Brussell, 27.9.2017

COM(2017) 571 final

2017/0245(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 f’dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Matul dawn l-aħħar sentejn, l-Unjoni Ewropea rat żieda sinifikanti ta’ riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni. Minn Settembru 2015, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni kienu riintrodotti u estiżi kważi 50 darba (meta mqabbel ma’ 36 każ ta’ riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-perjodu 2006–2015 1 ). Dan kien minħabba movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari kif ukoll iż-żieda tat-theddid terroristiku transfruntiera li huma ta’ theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika ta’ għadd ta’ Stati Schengen. Dawn it-theddidiet serji ġiegħlu lil uħud mill-Istati Membri biex itawlu l-kontroll fuq il-fruntieri riintrodotti diversi drabi, xi kultant sal-eżawriment tal-iskadenzi legali attwali.

F'Mejju tal-2017, il-Kummissjoni kienet diġà rrikonoxxiet li tfaċċaw sfidi ġodda għas-sigurtà f’dawn l-aħħar snin, kif muri bl-attakki terroristiċi repetuti. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-qafas legali preżenti kien biżżejjed biex jindirizza l-isfidi li tfaċċaw sa issa, il-Kummissjoni bdiet riflessjoni dwar jekk hux adattat biżżejjed biex jindirizza l-isfidi għas-sigurtà li qiegħdin jevolvu.

Abbażi tar-regoli attwali ta’ Schengen, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni huma possibbli għal aktar minn sitt xhur meta jkun hemm nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru, kif intwera matul l-Evalwazzjoni ta’ Schengen, dawn qiegħdu l-funzjonament kumplessiv taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni f’riskju jew bħala riżultat tan-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru ma’ deċiżjoni tal-Kunsill li tidentifika miżuri biex jitnaqqsu r-riskji fil-kontroll fuq il-fruntieri esterni li jipperikola t-tħaddim taż-żona Schengen (l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta) 2 . F’każijiet bħal dawn, il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, jirrakkomanda li Stat Membru wieħed jew aktar jiddeċiedu li jintroduċu mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri kollha jew f’partijiet speċifiċi mill-fruntieri interni tagħhom, għal perjodu speċifiku ta’ żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur, li jiġġedded tliet darbiet 3 .

F’każijiet fejn theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna mhux relatat ma’ nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni kif intwera matul Evalwazzjoni ta’ Schengen, ir-riintroduzzjoni ta’ kontroll fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikoli minn 25 sa 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għaldaqstant, il-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni jistgħu jitwettqu għal mhux aktar minn sitt xhur - f’każ ta’ avvenimenti prevedibbli bħalma huma l-isport internazzjonali jew avvenimenti politiċi (l-Artikolu 25), jew għal massimu ta’ xahrejn - f’każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata (l-Artikolu 28). Fl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-perjodi ta’ riintroduzzjoni tal-kontroll fuq il-fruntieri skont l-Artikoli 28 u 25 jistgħu jakkumulaw. Dan ifisser li fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar ir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri bbażati fuq raġunijiet differenti, kull notifika tkun eżaminata individwalment u skont il-merti tiegħu stess b’l-iskadenzi applikabbli li japplikaw għal kull każ partikolari.

B’mod ġenerali, l-użu ta’ riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli juri li l-Istati Membri japplikaw din il-miżura b’mod responsabbli 4 . Il-kostijiet ta’ simulazzjoni mhux Schengen juru b’mod ċar li din hija dejjem deċiżjoni għalja għall-ekonomija 5 .

