Brussell, 21.12.2017

COM(2017) 797 final

2017/0355(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

{SWD(2017) 478 final}
{SWD(2017) 479 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-dinja tax-xogħol evolviet b’mod sinifikanti mill-adozzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (“Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub”). L-aħħar 25 sena wasslu għal flessibilizzazzjoni dejjem tikber tas-suq tax-xogħol. Fl-2016 kwart tal-kuntratti tax-xogħol kollha kienu għal forom ta' impjieg “mhux standard” u f'dawn l-aħħar għaxar snin iktar minn nofs l-impjiegi l-ġodda kollha kienu “mhux standard” 1 . Id-diġitalizzazzjoni ffaċilitat il-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ impjieg filwaqt li l-bidliet demografiċi wasslu għal diversità akbar tal-popolazzjoni attiva. Il-flessibilità miġjuba minn forom ġodda ta’ impjieg kienet motivatur ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol. Mill-2014, inħolqu aktar minn ħames miljun impjieg, li kważi 20 % minnhom kienu forom ġodda ta’ impjieg. L-adattabbiltà ta’ forom ġodda ta’ impjieg għat-tibdil fil-kuntest ekonomiku ppermettiet li jiġu żviluppati mudelli ġodda tan-negozju, inkluż fl-ekonomija kollaborattiva, u offriet id-dħul fis-suq tax-xogħol lil dawk il-persuni li qabel kienu jiġu esklużi. Il-livell tal-impjiegi fl-UE laħaq l-ogħla livell li qatt intlaħaq, b’236 miljun raġel u mara impjegati.

Madankollu, dawn it-tendenzi wasslu wkoll għal instabilità u għal iktar nuqqas ta’ prevedibbiltà f’xi relazzjonijiet ta’ impjieg, speċjalment għall-ħaddiema fl-iktar sitwazzjonijiet prekarji. Oqfsa legali inadegwati jistgħu jesponu lill-ħaddiema f’impjiegi mhux standard għal prattiki mhux ċari jew inġusti u jagħmluha diffiċli biex dawn jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Bejn 4 u 6 miljun ħaddiem għandhom kuntratti fuq talba u intermittenti, ħafna minnhom ftit għandhom indikazzjoni ta' meta u kemm se jdumu jaħdmu. Sa miljun ħaddiem huma soġġetti għal klawżoli ta’ esklussività, li ma jħalluhomx jaħdmu għal impjegatur ieħor 2 . Kwart biss tal-ħaddiema temporanji jagħmlu tranżizzjoni lejn post permanenti, u r-rata ta' xogħol part-time involontarju kienet laħqet madwar 28 % sal-2016 3 . Arranġamenti tax-xogħol iktar flessibbli jistgħu joħolqu inċertezza rigward id-drittijiet applikabbli 4 .

Bi tweġiba xi Stati Membri stabbilew regolamentazzjonijiet ġodda u s-sħab soċjali nazzjonali żviluppaw ftehimiet kollettivi ġodda, li wasslu għal sistema regolatorja dejjem iktar diversa madwar l-UE. Dan iżid ir-riskju ta’ kompetizzjoni bbażata fuq tnaqqis tal-istandards soċjali, li għandha konsegwenzi dannużi anki għall-impjegaturi, li huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva insostenibbli, u għall-Istati Membri li jirrinunzjaw id-dħul mit-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-isfida hija li jiġi żgurat li s-swieq tax-xogħol dinamiċi u innovattivi li fuqhom hija bbażata l-kompetittività tal-UE jiġu mfassla b’mod li joffri protezzjoni bażika lill-ħaddiema kollha, kisbiet ta’ produttività fuq żmien itwal għall-impjegaturi u jippermetti konverġenza lejn kondizzjonijiet aħjar tal-ħajja u tax-xogħol madwar l-UE.

Din l-inizjattiva hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm segwitu għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017 5 . Il-Pilastru jservi ta’ kumpass għall-konverġenza ’l fuq imġedda fl-istandards soċjali fil-kuntest tar-realtajiet li qed jinbidlu fid-dinja tax-xogħol. Din id-Direttiva tikkontribwixxi prinċipalment għall-Prinċipju 5 tal-Pilastru dwar “Impjieg sigur u adattabbli” u l-Prinċipju 7 dwar “Informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f’każ ta’ sensja” 6 . L-inizjattiva tħabbret fl-Ittra ta’ intenzjoni tal-President Juncker u tal-Ewwel Viċi President Timmermans tat-13 ta’ Settembru 2017 u tagħmel parti mill-Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni.

Il-proposta tindirizza żewġ sfidi interkonnessi. L-ewwel nett, l-evalwazzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE mwettqa mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 7 tal-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-Direttiva u indikat kif l-effettività tagħha tista’ titjieb. It-tieni, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 8 enfasizzat il-lakuni bejn l-acquis soċjali attwali tal-UE u l-iżviluppi reċenti fis-suq tax-xogħol. Dan ġie enfasizzat ukoll fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru. Il-Parlament sejjaħ sabiex jiġu estiżi l-istandards minimi eżistenti għal tipi ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, jitjieb l-infurzar tal-liġi tal-UE, tiżdied iċ-ċertezza legali fis-suq uniku, u tiġi evitata d-diskriminazzjoni billi tiġi kkomplementata l-liġi tal-UE eżistenti biex ikun żgurat sett ewlieni ta’ drittijiet infurzabbli għal kull ħaddiem, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt jew mir-relazzjoni ta’ impjieg 9 . Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi prekarji ta’ Lulju 2017 tistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub biex jiġu meqjusa forom ġodda ta’ impjiegi 10 . Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tagħhom dwar il-Pilastru enfasizzaw il-lakuni fil-protezzjoni tal-ħaddiema u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi stabbilit qafas għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u biex jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà 11 .

Fis-26 ta’ April 2017 u l-21 ta’ Settembru 2017, rispettivament, il-Kummissjoni nediet iż-żewġ fażijiet tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali Ewropej dwar id-direzzjoni possibbli u l-kontenut tal-azzjoni tal-Unjoni kif previst skont l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 12 . Is-sħab soċjali ma bdewx il-proċess ta' djalogu bil-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet, dwar is-suġġett kif previst fl-Artikolu 155 tat-TFUE. Abbażi tal-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni tas-sħab soċjali, il-Kummissjoni qed tressaq din il-proposta għal Direttiva skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

L-għan ġenerali tad-Direttiva proposta huwa li tippromwovi impjiegi iktar siguri u prevedibbli filwaqt li tiżgura l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol u ttejjeb il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol.

L-għanijiet speċifiċi li permezz tagħhom jiġi indirizzat l-għan ġenerali huma:

(1) li jittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

(2) li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha, b’mod partikolari dawk f’impjiegi ġodda u mhux standard, filwaqt li jiġi ppreservat il-kamp ta’ applikazzjoni għall-adattabbiltà u għall-innovazzjoni fis-suq tax-xogħol;

(3) li tittejjeb il-konformità mal-istandards tal-kondizzjonijiet tax-xogħol permezz ta' infurzar imsaħħaħ; u

(4) li tittejjeb it-trasparenza fis-suq tax-xogħol filwaqt li tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet eċċessivi fuq impriżi ta' kull daqs.

Id-Direttiva proposta se tissostitwixxi d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub bi strument ġdid li jiżgura t-trasparenza dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha u jiddefinixxi drittijiet sostantivi ġodda sabiex titjieb il-prevedibbiltà u s-sigurtà tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari għal dawk f’impjieg prekarju. Dan tagħmlu billi fil-Kapitolu II tipprovdi informazzjoni essenzjali aġġornata dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg għall-ħaddiema kollha fl-Unjoni, inkluża l-istima ta’ 2-3 miljuni li bħalissa huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub, fejn id-definizzjoni tal-kunċetti “impjegat” u “relazzjoni ta’ impjieg” huma f’idejn il-liġi tal-Istati Membri. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva se jiġi ċċarat billi l-kunċett ta’ “ħaddiem” jiġi ddefinit abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) sabiex jiġi determinat l-istatus tal-ħaddiem, u se jiġi estiż billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet għall-Istati Membri li jeskludu lill-ħaddiema minn relazzjonijiet ta’ impjieg qosra jew każwali. Sett ġdid ta’ rekwiżiti minimi fil-Kapitolu III jistabbilixxi l-limitu għad-durata ta’ kwalunkwe perjodu ta’ probazzjoni, ir-regola ġenerali li ħaddiem ma jistax jitwaqqaf milli jibda jaħdem ma’ impjegatur ieħor barra mill-iskeda tax-xogħol, id-drittijiet għal iktar prevedibbiltà tal-ħin tax-xogħol u avviż bil-quddiem raġonevoli għal dawk fuq skedi tax-xogħol varjabbli, il-possibbiltà li tintalab it-tranżizzjoni lejn forma ta’ impjieg iktar prevedibbli u sigura, u d-dritt għal taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas. Id-drittijiet huma sostnuti minn dispożizzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-infurzar tad-Direttiva 91/533/KEE u jadattaw miżuri ta' infurzar minn elementi oħra tal-acquis soċjali tal-UE li jindirizzaw sitwazzjonijiet komparabbli 13 .

Minflok ma tindirizza tip ta' impjieg partikolari, kif isir fid-Direttivi dwar ix-xogħol part-time jew xogħol għal żmien fiss jew xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, 14 id-Direttiva proposta se tiżgura livell bażiku ta' protezzjoni universali fil-forom kuntrattwali eżistenti u futuri. Direttiva bħal din se tkun strument iktar effettiv minn inizjattivi leġiżlattivi separati mmirati lejn forom speċifiċi ta' impjieg li faċilment jistgħu jiġu ssuperati mir-ritmu mgħaġġel tal-bidliet fis-suq tax-xogħol. Id-Direttiva proposta jenħtieġ li tistabbilixxi l-qafas legali għall-iżvilupp pożittiv futur ta’ forom adattabbli ġodda ta’ impjieg.

Din il-proposta mistennija toffri firxa ta' benefiċċji. Il-ħaddiema kollha, inklużi dawk f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien qasir u każwali, se jibbenefikaw minn ċarezza dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u minn standards minimi ġodda. Filwaqt li jista’ jkun li se jitilfu xi ftit tal-flessibbiltà fil-marġni, l-impjegaturi mistennija jibbenefikaw minn kompetizzjoni iktar sostenibbli b'iktar ċertezza legali u minn forza tax-xogħol iktar motivata u produttiva, b'żieda fl-istabbiltà u ż-żamma kuntrattwali. Is-soċjetà inġenerali tibbenefika minn bażi usa' għat-tassazzjoni u għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

Id-Direttiva proposta tikkumplimenta l-atti li ġejjin tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE:

Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

L-Artikolu 6 tad-Direttiva proposta jispeċifika l-informazzjoni bil-miktub li trid tingħata lill-ħaddiema li jintbagħtu barra mill-pajjiż, inklużi dawk li jiġu impjegati fi Stat Membru ieħor tal-UE, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 96/71/KE, kif rakkomandat fl-evalwazzjoni REFIT.

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE dwar xogħol part-time u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE dwar xogħol għal żmien fiss

L-Artikolu 10 tad-Direttiva proposta jikkomplementa d-dispożizzjonijiet ta’ dawk iż-żewġ Direttivi li huma mmirati b’mod speċifiku għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema għal żmien fiss, billi jistabbilixxi l-possibbiltà li ħaddiem jitlob forma ta’ impjieg b’iktar kondizzjonijiet tax-xogħol prevedibbli u siguri, meta disponibbli, u li jirċievi risposta bil-miktub mill-impjegatur.

