Brussell, 8.11.2017

COM(2017) 648 final

2017/0290(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 362 final}
{SWD(2017) 363 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 jibgħat messaġġ ċar: L-UE jenħtieġ issir mexxejja dinjija fejn tidħol id-dekarbonizzazzjoni u ssarraf l-azzjonijiet f’impjiegi, tkabbir u innovazzjoni 1 . Minn meta daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, it-tranżizzjoni lejn ekonomija moderna b’livell baxx ta’ karbonju se jkollha tħaffef il-pass. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017 2 reġa’ afferma l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi malajr u bis-sħiħ u li jibqgħu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li jqisu l-Ftehim ta’ Pariġi bħala “element ewlieni għall-modernizzazzjoni tal-industrija u tal-ekonomija Ewropea”.

It-trasport hu kontributur ewlieni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja u għalhekk il-politika tal-UE dwar it-trasport tqis importanti li t-trasport isir aktar sostenibbli. L-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija ta’ Frar 2015 3 tikkunsidra t-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport dekarbonizzat u effiċjenti fl-enerġija bħala waħda li għandha importanza kritika. Din it-tranżizzjoni titwieżen b’miżuri konkreti deskritti fl-Istrateġija għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi 4 li ġiet adottata f’Lulju 2016 bil-għan li (i) tottimizza l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport permezz tad-diġitalizzazzjoni u b’aktar promozzjoni tal-multimodalità, u (ii) tixpruna l-użu tal-enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi fejn jidħol it-trasport billi tinstalla l-infrastruttura xierqa tal-fjuwil alternattiv ħalli l-vetturi jaslu fi stat li ma jħallux emissjonijiet. Dawn il-miżuri qed jiġu implimentati. F’Mejju 2017, il-Komunikazzjoni tal-“Ewropa Attiva” ippreżentat aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva u konnessa għal kulħadd 5 , flimkien mal-ewwel pakkett ta’ proposti. Issa bħala parti minn din it-tieni parti tal-pakkett “Ewropa Attiva” qed jiġu proposti għadd ta’ miżuri addizzjonali, fosthom ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa jew l-emenda tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE 6 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat”) hi l-uniku strument legali fil-livell tal-Unjoni li jinċentiva direttament it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi tat-trasport b’inqas emissjonijiet bħall-passaġġi fuq l-ilma interni, u t-trasport marittimu u ferrovjarju. Din għandha l-għan li żżid il-kompetittività tat-trasport intermodali transfruntier (u “kkombinat” b’mod aktar speċifiku) meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija bit-triq biss.

Fost il-miżuri regolatorji hemm li (i) titħares il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-fruntieri, jiġifieri l-protezzjoni tat-trasport ikkombinat minn restrizzjonijiet nazzjonali (l-iskemi tal-awtorizzazzjoni, it-tariffi rregolati u l-kwoti); (ii) ikunu iċċarati l-limitazzjonijiet tal-kabotaġġ bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009) li ma japplikawx għall-partijiet bit-triq tal-vjaġġ tat-trasport ikkombinat internazzjonali; u (iii) biż-żieda ta’ referenza għad-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet (id-Direttiva 53/96/KE), il-vetturi użati għall-partijiet bit-triq tal-vjaġġ tat-trasport intermodali jitħallew iġorru tagħbijiet itqal bħala kumpens għall-piż tara tal-kompartiment tat-tagħbija u għall-użu tal-kontejners tal-45 pied.

Fost il-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku hemm l-għoti ta’ ċerti inċentivi fiskali fir-rigward ta’ ċerti taxxi applikabbli għall-vetturi tat-triq meta jintużaw fi trasport ikkombinat, u l-estensjoni tad-definizzjoni ta’ trasport għall-kont proprju. Dawn saru bil-ħsieb li jikkoreġu parzjalment l-iżbilanċ bejn it-trasport ikkombinat u trasport bit-triq biss li ġie kkawżat għax jeżistu xi esternalitajiet negattivi li mhumiex riflessi għalkollox fil-prezz tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

Iżda minn mindu ġiet adottata d-Direttiva fl-1992, uħud minn dawn il-kundizzjonijiet, bħal pereżempju l-użu ta’ dokumenti tat-trasport stampati u l-użu tat-timbri bħala prova tal-eliġibbiltà għal trasport ikkombinat, u l-ambjent tas-suq tat-trasport tal-merkanzija għaddew minn tibdil konsiderevoli. Għalkemm id-Direttiva għadha rilevanti biex jintlaħaq l-għan tal-politika tal-UE dwar it-trasport li jonqsu l-esternalitajiet negattivi, hemm bżonn li jkomplu jitjiebu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha ħalli ssirilha reviżjoni sew.

L-inizjattiva għandha l-għan li tkompli żżid il-kompetittività tat-trasport ikkombinat meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija bit-triq għal distanzi twal u għalhekk issaħħaħ it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq lejn modi tat-trasport oħrajn. Dan għandu jnaqqas is-sehem tal-esternalitajiet tat-trasport mit-trasport tal-merkanzija. Dan se jsir billi:

·tiġi ċċarata u estiża d-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat;

·jitjieb il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-infurzar u tal-eliġibbiltà;

·tiżdied l-effikaċja tal-inċentivi; u

·jitjiebu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva.

L-inizjattiva tikkontribwixxi għall-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (ir-REFIT) għax għandha l-għan li taġġorna u tissimplifika d-Direttiva.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tappoġġa l-multimodalità u ssaħħaħ it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq billi tindirizza n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti (id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE) u b’mod partikolari billi twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz ta’ sett usa’ ta’ miżuri ta’ appoġġ possibbli. Dan jinkludi l-appoġġ għal investiment f’infrastruttura tat-trażbord li tkun tipprovdi inċentivi addizzjonali u tnaqqas id-distakki fil-kompetittività bejn it-trasport intermodali u t-trasport tal-merkanzija bit-triq biss.

L-inizjattiva tikkumplimenta miżuri oħrajn immirati biex jibnu Żona Unika Ewropea tat-Trasport u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. Fost dawn hemm ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 li jistabbilixxi l-kurituri ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, id-Direttiva 2012/34/UE dwar iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, id-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) armonizzati u r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (TEN-T) li jistabbilixxi linji gwida tal-UE dwar l-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

L-inizjattiva hi parti mill-isforz tal-Kummissjoni biex toħloq “Unjoni tal-Enerġija 7 reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ’il quddiem” u l-proposti relatati mal-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Il-Komunikazzjoni tal-“Ewropa Attiva” 8 ippreżentat strateġija għal “Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd.” Magħha nehmżu serje ta’ proposti fosthom ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Eurovignette (id-Direttiva 1999/62/KE), ir-riformulazzjoni tad-Direttiva 2004/52/KE dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi tat-taxxi tat-toroq, ir-reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-aċċess għas-swieq u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll il-passi ulterjuri li jħejju s-sisien għal mobbiltà koperattiva, konnessa u awtomatizzata.

Biex jimplimentaw iżjed din it-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, dawn il-miżuri issa qed jiġu kkumplimentati bi proposti oħrajn bħalma huma r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa (id-Direttiva 2009/33/KE), ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, proposta għal standards tas-CO2 ġodda għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020, inizjattiva li tagħti spinta l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u din l-emenda proposta għad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat.

Minbarra li tgħin biex tottimizza l-effiċjenza tat-trasport billi tagħti appoġġ dirett lill-multimodalità, il-proposta se tgħin ukoll biex tinfirex infrastruttura tat-trasport moderna u effiċjenti li għaliha hemm bżonn isir aktar investiment, kif jisħaq il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa 9 . Bl-estensjoni proposta tal-miżuri ta’ appoġġ, b’mod partikolari l-appoġġ għal investiment f’infrastruttura tat-terminals tat-trażbord, l-inizjattiva tappoġġa l-investiment fil-faċilitajiet tat-trażbord meħtieġa tul in-netwerk tat-TEN-T.

L-emenda proposta hi konsistenti mar-regoli eżistenti u r-regoli ġodda posposti dwar il-kundizzjonijiet tal-kabotaġġ u l-istazzjonar tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq. It-test attwali tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat jinkludi l-hekk imsejjaħ “eżenzjoni ta’ kabotaġġ”, li jipprevedi li kull trasportatur stabbilit fl-UE li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bejn l-Istati Membri għandu d-dritt iwettaq il-parti bit-triq tal-vjaġġ ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat, kemm jekk il-parti bit-triq tal-vjaġġ tkun tinkludi l-qsim ta’ fruntiera u anki jekk le.

Skont id-definizzjoni attwali, l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat iridu jitqiesu esklussivament bħala operazzjonijiet internazzjonali. Dan ikkonfermawh id-diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja 10 u tenfasizzah il-premessa 16 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 11 . Biex jinċentiva dawn l-operazzjonijiet, it-trasport ikkombinat internazzjonali jrid jitqabbel mat-trasport internazzjonali bit-triq biss u għandu jkollu l-istess regoli. Ħafna mill-partijiet konċernati u l-operaturi jaqblu li din hi kundizzjoni fundamentali biex it-trasport intermodali internazzjonali jkun jista’ jikkompeti f’kundizzjonijiet ekwi mat-trasport internazzjonali bit-triq biss, u jenħtieġ li tinżamm.