Madankollu, F’dawn l-aħħar sentejn, ir-regoli u l-proċeduri għall-kontroll temporanju fuq il-fruntieri interni wrew li mhumiex adattati biex jindirizzaw it-theddid akbar għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Ir-regoli attwali wkoll mhumiex jippromwovu l-użu ta’ miżuri alternattivi biex itaffu theddid serju. Barra minn hekk, hemm ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jintroduċi jew jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri jikkoopera ma’ Stati Membri ġirien tiegħu. Fl-aħħar nett, hemm il-ħtieġa li fil-qafas legali jkun rifless aħjar l-obbligu li l-Istati Membri jivvalutaw, ferm qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, jekk u kif il-miżuri alternattivi jistgħu jindirizzaw it-theddida identifikata, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2017 dwar kontrolli proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni transfruntiera fiż-żona Schengen, li fost oħrajn ħeġġew lill-Istati Membri jagħtu preċedenza lil kontrolli proporzjonati tal-pulizija fuq ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri f’każ ta’ theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli dwar ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni.

F’konformità ma’ din il-konklużjoni, l-objettiv tal-proposta huwa:

li jiġi żgurat li l-limiti ta’ żmien applikabbli temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni jippermettu lill-Istati Membri jieħdu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri meħtieġa biex iwieġbu għal theddid serju għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika;

li jiġu introdotti salvagwardji proċedurali aħjar sabiex ikun żgurat li d-deċiżjoni dwar kontrolli temporanji fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni jew l-estensjoni tagħhom tkun ibbażata fuq evalwazzjoni adegwata tar-riskju u titqies f’kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati;

Għal dak l-għan, huwa propost li:

il-limitu ta’ żmien għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni għad-durata prevedibbli tat-theddida serja qed jiżdied sa sena (minflok sitt xhur) u l-limitu ta’ estensjoni tat-tul tal-perjodi jiżdied minn massimu ta’ 30 jum sa 6xhur.

L-Istati Membri se jħejju u jissottomettu valutazzjoni tar-riskju li tivvaluta kemm mistennija ddum it-theddida identifikata u liema sezzjonijiet ta’ fruntieri interni huma affettwati, u li turi li l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni hija miżura tal-aħħar istanza; jekk il-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu estiżi għal aktar minn sitt xhur, l-Istat Membru se jispjega wkoll retrospettivament kif il-kontroll fuq il-fruntieri ikkontribwixxa biex jindirizza t-theddida identifikata; sabiex tkun garantita l-kwalità ta’ tali valutazzjonijiet tar-riskju, l-Aġenziji rilevanti (il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Europol) se jkun/u involuti mill-Kummissjoni.

segwitu aħjar għall-opinjoni tal-Kummissjoni li tesprimi tħassib dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-kontrolli fuq il-fruntieri u l-proċedura ta’ konsultazzjoni li tinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u, kif propost issa, lill-Aġenziji rilevanti; il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien affettwati mill-kontrolli fuq il-fruntieri maħsuba se tkun żgurata aħjar fil-proċedura ta’ konsultazzjoni eżistenti.

qed tiddaħħal possibbiltà ġdida biex ikunu estiżi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni b’perjodu massimu ta’ sentejn fejn theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika tippersisti wara l-iskadenza ta’ sena, sakemm din tista’ tkun attribwita għall-istess raġunijiet (eż. theddida marbuta mal-operat ta’ netwerk terroristiku transfruntier) u li jittieħdu miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati fit-territorju sabiex tiġi indirizzata t-theddida (bħalma huma l-istat ta’ emerġenza).

Fil-kuntest ta’ dawn l-emendi, il-proposta tiċċara wkoll il-formulazzjoni tal-kliem li tistabbilixxi l-iskadenza applikabbli skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Il-proposta ma tbiddilx ir-raġunijiet għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni kif previst mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika

Il-proposta timmodifika l-iskadenzi ġenerali għar-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni kif stabbilit fl-Artikolu 25, jiġifieri, f’każ ta’ avvenimenti prevedibbli/theddid, filwaqt li jiġi ppreservat il-prinċipju attwali ta’ riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fuq il-fruntieri u s-salvagwardji applikabbli għalih, minn naħa, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa (u d-dmir, f’każijiet aktar minn sitt xhur) biex tieħu pożizzjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-kontrolli maħsuba u, min-naħa l-oħra, il-“proċedura ta’ konsultazzjoni” kif imsemmija fl-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li issa se tiġi msaħħa bil-parteċipazzjoni mill-Aġenziji rilevanti li għandhom l-għarfien espert biex jivvalutaw l-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat fin-notifika u fil-valutazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, il-kriterji għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli tal-fruntiera mal-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen se jkomplu japplikaw.