Id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

L-evalwazzjoni REFIT sabet li d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub tista’ tqis id-Direttiva 2008/104/KE aħjar billi tkopri b’mod espliċitu l-ħaddiema ta' aġenzija u tispeċifika li l-impriża tal-utenti għandha l-obbligu li tinforma lill-ħaddiem tal-aġenzija direttament dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Dan huwa rifless fl-Artikolu 2 tad-Direttiva proposta, li jistipula l-kriterji għad-definizzjoni tal-istatus tal-ħaddiem u tal-impjegatur u fl-Artikolu 1 li jispeċifika li l-funzjonijiet tal-impjegatur jistgħu jitwettqu minn iktar minn entità waħda. 

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu III tad-Direttiva proposta jappoġġaw il-kisba ta' organizzazzjoni ta' ħin tax-xogħol li tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, indirizzata mid-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-ħin tax-xogħol.

Fir-rigward tat-trainees, il-Kummissjoni tinnota li dawn diġà huma soġġetti għall-protezzjoni skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships. Il-Kummissjoni proponiet qafas simili għall-apprendisti 15 .

Id-dispożizzjonijiet ta’ infurzar li jinsabu fl-Artikoli 13 sa 18 tad-Direttiva proposta ġejjin minn dispożizzjonijiet fl-acquis soċjali eżistenti tal-UE u jikkomplementawhom kif spjegat fid-dettall fit-taqsima li tiddeskrivi l-Artikoli tad-Direttiva proposta.

·Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Id-Direttiva proposta tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji li ġejjin stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

Il-Prinċipju 1: Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Artikolu 3 huma estiżi sabiex ikopru t-taħriġ mogħti mill-impjegatur u l-Artikolu 11 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-impjegaturi jipprovdu taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas lill-ħaddiema tagħhom, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti jew mill-ftehimiet kollettivi.

Il-Prinċipju 2: Ugwaljanza bejn is-sessi. Il-ħaddiema involuti f'forom ta' impjieg ġodda u mhux standard, li jibbenefikaw b'mod partikolari mid-drittijiet materjali maħluqa fil-Kapitoli III sa VI tad-Direttiva proposta, huma prinċipalment nisa 16 . Id-Direttiva għalhekk se tikkontribwixxi għall-Prinċipju tat-titjib tal-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Il-Prinċipju 5: Impjieg sigur u adattabbli. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 tindirizza l-Prinċipju li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għal protezzjoni soċjali u taħriġ “irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni tax-xogħol”. Il-kontenut ġenerali tad-Direttiva proposta huwa maħsub sabiex jinstab bilanċ bejn it-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema u ż-żamma tal-“flessibbiltà neċessarja biex l-impjegaturi jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku” msemmija fil-Prinċipju 5(b), inkluż billi tkun permessa l-possibbiltà li jsiru modifiki għar-rekwiżiti minimi dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol permezz ta’ ftehimiet kollettivi (Artikolu 12). Id-Direttiva proposta tindirizza wkoll il-Prinċipju 5(d): “Għandhom jiġu evitati r-relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ kuntratti atipiċi. Il-perjodu ta’ probazzjoni għandu jkun ta’ durata raġonevoli”. Id-drittijiet materjali ġodda għal aktar prevedibbiltà, biex tintalab forma ġdida ta’ impjieg, kif ukoll il-limitazzjonijiet fuq l-użu ta' klawżoli ta' esklussività u klawżoli ta' inkompatibbiltà jindirizzaw l-ewwel parti. L-istabbiliment ta’ limitu ta’ sitt xhur għall-perjodi ta’ probazzjoni jindirizza t-tieni waħda.

Il-Prinċipju 7: Informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f'każ ta' sensja. Id-Direttiva proposta ssaħħaħ l-obbligu attwali li tiġi pprovduta informazzjoni bil-miktub, billi testendi u taġġorna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tingħata bħala minimu, u billi tnaqqas l-iskadenza tal-għoti tagħha minn xahrejn għall-ewwel jum tar-relazzjoni ta’ impjieg, u għalhekk tindirizza l-element tal-Prinċipju 7(a) li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta “fil-bidu tal-impjieg”.

Il-Prinċipju 8: Id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema. Is-sħab soċjali ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-kamp ta' applikazzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub, u r-risposti tagħhom ġew ikkunsidrati fl-iżvilupp tal-proposta tal-Kummissjoni. L-Artikolu 12 tad-Direttiva proposta jipprovdi flessibbiltà fir-rigward tar-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-Kapitolu III li jistgħu jinbidlu permezz ta’ ftehim kollettiv, dment li r-riżultat jirrispetta l-protezzjoni ġenerali mogħtija mid-Direttiva proposta.

Inizjattivi oħra li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma relatati mill-qrib ma' din id-Direttiva proposta u jikkomplementawha, b'mod partikolari l-proposta leġiżlattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (COM(2017)253 final), il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali (C(2017)2610 final u C(2017)7773 final), u l-komunikazzjoni interpretattiva dwar il-ħin tax-xogħol (C(2017)2601 final). Il-proposta għal Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw tintroduċi dritt għall-ħaddiema bi tfal li għandhom sa mill-inqas 12-il sena, sabiex jitolbu arranġamenti ta' xogħol flessibbli għal raġunijiet ta' indukrar; l-impjegaturi mbagħad għandhom id-dmir li jikkunsidraw u jwieġbu għat-talbiet għal arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, b’kont meħud tal-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema, u li jiġġustifikaw kwalunkwe rifjut ta' tali talba. L-impjegaturi jkollhom ukoll l-obbligu li jikkunsidraw u jwieġbu għat-talbiet għar-ritorn għall-iskeda oriġinali tax-xogħol. Id-Direttiva proposta dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli tikkomplementa dan billi toħloq possibbiltà għall-ħaddiema sabiex jitolbu forma ta' xogħol iktar sigur, pjuttost milli iktar flessibbli.

Fl-aħħar nett, ġiet meqjusa l-proposta dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema (COM(2016)128 final) kif ukoll il-proposti li saru fil-qafas tal-“pakkett tal-mobilità” tat-trasport tal-31 ta’ Mejju 2017, b’mod partikolari r-regoli speċifiċi proposti rigward l-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq (COM(2017)278 final).

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' Direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, “il-kondizzjonijiet tax-xogħol” kif stabbilit fl-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE, filwaqt li jevitaw li jiġu imposti restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

·Sussidjarjetà

L-obbligi ta' informazzjoni relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol ġew stabbiliti fil-livell tal-UE permezz tad-Direttiva 1991/533/KEE. L-evalwazzjoni REFIT ta' dik id-Direttiva kkonfermat li għad hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-UE f'dan il-qasam, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-emendi huma meħtieġa sabiex dik id-Direttiva ssir konformi mal-iżviluppi fis-suq tax-xogħol mill-adozzjoni tagħha fl-1991, u sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fl-evalwazzjoni REFIT.

Id-drittijiet materjali addizzjonali maħluqa fil-Kapitolu III huma ġġustifikati fil-livell tal-UE sa fejn azzjoni mill-Istati Membri biss b'risposta għal forom ta' impjieg ġodda u mhux standard ma jkollhiex neċessarjament l-istess livell ta' protezzjoni f'termini ta' trasparenza u prevedibbiltà u tirriskja li jiżdiedu d-diverġenzi bejn l-Istati Membri b'kompetizzjoni potenzjali fuq il-bażi ta' standards soċjali. Għalhekk, in-negozji jkomplu jikkompetu skont kondizzjonijiet mhux ekwi u dan ifixkel l-operat tas-suq intern.

Id-Direttiva proposta hija bbażata fuq livell minimu ta' armonizzazzjoni tas-sistemi tal-Istati Membri li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu standards ogħla u jipprovdi l-possibbiltà għas-sħab soċjali li jvarjaw it-taħlita ta' drittijiet u obbligi materjali permezz ta' ftehim kollettiv. B'konformità mal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, din se tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri permezz ta' rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni gradwali.

·Proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat bis-sħiħ hekk kif il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta huwa limitat sabiex jiżgura l-għoti ta' informazzjoni konsistenti lill-ħaddiema dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u sabiex jiżgura drittijiet bażiċi għall-ħaddiema, li n-nuqqas tagħhom jista' joħloq ġirja lejn l-iktar livell baxx fl-istandards soċjali. Id-Direttiva proposta tinkludi miżuri sabiex jitnaqqsu l-piżijiet u tiġi appoġġjata l-konformità. Kif indikat fil-Valutazzjoni tal-Impatt, l-ispejjeż huma raġonevoli u ġġustifikati fid-dawl tal-benefiċċji dovuti u fit-tul f’termini ta’ impjieg iktar sigur, żieda fil-produttività u proċeduri ssimplifikati kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi, li jaqblu mal-ambizzjonijiet soċjali usa’ tal-UE.

Permezz tal-proposta l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jżommu jew jistabbilixxu standards iktar favorevoli għall-ħaddiema u li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi għas-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom, u din tippermetti tibdil fil-kompożizzjoni tad-drittijiet materjali permezz ta' ftehimiet kollettivi. Bħala konsegwenza, din tħalli spazju għall-flessibbiltà fir-rigward tal-għażla tal-miżuri attwali ta' implimentazzjoni.

·Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) flimkien mal-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE jipprevedi b'mod espliċitu li d-Direttivi huma l-istrument legali li għandu jintuża sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol li għandhom jiġu implimentati gradwalment mill-Istati Membri.

3.    RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub ġiet ippubblikata f'April 2017 17 . Din ikkonkludiet li d-Direttiva hija kkunsidrata rilevanti mill-partijiet ikkonċernati kollha u li l-konformità mad-Direttiva fl-Istati Membri u fis-setturi hija bejn medja u għolja. Id-Direttiva kienet sa ċertu punt effettiva fil-kisba tal-għanijiet tagħha. L-effettività tagħha tista’ tissaħħaħ iktar permezz ta’ reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex tiġi żgurata kopertura usa’ tal-ħaddiema, inklużi dawk f’forom ġodda ta’ impjieg, titqassar l-iskadenza ta’ xahrejn għall-għoti tal-informazzjoni lill-ħaddiema u jitjieb l-infurzar billi jiġu riveduti l-mezzi ta’ rimedju u s-sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Rigward l-effiċjenza, it-traspożizzjoni tad-Direttiva ma tidhirx li żiedet b'mod sinifikanti l-ispejjeż għall-kumpaniji. Rigward il-koerenzaesterna, hemm lok għal iktar konverġenza mar-regoli li jkopru ħaddiema stazzjonati, ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u trainees.

L-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li huwa ċar li d-Direttiva ġġib valur miżjud tal-UE. Huwa essenzjali li jkun hemm standards minimi fil-livell tal-UE dwar l-informazzjoni lill-impjegati peress li jżidu ċ-ċertezza kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati u jevitaw ġirja detrimentali lejn l-iktar livell baxx bejn l-Istati Membri f’termini ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol. Dawn iżidu wkoll il-prevedibbiltà għan-negozji u jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan is-suq intern.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bejn is-26 ta' Jannar u l-20 ta' April 2016, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika rigward id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub. Is-sommarju ta' dawn ir-risposti huwa anness mal-evalwazzjoni REFIT.