Iżda xi partijiet konċernati jidhrilhom li d-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat tiftaħ il-bieb għal ċirkomvenzjoni possibbli tar-regoli dwar il-kabotaġġ minħabba d-diffikultà li jiġi ppruvat l-aspett ta’ “trasport ikkombinat internazzjonali” tal-operazzjoni. Biex dan jiġi indirizzat, il-miżuri l-ġodda fl-emenda proposta tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, fir-reviżjoni proposta tar-regoli dwar il-kabotaġġ fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u fir-regoli speċifiċi proposti b’rabta ma’ ċerti aspetti tad-Direttiva 96/71/KE fir-rigward tal-istazzjonar tas-sewwieqa fis-settur tat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2014/67/UE, jintroduċu definizzjoni aktar sempliċi u jaħtfu bis-sħiħ l-opportunità tar-“rivoluzzjoni diġitali tal-mobbiltà” ħalli jtejbu l-effiċjenza tal-operazzjonijiet billi jisfruttaw aħjar il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni. Jekk l-operaturi tat-trasport jitħallew jużaw mezzi elettroniċi biex jipprovdu d-dejta dwar l-evidenza meħtieġa lill-awtoritajiet, dan inaqqas il-piż amministrattiv u l-kost tal-proċeduri tal-infurzar. Dan jagħmilha eħfef ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali biex il-partijiet bit-triq tal-vjaġġ tat-trasport ikkombinat internazzjonali jiddistingwuhom b’mod ċar mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ u jevitaw abbużi possibbli.

L-estensjoni proposta tal-ambitu tat-trasport kombinat għall-operazzjonijiet nazzjonali se tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tat-trasport ikkombinat fl-UE. Din l-estensjoni mhix se tħalli impatt fuq il-volum tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għax “l-eżenzjoni ta’ kabotaġġ” mhux se tapplika għal dawn l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat nazzjonali. F’dan il-każ, il-parti bit-triq tal-vjaġġ tat-trasport ikkombinat tkun soġġetta għar-regoli dwar il-kabotaġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, kif emendat, u jkunu japplikaw ukoll ir-regoli ġodda proposti dwar “l-istazzjonar tal-ħaddiema”. Dan jenħtieġ jiżgura li l-kabotaġġ possibbli fit-trasport ikkombinat nazzjonali ma jwassalx għal kompetizzjoni inġusta fis-suq tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Il-bażijiet ġuridiċi għad-Direttiva 92/106/KEE huma l-Artikoli 75 u 84(2) tat-Trattat tal-KE.

Il-bażi ġuridika għall-emenda proposta hi l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”) (li qabel kien l-Artikolu 71 tat-Trattat tal-KE). Dan l-Artikolu jipprovdi l-bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li b’mod partikolari jistabbilixxi: (a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar; (b) il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod kif it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru; [...] (d) dispożizzjonijiet xierqa oħrajn.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

L-emenda tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat għandha l-għan li tkompli tippromwovi t-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi tat-trasport aktar favur l-ambjent, u b’hekk ikomplu jonqsu l-esternalitajiet negattivi tas-sistema tat-trasport tal-UE. Dan l-għan iwessa’ l-qafas tal-miżuri ta’ appoġġ tat-trasport ikkombinat u jissimplifika u jiċċara d-Direttiva. Dan ma jistax jinkiseb biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri għax il-maġġoranza tat-trasport ikkombinat tal-merkanzija jaqsam il-fruntieri u jiddependi fuq l-infrastrutturi intermodali fl-Istati Membri. Hemm bżonn jitħaddem approċċ ikkoordinat biex isir investiment fl-infrastruttura għat-trażbord intermodali.

Peress li kważi 20 % tat-trasport intermodali Ewropew hu nazzjonali (isir fi Stat Membru wieħed) u li bħalissa dan mhux kopert bid-Direttiva, jekk jitwessa’ l-ambitu tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat nazzjonali jwessa’ wkoll l-ambitu tal-miżuri ta’ appoġġ li huma meħtieġa biex titħeġġeġ il-bidla modali. Fl-istess ħin, dan inaqqas l-esternalitajiet ġenerali, l-aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-konġestjoni, li jħallu impatt lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-konġestjoni fil-livell reġjonali jew nazzjonali tolqot direttament lil kull min juża t-toroq. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja għandhom ukoll dimensjoni Ewropea.

Minbarra dan, jekk il-miżuri ta’ appoġġ li jridu jieħdu l-Istati Membri jkollhom għanijiet komuni, dan jevita t-trikkib u r-riżultati differenti tal-miżuri speċifiċi li jittieħdu fil-livell nazzjonali biex jappoġġaw it-trasport ikkombinat. Fejn jidħlu l-miżuri ta’ appoġġ għall-investiment, b’mod partikolari għat-terminals, hemm bżonn titfassal mira komuni għall-kopertura tat-terminals ħalli tkun evitata l-kapaċità żejda.

Il-proporzjonalità

Il-miżuri proposti jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva oriġinali.

Hemm bżonn jitwessa’ l-ambitu ħalli jkun jinkludi l-operazzjonijiet nazzjonali, u b’hekk jikber l-impatt tad-Direttiva. Hemm bżonn jiġu ċċarati d-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat u l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ħalli jkun żgurat li d-Direttiva tiġi applikata b’mod aktar effettiv, l-aktar fejn jidħlu l-benefiċċji previsti bil-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku u regolatorju.

Il-miżuri ta’ appoġġ ma jimponux livelli obbligatorji ta’ appoġġ ekonomiku, u għalhekk il-firxa u l-metodoloġija tal-għoti ta’ dan l-appoġġ jitħallew fil-kompetenza nazzjonali. Il-kostijiet għall-Istati Membri, għan-negozji u għaċ-ċittadini huma limitati meta mqabbla mal-benefiċċji potenzjali. B’mod partikolari, l-appoġġ għall-investiment għat-terminals hu mistenni jkompli jħalli l-frott lil hinn mill-perjodu li qed jiġi rieżaminat.

L-għażla tal-istrument

L-att legali li jrid jiġi emendat hu Direttiva, u għalhekk fil-prinċipju l-att emendatorju jenħtieġ ikollu l-istess għamla.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni ppublikat l-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva 92/106/KEE fl-2016 12 . Minbarra din, f’Jannar 2015 ġie ppubblikat ukoll studju estern imsejjaħ “Analysis of the EU Combined Transport” 13 (Analiżi tat-Trasport Ikkombinat tal-UE).

L-evalwazzjoni kkonkludiet li d-Direttiva għadha strument rilevanti biex tappoġġa t-trasport ikkombinat. Ġie stabbilit li mingħajr azzjoni tal-UE, is-servizzi transfruntieri tat-trasport ikkombinat isibu ostakli minħabba sistemi legali differenti, u dan irendi dawn is-servizzi bħala inqas attraenti u possibbilment mhux fattibbli. L-evalwazzjoni saħqet li trasport ikkombinat jgħin biex jonqsu l-esternalitajiet negattivi permezz ta’ bidla modali. Iżda l-evalwazzjoni wriet li hemm “marġini sinifikanti biex tkompli titjieb l-effikaċja tad-Direttiva, għax uħud mid-dispożizzjonijiet huma skaduti, il-lingwaġġ xi drabi hu obsolit u ambigwu, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hu limitat.” In-nuqqasijiet għandhom x’jaqsmu l-aktar mad-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat, mal-limitazzjonijiet tal-inċentivi fiskali u mad-dispożizzjonijiet skaduti fejn jidħlu d-dokumenti tat-trasport.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati kienu konformi mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 final).

Il-konsultazzjonijiet twettqu biex jiġbru rispons dwar il-miżuri ta’ politika proposti u l-impatt probabbli ta’ dawn il-miżuri. Il-partijiet konċernati ġew ikkonsultati dwar il-kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi preċedenti (ir-REFIT). Il-konsultazzjonijiet taw ħarsa ġenerali ta’ kif gruppi differenti ta’ partijiet konċernati jqisu l-miżuri u l-għażliet ta’ politika proposti, ta’ kif dawn mistennija jinfluwenzawhom, u tal-għażla ppreferuta tal-partijiet konċernati.

L-attivitajiet konsultattivi kienu jinkludu:

(1)Konsultazzjoni pubblika bl-għamla ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa fuq l-internet, li damet għaddejja 12-il ġimgħa. Il-konsultazzjoni saret bejn it-23 ta’ Jannar 2017 u t-23 ta’ April 2017 permezz tal-għodda EUSurvey u l-paġna ta’ konsultazzjoni tad-DĠ MOVE. Il-Kummissjoni rċeviet 79 kwestjonarju mimli u sitt dokumenti ta’ pożizzjoni mingħand 17-il Stat Membru u l-Iżvizzera, l-aktar mis-settur tat-trasport u tal-loġistika: 43 % mingħand assoċjazzjonijiet kummerċjali (fosthom 13-il organizzazzjoni Ewropea jew internazzjonali), 36 % mingħand intrapriżi privati, 11 % mingħand awtoritajiet, 8 % mingħand NGOs u 2 % mingħand l-akkademja.

(2)Konsultazzjoni mmirata fuq l-internet mal-partijiet konċernati saret bejn l-10 u l-31 ta’ Marzu 2017 bl-għajnuna ta’ konsulent estern. Din iffukat l-aktar fuq id-definizzjoni u l-inċentivi ekonomiċi u tfasslet apposta għal gruppi differenti ta’ partijiet konċernati (l-industrija, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u gruppi oħrajn ta’ interess). Il-Kummissjoni rċeviet 122 kwestjonarju mimli mingħand 12-il Stat Membru u l-Iżvizzera: 44 % mingħand operaturi ta’ servizzi tat-trasport jew mingħand assoċjazzjonijiet ta’ operaturi kummerċjali, 17 % mingħand utenti ta’ servizzi tat-trasport jew mingħand assoċjazzjonijiet kummerċjali ta’ utenti tat-trasport, 25 % mingħand awtoritajiet nazzjonali u 14 % mingħand assoċjazzjonijiet oħra tat-trasport.

