6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/223


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju

(2017/C 417/36)

INTRODUZZJONI

1.

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju”, magħruf ukoll bħala l-“Europol”), li jinsab fl-Aja, ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (2009/371/ĠAI) (1). L-objettiv tal-Uffiċċju hu li jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija u ta' servizzi oħra ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar, it-terroriżmu u forom ta’ kriminalità li jolqtu interess komuni kopert minn politika tal-Unjoni.

2.

It-Tabella tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Uffiċċju (2).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-Uffiċċju

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

95

104

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (3)

666

737

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta' superviżjoni u kontroll tal-Uffiċċju. Dan huwa ssupplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta' awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Uffiċċju, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Uffiċċju għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu, il-flussi tal-flus tiegħu, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta' dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta' standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Uffiċċju jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Uffiċċju li jkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma' negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta' negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta' rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Uffiċċju jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta' kwittanza rispettivi oħra b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta' konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta' dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontrolli interni. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Uffiċċju għall-ġbir ta' tariffi u ta' introjtu ieħor, jekk ikun il-każ.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta' pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta' pagamenti minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Uffiċċju jaċċetta l-ġustifikazzjoni billi japprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Uffiċċju kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (6).

16.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

17.

Bħal fis-snin preċedenti, ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f’ammont ta’ EUR 3,5 miljun, jiġifieri 39 % (2015: EUR 4,2 miljun, jiġifieri 41 %). Dawn prinċipalment jikkonċernaw in-nefqa għall-kwartieri ġenerali tal-Uffiċċju li saret fl-2016, u li se tiġi fatturata mill-Istat Ospitanti fl-2017 (EUR 2 miljun).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

18.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-19 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(2)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Uffiċċju hija disponibbli fuq is-sit web tiegħu: www.europol.europa.eu

(3)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Uffiċċju.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Ġew irreġistrati eċċezzjonijiet u devjazzjonijiet għal 7 % tal-pagamenti tal-2011.

Ikkompletata

2015

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati huma għoljin għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f’ammont ta’ EUR 4,2  miljun, jiġifieri 41 % (2014: EUR 1,9  miljun, jiġifieri, 27 %). Dawn prinċipalment jikkonċernaw xogħlijiet relatati mal-bini, bħal titjib funzjonali u titjib tekniku tal-kmamar operazzjonali fil-kwartieri ġenerali tal-Uffiċċju (EUR 1,5  miljun) jew manutenzjoni preventiva/korrettiva u xogħlijiet addizzjonali (EUR 0,8  miljun). Dawn ix-xogħlijiet kienu għadhom għaddejjin jew il-fatturi kienu għadhom ma waslux sa tmiem l-2015.

M/A


IR-RISPOSTA TAL-EUROPOL

18.

L-Europol tieħu nota tal-kumment tal-QEA u se tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura implimentazzjoni ta' baġit effiċjenti u konformi, speċjalment fir-rigward ta' riporti b'relazzjoni man-nefqa amministrattiva. Minħabba x-xogħol fir-rigward tal-kwartieri ġenerali tal-Europol li qiegħed isir taħt l-awtorità tal-Istat Ospitanti bħala parti esterna, il-ġestjoni tal-kostijiet relatati mal-bini hija mistennija taffettwa wkoll is-snin finanzjarji fil-ġejjieni. Dan huwa minħabba l-istabbiliment amministrattiv inerenti, li l-Europol tirċievi l-fatturi relatati wara li l-Istat Ospitanti jkun ikkoordina mal-kuntratturi rilevanti fil-livell nazzjonali.