Minn Marzu sa Diċembru 2016 saret konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kif uriet b’mod ċar din il-konsultazzjoni pubblika, 18 qed tiżdied il-ħtieġa li jiġu ddefiniti u applikati drittijiet xierqa għal ħafna ħaddiema f’forom ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg ġodda u mhux standard. Arranġamenti kuntrattwali bħal dawn qed joħolqu opportunitajiet sabiex in-nies jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol u l-flessibbiltà li joffru tista' tkun kwistjoni ta' għażla personali. Madankollu, regolamentazzjoni inadegwata tfisser li ħafna nies fix-xogħol jinsabu mwaħħlin f'lakuni legali, li jistgħu jagħmluhom soġġetti għal prattiki mhux ċari jew inġusti u jagħmluha diffiċli sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni b'żewġ fażijiet mas-sħab soċjali dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub.

L-opinjonijiet tas-sħab soċjali rigward il-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva sabiex tiġi riveduta d-Direttiva 91/533/KEE kienu jvarjaw u ma kien hemm ebda ftehim fost is-sħab soċjali sabiex jidħlu f'negozjati diretti biex jikkonkludu ftehim fil-livell tal-Unjoni.

Fiż-żewġ fażijiet it-trade unions kienu favur il-kjarifika u t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija tal-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni u l-inklużjoni tal-kriterji li jappoġġjaw l-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Barra minn hekk, saħqu li l-kamp ta' applikazzjoni għandu jinkludi lill-persuni li jaħdmu għal rashom. Fir-rigward tal-pakkett ta' informazzjoni, it-trade unions qablu mal-lista ssuġġerita fid-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni u saħqu li għandhom jiżdiedu affarijiet oħra fil-pakkett. Dawn talbu li d-dikjarazzjoni bil-miktub għandha tingħata qabel il-bidu tax-xogħol jew malli jiġi ffirmat il-kuntratt. Ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għas-sanzjonijiet u għall-mezzi ta’ rimedju, inkluż billi tiġi introdotta preżunzjoni ta’ impjieg f’każ li l-impjegatur ma jipprovdix dikjarazzjoni bil-miktub. Fl-aħħar nett, appoġġjaw bis-sħiħ drittijiet minimi ġodda mmirati sabiex itejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, dawn talbu iktar drittijiet minn dawk ippreżentati fit-tieni dokument ta' konsultazzjoni inkluża projbizzjoni sħiħa fuq forom ta' arranġamenti kuntrattwali li ma jiggarantixxux lill-ħaddiema ammont minimu ta' sigħat imħallsa u d-dritt għal remunerazzjoni adegwata.

Fiż-żewġ fażijiet l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi opponew l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u l-inklużjoni tad-definizzjoni ta’ ħaddiem, minħabba tħassib relatat mal-flessibbiltà tal-potenzjal tal-ħolqien tan-negozji u tal-impjiegi kif ukoll mas-sussidjarjetà. Ma kienx hemm appoġġ mill-maġġoranza rigward l-emenda tal-pakkett ta' informazzjoni u lanqas rigward it-tnaqqis tal-iskadenza ta' xahrejn. Ebda organizzazzjoni ma appoġġjat bidliet fil-livell tal-UE għas-sistema ta’ rimedju u sanzjonijiet. B'eċċezzjonijiet limitati ħafna, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi kienu kontra l-inklużjoni ta' drittijiet minimi ġodda f'Direttiva riveduta. Għal dik ir-raġuni, ippreferew li ma jesprimux opinjonijiet dwar id-drittijiet minimi speċifiċi stabbiliti fid-dokument ta’ konsultazzjoni, u saħqu li tali kwistjonijiet kienu relatati ma’ kompetenza nazzjonali u li l-azzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma ma kinitx meħtieġa, jew kienet saħansitra kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

·Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni tat kuntratt għall-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji ta' miżuri possibbli tal-UE li jinsabu f'Direttiva riveduta. Irrevediet ukoll xi sorsi prinċipali ta’ analiżi u ta’ dejta dwar forom ta’ impjiegi ġodda u mhux standard, b’mod partikolari dawk ikkumpilati mill-Parlament Ewropew, 19 mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), 20 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), 21 u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi(OECD) 22 .

·Valutazzjoni tal-impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fid-29 ta’ Novembru 2017. L-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’kummenti, li ġiet indirizzata fil-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni, l-għażla bejn diversi possibilitajiet u l-benefiċċji mistennija ta’ din l-inizjattiva u l-ispjegazzjoni dwar kif jistgħu jittaffu l-konsegwenzi mhux mixtieqa tal-inizjattiva 23 .

Il-kombinament ta’ miżuri mressaq f’din il-proposta ġie vvalutat fil-Valutazzjoni tal-Impatt bħala l-aktar effettiv, effiċjenti u koerenti. L-analiżi kwantitattiva tal-kombinament ippreferut ta' miżuri turi li mistenni li jkun hemm titjib sostanzjali tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja. B’mod l-aktar partikolari, mill-inqas 2-3 miljun ħaddiem mhux standard se jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Aktar prevedibbiltà għal madwar 4-7 miljun ħaddiem għandha twassal għal impatt pożittiv fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-saħħa. Xi 14-il miljun ħaddiem jistgħu jitolbu forma ġdida ta’ impjieg. In-nuqqas ta’ klawżoli ta’ esklussività se jippermetti lil madwar 90,000-360,000 ħaddiem fuq talba jfittxu xogħol addizzjonali u jaqilgħu EUR 355-1,424 miljun iżjed fis-sena. Id-dritt tal-ħaddiema li jirċievu taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas ikun ikkonfermat u jkollhom aċċess iktar faċli għal rimedju. L-impjegaturi jibbenefikaw minn kompetizzjoni sostenibbli, ċertezza legali akbar u titjib ġenerali fit-trasparenza fis-swieq tax-xogħol. Il-benefiċċji mhux kwantifikati għall-impjegaturi jinkludu iktar retenzjoni u lealtà, relazzjonijiet imtejba mal-ħaddiema, inqas ilmenti u kawżi fil-qrati, ippjanar aħjar tar-riżorsi, u jwasslu għal żieda ġenerali fil-produttività.

L-ispejjeż mistennija tal-kombinament ta' għażliet ippreferuti għall-impjegaturi huma: l-ispiża għall-ħruġ ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ġdida jew riveduta mistennija tkun 18-153 EUR għall-SMEs u 10-45 EUR għall-kumpaniji ikbar. Il-kumpaniji jkollhom ukoll spejjeż ta’ darba marbuta mal-familjarizzazzjoni mad-Direttiva l-ġdida: medja ta’ 53 EUR għal SME u 39 EUR għal kumpanija ikbar. L-ispejjeż għat-tweġiba tat-talbiet għal forma ġdida ta’ impjieg mistennija jkunu bħall-ispejjeż marbuta mal-ħruġ ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ġdida. L-impjegaturi jantiċipaw ukoll xi spejjeż indiretti modesti (pariri legali, sistemi ta’ skedar riveduti, ħin ta’ ġestjoni tar-Riżorsi Umani, informazzjoni għall-persunal). Il-flessibbiltà se tintilef biss fil-marġni (jiġifieri għall-proporzjon żgħir ta' impjegaturi li jagħmlu użu estensiv mill-iktar forom flessibbli ta' impjieg). Il-kombinament ta' għażliet ippreferut iqis l-effetti mhux intenzjonati u jinkludi miżuri ta' mitigazzjoni. Mhux mistenni li jkun hemm l-ebda impatt aggregat sinifikanti fuq il-pagi, għalkemm tnaqqis fis-sottoimpjieg, inċidenza aktar baxxa ta' klawżoli ta' esklussività u kondizzjonijiet tax-xogħol iktar prevedibbli jistgħu jkunu mistennija sabiex jippermettu żieda fil-qligħ tal-individwi. Ebda spiża mhi mistennija li tiġi mġarrba mill-ħaddiema.

L-impatti speċifiċi għal kull Stat Membru jiddependu fuq għadd ta' fatturi, inklużi l-firxa tal-aġġustamenti leġiżlattivi meħtieġa, l-inċidenza ta' forom ta' impjieg mhux standard, u l-kuntest soċjoekonomiku usa'. B’mod ġenerali, jistgħu jkunu mistennija benefiċċji f’termini ta’ tnaqqis fix-xogħol mhux iddikjarat peress li l-miżuri proposti se jiffaċilitaw l-ispezzjoni u l-infurzar. Fil-livell tal-UE, il-valur tax-xogħol mhux iddikjarat fl-ekonomija formali huwa stmat għal EUR 40-120 miljun kull sena. Il-benefiċċji assoċjati jistgħu jammontaw għal EUR 8-25 miljun fis-sena b'iktar dħul mit-taxxa u EUR 4-24 miljun fis-sena fit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Jista' jkun hemm ukoll żieda ta' madwar EUR 46-185 miljun fis-sena fid-dħul mit-taxxi minħabba li l-ħaddiema fuq talba jkunu jistgħu jfittxu impjieg addizzjonali. Il-benefiċċji mhux kwantifikati jistgħu jinkludu iktar produttività, adattabbiltà mtejba tal-forza tax-xogħol, żieda fil-mobilità kemm fi ħdan is-swieq tax-xogħol nazzjonali kif ukoll fl-UE u aktar koeżjoni soċjali. Aċċess imtejjeb għal rimedju jista' jtejjeb il-konsistenza fl-applikazzjoni tal-qafas legali. Xi spejjeż modesti ta' traspożizzjoni ta' darba u spejjeż kontinwi ta' implimentazzjoni jistgħu jkunu mistennija minħabba li l-oqfsa legali tal-Istati Membri se jkunu jeħtieġu li jiġu adattati.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Billi din hija reviżjoni ta’ parti eżistenti ta’ leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni tat ħarsa lejn l-opportunitajiet biex jiġu ssimplifikati u jitnaqqsu l-piżijiet. L-analiżi turi li l-ispejjeż li ġejjin mid-Direttiva huma modesti u l-ebda evidenza ma ġiet ippreżentata li kien hemm disponibbli modi irħas biex jintlaħqu l-istess għanijiet bl-istess effettività. Madankollu, hemm lok li jiġu ċċarati u jiżdiedu t-trasparenza u l-prevedibbiltà legali tal-kuntratti tal-impjiegi. Il-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se tagħmel il-qafas regolatorju aktar faċli biex jinftiehem u aktar prevedibbli. Barra minn hekk, fid-Direttiva ġew inklużi elementi ta’ simplifikazzjoni konkreti. Minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ dejta, l-elementi ta’ simplifikazzjoni ma ġewx ikkwantifikati, iżda ġew spjegati fil-memorandum ta’ spjegazzjoni. Rigward l-istabbiliment ta’ obbligi ġodda, ġie previst reġim eħfef għall-SMEs għat-talbiet ta’ tranżizzjoni lejn forma oħra ta’ impjieg, u biex jitnaqqsu l-piżijiet għall-impjegaturi għandhom jiġu pprovduti formoli u mudelli għad-dikjarazzjonijiet bil-miktub u għandhom ikollhom disponibbli l-informazzjoni dwar il-liġijiet jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi rilevanti f’format aċċessibbli. Abbażi tal-Valutazzjoni tal-Impatt, dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu jnaqqsu l-ispiża tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub b'minn 30 sa 40 %.

·Drittijiet fundamentali

L-għanijiet ta’ din il-proposta huma konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 31 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, li jistipula li “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.    ELEMENTI OĦRA

·Arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva sentejn wara l-adozzjoni u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni permezz tal-Bażi tad-Dejta MNE. B’konformità mal-Artikolu 153(3) tat-TFUE huma jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bit-traspożizzjoni permezz ta’ ftehimiet kollettiv.