(3)Fit-30 ta’ Marzu 2017 ġiet organizzata laqgħa mal-partijiet konċernati li matulha gruppi ta’ partijiet konċernati setgħu jieħdu sehem f’konsultazzjoni mmirata biex jaqsmu fehmiethom. Il-35 parti konċernata li ħadu sehem kienu jirrappreżentaw il-modi kollha tat-trasport, u l-portijiet tal-baħar u l-portijiet interni, it-terminals, is-sidien tal-vaguni u l-industrija tat-trasport ikkombinat.

(4)Fl-10 ta’ April 2017 saret laqgħa oħra mal-Istati Membri li għaliha attendew 14-il Stat Membru.

Sinteżi tal-kontribut li wasal u l-użu tar-riżultati

Is-settur tat-trasport u s-settur tal-loġistika (irrappreżentanti mill-utenti tat-trasport, l-operaturi u l-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom) u l-awtoritajiet esprimew il-ħtieġa li d-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat tiġi emendata fl-iqsar żmien. Il-leġiżlazzjoni eżistenti hi meqjusa skaduta, l-appoġġ regolatorju u ekonomiku għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat huma meqjusa inadegwati u l-kundizzjonijiet għall-operazzjonijiet eliġibbli jitqiesu li mhumiex adattati għas-soluzzjonijiet moderni tal-katina tal-provvista u għas-sitwazzjoni kompetittiva tas-servizzi tat-trasport ikkombinat.

Dwar id-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat, ħafna mill-partijiet konċernati jaqblu ma’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex tinkludi t-trasport nazzjonali u l-operazzjonijiet mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE, b’mod li jantiċipa impatt pożittiv sostanzjali fuq il-volumi tat-trasport ikkombinat u fuq l-ambjent. Ħafna mill-kummenti kienu dwar il-bidla possibbli fil-limitu tad-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ f’operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, u ħafna drabi l-fehmiet kienu opposti: ħafna partijiet konċernati u awtoritajiet nazzjonali jridu jibqgħu bil-limiti attwali, u forsi jaċċettaw ċerta flessibbiltà, filwaqt li s-settur privat hu favur it-tneħħija tal-limiti fuq it-tul tal-parti bit-triq tal-vjaġġ.

Lil hinn minn dawn id-differenzi, instab kompromess possibbli li ma jbiddilx id-definizzjoni attwali, u d-distanza jħalliha 150 km, iżda li joħloq ċerta flessibbiltà billi jżomm il-kunċett tal-eqreb terminal adattat diment li dan jiġi ddefinit aħjar. Fejn tidħol il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, il-partijiet konċernati ma ħarġux bil-qawwa kontra tibdil fid-distanza minima attwali ta’ 100 km; dan il-limitu tqies insinifikanti għall-operazzjonijiet tat-trasport ferrovjarju/bit-triq, iżda kontroproduttiv għall-operazzjonijiet ikkombinati bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

Il-partijiet konċernati dehrilhom li l-appoġġ mogħti mid-Direttiva attwali ma kienx biżżejjed b’mod ġenerali biex jitħeġġu l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni. Madankollu, hemm żewġ miżuri ta’ appoġġ regolatorju li tqiesu partikolarment effettivi:

·l-eżenzjoni mir-“restrizzjonijiet tal-kabotaġġ” għall-partijiet bit-triq tal-vjaġġ; u

·id-deroga ta’ 44 tunnellata mil-limitu ta’ 40 tunnellata għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat skont id-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet.

Dwar miżuri ta’ appoġġ ekonomiku, kien hemm sapport ġenerali għall-estensjoni tal-appoġġ ekonomiku għal kull moviment tat-trasport ikkombinat f’kull taħlita modali. Il-miżuri meqjusa li jħallu l-aktar impatt pożittiv qawwi fuq fil-volumi tat-trasport ikkombinat kienu: (i) l-appoġġ għal investiment dirett f’terminals tat-trasport ikkombinat, possibbilment flimkien ma’ għotjiet għal kull unità tat-tagħbija li tiġi trażbordata; (ii) l-inċentivi għall-investiment fl-IT relatat mat-trasport ikkombinat jew l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħal trakkijiet aktar nodfa; u (iii) it-tnaqqis tat-tariffi għall-aċċess għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat speċifiċi għat-trasport ferrovjarju. L-Istati Membri esprimew riżervi fejn jidħlu l-miżuri obbligatorji ta’ appoġġ.

Ħafna mill-partijiet konċernati qablu ma’ kundizzjonijiet aktar ċari fejn tidħol il-prova tal-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat. Dawn appoġġaw ukoll l-introduzzjoni ta’ sistema bbażata fuq dokumenti elettroniċi li tista’ tieħu post is-sistema qadima tad-dokumenti stampati u t-timbri. Din kisbet l-appoġġ ukoll tal-Istati Membri.

B’mod ġenerali, il-partijiet konċernati wrew interess qawwi li jirċievu informazzjoni regolari fuq l-istat tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat. Dawn appellaw biex b’mod regolari tinġabar dejta relatata mat-trasport ikkombinat u tiġi ppubblikata. Qablu wkoll mat-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ rapporti aktar dettaljati. Barra minn hekk, issuġġerew li jsir rieżami tad-Direttiva emendata wara ċertu perjodu taż-żmien, eżempju kull 5 snin, ħalli din tibqa’ aġġornata.

Il-ġbir tad-dejta u l-użu tal-għarfien espert

Id-definizzjoni tal-problema ġiet ibbażata l-aktar fuq l-evalwazzjoni tar-REFIT 14 u l-istudju estern 15 .

Il-kuntratturi esterni ġew involuti biex titħejja t-triq għall-Valutazzjoni tal-Impatt:

studju dwar il-ġbir ta’ dejta relatata mal-kostijiet 16 , konkluż f’Marzu 2017;

studju għal ħarsa ġenerali aġġornata tas-suq tat-trasport ikkombinat 17 , konkluż f’Marzu 2017; u

studju li jiġbor fil-qosor il-konsultazzjonijiet biex jappoġġa l-Valutazzjoni tal-Impatt 18 , konkluż f’Lulju 2017.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt

L-inizjattiva għandha l-appoġġ ta’ valutazzjoni tal-impatt li rċeviet opinjoni pożittiva u ċerti riżervi mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju. Il-Bord jirrakkomanda li hemm bżonn isiru xi aġġustamenti u kjarifiki dwar dan li ġej:

id-deskrizzjoni tal-kuntest u kif l-inizjattiva taqbel mal-liġijiet l-oħra tal-UE u ma’ sforzi kumplimentari oħrajn għal bidla modali:

l-identifikazzjoni u l-kwalifika tal-ostakli infrastrutturali (b’mod partikolari tat-terminals tat-trażbord) għall-iżvilupp ta’ trasport ikkombinat;

il-ġustifikazzjoni, mil-lat ta’ sussidjarjetà, tal-inklużjoni tat-trasport ikkombinat nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; u

l-impatt mistenni, b’mod partikolari s-suppożizzjonijiet sottostanti.

Il-kummenti tqiesu fil-Valutazzjoni tal-Impatt riveduta, kif indikat fl-Anness I tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, saru dawn l-emendi li ġejjin:

Prinċipalment fit-taqsima dwar il-kuntest tal-politika ġew miżjuda xi spjegazzjonijiet dwar il-komplementarjetà tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat ma’ inizjattivi eżistenti oħrajn (biex tindirizza l-promozzjoni tal-multimodalità u l-appoġġ għal bidla modali).

Żdiedu spjegazzjonijiet ulterjuri dwar l-ostakli infrastrutturali u kif dawn jolqtu l-problemi ġenerali li tindirizza din l-inizjattiva. Żdiedu wkoll xi referenzi speċifiċi, b’mod partikolari dwar il-limitazzjonijiet eżistenti u l-ħtiġijiet mil-lat ta’ terminals tal-infrastruttura ferrovjarja, biex jgħinu ħalli jiġu kkwantifikati dawn l-ostakli u l-investimenti mistennija u meħtieġa.

Żdiedu wkoll aktar spjegazzjonijiet dwar is-sussidjarjetà, b’mod partikolari dwar l-inklużjoni tat-trasport ikkombinat nazzjonali fid-definizzjoni, iżda anki dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ investimenti infrastrutturali.

Fit-taqsmiet rilevanti, b’mod partikolari fl-anness dwar il-mudelli analitiċi, żdiedet deskrizzjoni aktar dettaljata tas-suppożizzjonijiet sottostanti dwar l-impatt u żdiedet ukoll deskrizzjoni tal-mudell intern użat biex wieħed jasal għal dan l-impatt.

L-alternattivi ta’ politika ivvalutati jikkonsistu f’pakketti ta’ miżuri ta’ politika li jindirizzaw l-għanijiet speċifiċi u, b’mod partikolari, il-fatturi ewlenin tal-problema identifikata:

definizzjoni ta’ “trasport kombinat”, jiġifieri l-kopertura ġeografika, parti bit-triq ta’ vjaġġ, parti ta’ vjaġġ li mhix bit-triq, l-unità tat-tagħbija;

il-kontroll tal-eliġibbiltà, jiġifieri d-dejta meħtieġa (għall-kontroll), il-preżentazzjoni tad-dejta, il-post tal-kontroll;

il-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku, jiġifieri l-appoġġ għall-investiment u l-appoġġ operazzjonali (eż. ħelsien mit-taxxa tal-vetturi); u

miżuri amministrattivi, jiġifieri r-reviżjoni tal-miżuri ta’ appoġġ, il-ġbir tad-dejta, il-koperazzjoni fost l-Istati Membri, it-trasparenza.