Il-proposta ssaħħaħ il-prinċipju li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha tkun l-aħħar miżura. Skont l-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Istati Membri jibqgħu intitolati li jwettqu spezzjonijiet tal-pulizija fit-territorju, inkluż fiż-żona tal-fruntiera, li f’xi każijiet jistgħu jkunu alternattiva effettiva għar-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni. Ir-rekwiżit li tkun ippreżentata valutazzjoni tar-riskju li turi li r-riintroduzzjoni intenzjonata jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri huwa miżura aħħarija għandu jkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-użu ta’ miżuri alternattivi bħal miżuri tal-pulizija rinforzati. F’dan ir-rigward, il-proposta se tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar proporzjonati, kontrolli tal-pulizija fi ħdan it-territorju 6 , fejn il-Kummissjoni ħeġġet speċifikament li l-Istati Membri jagħtu preċedenza lil kontrolli tal-pulizija fuq ir-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni.

Il-bidliet proposti huma konsistenti mal-Artikolu 72 TFUE għax ma jaffettwawx l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta' l-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

L-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen se jkompli joffri l-unika possibilità li jkunu mtawla l-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni f’każ ta’ nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni minn Stat Membru kif murija permezz ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen. Din il-possibbiltà ġiet reċentement imsaħħa permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar ir-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, fejn in-nuqqas ta’ segwitu xieraq min-naħa ta’ Stat Membru għal valutazzjoni negattiva tal-vulnerabbiltà jew in-nuqqas ta’ talba minn Stat Membru għal appoġġ suffiċjenti mingħand l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jirreaġixxi għal pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati mal-fruntieri esterni tiegħu jpoġġi fil-periklu l-funzjonament taż-żona Schengen, jista’ jiġġustifika r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni (l-Artikolu 19(10) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li għad japplika, kwalunkwe deċiżjoni dwar r-riintroduzzjoni temporanja jew l-estensjoni ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt probabbli ta’ tali miżura fuq moviment liberu ta’ persuni fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed ifakkar li d-Direttiva 2004/38/KE 7 ma tinkludix id-dritt li jkunu ħielsa minn kontrolli ta’ sigurtà waqt li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri fejn il-kontrolli jiġu mwettqa f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għalhekk, aġġornament tal-perjodu massimu ta’ kontrolli tal-fruntiera mal-fruntieri interni, per se, ma jimplikax impatt negattiv fuq il-libertà tal-moviment; huwa biss l-użu abbużiv ta’ tali possibbiltà li jista’ jaffettwa l-libertà ta’ moviment.

Biex jittaffa dan ir-riskju, huwa propost li apparti l-possibbiltà eżistenti li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tista’ tesprimi t-tħassib tagħha rigward in-neċessità jew il-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri (jew l-estensjoni tagħhom), issa se jkun hemm obbligu fuq il-Kummissjoni li tagħti opinjoni kull meta jitwettqu l-kontrolli fuq il-fruntieri għal aktar minn sitt xhur. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni fiha klawżola ta’ salvagwardja oħra peress li issa għandhom jinvolvu wkoll lill-Aġenziji rilevanti. It-test propost għal proċedura ta’ konsultazzjoni, li tkun immexxija mill-Kummissjoni, iċċara li l-fehmiet tal-Istati Membri affettwati minn tali kontrolli huma kkunsidrati kif xieraq.

Il-proposta tikkontribwixxi biex issaħħaħ is-sigurtà fiż-żona Schengen billi l-Istati Membri jingħataw possibbiltà legali li jtawlu, fejn meħtieġ, kontrolli fuq il-fruntieri interni b’reazzjoni għal theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li tiġġustifika tali kontrolli.