Sabiex tivvaluta l-effettività li biha din l-inizjattiva tikseb l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tagħha, il-Kummissjoni identifikat indikaturi ewlenin tal-progress sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni b'suċċess 24 . Dawn l-indikaturi se jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u se jservu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tagħha dwar l-impatt tad-Direttiva u għar-rappurtar fuqha tmien snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta



Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 – Għan, suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Il-paragrafu 3 jippermetti li l-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal relazzjoni ta’ impjieg ta’ mhux aktar minn 8 sigħat fix-xahar. Din id-deroga tissostitwixxi l-possibbiltajiet eżistenti għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni personali fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/533/KEE (relazzjoni ta’ impjieg li ma taqbiżx xahar jew ġimgħa tax-xogħol li ma taqbiżx 8 sigħat jew ta’ natura każwali u/jew speċifika), li skont l-evalwazzjoni REFIT ġew applikati b’mod inkonsistenti u eskludew għadd dejjem jikber ta’ ħaddiema 25 . Il-paragrafu 4 jistipula li, meta l-ħinijiet tax-xogħol ma jiġux determinati minn qabel, pereżempju f'impjieg fuq talba, dik id-deroga ma għandhiex tapplika minħabba li d-durata tax-xogħol ma tkunx magħrufa.

Skont il-paragrafu 5, id-definizzjoni ta' impjegatur fl-Artikolu 2 hija kkomplementata minn kjarifika li l-funzjoni ta' impjegatur għall-finijiet tad-Direttiva proposta tista' tiġi ssodisfata minn iktar minn entità waħda. Pereżempju, fil-każ ta' ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ssodisfati parzjalment mill-aġenzija tax-xogħol temporanju u parzjalment mill-impriża tal-utenti. Sabiex ma jiġux imposti piżijiet sproporzjonati fuq unitajiet domestiċi privati, l-Istati Membri jistgħu ma japplikawx id-drittijiet li tintalab forma ġdida ta’ impjieg u ta’ taħriġ mandatorju mingħajr ħlas u l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet favorevoli f’każ ta’ informazzjoni nieqsa fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jimpjegaw ħaddiema domestiċi.

Id-Direttiva 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim tal-Imsieħba Soċjali dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE u d-Direttiva (UE) 2017/159 li timplimenta l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ftehimiet ta' impjieg tal-baħħara u ftehimiet ta' impjieg tas-sajjieda. Għalhekk, il-paragrafu 7 tal-Artikolu 1 jiċċara li l-Kapitolu II tad-Direttiva proposta se japplika mingħajr preġudizzju għal dawn id-Direttivi.

Artikolu 2 - Definizzjonijiet

Dan l-artikolu jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit l-istatus tal-ħaddiema għall-finijiet tad-Direttiva proposta. Dawn il-kriterji huma bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE kif żviluppata mill-kawża C-66/85 Lawrie-Blum, kif ġie mfakkar riċentement f’C-216/15 Ruhrlandklinik. Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati dawn il-kriterji fid-dawl tas-sejbiet tal-evalwazzjoni REFIT li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub fost l-Istati Membri jvarja skont il-kunċetti tagħhom ta’ “impjegat”, “relazzjoni ta’ impjieg” u “kuntratt ta’ impjieg”, 26 u jirriskja li jeskludi għadd dejjem jikber ta’ ħaddiema f’forom ta’ impjieg mhux standard, bħall-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers u l-ħaddiema tal-pjattaforma. Id-Direttiva proposta tapplika għal dawn il-ħaddiema, dment li dawn jissodisfaw il-kriterji stabbiliti hawn fuq 27 .

Kapitolu II - Informazzjoni dwar ir-relazzjoni tal-impjieg

Artikolu 3 - Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni

Din id-dispożizzjoni taġġorna r-rekwiżiti minimi ta' informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub, b'kont meħud tar-riżultati tal-evalwazzjoni REFIT 28 u tal-inputs tas-Sħab Soċjali, bl-introduzzjoni ta' elementi ġodda relatati ma':

·id-durata u l-kondizzjonijiet ta’ prova (l-Artikolu 3.2.f);

·id-dritt għal taħriġ (l-Artikolu 3.2.g);

·l-arranġamenti għas-sahra u r-remunerazzjoni tagħha, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-350/99 Lange li tali informazzjoni tifforma parti mill-“aspetti essenzjali tar-relazzjoni tal-impjieg” li l-ħaddiem jenħtieġ li jkun infurmat dwarhom fid-dikjarazzjoni bil-miktub (l-Artikolu 3.2.k);

·l-informazzjoni ewlenija dwar id-determinazzjoni ta' skedi tax-xogħol varjabbli, sabiex titqies il-prevalenza dejjem tiżdied ta' dawn it-tipi ta' organizzazzjoni tax-xogħol bħal kuntratti każwali jew ta' żero sigħat jew xogħol f’ekonomija kollaborattiva (l-Artikolu 3.2.l);

·l-informazzjoni dwar is-sistemi tas-sigurtà soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet (l-Artikolu 3.2.n).

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-informazzjoni relatati mal-post tax-xogħol (l-Artikolu 3.2.b) ġew modernizzati biex jippermettu forom oħra bħax-xogħol tal-pjattaforma, fejn il-post tax-xogħol mhuwiex determinat mill-impjegatur, u ġiet inkluża l-proċedura għat-terminazzjoni tal-impjieg (3.2.i).

Artikolu 4 - Żmien u mezzi ta’ informazzjoni

Il-paragrafu 1 jissostitwixxi l-iskeda ta’ żmien massima attwali ta’ xahrejn għall-għoti ta’ dikjarazzjoni bil-miktub stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/533/KEE bl-ewwel jum tar-relazzjoni ta’ impjieg, f’konformità mal-Prinċipju 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali msemmi hawn fuq. Jistipula wkoll li d-dikjarazzjoni tista’ tiġi pprovduta b’mod elettroniku.

Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet fuq l-impjegaturi, u skont ir-rakkomandazzjoni tal-evalwazzjoni REFIT, 29 il-paragrafi 2 u 3 jeżiġu li l-Istati Membri jipproduċu l-formoli u l-mudelli għad-dikjarazzjoni bil-miktub u jagħmlu l-informazzjoni dwar il-liġijiet jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi rilevanti disponibbli għall-impjegaturi f'format aċċessibbli.

Artikolu 5 –Bidla fir-relazzjoni tal-impjieg

Din id-dispożizzjoni taġġorna l-Artikolu 5 “Il-bdil ta’ aspetti tal-kuntratt jew tar-relazzjoni tal-impjieg” tad-Direttiva 91/533/KEE, sabiex jeżiġi li l-bidliet kollha fil-kondizzjonijiet tax-xogħol innotifikati taħt l-Artikolu 3 jew fl-informazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6 tad-Direttiva proposta jridu jiġu trażmessi mhux iktar tard mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ, minflok sa xahrejn wara kif inhu fid-Direttiva attwali.

Artikolu 6 - Informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż

Din id-dispożizzjoni taġġorna l-Artikolu 4 "Il-Ħaddiema ekspatriji" tad-Direttiva 91/533/KEE, biex jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema u d-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE relatata. Sabiex jiġu limitati l-piżijiet għall-impjegaturi l-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu japplikaw biss jekk id-durata tal-perjodu tax-xogħol barra mill-pajjiż tkun aktar minn erba’ ġimgħat konsekuttivi, sakemm l-Istati Membri speċifikament ma jipprevedux mod ieħor. L-informazzjoni pprovduta qabel l-ewwel tluq tista’ tkopri bosta assenjazzjonijiet tax-xogħol raggruppati u sussegwentement f’każ ta’ bidla tista’ tiġi modifikata.

Kapitolu III - Rekwiżiti minimi relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol

Artikolu 7 –Durata massima ta’ kwalunkwe perjodu ta’ probazzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi durata massima ta’ sitt xhur għal kwalunkwe perjodu ta’ probazzjoni, sakemm durata itwal ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-impjieg, bħal pożizzjoni maniġerjali, jew fejn ikun fl-interess tal-ħaddiem, pereżempju estensjoni wara mard fit-tul.

Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-Prinċipju 5(d) tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: "5 (d): Il-perjodu ta’ probazzjoni għandu jkun ta’ durata raġonevoli”.

Artikolu 8 – Impjieg b'mod parallel

Dan l-Artikolu jistipula li l-ebda ħaddiem ma jista' jitwaqqaf mill-impjegatur tiegħu milli jieħu impjieg ieħor (dawk li jissejħu klawżoli ta' esklussività jew ta' inkompatibbiltà), sakemm dan ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet leġittimi bħall-protezzjoni ta' sigrieti tan-negozju jew biex jevita kunflitti ta' interess.

Artikolu 9 – Prevedibbiltà minima tax-xogħol

Dan l-Artikolu jistipula li, jekk ħaddiem ikollu skeda tax-xogħol varjabbli fejn ikun l-impjegatur, u mhux il-ħaddiem, li jiddetermina ż-żmien tal-assenjazzjonijiet tax-xogħol,

(a) l-impjegatur irid jinnotifika lil dawn il-ħaddiema dwar il-perjodi ta’ sigħat u ta’ jiem li fihom jistgħu jkunu meħtieġa jaħdmu. Dak jippermetti li l-ħaddiema jużaw il-ħin mhux kopert minn dawn is-sigħat/jiem ta' referenza f'impjieg ieħor, fl-edukazzjoni jew sabiex jissodisfaw obbligi ta' kura. Il-ħaddiema jistgħu jaqblu li jaħdmu barra mis-sigħat u l-jiem ta’ referenza, iżda ma jistgħux ikunu obbligati li jagħmlu dan, u ma għandhomx ikunu soġġetti għal detriment jekk jirrifjutaw (ara l-Artikolu 16).

(b) il-ħaddiema ma jistgħux ikunu meħtieġa jaħdmu jekk jirċievu avviż bil-quddiem mingħand l-impjegatur tagħhom li ma jkunx raġonevoli, stabbilit minn qabel fid-dikjarazzjoni bil-miktub. Huma jistgħu jaqblu li jagħmlu dan iżda ma jridux ikunu soġġetti għal detriment jekk jirrifjutaw (ara l-Artikolu 16). L-interpretazzjoni ta' avviż bil-quddiem raġonevoli tista' tvarja bejn is-setturi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx f’każijiet fejn l-impjegatur jistabbilixxi kompitu li jrid jinkiseb, iżda l-ħaddiem huwa liberu li jiddetermina l-iskeda tal-ħin li fiha jwettaq il-kompitu.

Artikolu 10 – Tranżizzjoni għal forma oħra ta' impjieg

Dan l-artikolu jistabbilixxi li l-ħaddiema se jkunu jistgħu jitolbu forma ta’ xogħol iktar sigura u prevedibbli, fejn disponibbli pereżempju għall-ħaddiema li jixtiequ jagħmlu tranżizzjoni lejn relazzjoni ta’ impjieg full-time, jew relazzjoni ta’ impjieg b’għadd ogħla ta’ sigħat garantiti ta’ ħlas jew skeda tax-xogħol inqas varjabbli. L-impjegaturi huma meħtieġa jwieġbu bil-miktub.

Id-data ta’ skadenza għat-tweġiba tal-impjegatur se tkun ta’ tliet xhur għall-persuni fiżiċi u l-intrapriżi mikro, żgħar jew medji, u xahar għall-intrapriżi ikbar, sabiex jitnaqqas il-piż għall-intrapriżi iżgħar li jista’ jkun li ma jkollhomx l-istess aċċess għal servizzi apposta ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani. Barra minn hekk, it-tweġiba għal talbiet sussegwenti mill-istess ħaddiem lill-impjegatur li huwa persuna fiżika jew intrapriża mikro, żgħira jew medja, tista’ ssir bil-fomm, jekk il-ġustifikazzjoni għat-tweġiba tibqa’ l-istess.

Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-Prinċipju 5(a) tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: “Għandha titrawwem it-transizzjoni lejn forom ta’ impjiegi miftuħa.”

Artikolu 11 – Taħriġ

Din id-dispożizzjoni tiżgura li l-impjegaturi jipprovdu lill-ħaddiema bi kwalunkwe taħriġ sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom li l-impjegaturi huma meħtieġa jipprovdu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi mingħajr ma l-ħaddiema jkollhom iħallsu għalihom.

Kapitolu IV - Ftehimiet kollettivi

Artikolu 12 - Ftehimiet kollettivi

Din id-dispożizzjoni tippermetti emendi tal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 (jiġifieri d-drittijiet materjali iżda mhux il-pakkett ta' informazzjoni) permezz ta' ftehimiet kollettivi konklużi bejn is-sħab soċjali skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali. Il-livell ġenerali ta' protezzjoni għall-ħaddiema ma għandux ikun inqas minn dak previst fl-Artikoli 7 sa 11 meqjusa flimkien.

Kapitolu V – Dispożizzjonijiet orizzontali

Artikolu 13 – Konformità

Din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikoli 16 sa 18, issegwi l-istess approċċ adottat mill-koleġiżlatur fid-Direttiva 2006/54/KE, id-Direttiva 2000/43/KE u d-Direttiva 2000/78/KE.

L-Artikolu 13 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li jsiru l-emendi meħtieġa għall-ftehimiet individwali jew kollettivi, ir-regoli interni tal-impriżi u kull arranġament ieħor sabiex dawn jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta. Dan l-obbligu ma jikkonċernax l-emendi tal-istandards minimi stipulati fl-Artikoli 7 sa 11 stabbiliti skont l-Artikolu 12.

Artikolu 14 - Preżunzjoni legali u mekkaniżmu għal soluzzjoni bikrija

Dan l-Artikolu jipprevedi, abbażi ta’ prattika tajba eżistenti fost l-Istati Membri, żewġ metodi alternattivi ta’ rimedju jekk ma tkunx ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha jew parti minnha kif stabbilit fl-Artikolu 3, jew

·l-użu ta’ preżunzjonijiet favorevoli proporzjonati għall-informazzjoni nieqsa, inkluża mill-inqas preżunzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat jekk ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar id-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, preżunzjoni ta’ pożizzjoni full-time jekk ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar is-sigħat imħallsa garantiti, u preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ perjodu ta’ probazzjoni fejn ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar l-eżistenza jew id-durata tal-perjodu ta’ probazzjoni; jew

·l-aċċess għal proċedura amministrattiva li biha awtorità kompetenti (li tista’ tkun korp eżistenti bħal spettorat tax-xogħol jew korp ġudizzjarju) ikollha l-awtorità li tistabbilixxi l-fatti tal-każ, sabiex tordna lill-impjegatur joħroġ l-informazzjoni nieqsa, u timponi multa jekk dan ma jsirx.

Din id-dispożizzjoni tindirizza n-nuqqasijiet fil-mekkaniżmi eżistenti identifikati fl-evalwazzjoni REFIT, li kkonkludiet li s-sistemi ta' rimedju bbażati fuq talbiet għal danni huma inqas effettivi minn dawk ibbażati fuq forom oħrajn ta’ penali bħal somom f’daqqa 30 .

Biex jiġu evitati piżijiet tal-proċeduri ta’ rimedju formali f’sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni li tkun żbaljata jew nieqsa tista’ faċilment tiġi rimedjata, kwalunkwe omissjoni ta’ informazzjoni trid l-ewwel tiġi notifikata lill-impjegatur, li għandu 15-il jum biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa.

Artikolu 15 – Dritt għal rimedju

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi legali nazzjonali jipprovdu aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju u, fejn xieraq, kumpens, għal ksur tad-drittijiet stabbiliti skont id-Direttiva proposta. Dan jirrifletti l-Prinċipju 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Artikolu 16 – Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja adegwata lill-ħaddiema li jilmentaw dwar ksur ta’ dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva kontra kwalunkwe trattament jew konsegwenzi negattivi mill-impjegatur.

Artikolu 17 – Protezzjoni mis-sensja u l-oneru tal-prova

Jekk ħaddiem iqis li jkun ġie mkeċċi jew soġġett għal detriment ekwivalenti (pereżempju ħaddiem fuq talba li ma baqax jiġi assenjat xogħol) minħabba li japplika d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva jew igawdi minnhom, u huwa kapaċi jistabbilixxi fatti li jsostnu din l-affermazzjoni, din id-dispożizzjoni tqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-impjegatur sabiex juri li s-sensja jew it-trattament detrimentali allegat kienu bbażati fuq raġunijiet oġġettivi oħrajn.

Artikolu 18 – Penali

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva, u jiżguraw li dawn jiġu applikati.

Capitolu VI – Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 19 – Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

Din hija dispożizzjoni standard li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu livell ta' protezzjoni iktar għoli minn dak iggarantit mid-Direttiva proposta, u li timpedixxi l-użu tagħha biex jitbaxxew l-istandards eżistenti fl-istess oqsma.

Artikolu 20 – Implimentazzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-perjodu massimu li l-Istati Membri għandhom sabiex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit għal sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ. Barra minn hekk, tenfasizza li skont l-Artikolu 153(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-Sħab Soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva, meta s-Sħab Soċjali jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont din id-Direttiva.

Artikolu 21 – Arranġamenti tranżitorji

Dan l-Artikolu jipprevedi t-tranżizzjoni bejn id-Direttiva 91/533/KEE u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva proposta.

Artikolu 22 – Reviżjoni mill-Kummissjoni

Din hija dispożizzjoni standard li teħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-koleġiżlatur dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva inkluża l-valutazzjoni ta' kwalunkwe ħtieġa li d-Direttiva tiġi riveduta u aġġornata.

Artikolu 23 – Tħassir

Din id-dispożizzjoni tistipula d-data li fiha titħassar id-Direttiva 91/533/KEE, filwaqt li tispeċifika li r-referenzi kollha għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-Direttiva l-ġdida.

L-Artikolu 24 – Dħul fis-seħħ u l-Artikolu 25 - Destinatarji

Dawn huma dispożizzjonijiet standard li jistipulaw li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali u hija indirizzata għall-Istati Membri.

2017/0355 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(1)(b) u (2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 31 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 32 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi fl-Artikolu 31 tagħha li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, u għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perjodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.

(2)Il-Prinċipju 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jiddikjara li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol, inkluż dwar il-perjodu ta’ probazzjoni, u li għandhom id-dritt għall-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u, f’każ ta’ sensja mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat. Il-Prinċipju 5 jiddikjara li irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ, li għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta' abbuż ta’ kuntratti atipiċi, li kwalunkwe perjodu ta’ probazzjoni jenħtieġ li jkun ta’ durata raġonevoli u li għandha titrawwem it-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg miftuħa.

(3)Mill-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, 33 is-swieq tax-xogħol għaddew minn bidliet kbar minħabba l-iżviluppi demografiċi u d-diġitalizzazzjoni li wasslu għall-ħolqien ta' forom ġodda ta' impjieg, li appoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol. Forom ġodda ta' impjieg spiss mhumiex daqshekk regolari jew stabbli daqs relazzjonijiet ta' impjieg tradizzjonali u jwasslu għal prevedibbiltà mnaqqsa għall-ħaddiema kkonċernati, filwaqt li joħolqu inċertezza fir-rigward tad-drittijiet applikabbli u l-protezzjoni soċjali. F’din id-dinja tax-xogħol li qed tevolvi, għalhekk hemm ħtieġa ikbar li l-ħaddiema jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol essenzjali tagħhom, li jenħtieġ li jsir bil-miktub u fi żmien xieraq. Sabiex l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' impjieg jiġi inkwadrat b'mod adegwat, il-ħaddiema fl-Unjoni jenħtieġ li jingħataw ukoll għadd ta' drittijiet minimi ġodda mmirati lejn il-promozzjoni tas-sigurtà u l-prevedibbiltà fir-relazzjonijiet ta' impjieg filwaqt li tinkiseb konverġenza ’l fuq fl-Istati Membri u tiġi ppreservata l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol.

(4)Skont id-Direttiva 91/533/KEE, il-maġġoranza tal-ħaddiema fl-Unjoni għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Madankollu, id-Direttiva 91/533/KEE ma tkoprix lill-ħaddiema kollha fl-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba żviluppi fis-suq tax-xogħol mill-1991 inħolqu lakuni fil-protezzjoni għal forom ġodda ta' impjiegi.

(5)Ir-rekwiżiti minimi relatati mal-informazzjoni dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg u relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol li japplikaw għal kull ħaddiem jenħtieġ li għalhekk jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiggarantixxu lill-ħaddiema kollha fl-Unjoni livell adegwat ta' trasparenza u prevedibbiltà fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol.

(6)Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni f'żewġ fażijiet mas-sħab soċjali dwar it-titjib tal-kamp ta' applikazzjoni u l-effettività tad-Direttiva 91/533/KEE u t-twessigħ tal-għanijiet tagħha sabiex jiddaħħlu drittijiet ġodda għall-ħaddiema, skont l-Artikolu 154 tat-Trattat. Dan ma rriżultax fi ftehim fost is-sħab soċjali sabiex jidħlu f'negozjati dwar dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, kif ikkonfermat mill-eżitu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin imwettqa sabiex ikunu magħrufin l-opinjonijiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ċittadini, huwa importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam billi l-qafas legali attwali jiġi mmodernizzat u adattat.

(7)Sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, il-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva 91/533/KEE jenħtieġ li jiġi aġġornat. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet kriterji sabiex tiddetermina l-istatus ta' ħaddiem 34 li huma xierqa sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta' applikazzjoni personali ta' din id-Direttiva. Id-definizzjoni ta’ ħaddiem fl-Artikolu 2(1) hija bbażata fuq dawn il-kriterji. Dawn jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi tal-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva filwaqt li jħallu f'idejn l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali sabiex japplikawh għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Dment li jissodisfaw dawn il-kriterji, il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, il-ħaddiema tal-pjattaforma, it-trainees u l-apprendisti jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(8)Minħabba l-għadd dejjem jikber ta' ħaddiema esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE fuq il-bażi ta' derogi magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, huwa meħtieġ li dawn id-derogi jiġu sostitwiti bil-possibbiltà għall-Istati Membri li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal relazzjoni ta’ impjieg ta’ 8 sigħat jew inqas b’kollox f’perjodu ta’ referenza ta’ xahar. Dik id-deroga ma taffettwax id-definizzjoni ta’ ħaddiem kif prevista fl-Artikolu 2(1).

(9)Minħabba l-imprevedibbiltà tax-xogħol fuq talba inklużi l-kuntratti ta’ żero sigħat, id-deroga ta’ 8 sigħat fix-xahar jenħtieġ li ma tintużax għal relazzjonijiet ta’ impjieg li fihom l-ebda ammont garantit ta’ xogħol imħallas ma jiġi determinat qabel il-bidu tal-impjieg.

