6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/87


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 flimkien mar-risposta tal-Awtorità

(2017/C 417/13)

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Bankarja Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EBA”), li tinsab f’Londra, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta żviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-depożitur u tal-investitur.

2.

It-Tabella tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Awtorità (2).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-Awtorità

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

33,4

36,5

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (3)

156

161

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Awtorità għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fil-31 ta’ Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Awtorità, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Awtorità jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Awtorità li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontrolli interni. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Awtorità għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor, jekk ikun il-każ.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Awtorità taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, aħna qisna x-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Awtorità kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (6).

Osservazzjonijiet

16.

Mingħajr ma tixħet dubju fuq l-opinjoni tagħha, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu se jiġi nnegozjat. Il-kontijiet proviżorji u n-noti relatati tal-Awtorità, li tinsab f’Londra, tħejjew bl-użu tal-informazzjoni limitata disponibbli fid-data tal-iffirmar (it-28 ta’ Frar 2017).

17.

Bil-ħsieb tad-deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu dwar ir-rilokazzjoni tal-Awtorità fil-futur, hija ddivulgat bħala obbligazzjonijiet kontinġenti fir-Rapporti Finanzjarji, l-ispiża residwa tagħha ta’ EUR 14-il miljun relatata mal-kuntratt għal-lokazzjoni tal-uffiċċju (bis-suppożizzjoni li dan jiġi kkanċellat sa tmiem l-2020), kif ukoll il-fatt li hemm spiża potenzjali oħra assoċjata ma’ dan l-ispostament, bħal pereżempju r-rilokazzjoni tal-persunal flimkien mal-familji tagħhom, li għad ma tistax issir stima tagħha. Barra minn hekk, perċentwal ta’ 40 % tal-baġit tal-Awtorità huwa ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li perċentwal ta’ 60 % huwa ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE. Huwa possibbli li, fil-futur, id-dħul tal-Awtorità jonqos b’riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

18.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(2)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.eba.europa.eu

(3)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Awtorità.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Sabiex tkopri tariffi ogħla tal-iskola, l-Awtorità tagħti lill-persunal li t-tfal tagħhom jattendu l-iskola primarja jew sekondarja kontribuzzjoni għall-edukazzjoni barra mill-allowances għall-edukazzjoni previsti fir-Regolamenti tal-Persunal. Il-kontribuzzjonijiet totali għall-edukazzjoni fl-2012 ammontaw għal madwar EUR 76 000 . Dawn mhumiex koperti mir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk huma irregolari.

Għadha għaddejja (1)

2015

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu għoljin f’ammont ta’ EUR 1 487 794 , jiġifieri 28 % tat-total tal-approprjazzjonijiet impenjati taħt dan it-Titolu (2014: EUR 3 431 070 , jiġifieri 48 %). Dawn jinkludu kwistjoni mhux riżolta rigward il-VAT pendenti li għandha titħallas fuq l-imposta tal-ibbilanċjar, tal-binja l-ġdida tal-Awtorità u fattura li tikkonċerna r-rati tan-negozju mill-Uffiċċju tal-Valwazzjonijiet tar-Renju Unit (valur ikkombinat ta’ EUR 538 938 ).

M/A

2015

Ġew innutati dgħufijiet fl-istimar tal-ħtiġijiet tal-IT, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw servizzi esternalizzati, li jaffettwaw il-ġestjoni baġitarja ta’ spejjeż relatati mill-Awtorità.

M/A


(1)  Sa tmiem l-2016, l-Awtorità kienet iffirmat kuntratti ma’ 23 skola li fihom jattendu t-tfal ta’ membri tal-persunal tagħha.


IR-RISPOSTA TAL-AWTORITÀ

L-Awtorità ħadet nota tar-rapport tal-Qorti.