L-alternattivi ta’ politika ġew ibbażati fuq livelli dejjem akbar ta’ kjarifika, ambizzjoni u impatt mistenni “kumulattiv”.

L-ewwel alternattiva ta’ politika (PO1) tikkonsisti f’emendi żgħar fid-Direttiva b’enfasi fuq is-simplifikazzjoni: id-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat hi simplifikata b’distanza unika għall-partijiet bit-triq tal-vjaġġ għal kull mod tat-trasport. Id-dokumenti elettroniċi sempliċi (bħall-PDFs) huma aċċettati bħala prova tal-eliġibbiltà, u l-inċentiv fiskali għat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq għall-parti bit-triq tal-vjaġġ tal-operazzjoni tat-trasport ikkombinat ġie estiż għat-tipi kollha tat-trasport ikkombinat (mhux biss għat-trasport ferrovjarju/bit-triq).

L-alternattiva ta’ politika 2 (PO2) hi maħsuba għas-simplifikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà (id-definizzjoni), u għal definizzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tal-infurzar u biex jitwessgħu l-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku. L-alternattiva hi maqsuma f’żewġ subalternattivi, skont il-livell tal-ambizzjoni:

Fis-subalternattiva PO2A, il-kamp ta’ applikazzjoni hu estiż biex jinkludi l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat (domestiku) nazzjonali. Hemm definizzjoni komuni għall-parti bit-triq tal-vjaġġ, irrispettivament mill-mod ta’ trasport li mhux bit-triq (150 km jew 20 %, skont liema jkun l-akbar). Huma aċċettati biss l-unitajiet tat-tagħbija intermodali b’identifikazzjoni ISO/ILU. Għall-kundizzjonijiet tal-prova tal-eliġibbiltà ġew speċifikati rekwiżiti ġodda tad-dejta, u tiġi aċċettata wkoll dejta elettronika b’format tad-dejta li jista’ jiġi rivedut. Ġie offrut ukoll sett ta’ alternattivi differenti ta’ appoġġ ekonomiku.

Fis-subalternattiva PO2B, minbarra l-miżuri deskritti fil-PO2A, id-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat tinkludi ċerta flessibbiltà għall-parti bit-triq tal-vjaġġ, bil-possibbiltà għall-Istati Membri li jużaw “l-eqreb terminal adattat” bħala limitu. Jiġu aċċettati unitajiet tat-tagħbija ta’ kull daqs. Fost il-miżuri kollha ta’ appoġġ ekonomiku, dik marbuta mal-investimenti fit-terminals issir obbligatorja.

Fl-aħħar nett, l-alternattiva ta’ politika 3 (PO3) tinkludi estensjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Direttiva dwar it-trasport intermodali kollu, irrispettivament mil-limiti fid-distanzi u t-tipi ta’ unitajiet tat-tagħbija. Din l-alternattiva ma tinkludi l-ebda rekwiżit tad-dejta bħala prova tal-eliġibbiltà. L-alternattiva tipprevedi wkoll li kull miżura ta’ appoġġ possibbli tkun obbligatorja.

Il-valutazzjoni tal-Impatt tidentifika l-PO2B bħala l-għażla ppreferuta.

Filwaqt li l-PO3 iġġib l-akbar benefiċċji ekonomiċi assoluti, iżda l-kost tagħha għall-Istati Membri flimkien mar-redditu ġenerali fuq l-investiment tagħha, jagħmilha inqas attraenti mill-alternattivi l-oħra għax dawn għandhom proporzjon akbar ta’ redditu fuq l-investiment. Minbarra dan, il-PO3 hi inqas effiċjenti mill-PO2A u l-PO2B fejn jidħol l-ambjent. Il-PO1 u l-PO2A ma jilħqux il-mira tal-bidla modali għall-2030 stabbilita fil-White Paper tal-2011. Il-PO2B tiżgura li tintlaħaq il-mira tal-bidla modali għall-2030 u tagħti aktar redditu fuq l-investiment u effiċjenza ambjentali milli tagħti l-PO3, u għalhekk il-PO2B hija l-għażla ppreferuta.

L-SMEs – l-aktar dawk li jwettqu l-parti bit-triq tal-vjaġġ tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat – u l-operaturi żgħar tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jibbenefikaw mill-appoġġ tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, għax din tgħinhom jikkompetu ma’ trasport bit-triq orħos fuq distanzi twal, u se jibbenefikaw mill-PO2B għax jiżdiedu l-volumi tat-trasport ikkombinat. Madankollu, jenħtieġ jiġi nnutat li l-introduzzjoni tad-dejta strutturata elettronika għall-finijiet ta’ kontroll jaf iġġib magħha xi kostijiet tal-investiment inizjali, iżda dawn jistgħu jitpaċew bi ffrankar mill-użu tad-dejta elettronika fil-katina tal-provvista ġenerali.

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Id-dimensjoni REFIT ta’ din il-proposta tinkiseb billi tiġi simplifikata u aġġornata d-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat u billi jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-infurzar (il-prova tal-eliġibbiltà li l-operazzjoni hi trasport ikkombinat).

Id-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat issir:

billi tiġi ċċarata u ssimplifikata d-definizzjoni ta’ parti bit-triq ta’ vjaġġ, b’mod li ssir definizzjoni preċiża (150 km jew 20 % tad-distanza totali) li tkun tapplika flimkien ma’ kwalunkwe mod tat-trasport;

billi jitneħħa kull limitu fid-distanza għall-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq; u

bi speċifikazzjoni ulterjuri li se jitqiesu biss l-unitajiet tat-tagħbija standardizzati. Din se tagħmilha aktar faċli biex jiġu intraċċati u jingħaddu l-unitajiet tat-tagħbija meta jkunu qed jiġu kkalkulati l-volumi tat-trasport ikkombinat li għalih jintalbu miżuri ta’ appoġġ.

Fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-prova tal-eliġibbiltà, billi se tiġi speċifikata l-evidenza meħtieġa b’mod ċar u se jkunu jistgħu jintużaw dokumenti elettroniċi, il-verifika tal-aspett ta’ “trasport kombinat” se ssir eħfef għall-awtoritajiet li jagħmlu l-kontrolli fit-triq u għal dawk li japplikaw il-miżuri ta’ appoġġ.

Fl-aħħar nett, is-simplifikazzjonijiet japplikaw ukoll għal xi referenzi skaduti bħalma huma r-reġim liberali speċifiku stabbilit għat-“trasport għall-kont proprju”. Kif jispjega r-rapport tar-REFIT, dan ma għadux rilevanti jew effettiv għax b’mod ġenerali naqas it-trasport għall-kont proprju fit-trasport tal-merkanzija bit-triq.

Id-drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet tal-implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt jagħti sett ta’ tmien indikaturi li jenħtieġ jintużaw biex jissorveljaw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika ewlenin:

·is-sehem tat-trasport intermodali u tat-trasport ikkombinat;

·il-bidla modali mit-trasport bit-triq;

·l-iffrankar fil-kostijiet esterni;

·iż-żieda fil-volum tat-trasport intermodali għal kull EUR 1 ta’ appoġġ mogħti;

·iż-żieda fil-kapaċità tat-tagħbija tal-unitajiet tat-tagħbija intermodali;

·it-tnaqqis fid-distanza medja bejn it-terminals intermodali (skont il-mod tat-trasport);

·ir-redditu fuq l-investiment (ROI) tal-appoġġ ekonomiku għat-trasport intermodali; u

·it-tqabbil tal-kostijiet u l-iżvilupp ta’ trasport bit-triq biss u trasport intermodali bl-istess distanza.

Meta jkunu twettqu l-bidliet kollha, hemm bżonn issir evalwazzjoni bir-reqqa li tivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel evalwazzjoni inizjali wara 27 xahar mill-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, u kull sentejn minn dakinhar. Il-proposta fiha rekwiżiti speċifiċi ta’ rappurtar għall-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-użu tat-trasport ikkombinat u mal-evoluzzjoni tal-infrastruttura u l-miżuri ta’ appoġġ implimentati.

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, il-fatt li din temenda biss id-Direttiva 92/106/KEE, li l-Istati Membri ttrasponew bis-sħiħ, ma jidhirx ġustifikat jew proporzjonat li jintalbu dokumenti ta’ spjegazzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

It-titolu tad-Direttiva indirizzata “...it-trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri.” It-titolu issa ġie aġġustat biex jixhed il-kamp ta’ applikazzjoni estiż billi tneħħew il-kelmiet “bejn l-Istati Membri” ħalli jkunu jirriflettu l-estensjoni tad-definizzjoni ta’ “trasport ikkombinat”, kif previst fl-Artikolu 1 mibdul, għall-operazzjonijiet nazzjonali (bejn l-Istati Membri).

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jipprovdi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u d-definizzjoni ta’ “trasport ikkombinat”. Minħabba l-ambigwitajiet, in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ din id-definizzjoni u l-ambitu limitat tagħha, l-Artikolu jinbidel b’definizzjoni adattata u aktar ċara ta’ “trasport ikkombinat” fid-Direttiva. Id-definizzjoni l-ġdida, kif ippreżentata f’dan l-Artikolu 1 ġdid, hi din:

Testendi, fil-paragrafu 4, l-ambitu tat-“trasport kombinat” għal kull operazzjoni fl-Unjoni, inkluż l-operazzjonijiet nazzjonali tat-trasport ikkombinat.