(10)Diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi differenti jistgħu fil-prattika jkollhom il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' impjegatur. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi sabiex jiddeterminaw b'mod iktar preċiż il-persuna/i li huma kkunsidrati totalment jew parzjalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li din id-Direttiva tistabbilixxi għall-impjegaturi, dment li dawk l-obbligi jkunu kollha ssodisfatti. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jiddeċiedu li wħud minn dawk l-obbligi jew kollha għandhom jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mir-relazzjoni ta’ impjieg. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi sabiex jeskludu lill-individwi li jaġixxu bħala impjegaturi ta’ ħaddiema domestiċi f’unitajiet domestiċi mill-obbligi li jikkunsidraw u jwieġbu għat-talbiet għal tip ta’ impjieg differenti, biex jipprovdu taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas, u mill-kopertura tal-mekkaniżmu ta’ rimedju fuq il-bażi ta’ preżunzjonijiet favorevoli fil-każ ta’ informazzjoni nieqsa fid-dikjarazzjoni bil-miktub.

(11)Id-Direttiva 91/533/KEE introduċiet lista minima ta’ aspetti essenzjali li l-ħaddiema għandhom ikunu infurmati bil-miktub dwarhom. Dik il-lista jeħtieġ li tiġi adattata sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari t-tkabbir ta’ forom ta’ impjiegi mhux standard.

(12)L-informazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol jenħtieġ li tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 , u tinkludi informazzjoni dwar waqfiet, mistrieħ ta' kuljum, mistrieħ fil-ġimgħa u l-ammont ta' leave imħallas.

(13)L-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni li għandha tiġi pprovduta jenħtieġ li tinkludi l-elementi kollha tar-remunerazzjoni, inklużi l-kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, riċevuti direttament jew indirettament mill-ħaddiem fir-rigward tax-xogħol tiegħu. L-għoti ta’ din l-informazzjoni jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-impjegaturi li jipprovdu elementi addizzjonali ta’ remunerazzjoni bħal ħlasijiet ta’ darba. Il-fatt li l-elementi ta' remunerazzjoni dovuti mil-liġi jew minn ftehim kollettiv ma ġewx inklużi f'dik l-informazzjoni ma għandux jikkostitwixxi raġuni għalfejn ma ġewx ipprovduti lill-ħaddiem.

(14)Jekk ma jkunx possibbli li tiġi indikata skeda tax-xogħol fissa minħabba n-natura tal-impjieg, il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu jafu kif se tiġi stabbilita l-iskeda tax-xogħol tagħhom, inklużi l-perjodi ta' ħin li fihom jistgħu jintalbu jaħdmu u l-avviż bil-quddiem minimu li jenħtieġ li jirċievu.

(15)L-informazzjoni dwar is-sistemi tas-sigurtà soċjali jenħtieġ li tinkludi, fejn rilevanti, benefiċċji tal-mard, maternità u benefiċċji ekwivalenti għall-ġenituri, paternità, anzjanità, invalidità, superstiti, qgħad, irtirar bikri jew tal-familja. L-informazzjoni dwar il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali pprovduta mill-impjegatur jenħtieġ li tinkludi, fejn rilevanti, kopertura minn skemi ta' pensjoni supplimentari skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill  98/49/KE 36 u d-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 .

(16)Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jiġu informati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg. L-informazzjoni rilevanti jenħtieġ li għalhekk tasal għandhom mhux iktar tard mill-ewwel jum ta' impjieg.

(17)Sabiex jgħinu lill-impjegaturi jipprovdu informazzjoni f’waqtha, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ formoli fil-livell nazzjonali li jinkludu informazzjoni li tkun komprensiva biżżejjed u rilevanti dwar il-qafas legali applikabbli. Dawn il-formoli jistgħu jiġu żviluppati aktar fil-livell settorjali jew lokali, mill-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali.

(18)Ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż jenħtieġ li jirċievu informazzjoni addizzjonali speċifika għas-sitwazzjoni tagħhom. Għal assenjazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi mwettqa f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi, bħat-trasport internazzjonali bit-triq, dik l-informazzjoni tista’ tiġi raggruppata għal diversi assenjamenti qabel l-ewwel tluq u wara tista’ tiġi modifikata f’każ ta’ bidla. Meta jikkwalifikaw bħala ħaddiema stazzjonati skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 38 jenħtieġ li jiġu nnotifikati wkoll dwar is-sit web nazzjonali uniku żviluppat mill-Istat Membru ospitanti fejn jistgħu jsibu l-informazzjoni rilevanti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol li japplikaw għas-sitwazzjoni tagħhom. Sakemm l-Istati Membri ma jipprevedux mod ieħor, dawn l-obbligi japplikaw jekk id-durata tal-perjodu tax-xogħol barra mill-pajjiż tkun aktar minn erba’ ġimgħat konsekuttivi.

(19)Il-perjodi ta’ probazzjoni jippermettu lill-impjegaturi jivverifikaw li l-ħaddiema jkunu adattati għall-pożizzjoni li jkunu impjegati biex jimlew filwaqt li jagħtuhom l-appoġġ ta’ akkumpanjament u t-taħriġ. Dawn il-perjodi jistgħu jkunu akkumpanjati minn protezzjoni mnaqqsa kontra s-sensja. Kull dħul fis-suq tax-xogħol jew tranżizzjoni lejn pożizzjoni ġdida ma għandhomx ikunu soġġetti għal insigurtà fit-tul. Kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-perjodi ta' probazzjoni jenħtieġ li għalhekk ikunu ta' durata raġonevoli. Għadd sostanzjali ta’ Stati Membri stabbilixxew durata massima ġenerali tal-perjodi ta’ prova ta’ bejn tlieta u sitt xhur, li għandha titqies bħala raġonevoli. Il-perjodi ta’ probazzjoni jistgħu jkunu ta’ aktar minn sitt xhur meta dan ikun iġġustifikat min-natura tal-impjieg, bħal pożizzjonijiet maniġerjali, u meta jkun fl-interess tal-ħaddiem, bħal fil-każ ta’ mard fit-tul jew fil-kuntest ta’ miżuri speċifiċi li jippromwovu l-impjiegi permanenti b’mod partikolari għall-ħaddiema żgħażagħ.

(20)L-impjegaturi ma għandhomx jipprojbixxi lill-ħaddiema milli jaħdmu ma’ impjegaturi oħrajn, lil hinn mill-ħinijiet li jaħdmu għalihom, fil-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 . Il-klawżoli ta’ inkompatibbiltà, mifhuma bħala restrizzjoni fuq ix-xogħol għal kategoriji speċifiċi ta’ impjegaturi, jistgħu jkunu meħtieġa għal raġunijiet oġġettivi, bħall-protezzjoni ta' sigrieti tan-negozju jew l-evitar ta' kunflitti ta' interess.

(21)Ħaddiema li l-iskeda tax-xogħol tagħhom hija l-iktar varjabbli jenħtieġ li jibbenefikaw minn prevedibbiltà minima ta’ xogħol fejn l-iskeda tax-xogħol hija ddeterminata prinċipalment mill-impjegaturi, kemm direttament – pereżempju billi jallokaw assenjazzjonijiet tax-xogħol – jew indirettament – pereżempju billi jeħtieġu li l-ħaddiem jwieġbu għat-talbiet tal-klijenti.

(22)Is-sigħat u l-jiem ta’ referenza, mifhuma bħala slots ta’ ħin fejn ix-xogħol jista’ jsir fuq talba tal-impjegatur, jenħtieġ li jiġu stabbiliti bil-miktub fil-bidu tar-relazzjoni ta’ impjieg.

(23)Avviż bil-quddiem minimu raġonevoli, mifhum bħala l-perjodu ta' żmien bejn il-mument li fih il-ħaddiem ikun infurmat dwar assenjazzjoni ta' xogħol ġdid u l-mument li fih jibda l-assenjament, jikkostitwixxi element neċessarju ieħor ta’ prevedibbiltà tax-xogħol għar-relazzjonijiet ta’ impjieg bi skeda tax-xogħol li tkun varjabbli jew fil-biċċa l-kbira determinata mill-impjegatur. It-tul tal-perjodu ta’ avviż bil-quddiem jista’ jvarja skont il-ħtiġijiet tas-setturi, filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema. Dan japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 .

(24)Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw assenjazzjoni ta’ xogħol jekk din ma tkunx fil-ħinijiet u fil-jiem ta’ referenza jew ma tkunx ġiet notifikata fi żmien l-avviż bil-quddiem minimu mingħajr ma jsofru konsegwenzi negattivi għal dan ir-rifjut. Il-ħaddiema għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jaċċettaw l-assenjazzjoni tax-xogħol jekk jixtiequ hekk.

(25)Meta l-impjegaturi jkollhom il-possibbiltà li joffru kuntratti tax-xogħol full-time jew indefiniti għall-ħaddiema f’forom ta’ impjieg mhux standard, jenħtieġ li tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg iktar siguri. Il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu forma ta’ impjieg iktar prevedibbli u sigura, meta disponibbli, u jirċievu risposta bil-miktub mill-impjegatur, li tqis il-ħtiġijiet tal-impjegatur u tal-ħaddiem.

(26)Meta l-impjegaturi jkunu meħtieġa mil-leġiżlazzjoni jew minn ftehimiet kollettivi li jipprovdu taħriġ lill-ħaddiema sabiex iwettqu x-xogħol li huma impjegati għalih, huwa importanti li jiġi żgurat li tali taħriġ ikun ipprovdut b'mod ekwu, inklużi għal dawk f'forom ta' impjieg mhux standard. L-ispejjeż ta' dan it-taħriġ m'għandhomx jitħallsu mill-ħaddiem u lanqas ma għandhom jinżammu jew jitnaqqsu mir-remunerazzjoni tal-ħaddiem.

(27)Is-sħab soċjali jistgħu jikkunsidraw li f'setturi jew f'sitwazzjonijiet speċifiċi dispożizzjonijiet differenti jkunu iktar xierqa, sabiex jintlaħaq l-għan ta' din id-Direttiva, milli l-istandards minimi stabbiliti fil-Kapitolu Tlieta ta' din id-Direttiva. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jimmodifikaw id-dispożizzjonijiet li jinsabu f'dak il-kapitolu, dment li ma jitnaqqasx il-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

(28)Il-konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali wriet il-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tax-xogħol tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħha. Fir-rigward tad-Direttiva 91/533/KEE, l-evalwazzjoni REFIT 41 ikkonfermat li mekkaniżmi msaħħa ta' infurzar jistgħu jtejbu l-effettività tagħha. Hija wriet li s-sistemi ta' rimedju bbażati biss fuq talbiet għal danni huma inqas effettivi minn sistemi li jipprovdu wkoll għal sanzjonijiet (bħal somom f'daqqa jew telf ta' permessi) għal impjegaturi li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet bil-miktub. Hija wriet ukoll li l-impjegati rari jfittxu rimedju matul ir-relazzjoni ta' impjieg, li jipperikola l-għan tad-dispożizzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub li tiżgura li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar il-karatteristiċi essenzjali tar-relazzjoni ta' impjieg tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta' infurzar li jiżguraw jew l-użu ta' preżunzjonijiet favorevoli fejn ma tingħatax informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta' impjieg, jew inkella l-użu ta' proċedura amministrattiva li biha l-impjegatur jista' jkun meħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni nieqsa u jkun suġġett għal sanzjoni f'każ li ma jagħmilx hekk. Dak ir-rimedju jenħtieġ li jkun soġġett għal proċedura li biha l-impjegatur jiġi notifikat li jkun hemm informazzjoni li tkun nieqsa u li għandu 15-il jum sabiex jipprovdi l-informazzjoni sħiħa u korretta.

(29)Mid-Direttiva 91/533/KEE fl-Unjoni ġiet adottata sistema estensiva ta’ dispożizzjonijiet ta’ infurzar għall-acquis soċjali, partikolarment fl-oqsma ta’ kontra d-diskriminazzjoni u tal-opportunitajiet indaqs, li l-elementi tagħha jenħtieġ li jiġu applikati għal din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, li jirrifletti l-Prinċipju 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(30)Speċifikament, meta titqies in-natura fundamentali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-ħaddiema jenħtieġ li jkomplu jgawdu minn protezzjoni bħal din anke wara t-tmiem tar-relazzjoni ta' impjieg li twassal għal ksur allegat tad-drittijiet tal-ħaddiem skont din id-Direttiva.