L-aġġornament tal-qafas legali ta’ Schengen fid-dawl tal-esperjenza biex niffaċċaw l-isfidi l-ġodda biex tiġi preservata l-kapaċità tiegħu li jirreaġixxi b’mod xieraq għal theddid serju persistenti għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, li joffri żmien addizzjonali li jista’ jkun meħtieġ biex dawn jiġu indirizzati, huwa kompletament f’konformità mal-ħidma tal-Kummissjoni stabbilita fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 77(2)(e) tat-TFUE.

Il-proposta temenda r-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-azzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja taqa’ f’qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(2) TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa applikabbli minħabba l-Artikolu 5(3) TUE skont liema l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proposta timmodifika d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Kapitolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen relatati mar-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni, b’mod limitat, bil-ħsieb li jwieġbu għall-esperjenza reċenti f’dawn l-aħħar snin fejn għadd ta’ Stati Membri tawlu diversi drabi l-perjodi inizjali tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri tal-fruntieri interni.

Barra minn hekk, il-proposta ssaħħaħ l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront ta’ Stati Membri ġirien, affettwati mill-introduzzjoni jew l-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntiera, peress li l-effiċjenza tad-dispożizzjonijiet attwali f’dan ir-rigward urew li huma limitati.

L-għan li jkun definit l-ambitu, it-tul ta’ żmien u l-proċedura għall-estensjoni eċċezzjonali tal-kontrolli temporanji f’sezzjoni(jiet) speċifika(ċi) tal-fruntieri interni, waqt li jkunu kkunsidrati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordni pubblika u s-sigurtà interna kif ukoll il-ħtieġa li jkunu limitati l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal dak li huwa strettament meħtieġ, sabiex tkun ippreservata żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu weħidhom, u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri proposti, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-bidliet proposti fir-regoli dwar id-dħul mill-ġdid temporanju ta’ kontrolli tal-fruntiera mal-fruntieri interni huma proporzjonati għall-għan ta’ protezzjoni tal-politika pubblika u biex jiżguraw is-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.

Il-proposta tirrikonoxxi bis-sħiħ li skont ir-regoli ta’ Schengen, ir-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntiera u l-estensjoni sussegwenti tagħha għandhom jibqgħu eċċezzjoni, suġġett għal regoli speċifiċi komuni għall-membri taż-żona ta’ Schengen.

Il-proposta hija reazzjoni għan-nuqqasijiet identifikati fir-regoli eżistenti fir-rigward tat-theddid persistenti għall-politika pubblika u s-sigurtà interna li ġew esperjenzati minn xi Stati Membri f’dawn l-aħħar snin (bħal theddid terroristiku transfruntier, movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari li jiġġustifikaw r-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni). Abbażi ta’ din l-esperjenza, jidher li anke l-prattika aċċettata mill-Kummissjoni biex ikunu ikkumbinati l-limiti taż-żmien massimi għal kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni bbażati fuq l-Artikolu 28 (avvenimenti li jeħtieġu azzjoni immedjata) u l-Artikolu 25 (avvenimenti previsti) jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikun indirizzat ċertu theddid fit-tul.

Għal dan l-għan, il-proposta:

1) testendi l-iskadenza ġenerali għal avvenimenti prevedibbli sa sena.

Dan il-perjodu massimu hu mistenni li jkun applikat jekk it-theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ma jistax ikun indirizzat fi żmien ftit xhur; din il-possibbiltà ma għandhiex taffettwa t-tul medju tal-kontroll fuq il-fruntieri riintrodott abbażi tar-raġunijiet l-aktar frekwenti li huma ġeneralment relatati mal-isport jew avvenimenti politiċi ta’ livell għoli. Għandu jkun imfakkar li, fi ħdan dawn il-limiti stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, id-deċiżjoni dwar it-tul attwali taż-żmien għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri skont l-Artikolu 25 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tinsab f’idejn l-Istat Membru. Madankollu, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tar-riintroduzzjoni tal-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja, il-Kummissjoni tista’ tissorvelja t-tul reali ta’ dawn il-kontrolli u jista’ jagħti l-każ li toħroġ opinjoni f’dan ir-rigward; fil-każ ta’ tħassib dwar in-neċessità jew il-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, jew meta l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jitwettqu għal aktar minn sitt xhur, il-Kummissjoni hi obbligata li toħroġ opinjoni.

