Brussell,20.12.2017

COM(2017) 830 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni u għandu, jekk huwa hekk jiddeċiedi, jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea.

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Fid-29 ta’ April 2017, il-Kunsill Ewropew adotta linji gwida li jiddefinixxu l-qafas għal negozjati skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jistipulaw il-prinċipji ġenerali li se ssegwi l-Unjoni matul in-negozjati.

Fil-5 ta' April 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit għal ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea u adotta direttivi għan-negozjar ta’ ftehim (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017”).

Il-ftuħ tan-negozjati seħħ fid-19 ta' Ġunju 2017. B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill, l-ewwel fażi tan-negozjati ffukaw fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju, il-kwistjonijiet relatati mal-gżira tal-Irlanda, kwistjonijiet oħrajn ta' separazzjoni, u l-governanza tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Fit-3 ta' Ottubru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti tan-negozjati mar-Renju Unit.

Filwaqt li nnota l-progress li sar sa dak il-punt, fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew appella biex tissokta l-ħidma bil-ħsieb tal-konsolidazzjoni tal-konverġenza miksuba u t-tkomplija tan-negozjati sabiex ikun possibbli li jgħaddu għat-tieni fażi tan-negozjati kemm jista' jkun malajr. Il-Kunsill Ewropew b'hekk stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bħala negozjaturi tal-Unjoni biex jibdew diskussjonijiet preparatorji interni inkluż dwar l-arranġamenti tranżitorji possibbli.

Fit-13 ta' Diċembru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti tan-negozjati mar-Renju Unit.

Fuq il-bażi:

tar-rakkomandazzjoni li saret mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2017 1  

tar-Rapport Konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2017, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuqu,

il-Kunsill Ewropew, tal-15 ta' Diċembru 2017, laqa' l-progress miksub fl-ewwel fażi tan-negozjati u ddeċieda li kien biżżejjed biex jgħaddu għat-tieni fażi relatata mat-tranżizzjoni u l-qafas għar-relazzjonijiet futuri. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni u lir-Renju Unit biex ilestu l-ħidma dwar il-kwistjonijiet kollha tal-ħruġ, inkluż dawk li għadhom ma ġewx indirizzati fl-ewwel fażi, b'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017, biex ir-riżultati miksuba jkunu kkonsolidati, u biex jibda l-abbozzar tal-partijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huwa enfasizza wkoll li n-negozjati fit-tieni fażi jistgħu jipproċedu biss sakemm l-impenji kollha meħuda fl-ewwel fażi jkunu rispettati bis-sħiħ u jiġu tradotti fedelment f'termini ġuridiċi malajr kemm jista’ jkun.

Matul it-tieni fażi tan-negozjati, fid-dawl tan-natura speċifika tal-kwistjonijiet relatati mal-gżira tal-Irlanda, jenħtieġ li l-ħidma dwar l-arranġamenti dettaljati meħtieġa biex jidħlu fis-seħħ il-prinċipji u l-impenji stabbiliti fir-Rapport Konġunt ikomplu f'qasam distint, u xi wħud minnhom jiġu tradotti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, filwaqt li oħrajn ikunu fil-qafas għar-relazzjonijiet futuri.

Drittijiet fundamentali

Skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Dawn id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji se jkomplu jiġu kompletament ippreservati u protetti fl-Unjoni, kemm matul il-proċess ta’ negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż kull arranġament tranżitorju, kif ukoll wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Bażi ġuridika

Ir-Renju Unit innotifika l-ħsieb tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. B'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ. L-arranġamenti tranżitorji jistgħu jiġu stipulati biss fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Huwa mfakkar li skont l-Artikolu 106(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea japplika wkoll għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi għalih, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u tinnomina lill-Unjoni bħala negozjatur. Id-deċiżjoni tal-Kunsill li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 għandha tiġi adottata bl-istess proċedura.

Għażla tal-istrument

Skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi nnegozjat ftehim mar-Renju Unit li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tinnomina lin-negozjatur tal-Unjoni u li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-istrument xieraq biex jissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Rakkomandazzjoni preżenti mhux mistenni li jkollha implikazzjonijiet għall-baġit, sa fejn jikkonċerna l-proċess ta' negozjar. Huwa mfakkar li l-implikazzjonijiet għall-baġit tal-ftehim skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea se jkunu spjegati meta jiġu ppreżentati l-proposti rilevanti dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

4.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill rakkomandata jissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 sabiex jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim mar-Renju Unit li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, għal kull kwistjoni relatata mal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit li jifdal u għal kull arranġament tranżitorju neċessarju.

Pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni u tad-Direttivi ta’ Negozjati stabbiliti fl-Anness

Fir-rigward tad-direttivi ta' negozjati preċedenti, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jippubblika d-Deċiżjoni li tissuplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-direttivi ta’ negozjati supplimentari stipulati fl-Anness tagħha.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattati, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ April 2017, il-Kunsill Ewropew adotta linji gwida li jiddefinixxu l-qafas għal negozjati skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jistipulaw il-prinċipji ġenerali li se ssegwi l-Unjoni matul in-negozjati.

(2)Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea u adotta direttivi għan-negozjar ta’ ftehim ta' dan it-tip.

(3)Il-ftuħ tan-negozjati seħħ fid-19 ta' Ġunju 2017.

(4)Fit-3 ta' Ottubru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti tan-negozjati mar-Renju Unit.

(5)Filwaqt li nnota l-progress li sar sa dak il-punt, fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew appella biex tissokta l-ħidma bil-ħsieb tal-konsolidazzjoni tal-konverġenza miksuba u t-tkomplija tan-negozjati sabiex ikun possibbli li jgħaddu għat-tieni fażi tan-negozjati kemm jista' jkun malajr. Il-Kunsill Ewropew b'hekk stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bħala negozjaturi tal-Unjoni biex jibdew diskussjonijiet preparatorji interni, inkluż dwar l-arranġamenti tranżitorji possibbli.

(6)Fit-8 ta' Diċembru 2017, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill Ewropew jikkonkludi li kien sar biżżejjed progress fl-ewwel fażi tan-negozjati dwar il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li jippermetti li n-negozjati jipproċedu għat-tieni fażi tagħhom. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li lesta tibda minnufih il-ħidma dwar l-arranġamenti tranżitorju, jekk il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi hekk.

(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq ir-Rapport Konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2017.

(8)Fit-13 ta' Diċembru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti tan-negozjati mar-Renju Unit.

(9)Fil-linji gwida tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew laqa' l-progress miksub fl-ewwel fażi tan-negozjati u ddeċieda li kien biżżejjed biex jgħaddu għat-tieni fażi relatata mat-tranżizzjoni u l-qafas għar-relazzjonijiet futuri. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni u lir-Renju Unit biex ilestu l-ħidma dwar il-kwistjonijiet kollha tal-ħruġ, inkluż dawk li għadhom ma ġewx indirizzati fl-ewwel fażi, b'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017, u biex ir-riżultati miksuba jkunu kkonsolidati f'mod partikolari bl-abbozzar tal-partijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet xierqa għal dan l-għan, u lill-Kunsill biex jadotta direttivi ta' negozjati addizzjonali dwar l-arranġamenti tranżitorji.

(10)Għalhekk hemm bżonn li d-direttivi ta' negozjati stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 ikunu ssupplimentati.

(11)B’konformità mal-Artikolu 106(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea japplika għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati, f’isem l-Unjoni, għal ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni, fid-dawl tal-linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew u b'konformità mad-direttivi ta' negozjati stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017, kif issupplimentat mid-direttivi ta' negozjati stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

   Artikolu 2    

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    COM(2017) 784 final.

Brussell,20.12.2017

COM(2017) 830 final

ANNESS

ta'

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea


ANNESS

Direttivi supplimentari għan-negozjar ta’ ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea

1.B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017 u d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017, l-ewwel fażi tan-negozjati ffukaw fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju, il-kwistjonijiet relatati mal-gżira tal-Irlanda, kwistjonijiet oħrajn ta' separazzjoni, u l-governanza tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

2.Filwaqt li nnota l-progress li sar sa dak il-punt, fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew appella biex tissokta l-ħidma bil-ħsieb tal-konsolidazzjoni tal-konverġenza miksuba u t-tkomplija tan-negozjati sabiex ikun possibbli li jgħaddu għat-tieni fażi tan-negozjati kemm jista' jkun malajr. Il-Kunsill Ewropew b'hekk stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bħala negozjaturi tal-Unjoni biex jibdew diskussjonijiet preparatorji interni, inkluż dwar l-arranġamenti tranżitorji possibbli.

3.Fuq il-bażi:

tar-rakkomandazzjoni li saret mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2017 1  

tar-Rapport Konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2017, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuqu,

il-Kunsill Ewropew, tal-15 ta' Diċembru 2017, laqa' l-progress miksub fl-ewwel fażi tan-negozjati u ddeċieda li kien biżżejjed biex jgħaddu għat-tieni fażi relatata mat-tranżizzjoni u l-qafas għar-relazzjonijiet futuri.

