvo/Renault, u adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, li hija nnotifikat lil dawn l-entitajiet.

(5)

Wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, id-Destinatarji resqu lejn il-Kummissjoni b’mod informali u talbu li l-każ jitkompla fil-qafas tal-proċedura ta’ riżolviment. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tvara proċedimenti ta’ riżolviment għal dan il-każ wara li kull wieħed mid-destinatarji kien ikkonferma r-rieda tiegħu li jinvolvi ruħu f’diskussjonijiet ta’ riżolviment. Sussegwentement, MAN, DAF, Daimler, Volvo/Renault u Iveco ressqu t-talba formali ta’ riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2).

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-18 ta’ Lulju 2016 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fid-19 ta’ Lulju 2016.

2.2.   Destinatarji u durata

(7)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw f’kollużjoni u/jew iġorru r-responsabilità għaliha, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 101 tat-Trattat, matul il-perjodi indikati hawn taħt: Permezz tal-applikazzjoni tal-Punt 26 tal-Linji Gwida dwar il-Multi, Volvo/Renault ngħatat immunità parzjali għall-perjodu mis-17 ta’ Jannar 1997 sal-15 ta’ Jannar 2001.

Entità

Durata

MAN SE,

MAN Truck & Bus AG,

MAN Truck & Bus Deutschland GmbH

17 ta’ Jannar 1997 – 20 ta’ Settembru 2010

Daimler AG

17 ta’ Jannar 1997 – 18 ta’ Jannar 2011

Fiat Chrysler Automobiles N.V.,

CNH Industrial N.V.,

Iveco SpA,

Iveco Magirus AG

17 ta’ Jannar 1997 – 18 ta’ Jannar 2011

AB Volvo (publ),

Volvo Lastvagnar AB,

Renault Trucks SAS,

Volvo Group Trucks Central Europe GmbH

17 ta’ Jannar 1997 – 18 ta’ Jannar 2011

PACCAR Inc.

DAF Trucks Deutschland GmbH,

DAF Trucks N.V.

17 ta’ Jannar 1997 – 18 ta’ Jannar 2011

2.3.   Sommarju tal-ksur

(8)

Il-prodotti kkonċernati mill-ksur huma trakkijiet li jiżnu bejn 6 tunnellati u 16-il tunnellata (“trakkijiet medji”) u trakkijiet li jiżnu ‘l fuq minn 16-il tunnellata (“trakkijiet tqal”), kemm bħala trakkijiet riġidi, kif ukoll trakkijiet tratturi (minn hawn ‘l hemm, trakkijiet medji u tqal se jissejħu “trakkijiet” b’mod kollettiv) (3). Dan il-każ ma jirrigwardax servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħrajn u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħrajn.

(9)

Il-ksur kien jikkonsisti f’arranġamenti kollużivi dwar ipprezzar u żidiet fil-prezzijiet grossi fiż-ŻEE għat-trakkijiet; u t-twaqqit tal-kostijiet għall-introduzzjonijiet ta’teknoloġiji tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa għall-istandards EURO 3 sa 6, u kif dawn il-kostijiet intirtu. Il-kwartieri ġenerali tad-destinatarji kienu direttament involuti fid-diskussjoni dwar il-prezzijiet, iż-żidiet fil-prezz u l-introduzzjoni ta’ standards ta’ emissjonijiet ġodda sal-2004. Sa mill-inqas Awwissu 2002 ‘l hemm, id-diskussjonijiet saru permezz ta’ sussidjarji Ġermaniżi li, min inqas u min iktar, kienu jirrappurtaw lill-Kwartieri Ġenerali tagħhom. Dan l-iskambju kien isir kemm fuq livell multilaterali kif ukoll dak bilaterali.

(10)

Dawn l-arranġamenti kollużivi kienu jinkludu ftehimiet u/jew prattiċi miftiehma dwar l-ipprezzar u żidiet fil-prezzijiet grossi sabiex il-prezzijiet grossi fiż-ŻEE jiġu allinjati, u t-twaqqit u l-wirt tal-kostijiet għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet meħtieġa mill-istandards EURO 3 sa 6.

(11)

Il-ksur kopra ż-ŻEE kollha, u dam għaddej mis-17 ta’ Jannar 1997 sat-18 ta’ Jannar 2011.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 (4). Bl-eċċezzjoni ta’ MAN, id-Deċiżjoni timponi multi fuq l-entitajiet kollha elenkati taħt il-paragrafu(7) hawn fuq.

2.4.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(13)

Meta stabbiliet il-multi, il-Kummissjoni qieset il-bejgħ, min-naħa tal-impriżi, ta’ trakkijiet tqal u medji (kif definiti fil-paragrafu (8)) fiż-ŻEE fl-aħħar sena qabel ma spiċċa l-ksur; il-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet hija waħda mill-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ħsara; it-tul ta’ żmien tal-ksur; is-sehem mis-suq għoli tad-destinatarji fis-suq Ewropew għal trakkijiet tqal u medji; il-fatt li l-ksur kopra ż-ŻEE kollha, u ammont addizzjonali biex inaffar lill-impriżi milli jidħlu fi prattiċi ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(14)

Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkostanza aggravanti jew mitiganti.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza

(15)

MAN ingħatat l-immunità sħiħa mill-multi. Volvo/Renault ingħatat roħs ta’ 40 % mill-multa tagħha, Daimler ingħatat roħs ta’ 30 %, u Iveco ngħatat roħs ta’ 10 %.

2.4.4.   Applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment

(16)

B’riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji kollha tnaqqas b’10 % oħra.

3.   KONKLUŻJONI

(17)

Il-multi li ġejjin kienu imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(a)

EUR 0

in solidum fuq MAN SE, MAN Truck & Bus AG u MAN Truck & Bus Deutschland GmbH

(b)

EUR 670 448 000

in solidum fuq AB Volvo (publ), Volvo Lastvagnar AB u Renault Trucks SAS li minnhom,

Volvo Group Trucks Central Europe GmbH tinżamm responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 468 855 017 .

(c)

EUR 1 008 766 000

fuq Daimler AG

(d)

EUR 494 606 000

fuq Iveco SpA., li minnhom:

(1)

Fiat Chrysler Automobiles N.V. tinżamm responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 156 746 105 ,

(2)

Fiat Chrysler Automobiles N.V. u Iveco Magirus AG jinżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 336 119 346 u

(3)

CNH Industrial N.V. u Iveco Magirus AG jinżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 1 740 549 .

(e)

EUR 752 679 000

in solidum fuq PACCAR Inc. u DAF Trucks N.V. li minnhom

DAF Trucks Deutschland GmbH tinżamm responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 376 118 773 .


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(3)  It-trakkijiet għall-użu militari huma esklużi.

(4)  Linji gwida dwar il-metodu ta' kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).