6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/63


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2017/C 417/09)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EACEA”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2013/776/UE (1) li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2009/336/KE. Il-kompitu tal-Aġenzija huwa l-ġestjoni ta’ programmi li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura, inkluż it-twettiq tal-implimentazzjoni dettaljata ta’ proġetti tekniċi.

2.

It-Tabella tippreżenta ċ-ċifri ewlenin għall-Aġenzija (2).

Tabella

Iċ-ċifri ewlenin għall-aġenzija

 

2015

2016

Baġit (miljun EUR)

46,9

49,1

Total tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru (3)

441

442

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

OPINJONI

4.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet,

kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet tal-Aġenzija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fil-31 ta’ Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni. Dawn huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

6.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Pagamenti

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

7.

Fl-opinjoni tagħna, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Responsabbiltajiet tal-maniġment u ta’ dawk inkarigati mill-governanza

8.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-maniġment tal-Aġenzija jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet.

9.

Fit-tħejjija tal-kontijiet, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-Aġenzija li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga, kif applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat.

10.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-entità.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

11.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew lil awtoritajiet ta’ kwittanza rispettivi oħra b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li awditu dejjem se jaqbad dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet.

12.

Awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi, iżda mhux bl-iskop li tingħata opinjoni dwar l-effettività tal-kontrolli interni. Awditu jinkludi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi li jsiru mill-maniġment, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Għad-dħul, aħna nivverifikaw is-sussidju li jiġi riċevut mingħand il-Kummissjoni u nivvalutaw il-proċeduri tal-Aġenzija għall-ġbir ta’ tariffi u ta’ introjtu ieħor.

14.

Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati meta r-riċevitur tal-fondi jipprovdi ġustifikazzjoni għall-użu xieraq tagħhom u l-Aġenzija taċċetta l-ġustifikazzjoni billi tapprova l-pagament bil-quddiem, sew jekk fl-istess sena u sew jekk aktar tard.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

16.

Hi u twettaq l-inventarju annwali tal-assi tagħha fl-2016, l-Aġenzija ma setgħetx issib 46 oġġett ta’ tagħmir tal-IT b’valur totali tal-akkwiżizzjoni inizjali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 22 000, li jindika dgħufijiet fis-salvagwardja tal-assi.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

17.

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu III (appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija) f’ammont ta’ EUR 2,3 miljun, jiġifieri 47 % (2015: EUR 2,8 miljun, jiġifieri 50 %). Dawn huma prinċipalment relatati ma’ awditi ta’ proġetti li għadhom għaddejjin (EUR 0,8 miljun) u ma’ servizzi tal-IT (EUR 0,9 miljun) li ġew ordnati fl-2016 iżda li kienu għadhom ma ġewx fatturati sa tmiem is-sena, jew li mhumiex se jiġu pprovduti qabel l-2017.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

18.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni korrettiva li ttieħdet b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Settembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  ĠU L 343, 19.12.2013, p. 46.

(2)  Aktar informazzjoni dwar il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija hija disponibbli fuq is-sit web tagħha: www.eacea.ec.europa.eu.

(3)  Il-persunal jinkludi uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati.

Sors: data pprovduta mill-Aġenzija.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu r-rapporti li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni.


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kummenti tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2015

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu III (appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija) f’ammont ta’ EUR 2,8 miljun, jiġifieri 50 % (2014: EUR 3,2 miljun, jiġifieri 56 %). Dawn huma prinċipalment relatati ma’ awditi ta’ proġetti li għadhom għaddejjin (EUR 1 miljun), servizzi tal-IT (EUR 0,8 miljun), servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni u pubblikazzjoni (EUR 0,5 miljun) kif ukoll traduzzjonijiet (EUR 0,2 miljun) li ġew ordnati fl-2015 iżda li kienu għadhom ma ġewx fatturati sa tmiem is-sena jew li mhumiex se jiġu pprovduti qabel l-2016.

M/A


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

16.

Il-valur tal-oġġetti tal-IT mhux misjuba matul l-eżerċizzju ta’ inventarju 2015/2016 jammonta biss għal 0,64 % tal-valur tal-oġġetti tal-IT kollha, li huwa konformi mar-riżultati ta’ snin preċedenti. Għandu jiġi nnotat li l-valur tal-ktieb residwu tal-oġġetti mhux misjuba huwa ferm iktar baxx (madwar EUR 8 000) mill-ispejjeż tal-kisba inizjali.

L-Aġenzija ser tkompli l-eżerċizzji ta’ inventarju regolari tagħha fejn tiżgura s-salvagwardja tal-assi.

17.

L-Aġenzija tieħu nota tal-kummenti tal-Qorti. L-Aġenzija ser tkompli bl-isforzi stabbiliti biex tikkontrolla r-rata ta’ riporti.