(31)L-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva tirrikjedi protezzjoni ġudizzjarja u amministrattiva adegwata kontra kwalunkwe trattament negattiv bħala reazzjoni għal tentattiv sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet previsti f'din id-Direttiva, kwalunkwe ilment mal-impjegatur jew kwalunkwe proċedura legali jew amministrattiva mmirata sabiex tinforza l-konformità ma' din id-Direttiva.

(32)Il-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jgawdu mill-protezzjoni kontra s-sensja jew detriment ekwivalenti (bħal ħaddiem fuq talba li ma jibqax jiġi assenjat xogħol) jew xi tħejjijiet għal sensja possibbli, għar-raġuni li ppruvaw jeżerċitaw dawn id-drittijiet. Meta l-ħaddiema jikkunsidraw li ġew imkeċċija jew sofrew detriment ekwivalenti għal dawk ir-raġunijiet, il-ħaddiema u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għas-sensja jew miżura ekwivalenti.

(33)L-oneru tal-prova li ma kienx hemm sensja jew detriment ekwivalenti minħabba li l-ħaddiema eżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f'din id-Direttiva, jenħtieġ li jaqa' fuq l-impjegaturi meta l-ħaddiema jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista' jkun preżunt li ġew imkeċċija, jew li ġew soġġetti għal miżuri b’effett ekwivalenti, għal dawn ir-raġunijiet.

(34)L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi f’din id-Direttiva.

(35)Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi komuni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(36)Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tħalli l-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli l-istess. Id-drittijiet akkwistati skont il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, dment li ma jkunux introdotti dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża sabiex tnaqqas drittijiet eżistenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni eżistenti nazzjonali jew tal-Unjoni f'dan il-qasam u lanqas ma tista' tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

(37)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna sabiex jevalwaw l-impatt tal-att ta' traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs biex jiżguraw li l-SMEs ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat, b'attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv, u biex jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

(38)L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt sabiex jagħmlu dan u dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont din id-Direttiva.

(39)Fid-dawl tal-bidliet sostanzjali introdotti minn din id-Direttiva fil-livell tal-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut, ma jkunx xieraq li d-Direttiva 91/533/KEE tiġi emendata. Għalhekk, id-Direttiva 91/533/KEE jenħtieġ li titħassar.

(40)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, 42 f’każijiet iġġustifikati, l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Għan, suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.L-għan ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi impjiegi iktar siguri u prevedibbli filwaqt li tiżgura adattabbiltà fis-suq tax-xogħol.

2.Din id-Direttiva tistabbilixxi drittijiet minimi li japplikaw għal kull ħaddiem fl-Unjoni.

3.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi f’din id-Direttiva għal ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg ta' 8 sigħat jew inqas b'kollox f'perjodu ta' referenza ta' xahar. Il-ħin maħdum mal-impjegaturi kollha li jiffurmaw jew jappartjenu għall-istess intrapriża, grupp jew entità għandu jingħadd ma' dak il-perjodu ta' 8 sigħat.

4.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal relazzjoni ta' impjieg fejn l-ebda ammont garantit ta' xogħol imħallas ma jkun stabbilit minn qabel qabel jibda l-impjieg.

5.L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw liema persuni huma responsabbli għat-twettiq tal-obbligi għall-impjegaturi stabbiliti b'din id-Direttiva dment li dawk l-obbligi kollha jkunu ssodisfati. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li dawk l-obbligi kollha jew parti minnhom jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mir-relazzjoni ta' impjieg. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/104/KE.

6.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 u fl-Artikolu 14(a) għal persuni fiżiċi li jappartjenu f’unità domestika fejn ikun qed isir xogħol għal dik l-unità domestika.

7.Il-Kapitolu II ta' din id-Direttiva japplika għall-baħħara u għas-sajjieda mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159, rispettivament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“ħaddiem” tfisser persuna naturali li għal ċertu perjodu ta’ żmien twettaq servizzi għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha għal remunerazzjoni;

(b)“impjegatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar li hija jew huma direttament jew indirettament parti mir-relazzjoni ta' impjieg ma' ħaddiem;

(c)“relazzjoni ta’ impjieg” tfisser ir-relazzjoni tax-xogħol bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi kif definita hawn fuq;

(d)“skeda tax-xogħol” tfisser l-iskeda li tiddetermina s-sigħat u l-jiem li fihom tibda u tispiċċa l-prestazzjoni tax-xogħol;

(e)“sigħat u jiem ta’ referenza” tfisser slots ta' ħin f'jiem speċifiċi li matulhom ix-xogħol jista' jsir fuq talba tal-impjegatur.

2.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva t-termini “mikrointrapriża”, “intrapriża żgħira” u “intrapriża ta’ daqs medju” għandu jkollhom it-tifsira stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju 43 jew fi kwalunkwe att sussegwenti li jissostitwixxi dik ir-Rakkomandazzjoni.

Kapitolu II

Informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg

Artikolu 3

Obbligu ta' għoti ta' informazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jkunu meħtieġa li jinfurmaw lill-ħaddiema dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tal-impjieg.

2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)l-identitajiet tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ impjieg;

(b)il-post tax-xogħol; meta ma jkunx hemm post tax-xogħol fiss jew ewlieni, il-prinċipju li l-ħaddiem huwa impjegat f'diversi postijiet jew huwa liberu li jiddetermina l-post tax-xogħol tiegħu, u l-post tan-negozju rreġistrat jew, fejn xieraq, id-domiċilju tal-impjegatur;

(c)(i) it-titlu, il-grad, in-natura jew il-kategorija tax-xogħol li għalih huwa impjegat il-ħaddiem; jew    

(ii) speċifikazzjoni jew deskrizzjoni qasira tax-xogħol;

(d)id-data tal-bidu tar-relazzjoni ta' impjieg;

(e)fil-każ ta' relazzjoni ta' impjieg temporanju, id-data tat-tmiem jew id-durata mistennija tiegħu;

(f)id-durata u l-kondizzjonijiet tal-perjodu ta’ probazzjoni, jekk ikun hemm;

(g)kwalunkwe intitolament għal taħriġ ipprovdut mill-impjegatur;

(h)l-ammont ta' leave imħallas li huwa intitolat għalih il-ħaddiem jew, meta dan ma jkunx jista' jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-proċeduri sabiex dak il-leave jiġi allokat u ddeterminat;

(i)il-proċedura, li tinkludi t-tul tal-perjodu ta’ avviż, li trid tiġi osservata mill-impjegatur u mill-ħaddiem jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tintemm jew, meta t-tul tal-perjodu ta’ avviż ma jkunx jista’ jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-metodu sabiex jiġi determinat dak il-perjodu ta’ avviż;

(j)l-ammont bażiku inizjali, kwalunkwe element ta' komponenti oħrajn, il-frekwenza u l-metodu ta' ħlas tar-remunerazzjoni li l-ħaddiem huwa intitolat għaliha;

(k)jekk l-iskeda tax-xogħol hija kompletament jew fil-biċċa l-kbira mhux varjabbli, it-tul tal-jum tax-xogħol jew tal-ġimgħa standard tal-ħaddiem u kwalunkwe arranġament għas-sahra u r-remunerazzjoni tagħha;

(l)jekk l-iskeda tax-xogħol tkun kompletament jew fil-biċċa l-kbira varjabbli, il-prinċipju li l-iskeda tax-xogħol tkun varjabbli, l-ammont ta' sigħat garantiti mħallsa, ir-remunerazzjoni tax-xogħol imwettaq lil hinn mill-ħinijiet garantiti u, jekk l-iskeda tax-xogħol tkun kompletament jew fil-biċċa l-kbira determinata mill-impjegatur:

(i)is-sigħat u l-jiem ta’ referenza li fihom il-ħaddiem jista’ jkun meħtieġ li jaħdem;

(ii)l-avviż bil-quddiem minimu li l-ħaddiem għandu jirċievi qabel il-bidu ta’ assenjament ta’ xogħol;

(m)kwalunkwe ftehim kollettiv li jirregola l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem; fil-każ ta' ftehimiet kollettivi konklużi barra n-negozju minn korpi jew istituzzjonijiet konġunti speċjali, l-isem tal-korp kompetenti jew tal-istituzzjoni konġunta li fi ħdanha ġew konklużi l-ftehimiet;

(n)l-istituzzjoni(jiet) tas-sigurtà soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet soċjali marbutin mar-relazzjoni ta' impjieg u kull protezzjoni relatata mas-sigurtà soċjali pprovduta mill-impjegatur.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(f) sa (k) u (n) tista', fejn xieraq, tingħata f'forma ta' referenza għal-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew ftehimiet kollettiv li jirregolaw dawk il-punti partikolari.

Artikolu 4

Żmien u mezzi ta’ informazzjoni

1.L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tingħata individwalment lill-ħaddiem fil-forma ta' dokument sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tar-relazzjoni ta' impjieg. Dak id-dokument jista' jiġi pprovdut u trażmess b'mod elettroniku dment li jkun aċċessibbli faċilment mill-ħaddiem u jista' jinħażen u jiġi stampat.

2.L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw formoli u mudelli għad-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 u jagħmluhom għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, inkluż billi jagħmluhom disponibbli fuq sit web nazzjonali uffiċjali uniku u permezz ta' mezzi xierqa oħrajn.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw il-qafas legali applikabbli li għandhom jiġu kkomunikati mill-impjegaturi ssir b’mod ġenerali disponibbli mingħajr ħlas b’mod ċar, trasparenti, komprensiv u faċilment aċċessibbli mill-bogħod permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż permezz ta’ portals online eżistenti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Bidla fir-relazzjoni ta’ impjieg

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fl-aspetti tar-relazzjoni ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż tal-Artikolu 6 għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ dokument mill-impjegatur lill-ħaddiem mal-ewwel opportunità u mhux iktar tard mill-jum li fih issir effettiva.

Artikolu 6

Informazzjoni addizzjonali għal ħaddiema stazzjonati jew mibgħuta barra mill-pajjiż

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ikun meħtieġ li jaħdem fi Stat Membru jew f'pajjiż terz li mhux l-Istat Membru li fih jaħdem normalment, id-dokument imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandu jingħata qabel it-tluq tiegħu u għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)il-pajjiż jew il-pajjiżi li fihom se jitwettaq ix-xogħol barra mill-pajjiż u d-durata tiegħu;

(b)il-munita li għandha tintuża għall-ħlas tar-remunerazzjoni;

(c)fejn applikabbli, il-benefiċċji fi flus kontanti jew in natura fuq l-assenjament(i) tax-xogħol li, fil-każ ta' ħaddiema stazzjonati koperti mid-Direttiva 96/71/KE, jinkludu kwalunkwe konċessjoni speċifika għall-istazzjonar u kwalunkwe arranġament biex jiġi rimborżat l-infiq fuq il-vjaġġi, l-ikel u l-akkomodazzjoni;

(d)fejn applikabbli, il-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-ripatrijazzjoni tal-ħaddiem.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk il-ħaddiem mibgħut barra mill-pajjiż ikun ħaddiem stazzjonat kopert bid-Direttiva 96/71/KE, huwa għandu jiġi nnotifikat ukoll dwar:

(a)ir-remunerazzjoni li l-ħaddiem huwa intitolat għaliha skont il-liġi applikabbli tal-Istat Membru ospitanti;

(b)il-link għas-sit(i) web nazzjonali uffiċjali żviluppat(i) mill-Istat(i) Membru(i) ospitanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/67/UE.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) u 2(a) tista', fejn xieraq, tingħata f'forma ta' referenza għal-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw dawk il-punti partikolari.