Barra minn hekk, kwalunkwe abbuż possibbli tal-iskeda ta’ żmien aġġornata se jkun indirizzat ukoll skont il-poteri ġenerali tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati.

Barra minn hekk, kwalunkwe riintroduzzjoni jew estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri se tkun suġġetta għal valutazzjoni tar-riskju li għandha tikkunsidra t-tul mistenni tat-theddid u s-sezzjonijiet tal-fruntieri affettwati, tivvaluta l-miżuri disponibbli u tispjega għaliex dik magħżula hija kkunsidrata li hija l-aħjar mod biex tiġi indirizzata t-theddida identifikata. Wara sitt xhur ta’ kontroll effettiv tal-fruntieri, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tipprovdi wkoll analiżi ta’ kif l-aħħar estensjoni(jiet) għen(u) biex jinstab rimedju kontra t-theddida identifikata.

2) Fil-fatt, il-proposta tintroduċi wkoll possibbiltà li jiġi estiż b’mod eċċezzjonali, il-kontroll fuq il-fruntieri interni, jekk l-istess theddid jippersisti għal aktar minn sena iżda biss jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna invokati sabiex jiġġustifikaw l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri hija speċifika biżżejjed u tikkorrispondi għal miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati, b’mod partikolari stat ta’ emerġenza. Sabiex tiġi żgurata n-natura straordinarja ta’ tali estensjoni ulterjuri, possibbiltà speċifika li jinqabżu l-iskadenzi ġenerali fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen teħtieġ opinjoni mill-Kummissjoni segwita minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati u li tikkostitwixxu prerekwiżit għal kwalunkwe estensjoni. Ir-rakkomandazzjoni tista’ tirrigwarda perjodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur, u tista’ tiġġedded mhux aktar minn tliet darbiet sa sitt xhur kull darba, skont l-istess proċedura.

Għażla tal-istrument

Il-proposta tirrigwarda l-emenda ta’ Regolament. Minħabba li l-proposta tikkumplimenta d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Titolu III, tal-Kapitolu II dwar r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni ta’ dan ir-Regolament, l-ebda strument ieħor minflok Regolament ma jkun xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjoni tal-impatt

L-emenda proposta tippermetti ammont ta’ flessibbiltà kontrollata fir-regoli eżistenti, mingħajr ma tbiddel il-loġika tar-riintroduzzjoni eċċezzjonali tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Dan jiġġustifika analiżi simplifikata tal-alternattivi disponibbli. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt sħiħ.

Drittijiet fundamentali

L-emenda proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza (l-Artikolu 45). Is-salvagwardji tal-Artikolu 3a, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ikomplu japplikaw.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-emenda proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 25 huwa mmodifikat kif ġej:

·L-iskadenza massima għar-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli f’każ ta’ avvenimenti prevedibbli, li huma ta’ theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, kif imniżżel fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni hija estiża minn 6 xhur għal sena. B’konformità ma’ dan, sabiex it-tul ta’ perjodi rinnovabbli taħt din id-dispożizzjoni jkun aktar proporzjonat mad-durata massima kumplessiva ta’ kontrolli fil-fruntieri, il-paragrafi 1 u 3 huma wkoll modifikati u jipprevedu l-estensjoni possibbli ta’ perjodi rinnovabbli minn 30 jum sa 6 xhur.

·L-għan ta’ din il-modifika huwa li jkun ikkunsidrat it-theddid serju persistenti għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna (bħal theddid terroristiku transfruntiera jew movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari li jiġġustifikaw r-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni), li, kif intwera matul dawn l-aħħar ftit snin, jistgħu jkunu jeħtieġu aktar żmien biex jiġu ttrattati.