4.Il-Kunsill Ewropew għamilha ċara wkoll li n-negozjati fit-tieni fażi jistgħu jipproċedu biss sakemm l-impenji kollha meħuda fl-ewwel fażi jkunu rispettati bis-sħiħ u jiġu tradotti fedelment f'termini ġuridiċi malajr kemm jista’ jkun. Matul it-tieni fażi tan-negozjati, jenħtieġ li jintlaħaq fehim ġenerali dwar il-qafas għar-relazzjonijiet futuri tal-Unjoni mar-Renju Unit. Dan se jeħtieġ linji gwida addizzjonali mill-Kunsill Ewropew.

5.Is-sett preżenti ta' direttivi ta' negozjati huwa maħsub għat-tieni fażi tan-negozjati; għalhekk huwa jissupplimenta l-ewwel sett ta' direttivi ta' negozjati adottati fit-22 ta' Mejju 2017. Il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017 kif ukoll il-prinċipji ġenerali u l-arranġamenti proċedurali għat-tmexxija tan-negozjati stabbiliti mid-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 jibqgħu japplikaw fl-intier tagħhom għal din il-fażi tan-negozjati, inkluż fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ftehim dwar il-ħruġ, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-arranġamenti tranżitorji, u tal-qafas futur; għalhekk jenħtieġ li, bħall-ewwel sett ta' direttivi ta' negozjati, dawn id-direttivi ta' negozjati jirrispettaw bis-sħiħ il-paragrafi 4 u 24 tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017, partikolarment fir-rigward ta' Ġibiltà.

6.Matul it-tieni fażi tan-negozjati, fid-dawl tan-natura speċifika tal-kwistjonijiet relatati mal-gżira tal-Irlanda, jenħtieġ li l-ħidma dwar l-arranġamenti dettaljati meħtieġa biex jidħlu fis-seħħ il-prinċipji u l-impenji stabbiliti fir-Rapport Konġunt ikomplu f'qasam distint, u xi wħud minnhom jiġu tradotti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, filwaqt li oħrajn ikunu fil-qafas għar-relazzjonijiet futuri.

I.Kwistjonijiet relatati mal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

7.B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2017 u bid-direttivi ta' negozjati annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 kif issupplimenta minn dawn id-direttivi ta' negozjati, huwa neċessarju li titlesta l-ħidma fuq il-kwistjonijiet kollha tal-ħruġ, inkluż dawk mhux indirizzati fl-ewwel fażi.

8.Jenħtieġ li n-negozjati fit-tieni fażi jittraduċu iktar f'termini ġuridiċi, ir-riżultati tan-negozjati, inkluż dawk miksuba waqt l-ewwel fażi, li, meta jkun xieraq, jenħtieġ li jiġu adattati fid-dawl tal-eżistenza tal-arranġamenti tranżitorji msemmija iktar 'l isfel. Kif speċifikat fl-ewwel sett ta' direttivi ta' negozjati, jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ifakkar ukoll li d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika mid-data tal-ħruġ għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit 2 u għat-territorji Ewropej li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom, li it-Trattati japplikaw għalihom permezz tal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 

II.arranġamenti tranżitorji

9.Il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017 stabbilew prinċipji fundamentali ġenerali li japplikaw għal kull ftehim mar-Renju Unit kif ukoll għal kwalunkwe arranġament tranżitorju:

kull ftehim se jkollu jkun ibbażat fuq bilanċ bejn drittijiet u obbligi, u jiżgura kundizzjonijiet ekwi;

il-preservazzjoni tal-integrità tas-Suq Uniku teskludi l-parteċipazzjoni bbażata fuq approċċ skont is-settur;

pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni, li ma għandux l-istess obbligi ta' membru, ma jistax ikollu l-istess drittijiet u jgawdi mill-istess benefiċċji ta' membru;

l-erba' libertajiet tas-Suq Uniku huma indiviżibbli u ma jistax ikun hemm min jagħżel biss dak li jaqbillu;

l-Unjoni se żżomm l-awtonomija tagħha fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha kif ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2017, dan jirreferi partikolarment għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

10.Flimkien ma' dawn il-prinċipji fundamentali, il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017 stabbilew kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal kull arranġament tranżitorju possibbli. Sal-punt neċessarju u legalment possibbli, in-negozjati jistgħu jippruvaw jiddeterminaw arranġamenti tranżitorji li jkunu fl-interess tal-Unjoni u, kif xieraq, joħolqu pontijiet li jwasslu għall-qafas prevedibbli għar-relazzjonijiet futuri fid-dawl tal-progress miksub. Kull arranġament tranżitorju bħal dan irid ikun definit b'mod ċar, limitat fiż-żmien b'mod preċiż, u soġġett għal mekkaniżmi effettivi ta' infurzar.

11.Dawn id-direttivi ta' negozjati supplimentari huma bbażati fuq il-prinċipji u l-kundizzjonijiet stipulati fil-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2017 u jiżviluppawhom ulterjorment.