4.Sakemm l-Istati Membri ma jipprevedux mod ieħor, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk id-durata ta’ kull perjodu tax-xogħol barra mill-Istat Membru li fih jaħdem normalment il-ħaddiem tkun ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi jew inqas.

Kapitolu III

Rekwiżiti minimi relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol

Artikolu 7

Durata massima ta’ kwalunkwe perjodu ta’ probazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta relazzjoni ta’ impjieg tkun soġġetta għal perjodu ta’ probazzjoni, dak il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur, inkluż kwalunkwe estensjoni.

2.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi ta’ probazzjoni itwal f’każijiet fejn dan ikun iġġustifikat min-natura tal-impjieg jew ikun fl-interess tal-ħaddiem.

Artikolu 8

Impjieg b'mod parallel

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegatur ma għandux jipprojbixxi lill-ħaddiema milli jaħdmu ma’ impjegaturi oħrajn, lil hinn mill-iskeda tax-xogħol stabbilita ma’ dak l-impjegatur.

2.Madankollu, l-impjegaturi jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet ta' inkompatibbiltà fejn dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati minn raġunijiet leġittimi bħall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju jew l-evitar ta' kunflitti ta' interess.

Artikolu 9

Prevedibbiltà minima tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-iskeda tax-xogħol ta’ ħaddiem tkun kompletament jew fil-biċċa l-kbira varjabbli u determinata kompletament jew fil-biċċa l-kbira mill-impjegatur, l-impjegatur jista’ jirrikjedi biss li l-ħaddiem jaħdem:

(a)jekk ix-xogħol isir f'sigħat ta' referenza u f'jiem ta' referenza ddeterminati minn qabel, stabbiliti bil-miktub fil-bidu tar-relazzjoni ta' impjieg, skont l-Artikolu 3(2)(l)(i), u

(b)jekk il-ħaddiem ikun infurmat mill-impjegatur tiegħu dwar l-assenjament ta' xogħol f'perjodu raġonevoli minn qabel, skont l-Artikolu 3(2)(l)(ii).

Artikolu 10

Tranżizzjoni għal forma oħra ta' impjieg

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jkollhom mill-inqas sitt xhur esperjenza ta' xogħol mal-istess impjegatur, fejn disponibbli, jistgħu jitolbu forma ta' impjieg b’kondizzjonijiet tax-xogħol iktar prevedibbli u siguri.

2.L-impjegatur għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien xahar mit-talba. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu bħala impjegaturi u intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dik l-iskadenza tiġi estiża għal mhux iktar minn tliet xhur u jippermettu li tingħata risposta bil-fomm għal talba sussegwenti simili mressqa mill-istess ħaddiem jekk il-ġustifikazzjoni għat-tweġiba fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem tibqa’ l-istess.

Artikolu 11

Taħriġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi rilevanti jkunu jirrikjedu li l-impjegaturi jipprovdu t-taħriġ lill-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol li jiġu impjegati għalih, dan it-taħriġ għandu jingħata lill-ħaddiem mingħajr ħlas.

Kapitolu IV

Ftehimiet kollettivi

Artikolu 12

Ftehimiet kollettivi

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li s-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi, f'konformità mal-liġi jew mal-prattika nazzjonali, li, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema, jistabbilixxu arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli 7 sa 11.

Kapitolu V

Dispożizzjonijiet orizzontali

Artikolu 13

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jmorru kontra din id-Direttiva fi ftehimiet individwali jew kollettivi, regoli interni ta' intrapriżi, jew kwalunkwe arranġament ieħor għandhom jiġu ddikjarati nulli jew jiġu emendati sabiex jagħmluhom konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 14

Preżunzjoni legali u mekkaniżmu għal soluzzjoni bikrija

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ma jkunx irċieva fil-ħin id-dokumenti kollha, jew parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 5, jew fl-Artikolu 6, u l-impjegatur naqas milli jirrettifika dik l-omissjoni fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha, għandha tapplika waħda mis-sistemi li ġejjin:

(a)il-ħaddiem għandu jibbenefika minn preżunzjonijiet favorevoli definiti mill-Istat Membru. Meta l-informazzjoni pprovduta ma tinkludix l-informazzjoni msemmija fil-punti (e), (f), (k) jew (l) tal-Artikolu 3(2), il-preżunzjonijiet favorevoli għandhom jinkludu preżunzjoni li l-ħaddiem ikollu relazzjoni ta’ impjieg miftuħa, li ma hemm ebda perjodu ta’ probazzjoni jew li l-ħaddiem għandu pożizzjoni full-time, rispettivament. L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jirribattu l-preżunzjonijiet; jew

(b)il-ħaddiem għandu jkollu l-possibbiltà li jressaq ilment lill-awtorità kompetenti fi żmien xieraq. Jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-ilment ikun iġġustifikat, hija għandha tordna lill-impjegatur(i) rilevanti sabiex jipprovdi/u l-informazzjoni nieqsa. Jekk l-impjegatur ma jipprovdix l-informazzjoni nieqsa fi żmien 15-il jum wara li jirċievi l-ordni, l-awtorità għandha tkun tista’ timponi penali amministrattiva xierqa, anke jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet. L-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jressqu appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni li tiġi imposta penali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi eżistenti bħala l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 15

Dritt għal rimedju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema, inklużi dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun intemmet, ikollhom aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat f'każ ta' ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema li jkunu rappreżentanti tal-impjegati, minn kull trattament negattiv min-naħa tal-impjegatur jew minn konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn ilment imressaq lill-impjegatur jew minn kwalunkwe proċeduri legali mibdija bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 17

Protezzjoni mis-sensja u l-oneru tal-prova

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu s-sensja jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għas-sensja tal-ħaddiema, minħabba li huma eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

2.Ħaddiema li jikkunsidraw li ġew imkeċċija, jew li kienu soġġetti għal miżuri b'effett ekwivalenti, minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jistgħu jitolbu li l-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha. L-impjegatur għandu jipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, meta l-ħaddiema msemmija fil-paragrafu 2 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jista’ jiġi preżunt minnhom li kien hemm sensja ta’ dan it-tip jew l-ekwivalenti tagħha, għandu jkun il-konvenut li juri li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

4.Il-paragrafu 3 ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li huma iktar favorevoli għar-rikorrenti.

5.L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 3 għal proċedimenti fejn huma l-qorti jew il-korp kompetenti li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-proċeduri kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istat Membru.

Artikolu 18

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta' multa. Jistgħu jinkludu wkoll ħlas ta' kumpens.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 19

Disposizzjonijiet iktar favorevoli

1.Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fi ħdan l-Istati Membri.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamentazzjonijiet jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.

3.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-ħaddiema minn atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 20

Implimentazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamentazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [data tad-dħul fis-seħħ + sentejn], jew għandhom jiżguraw li s-sħab soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, fejn l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-passi meħtieġa li jippermettulhom li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva.

Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 21

Arranġamenti tranżitorji

Id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għar-relazzjonijiet ta' impjieg eżistenti minn [data tad-dħul fis-seħħ + sentejn]. Madankollu, l-impjegaturi għandhom jipprovdu jew jikkomplementaw id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 biss fuq talba ta' ħaddiem. In-nuqqas ta' tali talba ma għandux ikollu l-effett li jeskludi lill-ħaddiema mid-drittijiet minimi stabbiliti skont din id-Direttiva.

Artikolu 22

Reviżjoni mill-Kummissjoni

Sa [data tad-dħul fis-seħħ + 8 snin], il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni u filwaqt li tqis l-impatt fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bil-għan li tipproponi, fejn xieraq, l-emendi meħtieġa.

Artikolu 23

Tħassir

Id-Direttiva 91/533/KEE għandha titħassar b'effett minn [data tad-dħul fis-seħħ + sentejn]. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala r-referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

(1)    Xogħol mhux standard jinkludi x-xogħol part-time permanenti u x-xogħol full-time u part-time temporanju.
(2)    “Studju li jappoġġa l-Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub” tas-Centre for Strategy and Evaluation Services u tal-Public Policy and Management Institute.
(3)    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (UE-28, 2016).
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva COM(2016)356 final.
(5)     http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13129-2017-INIT/mt/pdf
(6)    Il-Prinċipju 7 “Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol, inkluż dwar il-perjodu ta’ probazzjoni…”
(7)    Evalwazzjoni REFIT tad-“Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub” (id-Direttiva 91/533/KEE), SWD(2017)205 final.
(8)    Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika, li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-istabbiliment ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, SWD(2017)206 final.
(9)    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(10)    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju.
(11)    L-Opinjoni SOC/542 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2017. Il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Opinjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-11 ta’ Ottubru 2017.
(12)    C(2017)2611 final u C(2017)6121 final.
(13)    Id-Direttiva 2006/54/KE (dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)), id-Direttiva 2000/43/KE (li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità), u d-Direttiva 2000/78/KE (li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol).
(14)    Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE (Xogħol Part-Time), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (Xogħol għal Żmien Fiss), id-Direttiva 2008/104/KE (Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija).
(15)    COM(2017)563 final.
(16)    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (UE-28, 2016).
(17)    SWD(2017)205 final.
(18)    Ara t-tnedija tal-Komunikazzjoni COM(2016)127 final u r-Rapport tal-konsultazzjoni pubblika SWD(2017)206 final, paġni 18-21.
(19)    Il-Parlament Ewropew, id-Dipartiment tal-Politika A, (2016) Precarious Employment: Patterns, Trends and Policy Strategies in Europe.
(20)    Eurofound (2015), New forms of employment, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu; Eurofound (2017), Aspects of non-standard employment in Europe, Eurofound, Dublin
(21)    Non-standard employment around the world: Understanding challenges, shaping prospects Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol - Ġinevra: ILO. 2016.
(22)    OECD Employment Outlook 2014, “Non-regular employment, job security and labour market divide”.
(23)    Ara l-Anness I tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(24)    L-indikaturi ewlenin magħżulin huma prinċipalment derivati minn sorsi ta' dejta komparattiva (Eurostat, OECD) imma fejn ma jeżistux indikaturi, l-informazzjoni tista' tittieħed minn dejta nazzjonali. Il-lista dettaljata ta' indikaturi tista' tinstab fil-Valutazzjoni tal-Impatt.
(25)    SWD(2017)205 final, paġna 25.
(26)    SWD(2017)205 final, paġni 21, 25 u n-nota f'qiegħ il-paġna 50.
(27)    Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Aġenda Ewropea għall-Ekonomija Kollaborattiva COM(2016)356 final, Taqsima 2.4.
(28)    SWD(2017)205 final, paġna 24.
(29)    SWD(2017)205 final, paġna 29.
(30)    SWD(2017)205 final, paġna 26.
(31)    ĠU C , , p. .
(32)    ĠU C , , p. .
(33)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).
(34)    Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum, il-Kawża 66/85; l-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère, il-Kawża C-428/09; id-9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, il-Kawża C-229/14; l-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten, il-Kawża C-413/13; u s-17 ta’ Novembru 2016, Ruhrlandklinik, il-Kawża C-216/15.
(35)    Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(36)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46).
(37)    Id-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 1).
(38)    Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).
(39)    Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(40)    Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).
(41)    SWD(2017)205 final, paġna 26.
(42)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(43)    ĠU L 124/36, 20.05.2003.