Tiċċara u tispeċifika wkoll, fil-paragrafu 3, li d-distanza massima tal-parti bit-triq tal-vjaġġ hi 150 km jew 20 % tad-distanza totali, irrispettivament mit-tip tal-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq (bil-ferroviji, fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bil-baħar), filwaqt li tiżgura li titħalla ċerta flessibbiltà minħabba l-limitazzjonijiet ġeografiċi jew operazzjonali speċifiċi tal-Istati Membri.

Tneħħi, fil-paragrafu 2, il-limitu fuq il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq għax importanti li fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiddaħħal trasport ikkombinat ma’ trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni.

Tispeċifika aktar, fil-paragrafu 2, it-tipi ta’ unitajiet tat-tagħbija li huma ammissibbli (jiġifieri l-ISO/CEN standardizzati) fl-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat.

Artikolu 3

L-Artikolu 3 jinkludi referenza għal dokument tat-trasport li jista’ jintuża bħala prova tal-eliġibbiltà (referenza għall-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 11 tas-27 ta’ Ġunju 1960), u jipprovdi speċifikazzjonijiet addizzjonali għall-informazzjoni li trid tiddaħħal, b’mod partikolari l-użu ta’ timbri li jikkonfermaw jew jivverifikaw il-partijiet tal-operazzjoni. Peress li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex meqjusa ċari u t-timbri ma għadhomx jintużaw f’ħafna mill-faċilitajiet, l-Artikolu jinbidel bi speċifikazzjoni aktar preċiża tal-kundizzjonijiet u tat-tipi ta’ evidenza li trid tintuża bħala prova tal-eliġibbiltà għat-trasport ikkombinat għall-finijiet tal-kontrolli fit-triq li jsiru fi Stat Membru waqt parti bit-triq ta’ vjaġġ tal-operazzjoni tat-trasport:

Il-paragrafu 1 jiddefinixxi l-kundizzjoni biex it-trasport bit-triq ikun jista’ jitqies bħala parti minn operazzjoni tat-trasport ikkombinat.

Il-paragrafu 2 jelenka u jiddefinixxi d-dejta li trid tingħata bħala evidenza.

Il-paragrafu 3 jiddikjara li ma għandu jintalab l-ebda dokument addizzjonali bħala prova tal-operazzjoni tat-transport ikkombinat.

Il-paragrafu 4 jipprevedi l-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni tal-evidenza, inkluż għall-finijiet tal-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

Il-paragrafu 5 jiddeskrivi l-format aċċettabbli tad-dejta tal-evidenza li trid tingħata, b’mod partikolari l-użu possibbli tad-dokumenti tat-trasport eżistenti, iżda anki l-possibbiltà li jintużaw mezzi elettroniċi b’format strutturat li jista’ jiġi rivedut.

Il-paragrafu 6 jikkonsisti f’garanzija għall-operaturi jekk ikun hemm diskrepanza bejn l-operazzjonijiet reali u l-informazzjoni mogħtija fl-evidenza, meta dawn id-diskrepanzi jsiru minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

Artikolu 5

L-Artikolu 5 jinkludi l-obbligi tar-rappurtar għall-Kummissjoni (bl-għajnuna tal-Istati Membri), iżda mingħajr obbligu sistematiku biex tinġabar id-dejta rilevanti b’appoġġ għal dan l-obbligu. Issa qed jiġi propost li jinbidlu l-kundizzjonijiet u l-obbligi tar-rappurtar meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tad-Direttiva:

Il-paragrafu 1 jintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni, fi żmien 18-il xahar mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, id-dejta dwar il-kundizzjonijiet tas-suq tat-trasport ikkombinat fit-territorju tagħhom, inkluż fuq l-infrastruttura rilevanti u l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali adottati. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta miżuri permezz ta’ atti delegati biex tgħin lill-Istati Membri f’dan l-obbligu tagħhom billi tagħti aktar dettalji dwar il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi rrappurtata.

Il-paragrafu 2 jipprevedi li abbażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluża l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha u tista’ tipprevedi wkoll xi miżuri addizzjonali.

Il-paragrafu 3 jistipula li l-għoti tal-informazzjoni u rappurtar mill-Istati Membri hu perjodiku, kull sentejn.

Artikolu 6

L-Artikolu 6 jinkludi l-kundizzjonijiet tal-appoġġ ekonomiku li japplikaw għat-trasport ikkombinat. Jiżdiedu ħames paragrafi ġodda ħalli jitwessa’ l-ambitu ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ:

Il-paragrafu 4 jintroduċi miżuri ta’ appoġġ obbligatorji biex iħeġġeġ investimenti ġodda mill-Istati Membri f’infrastrutturi u faċilitajiet għat-trasport ikkombinat u jiffoka fuq il-prijoritajiet sottostanti, b’mod partikolari d-densità tat-terminals tat-trażbord. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tkun evitata d-duplikazzjoni possibbli fl-investiment fl-infrastruttura tat-trażbord, li tista’ twassal għal kapaċità żejda ta’ terminals, speċjalment fil-kurituri tat-TEN-T.

Il-paragrafu 5 jipprevedi miżuri ta’ appoġġ addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jadottaw biex jikkumplimentaw il-miżuri eżistenti ħalli jonqsu l-kostijiet tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat u biex dawn isiru aktar kompetittivi meta mqabbla mal-operazzjonijiet ekwivalenti bit-triq biss. Dawn il-miżuri fakultattivi jistgħu jindirizzaw kwalunkwe parti mill-operazzjoni tat-trasport ikkombinat, kwalunkwe parti bit-triq ta’ vjaġġ, il-vettura użata f’kull parti ta’ vjaġġ, l-unità tat-tagħbija jew l-operazzjoni tat-trażbord).

Il-paragrafu 6 jeżiġi li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull miżura ta’ appoġġ adottata.

Il-paragrafu 7 jipprevedi rieżami regolari tal-miżuri adottati ħalli tkun żgurata l-effikaċja tagħhom.

Il-paragrafu 8 jipprovdi l-għan ġenerali li jenħtieġ jilħqu l-miżuri ta’ appoġġ.

Artikolu 7 u Artikolu 9

L-Artikoli 7 u 9 kien fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw it-trasport għall-kont proprju u maħsuba biex jiffaċilitaw dan it-trasport. L-Artikoli 7 u 9 huma mħassra. Skont l-evalwazzjoni tar-REFIT, l-importanza tat-trasport għall-kont proprju fit-trasport bit-triq naqset ġmielu minn 30 % fl-1986 għal 15 % fl-2012, u l-benefiċċju perċepit tal-Artikoli speċifiċi għall-kont proprju għall-partijiet konċernati kien limitat.

Bis-simplifikazzjoni fid-definizzjoni l-ġdida proposta għat-trasport ikkombinat u bil-kjarifika dwar l-evidenza għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, ma għadux aktar raġonevoli li ssir distinzjoni, fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, bejn it-trasport ikkombinat għall-kiri jew kumpens u t-trasport ikkombinat għall-kont proprju. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, id-drittijiet u l-obbligi ta’ din id-Direttiva huma l-istess għaż-żewġ tipi ta’ trasport.

Artikolu 9a

Dan l-Artikolu qed jiżdied biex ikun żgurat li kull parti konċernata fl-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat ikollha t-trasparenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’mod partikolari fejn jidħlu l-miżuri ta’ appoġġ disponibbli u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

Għal dan il-għan, se jitwaqqaf netwerk tal-awtoritajiet kompetenti biex titrawwem il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ skambju tal-informazzjoni rilevanti u tal-aqwa prattiki, b’mod partikolari dwar il-miżuri ta’ appoġġ, u billi tingħata lista ta’ punti ewlenin tal-kuntatt għall-partijiet konċernati. Minbarra dan, il-paragrafu 4 jipprevedi li l-Kummissjoni se tagħmel disponibbli l-lista tal-awtoritajiet kompetenti u l-miżuri rilevanti adottati mill-Istati Membri.

Artikolu 10a

Dan l-Artikolu qed jiżdied biex jipprevedi l-proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħat delegati lill-Kummissjoni.



2017/0290 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 20 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-impatt negattiv tat-trasport fuq it-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-inċidenti, l-istorbju u l-konġestjoni għadhom joħolqu problemi għall-ekonomija, is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Minkejja li t-trasport bit-triq hu l-akbar kontributur ta’ dawk l-effetti negattivi it-trasport [intra Unjoni?] tal-merkanzija bit-triq hu stmat li se jiżdied b’60 % sal-2050.

(2) It-tnaqqis tal-impatt negattiv tal-attivitajiet tat-trasport għadu waħda mill-miri ewlenin tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE 21 li tistabbilixxi miżuri li jħeġġu l-iżvilupp ta’ trasport ikkombinat, hi l-uniku att leġiżlattiv tal-Unjoni li jinċentiva direttament it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi tat-trasport b’inqas emissjonijiet bħall-passaġġi fuq l-ilma interni, u t-trasport marittimu u ferrovjarju.