·Il-paragrafu 2 huwa emendat sabiex tiddaħħal referenza għall-Artikolu 27a.

·Fil-paragrafu 4 tiżdied il-possibbiltà straordinarja li jittawwal il-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni wara t-terminu ta’ skadenza massimu. Għaldaqstant, fejn theddid serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna jippersisti għal aktar minn sena, il-kontrolli fuq il-fruntieri jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jkunu estiżi għal perjodi li jiġġeddu sa sitt xhur, u għal perjodu massimu ta’ sentejn, suġġetti għall-kundizzjonijiet u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27a ġdid.

·L-għan ta’ din il-modifika hija li tagħmel ir-regoli aġġornati aktar reżistenti għall-isfidi l-ġodda.

L-Artikolu 27 huwa mmodifikat kif ġej:

·Fil-paragrafu 1 li qiegħed jiddefinixxi l-elementi tar-riintroduzzjoni maħsuba tal-kontroll fuq il-fruntiera (li, skont l-Artikolu 25(3), huma applikabbli wkoll għal estensjonijiet), jiżdied punt ġdid, il-punt aa) li jintroduċi obbligu ġdid għall-Istati Membri biex jippreparaw u jikkondividu valutazzjoni tar-riskju. Valutazzjoni tar-riskju bħal din għandha tivvaluta t-tul mistenni tat-theddid u s-sezzjonijiet tal-fruntiera affettwati u turi li l-kontrolli fuq il-fruntieri huma miżura aħħarija. Hija għandha wkoll tirrapporta fid-dettall dwar il-koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien ikkonċernati b’tali kontrolli temporanji fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ din id-dejta, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tinvolvi l-Aġenzija rilevanti, skont x’inhi t-theddida li tirfed ir-riintroduzzjoni jew l-estensjoni maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntieri (jiġifieri jew l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jew Europol).    

L-għan għall-inklużjoni ta’ dan l-element il-ġdid huwa li tiġi enfasizzata n-natura aħħarija tal-kontrolli fuq il-fruntiera bħala miżura biex jiġi indirizzat it-theddid serju għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna, li għandhom jintużaw biss jekk miżuri oħra huma meqjusa bħala insuffiċjenti biex jinkisbu l-istess riżultati.
   

Dan l-objettiv huwa msaħħaħ minn obbligu speċifiku impost fuq l-Istati Membri li jmur lil hinn mill-pakkett ta’ sitt xhur tal-kontrolli fil-fruntieri, biex b’mod retrospettiv jintwera li r-riintroduzzjoni tal-kontroll fuq il-fruntieri ikkontribwixxiet għall-indirizzar tat-theddid identifikat.
   
Id-dispożizzjoni emendata tenfasizza wkoll il-bżonn ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien affettwati mill-kontroll maħsuba fuq il-fruntieri.
   

F’dan il-kuntest, fil-punt (e) il-kliem huwa miżjud sabiex jiġi ċċarat li l-koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien ikkonċernati għandha ssir qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni.
   

Barra minn hekk, l-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu huwa mmodifikat biex jiġi enfasizzat li l-kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien se tkun suġġetta għal attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni, li tista’ tistaqsi aktar dwar dan.

·Fid-dawl tal-proċedura speċifika tal-estensjoni tal-kontroll fuq il-fruntiera lil hinn minn sena, iċ-ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni hija meħtieġa toħroġ opinjoni, kif speċifikat fil-paragrafu 4, huma modifikati skont dan. Wara din il-modifika, il-Kummissjoni jew Kwalunkwe Stat Membru jista’ joħroġ opinjoni iżda fil-każ ta’ tħassib dwar in-neċessità jew il-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri maħsuba, jew meta l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jitwettqu għal aktar minn sitt xhur, il-Kummissjoni hi obbligata li toħroġ opinjoni. Dan l-obbligu huwa msaħħaħ u aġġornat biex iqis l-obbligi ġodda relatati mat-tħejjija ta’ valutazzjoni tar-riskju u r-rwol tal-Aġenziji fil-valutazzjoni tiegħu.