12.B'konformità ma' dawk il-linji gwida, jenħtieġ li kull arranġament tranżitorju previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ ikopri l-acquis tal-Unjoni kollu, inkluż kwistjonijiet tal-Euratom. Minkejja l-paragrafu 17 ta' dawn id-direttivi ta' negozjati, jenħtieġ li l-acquis tal-Unjoni japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit daqslikieku kien Stat Membru. Jenħtieġ li kull bidla lill-acquis tapplika awtomatikament għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni. Għal atti adottati skont it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea relatati mal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja li r-Renju huwa marbut bihom qabel ma joħroġ, jenħtieġ li l-Artikolu 4a tal-Protokoll (Nru 21) anness mat-Trattati jkompli japplika waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni. Madankollu jenħtieġ li r-Renju Unit ma jibqax jitħalla jeżerċita d-dritt tiegħu skont il-Protokoll (Nru 21) biex jagħżel li jinkludi ruħu f'miżuri għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4a ta’ dak il-Protokoll.

13.Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jenħtieġ li d-dritt tal-Unjoni kopert minn dawn l-arranġamenti tranżitorji joħolqu l-istess effett legali fir-Renju Unit bħalma joħolqu fl-Unjoni.

14.B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017, ta' min ifakkar ukoll li minn dakinhar tal-ħruġ mill-Unjoni, ir-Renju Unit mhux se jibqa' jgawdi mill-ftehimiet konklużi mill-Unjoni, jew mill-Istati Membri li jaġixxu f'isimha, jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha flimkien. Meta jkun fl-interess tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tikkunsidra jekk u kif jista' jinstab qbil dwar arranġamenti li jżommu l-effetti tal-ftehimiet fir-rigward tar-Renju Unit waqt il-perijodu ta' tranżizzjoni; madankollu jenħtieġ li r-Renju Unit ma jibqa' jieħu sehem fl-ebda korp imwaqqaf minn dawk il-ftehimiet.

15.B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2017, kull arranġament tranżitorju jeħtieġ il-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit fl-Unjoni Doganali u fis-Suq Uniku (b'kull wieħed mill-erba’ libertajiet) matul it-tranżizzjoni. Jenħtieġ li r-Renju Unit jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiġi ppreservata l-integrità tas-Suq Uniku u tal-Unjoni Doganali. Jenħtieġ li r-Renju Unit ikompli jikkonforma mal-politika kummerċjali tal-Unjoni. B'mod partikolari jenħtieġ li jiżgura li l-awtoritajiet doganali tiegħu jkomplu jaġixxu skont il-missjoni tal-awtoritajiet doganali tal-UE inkluż billi jiġbru d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u billi jwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni fil-fruntiera fil-konfront ta' pajjiżi terzi oħrajn.

16.B'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017 u l-ewwel sett ta' direttivi ta’ negozjar tat-22 ta' Mejju 2017, kull prolongament b'limitu taż-żmien tal-acquis tal-Unjoni jeħtieġ l-applikazzjoni tal-istrumenti u l-istrutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u ta' infurzar tal-Unjoni eżistenti, inkluż il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

17.Għalhekk jenħtieġ li fir-rigward tal-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni għar-Renju Unit, il-Ftehim dwar il-Ħruġ, waqt il-perjodu tranżitorju, jippreserva l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet (b'mod partikolari il-ġuriżdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tar-Renju Unit u tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi tar-Renju Unit. Madankollu, fid-dawl tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2017, jenħtieġ li r-Renju Unit ma jibqax jieħu sehem jew jinnomina jew jeleġġi membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u lanqas ma jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew fil-governanza tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. 

18.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 17, waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jista' jiġi mistieden jattendi, mingħajr drittijiet tal-vot, il-laqgħat tal-kumitati permanenti jew tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn jew tal-aġenziji, l-uffiċċji jew il-korpi fejn ikunu rrappreżentati l-Istati Membri u:

meta d-diskussjoni tkun tikkonċerna atti individwali li jridu jiġu indirizzati lir-Renju Unit jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi tar-Renju Unit; jew

meta l-preżenza tar-Renju Unit tkun neċessarja mill-perspettiva tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-acquis waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni.

19.Jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddefinixxi l-kundizzjonijiet preċiżi u l-qafas ċar biex tkun permessa din l-attendenza eċċezzjonali.

20.Jenħtieġ li jinstabu arranġamenti proċedurali speċifiċi li jkunu konformi mal-paragrafi 17 u 18 għall-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunità tas-sajd (qabdiet totali permissibbli) waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni.

21.Jenħtieġ li l-arranġamenti tranżitorji japplikaw minn dakinhar tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li ma jibqgħux validi wara l-31 ta' Diċembru 2020.

(1)    COM(2017) 784 final.
(2)    Elenkati fl-aħħar tnax-il inċiż tal-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.