(3) Il-mira li 30 % tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ta’ aktar minn 300 km jaqleb għal modi oħra tat-trasport bħat-trasport ferrovjarju jew fuq l-ilma sal-2030, u li jkun hemm aktar minn 50 % sal-2050, biex tiġi ottimizzata l-prestazzjoni tal-ktajjen loġistiċi multimodali, inkluż b’użu akbar ta’ modi aktar effiċjenti fl-enerġija, imxiet aktar bil-mod milli mistenni u skont it-tbassir attwali, mhix se tintlaħaq.

(4) Id-Direttiva 92/106/KEE kkontribwiet għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport ikkombinat u għenet biex ammont konsiderevoli ta’ trasport tal-merkanzija ma jibqax isir bit-triq. In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, fosthom il-lingwaġġ ambigwu u d-dispożizzjonijiet skaduti, u l-ambitu limitat tal-miżuri ta’ appoġġ tagħha, dgħajfu ferm l-impatt tagħha.

(5) Id-Direttiva 92/106/KEE jenħtieġ tiġi ssimplifikata u titjieb l-implimentazzjoni tagħha b’reviżjoni tal-inċentivi ekonomiċi għat-trasport ikkombinat, bil-għan li titħeġġeġ il-bidla minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi li huma aktar favur l-ambjent, aktar sikuri, aktar effiċjenti fl-enerġija u li joħolqu inqas konġestjoni.

(6) Il-volum tal-operazzjonijiet intermodali nazzjonali jfisser 19,3 % tat-trasport intermodali totali fl-Unjoni. Dawn l-operazzjonijiet bħalissa ma jibbenefikawx mill-miżuri ta’ appoġġ previsti fid-Direttiva 92/106/KEE minħabba l-ambitu limitat tad-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat. Iżda l-effett negattiv tal-operazzjonijiet nazzjonali tat-trasport bit-triq, u b’mod partikolari l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-konġestjoni, iħallu impatt lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Għalhekk hemm bżonn jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/106/KEE għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinati nazzjonali (bejn l-Istati Membri) ħalli jiġi appoġġat l-iżvilupp addizzjonali tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni, u b’hekk tiżdied il-bidla modali minn trasport bit-triq għal trasport ferrovjarju, mill-passaġġi fuq l-ilma interni u trasport bil-baħar f’distanzi qosra.

(7) Operazzjoni tat-trasport ikkombinat trid titqies bħala operazzjoni waħda tat-trasport li tikkompeti direttament ma’ operazzjoni tat-trasport unimodali mill-punt tat-tluq sad-destinazzjoni finali. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet regolatorji jiżguraw l-ekwivalenza bejn it-trasport ikkombinat internazzjonali u t-trasport unimodali internazzjonali, it-trasport ikkombinat nazzjonali u t-trasport unimodali nazzjonali rispettivament.

(8) Id-definizzjoni attwali ta’ trasport ikkombinat tinkludi limiti differenti fid-distanza tal-partijiet bit-triq tal-vjaġġ ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat, skont il-modalità tal-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, u fil-każ tat-trasport ferrovjarju, ma tinkludix limitu fiss ta’ distanza iżda minflok tqis il-kunċett ta’ “l-eqreb terminal adattat” biex tagħti ċerta flessibbiltà skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi. Dik id-definizzjoni ħolqot bosta diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħha minħabba interpretazzjonijiet varji u minħabba ċerti diffikultajiet biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni. Ikun utli li jixxejnu dawn l-ambigwitajiet u li fl-istess waqt ikun żgurat li jinżamm ċertu livell ta’ flessibbiltà.

(9) Fid-definizzjoni attwali ta’ trasport ikkombinat, id-distanza minima ta’ 100 km għall-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat tiżgura li tkopri ħafna mill-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat. Il-partijiet ferrovjarji u bil-baħar f’distanzi qosra tal-vjaġġ isiru f’distanzi twal ħalli jkunu kompetittivi mat-trasport bit-triq biss. Dik id-distanza minima tiżgura wkoll li ċerti operazzjonijiet speċifiċi jkunu esklużi mill-ambitu, fosthom il-qasmiet qosra bil-vapuri jew it-trasport tal-baħar fond li se jseħħu xorta waħda. Madankollu, b’dawn il-limitazzjonijiet, għadd ta’ operazzjonijiet madwar il-portijiet u fl-agglomerazzjonijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interniu madwarhom, li jikkontribwixxu bil-bosta biex titneħħa l-konġestjoni min-netwerks tat-toroq fil-portijiet tal-baħar u fiż-żoni viċini tal-kummerċ u biex jonqsu l-piżijiet ambjentali fl-agglomerazzjonijiet, mhumiex meqjusa għall-finijiet tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat. Għaldaqstant, hu utli li dik id-distanza minima titneħħa u tibqa’ l-esklużjoni ta’ ċerti operazzjonijiet bħal dawk li jinkludu t-trasport tal-baħar fond jew il-qasmiet qosra bil-vapuri.

(10)Il-limitu minimu tad-daqs tal-unitajiet tat-tagħbija li bħalissa tispeċifika d-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat jista’ jxekkel l-iżvilupp futur ta’ soluzzjonijiet intermodali innovattivi għat-trasport urban. Għall-kuntrarju, il-kapaċità li l-unitajiet tat-tagħbija jiġu identifikati permezz ta’ standards eżistenti tista’ tħaffef l-immaniġġar tagħhom fit-terminals u tiffaċilita l-fluss tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat biex ikun żgurat immaniġġar aktar faċli tal-unitajiet tat-tagħbija ddefiniti u jkun żgurat li dawn ikunu xierqa għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni.

(11)L-użu antikwat tat-timbri bħala prova li saret operazzjoni tat-trasport ikkombinat ixekkel l-infurzar effettiv jew il-verifika tal-eliġibbiltà għall-miżuri previsti fid-Direttiva 92/106/KEE. Jenħtieġ li l-evidenza meħtieġa bħala prova li qed issir operazzjoni tat-trasport ikkombinat tiġi ċċarata flimkien mal-mezzi li bihom trid tingħata din il-prova. Jenħtieġ li jitħeġġu l-użu u t-trażmissjoni tal-informazzjoni elettronika dwar it-trasport, li għandha tissimplifika l-għoti tal-evidenza rilevanti u t-trattament tagħha mill-awtoritajiet rilevanti. Il-format użat jenħtieġ ikun affidabbli u awtentiku. Il-qafas regolatorju u l-inizjattivi li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi u d-diġitalizzazzjoni tal-aspetti tat-trasport, jenħtieġ iqisu l-iżviluppi fil-livell tal-Unjoni.

(12)L-ambitu tal-miżuri attwali ta’ appoġġ ekonomiku, kif definit fid-Direttiva 92/106/KEE, hu limitat ħafna u jikkonsisti f’miżuri fiskali (jiġifieri r-rifużjoni jew it-tnaqqis tat-taxxi) relatati biss ma’ operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat ferrovjarju/bit-triq. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu estiżi għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat li jkopru t-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu. Jenħtieġ li jkunu appoġġati wkoll tipi oħra ta’ miżuri rilevanti, bħalma huma l-miżuri ta’ appoġġ għall-investiment infrastrutturali jew miżuri differenti ta’ appoġġ ekonomiku.

(13)L-ostaklu infrastrutturali ewlieni li qed ixekkel it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi oħra tat-trasport jinsab fil-livell ta’ terminals tat-trażbord. Id-distribuzzjoni attwali u l-kopertura tat-terminals tat-trażbord fl-Unjoni, tal-anqas tul in-netwerk Komprensiv u Ewlieni tat-TEN-T eżistenti, mhumiex biżżejjed, iżda l-kapaċità tat-terminals tat-trażbord eżistenti qed toqrob lejn il-limitu tagħha u jeħtieġ tiġi żviluppata biex tkun tista’ tlaħħaq maż-żieda ġenerali fit-traffiku tal-merkanzija. B’investiment fil-kapaċità tat-terminals tat-trażbord jistgħu jonqsu l-kostijiet ġenerali tat-trażbord, u b’hekk tiġi ġġenerata bidla modali dderivata, bħalma ġara f’xi Stati Membri. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri b’koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien u mal-Kummissjoni, jiżguraw li l-operaturi tat-trasport ikollhom disponibbli jew jinbnewlhom aktar terminals tat-trażbord għat-trasport ikkombinat u aktar kapaċità tat-trażbord. Dan jinċentiva l-użu ta’ trasport tal-merkanzija alternattiv u jżid il-bidla modali, u b’hekk l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat jagħmilhom aktar kompetittivi mit-trasport bit-triq waħdu. Tal-anqas jenħtieġ li ż-żieda fil-kopertura u fil-kapaċità tat-terminals tat-trażbord tiġi stabbilita tul in-netwerks Komprensivi u Ewlenin tat-TEN-T eżistenti. Bħala medja, jenħtieġ li tal-inqas wieħed mit-terminals xierqa tat-trażbord għat-trasport ikkombinat ikun jinsab sa 150 km ’il bogħod minn post tat-trażbord fl-Unjoni.

(14)L-Istati Membri jenħtieġ jimplimentaw miżuri ta’ appoġġ ekonomiku addizzjonali apparti dawk diġà eżistenti, biex jolqtu l-partijiet varji tal-vjaġġ ta’ operazzjoni tat-transport ikkombinat, biex jonqos it-trasport tal-merkanzija bit-triq u biex jitħeġġeġ l-użu ta’ modi oħra tat-trasport bħat-trasport ferrovjarju, it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu, u b’hekk jonqsu t-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq, l-istorbju u l-konġestjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu t-tnaqqis ta’ ċerti taxxi jew tariffi tat-trasport, għotjiet għal trasport intermodali b’unitajiet tat-tagħbija effettivi f’operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, jew ir-rifużjoni parzjali tal-kostijiet tat-trażbord.