·Il-paragrafu 5 li qed jistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura ta’ konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jiġi aġġornat ukoll sabiex jirrifletti l-involviment tal-Aġenziji. Għaldaqstant, l-Aġenziji huma mistennija li jipparteċipaw f’dan il-proċess. Il-modifiki l-oħra jirriflettu l-bidliet fil-paragrafi preċedenti li jagħtu aktar viżibbiltà lill-verifika tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-kontrolli fuq il-fruntieri maħsuba. Fl-aħħar nett, il-modifiki proposti għandhom l-għan li jiżguraw li r-riintroduzzjoni temporanja jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni hija akkumpanjata minn miżuri ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati minn tali kontrolli.

Kif diġà msemmi hawn fuq, jiżdied l-Artikolu 27a ġdid bil-ħsieb li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat li teċċedi sena.

·Il-paragrafu 1 jispjega li l-kontrolli fuq il-fruntiera b’mod eċċezzjonali jistgħu jittawlu għal aktar minn sena fejn theddid serju għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika jkun suffiċjentament speċifika u jippersisti għal aktar minn sena. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Premessa 8 li tagħti aktar gwida dwar kif l-ispeċifiċità tat-theddida tista’ tintwera. Għalhekk, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kriterji għall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri kif stabbilit fl-Artikolu 26, il-kontrolli fuq il-fruntieri jistgħu jkunu eċċezzjonalment estiżi lil hinn minn sena biex jappoġġaw miżuri eċċezzjonali li meħuda fuq livell nazzjonali biex jindirizzaw theddida serja persistenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna (bħall-istat ta’ emerġenza).

·Il-paragrafu 2 jirreferi għal dispożizzjonijiet proċedurali tal-Artikolu 27 li għandhom jibqgħu japplikaw (kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontenut ta’ notifika, ir-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, id-dritt li jikklassifikaw xi informazzjoni).

·Il-paragrafi 3 u 4 jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita. Għaldaqstant, tali estensjoni straordinarja tista’ tkun rakkomandata mill-Kunsill, bil-kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni (li hija obbligatorja, fid-dawl tal-emenda fl-Artikolu 27(4) kif deskritt hawn fuq u kif rifless fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 27a).

L-estensjoni tista’ tkun rakkomandata għal tliet darbiet, għal perjodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur kull darba, billi tkun segwita l-istess proċedura. Fid-dawl tal-fatt li l-ħtieġa ta’ estensjoni ulterjuri ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni għal aktar minn sena x’aktarx li tkun motivata minn raġunijiet, li għandhom effett fuq is-setgħat eżekuttivi u ta’ infurzar nazzjonali, u li għandhom ikunu korroborati minn miżuri nazzjonali eċċezzjonali, huwa propost li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma għandhiex tiddependi fuq proposta tal-Kummissjoni li, minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, tirriskja li tibbaża ruħha fuq informazzjoni limitata ħafna. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha madankollu tkun debitament ikkunsidrati mill-Kunsill.
   

F’konformità mad-dispożizzjonijiet preċedenti li jeħtieġu aktar involviment tal-Istati Membri ġirien, huwa propost ukoll li l-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu jiddetermina, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

L-Artikolu 2 tar-Regolament fih kundizzjonijiet standard dwar id-dħul fis-seħħ u l-kamp ta’ applikazzjoni.    

2017/0245 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 f’dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (e) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Waqt li taġixxi skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva ,

Billi:

(1)F’żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu, id-dħul mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jenħtieġ li jibqa’ l-eċċezzjoni. r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni jenħtieġ li tkun deċiża biss bħala l-aħħar miżura, għal perjodu limitat ta’ żmien u sal-punt li l-kontrolli huma meħtieġa u proporzjonati mat-theddidiet serji identifikati għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

(2)It-theddidiet serji identifikati jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri differenti, skont in-natura u l-iskala tagħhom. L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ukoll is-setgħat tal-pulizija, kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) 8 , li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jintużaw f’żoni tal-fruntiera. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati mill-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen 9 tipprovdi linji gwida lill-Istati Membri għal dan l-għan.