(15)Jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, b’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li hemm minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).

(16) Jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu kkoordinati, kif meħtieġ, bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(17)Jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu rieżaminati b’mod regolari mill-Istati Membri ħalli jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom.

(18) Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li ma ssirx distinzjoni bejn it-trasport ikkombinat għall-kiri jew kumpens u t-trasport ikkombinat għall-kont proprju.

(19)Sabiex ilaħħqu mal-evoluzzjoni tat-trasport fl-Unjoni, u b’mod partikolari s-suq tat-trasport ikkombinat, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru d-dejta u l-informazzjoni rilevanti u jgħadduhom lill-Kummissjoni b’mod regolari, filwaqt li l-Kummissjoni jenħtieġ tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kull erba’ snin.

(20)It-trasparenza hi importanti għal kull parti konċernata involuta fl-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, l-aktar dawk affettwati minn din id-Direttiva. Biex isostnu din it-trasparenza, u jippromwovu aktar koperazzjoni, jenħtieġ li f’kull Stat Membru jiġu identifikati l-awtoritajiet kompetenti.

(21) Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tingħata lill-Kummissjoni biex din id-Direttiva tiġi ssupplimentata b’aktar dettalji dwar l-informazzjoni fuq l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat li jridu jirrappurtaw l-Istati Membri. B’mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 22 . B’mod partikolari biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni ndaqs waqt it-tħejjija tal-atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva li jkomplu jħeġġu t-tranżizzjoni minn trasport bit-triq għal modi tat-trasport aktar favur l-ambjent, u b’hekk jonqsu l-esternalitajiet negattivi tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda li minflok, minħabba n-natura primarjament transfruntiera tat-trasport ikkombinat tal-merkanzija u l-infrastruttura interkonnessa, u minħabba l-problemi li din id-Direttiva tfasslet biex tindirizza, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(23)Għaldaqstant, id-Direttiva 92/106/KEE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/106/KEE hi emendata kif ġej:

(1)it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija”;

(2)l-Artikolu 1 qed jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 1

1.    Din id-Direttiva tapplika għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat.

2.    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “trasport ikkombinat” tfisser it-trasport tal-merkanzija b’operazzjoni tat-trasport, li tikkonsisti minn parti bit-triq inizjali tal-vjaġġ jew minn parti bit-triq finali tal-vjaġġ, jew mit-tnejn, u minn parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq u li tuża trasport ferrovjarju, trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew trasport marittimu:

(a) bi trejler jew semitrejler, b’unità ta’ trattur jew le, kaxxa skambjabbli jew kontejner, identifikati skont is-sistema tal-identifikazzjoni stabbilita skont l-istandards internazzjonali ISO6346 u EN13044, meta l-unità tat-tagħbija tiġi trażbordata bejn il-modi differenti tat-trasport; jew

(b) b’vettura tat-triq li tinġarr bi trasport ferrovjarju, trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew trasport marittimu għall-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq.

Il-partijiet tal-vjaġġ li mhumiex bit-triq u li jużaw it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jew it-trasport marittimu li għalihom ma teżisti l-ebda alternattiva ekwivalenti ta’ trasport bit-triq jew li huma inevitabbli f’operazzjoni tat-trasport kummerċjalment vijabbli, ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat.

3.    Kull parti ta’ vjaġġ li tissemma fil-paragrafu 2 ma għandhiex taqbeż l-itwal distanza minn fost dawn id-distanzi li ġejjin fit-territorju tal-Unjoni:

(a)    distanza ta’ 150 km f’linja dritta;

(b)    20 % tad-distanza f’linja dritta bejn il-punt tat-tagħbija għall-parti inizjali tal-vjaġġ u l-punt tal-ħatt għall-parti finali tal-vjaġġ, meta din tkun itwal mid-distanza msemmija fil-punt (a).

Dak il-limitu fid-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ għandu japplika għal kull parti bit-triq tal-vjaġġ, inkluż għal kull waqfa intermedjarja għal ġbir u twassil. Dan ma għandux japplika għat-trasport ta’ unitajiet tat-tagħbija vojta jew għat-trasport lejn il-post tal-ġbir tal-merkanzija jew għat-trasport mill-post tat-twassil tal-merkanzija.

Il-limitu fid-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ jista’ jinqabeż waqt l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat bit-triq/ferrovjarju, diment li dan ikun awtorizzat mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom issir il-parti bit-triq tal-vjaġġ, biex jintlaħaq l-eqreb terminal tat-trażbord ġeografikament li għandu l-kapaċità tat-trażbord operazzjonali meħtieġa għat-tagħbija jew għall-ħatt mil-lat ta’ tagħmir tat-trażbord, kapaċità tat-trażbord u servizzi ferrovjarji xierqa tal-merkanzija.

4.    Operazzjoni tat-trasport ikkombinat għandha titqies li tkun seħħet fl-Unjoni meta l-operazzjoni jew parti minnha li sseħħ fl-Unjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.” .

(3)l-Artikolu 3 qed jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 3

1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasport bit-triq jitqies bħala parti minn operazzjoni tat-trasport ikkombinat koperta minn din id-Direttiva biss jekk it-trasportatur jista’ jipproduċi evidenza ċara li dan it-trasport bit-triq jinkludi parti bit-triq tal-vjaġġ ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat, inkluż it-trasport tal-unitajiet tat-tagħbija vojta qabel u wara il-ġarr tal-merkanzija.

2.    L-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas dawn id-dettalji li ġejjin għal kull operazzjoni tat-transport ikkombinat:

(a)    l-isem, l-indirizz, id-dettalji tal-kuntatt u l-firma tal-konsenjatur;[.]

(b)    il-post u d-data meta tibda l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni;

(c)    l-isem, l-indirizz, u d-dettalji tal-kuntatt tal-konsenjatarju;

(d)    il-post fejn tintemm l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni;

(e)    id-distanza f’linja dritta bejn il-post fejn tibda l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat u l-post fejn tintemm l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni;

(f)    deskrizzjoni tar-rotta li se tieħu l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat, iffirmata mill-konsenjatur, li tal-inqas tkun tinkludi dawn id-dettalji li ġejjin għal kull parti tal-vjaġġ, inkluż għal kull mod tat-trasport tal-partijiet tal-vjaġġ li mhumiex bit-triq tal-operazzjoni fi ħdan l-Unjoni:

(i) l-ordni tal-partijiet tal-vjaġġ (jiġiferi l-parti inizjali tal-vjaġġ, il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, jew il-parti finali tal-vjaġġ);

(ii) l-isem, l-indirizz, u d-dettalji tal-kuntatt tat-trasportatur;

(iii) il-mod tat-trasport u l-ordni tiegħu fl-operazzjoni;

(g)    identifikazzjoni tal-unità tat-tagħbija intermodali trasportata;

(h)    għall-parti bit-triq inizjali tal-vjaġġ:

(i) il-post tat-trażbord tal-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq;

(ii) id-distanza tal-parti bit-triq inizjali tal-vjaġġ f’linja dritta bejn il-post tat-tagħbija u l-ewwel terminal tat-trażbord;

(iii) jekk titlesta l-parti bit-triq inizjali tal-vjaġġ, it-trasportatur irid jiffirma biex jikkonferma li tkun saret l-operazzjoni tat-trasport tal-parti bit-triq tal-vjaġġ;

(i)    għall-parti bit-triq finali tal-vjaġġ:

(i) il-post fejn tittieħed il-merkanzija mill-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq (trasport ferrovjarju, trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u trasport marittimu);

(ii) id-distanza tal-parti bit-triq finali tal-vjaġġ f’linja dritta bejn il-post tat-trażbord u l-post fejn tintemm l-operazzjoni tat-trasport ikkombinat fl-Unjoni);

(j)    għall-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq:

(i) jekk titlesta l-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, it-trasportatur (jew it-trasportaturi fil-każ ta’ żewġ operazzjonijiet jew aktar li mhumiex bit-triq waqt il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq) irid jiffirma biex jikkonferma li tkun saret l-operazzjoni tat-trasport tal-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq;

(ii) meta disponibbli, il-firma jew is-siġill tal-awtoritajiet ferrovjarji jew tal-port rilevanti fit-terminals rilevanti (l-istazzjon tal-ferrovija jew il-port) ikkonċernati tul l-operazzjoni tal-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, li jikkonfermaw li tlestiet il-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq.

3.    Ma għandu jintalab l-ebda dokument addizzjonali bħala evidenza li t-trasportatur qed iwettaq operazzjoni tat-trasport ikkombinat.

4.    L-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata jew tintbagħat malli tintalab mill-uffiċjal awtorizzat ta’ spezzjoni tal-Istat Membru fejn ikun qed isir il-kontroll. Fil-każ ta’ kontroll mal-ġenb tat-triq, l-evidenza għandha tingħata waqt dan il-kontroll. Din għandha tingħata b’lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru jew bl-Ingliż. Waqt il-kontroll mal-ġenb tat-triq, ix-xufier għandu jitħalla jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-meniġer tat-trasport jew lil xi persuna jew entità oħra li jistgħu jgħinuh biex jipprovdi l-evidenza msemmija fil-paragrafu 2.

5.    L-evidenza tista’ tingħata permezz ta’ dokument tat-trasport li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 11, jew permezz ta’ dokumenti tat-trasport oħrajn eżistenti, bħalma huma d-dokument tat-trasport tal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq (CMR) jew id-dokument tat-trasport tar-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt ta’ Ġarr Internazzjonali ta’ Oġġetti bil-Ferrovija (CIM).

Din l-evidenza tista’ tingħata jew tintbagħat b’mod elettroniku, b’format strutturat li jista’ jiġi rivedut u li jista’ jintuża direttament biex jiġi storjat u pproċessat bil-kompjuters, inkluż b’mod li tissuplimenta n-nota ta’ konsenja elettronika skont il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq (eCMR) għall-parti bit-triq tal-vjaġġ.

6.    Għall-finijiet ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq, xi diskrepanza bejn l-operazzjoni tat-trasport u l-evidenza mogħtija, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni dwar ir-rotta li se tieħu l-operazzjoni tat-trasport imsemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 2 għandha tkun permessa, diment li tiġi ġġustifikata kif xieraq, fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur(i) li wasslu għal tibdil fl-operazzjoni tat-trasport ikkombinat. Għal dak il-għan, is-sewwieq għandu jitħalla jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-meniġer tat-trasport jew lil xi persuna jew entità oħra li jistgħu jipprovdu ġustifikazzjoni addizzjonali dwar id-diskrepanza bejn l-evidenza mogħtija u l-operazzjoni reali.

_________________

* Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 52, 16.8.1960, p. 1121).”;

”;

(4)l-Artikolu 5 qed jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 5

1.    L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sa mhux aktar tard minn [xx/xx/xxxx - 18 months after transposition of the Directive] u mbagħad kull sentejn, li jipprovdi din l-informazzjoni li ġejja relatata mal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat fit-territorju tagħhom, li tkopri din id-Direttiva:

(a) il-mogħdijiet fin-netwerk tat-trasport nazzjonali u transfruntier li ntużaw fl-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat;

(b) il-volum, f’unità ekwivalenti għal għoxrin pied (TUE) u f’kilometri ta’ tunnellati, tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat skont it-tip ta’ operazzjoni (trasport ferrovjarju, trasport bit-triq/fil-passaġġi fuq l-ilma interni, eċċ...) u skont il-kopertura ġeografika (nazzjonali u intra-Unjoni);

(c) l-għadd u l-kopertura ġeografika tat-terminals li jifilħu operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat u l-għadd ta’ trażbordi annwali f’dawk it-terminals;

(d) ħarsa ġenerali lejn il-miżuri kollha ta’ appoġġ nazzjonali li jintużaw u li huma maħsuba, inkluż l-użu rispettiv tagħhom u u l-impatt stmat.

2.    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, b’konformità mal-Artikolu 10a, biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tiddeskrivi l-kontenut u d-dettalji tal-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat imsemmija fil-paragrafu 1.

3.    Abbażi ta’ analiżi tar-rapporti nazzjonali, għall-ewwel istanza sa mhux aktar tard minn [xx/xx/xxx - 9 months after the MS report submission deadline] u mbagħad kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tħejji u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a) l-iżvilupp ekonomiku tat-trasport ikkombinat, speċjalment fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-modi differenti tat-trasport;

(b) l-effetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-atti leġiżlattivi relatati tal-Unjoni f’dan il-qasam;

(c) l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri ta’ appoġġ previsti fl-Artikolu 6;

(d) miżuri oħra possibbli, inkluż reviżjoni tad-definizzjoni ta’ trasport ikkombinat kif definit fl-Artikolu 1 u adattament tal-lista tal-miżuri prevista fl-Artikolu 6.”

(5)Fl-Artikolu 6, jiżdiedu dawn il-paragrafi 4, 5, 6, 7 u 8 li ġejjin:

“4.    Meta meħtieġ, biex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-paragrafu 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jappoġġaw l-investiment fit-terminals tat-trażbord fejn jidħlu:

(a) il-bini u, fejn meħtieġ, l-espansjoni ta’ dawn it-terminals tat-trażbord għat-trasport ikkombinat;

(b) iż-żieda fl-effiċjenza operattiva fit-terminals eżistenti.

L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw mal-Istati Membri ġirien u mal-Kummissjoni u jiżguraw li, meta jkunu qed jitwettqu dawn il-miżuri, tingħata prijorità biex tkun żgurata distribuzzjoni ġeografika bilanċjata u suffiċjenti għal faċilitajiet xierqa fl-Unjoni, u b’mod partikolari fejn jidħlu n-netwerks Ewlenin u Komprensivi tat-TEN-T, b’mod li kull post ġeografiku fl-Unjoni ma jkunx jinsab aktar ’il bogħod minn 150 km minn dan it-terminal.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet tat-trażbord appoġġati jkunu aċċessibbli għall-operaturi kollha mingħajr diskriminazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali għall-eliġibbiltà għall-appoġġ.

5.    L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali biex itejbu l-kompetittività tal-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinati meta mqabbla ma’ operazzjonijiet ekwivalenti ta’ trasport alternattiv bit-triq.

Dawn il-miżuri jistgħu jindirizzaw kull operazzjoni tat-trasport ikkombinat jew parti minnha, bħal pereżempju l-operazzjoni ta’ parti bit-triq ta’ vjaġġ jew ta’ parti ta’ vjaġġ li mhix bit-triq, inkluż il-vettura użata għal din il-parti, jew bħall-unità tat-tagħbija jew l-operazzjonijiet tat-trażbord.

6.    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu u l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom.

7.    L-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ, u jevalwaw mill-ġdid il-ħtiġijiet tagħhom tal-inqas kull erba’ snin u jadattaw il-miżuri meta jkun meħtieġ.”;

8.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet tat-transport ikkombinat ikollhom l-għan li jnaqqsu t-trasport tal-merkanzija bit-triq u li jħeġġu l-użu ta’ modi oħra tat-trasport bħat-trasport ferrovjarju, it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu, u b’hekk jonqsu t-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq, l-istorbju u l-konġestjoni.”;

(6)L-Artikoli 7 u 9 huma mħassra.

(7)Jiddaħħal dan l-Artikolu li ġej:

Artikolu 9a

1.    L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex jaġixxu bħala l-punt ewlieni tal-kuntatt għall-implimentazzjoni tagħha.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jaqsmu bejniethom l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fejn jidħol l-iskambju tal-informazzjoni, l-awtorità riċeventi għandha tiżgura l-istess livell ta’ kunfidenzjalità daqs l-awtorità oriġinarja.

3.    L-Istati Membri għandhom jippubblikaw b’mod aċċessibbli faċilment u mingħajr ħlas, l-informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri adottati skont l-Artikolu 6 u informazzjoni oħra rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

4.    Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna, meta meħtieġ, il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-lista tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6.”;

(8)    Jiddaħħal dan l-Artikolu li ġej:

Artikolu 10a

1.    Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.    Is-setgħa li tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu taż-żmien indeterminat li jibda minn [date of entry into force of this (amending) Directive].

3.    Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 5(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun fis-seħħ.

4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.*

5.    Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifikazzjoni ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

___________________

* ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.;”

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXXXXX [one year after adoption of the Directive.]. Dawn għandhom jibagħtu minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, dawn għandhom jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    https://ec.europa.eu/commission/news/president-juncker-delivers-state-union-address-2017-2017-sep-13_mt
(2)    http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2017/6/47244661588_en.pdf
(3)    COM(2015) 80.
(4)    COM(2016) 501.
(5)    COM(2017) 283.
(6)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38-42.
(7)    COM(2015) 80 final.
(8)    COM(2017) 283 final.
(9)    https://ec.europa.eu/commission/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan-europe-juncker-plan_mt
(10)    Pereżempju, fil-Kawża C-2/84, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-parti bit-triq tal-vjaġġ tat-trasport ikkombinat hi parti integrali minn vjaġġ wieħed tat-trasport ikkombinat internazzjonali mill-punt tat-tluq sal-punt tal-wasla, u għalhekk ma għandhiex titqies bħala trasport nazzjonali. “... trasport ikkombinat jenħtieġ jitqies bħala operazzjoni waħda mill-punt tat-tluq sal-punt tal-wasla [...]. Is-sempliċi fatt li fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, il-merkanzija tinġarr biss bit-triq ma għandux ixejjen il-vantaġġi tat-trasport bit-triq/ferrovjarju kkombinat.”
(11)    “Dan ir-Regolament hu mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ’il ġewwa jew ’il barra ta’ merkanzija bit-triq bħala parti waħda minn vjaġġ ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċertu tipi ta’ trasport ikkombinat ta’ prodotti bejn Stati Membri. Vjaġġi nazzjonali bit-triq fi Stat Membru ospitanti li mhumiex parti minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-Direttiva 92/106/KEE jaqgħu fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”
(12)    L-evalwazzjoni ex post tar-REFIT tad-Direttiva 92/106/KEE dwar it-Trasport Ikkombinat, ir-Rapport Finali, SWD(2016) 140 final.
(13)    http://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/strategies/studies/doc/2015-01-freight-logistics-lot2-combined-transport.pdf.
(14)    SWD(2016) 140 final.
(15)    CT Study – “Analysis of the EU Combined Transport”, 2014, http://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/strategies/studies/doc/2015-01-freight-logistics-lot2-combined-transport.pdf.
(16)    TRL (2017) – “Gathering additional data on EU combined transport”.
(17)    ISL+KombiConsult (2017), “Updating EU combined transport data – Final Report”.
(18)    KombiConsult-Intermodality (2017), “Consultations and related analysis in the framework of impact assessment for the amendment of Combined Transport Directive (92/106/EEC)”.
(19)    ĠU C , , p. .
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).
(22)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.