(3)Skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, il-Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontroll mal-fruntieri interni jista’ jiġi riintrodott temporanjament bħala l-aħħar miżura f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat għal perjodu limitat ta’ mhux aktar minn sitt xhur - għal avvenimenti mistennija (l-Artikolu 25), u għal perjodu limitat ta’ żmien ta’ massimu ta’ xahrejn - għal każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata (l-Artikolu 28). Dawn l-iskedi ta’ żmien kienu biżżejjed biex jindirizzaw theddid serju relatat mal-aktar avvenimenti frekwenti prevedibbli bħalma huma l-isport internazzjonali jew avvenimenti politiċi ta’ livell għoli.

(4)Madankollu, l-esperjenza wriet li ċertu theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, bħal theddidiet terroristiċi transfruntier jew każijiet speċifiċi ta’ movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari fl-Unjoni li jiġġustifikaw r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, jistgħu jippersistu sew aktar mill-perjodi msemmija hawn fuq. Għalhekk huwa meħtieġ u ġġustifikat li l-limiti ta’ żmien applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri jkun aġġustati għall-ħtiġijiet attwali, filwaqt li jiġi żgurat li din il-miżura ma tiġix abbużata u tibqa’ eċċezzjoni, li għandha tintuża biss meta ma jkun baqa’ xejn aktar xi jsir. Għal dan l-għan, l-iskadenza ġenerali applikabbli skont l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jenħtieġ li tkun estiża għal sena.

(5)Sabiex jiġi garantit li dawn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jibqgħu l-eċċezzjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu valutazzjoni tar-riskju dwar ir-riintroduzzjoni maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntieri jew dwar l-estensjoni tagħha. Il-valutazzjoni tar-riskju jinħtieġ li, b’mod partikolari, tivvaluta, kemm hija mistennija li tippersisti t-theddida identifikata u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, turi li l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri hija miżura tal-aħħar istanza u tispjega kif il-kontroll fuq il-fruntieri se jgħinu fl-indirizzar tat-theddid identifikat. F’każ ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni li jaqbżu s-sitt xhur, l-istima tar-riskju jenħtieġ li turi wkoll b’mod retrospettiv l-effiċjenza tal-kontroll fuq il-fruntieri riintrodotti fl-indirizzar tat-theddid identifikat u tispjega fid-dettall kif kull Stat Membru ġar affettwat minn tali estensjoni ġie kkonsultat u involut biex ikunu determinati l-eħfef arranġamenti operazzjonali.

(6)Il-kwalità tal-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata mill-Istati Membri se tkun importanti ħafna għall-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni jew l-estensjoni maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntiera. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u Europol jenħtieġ li jkunu involuti f’din il-valutazzjoni.

(7)Is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ opinjoni skont l-Artikolu 27(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jenħtieġ li tkun modifikata biex tirrifletti obbligi ġodda fuq l-Istati Membri relatati mal-valutazzjoni tar-riskju, inkluża l-kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati. Meta kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jitwettqu għal aktar minn sitt xhur, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun obbligata li toħroġ opinjoni. Barra minn hekk il-proċedura ta’ konsultazzjoni kif prevista fl-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jenħtieġ li tkun modifikata sabiex tirrifletti r-rwol tal-Aġenziji (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u Europol) u biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni prattika ta’ diversi aspetti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż il-koordinazzjoni, fejn xieraq, ta’ miżuri differenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

(8)Sabiex tagħmel ir-regoli riveduti adattati aħjar għall-isfidi relatati persistenti ta’ theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, jeħtieġ li tkun prevista l-possibilità li l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jkunu mtawla għal aktar minn sena. Estensjoni bħal din għandha takkumpanja miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati meħuda wkoll fit-territorju sabiex tiġi indirizzata t-theddida, bħal pereżempju stat ta’ emerġenza. Fi kwalunkwe każ, possibbiltà bħal din ma jenħtieġx li twassal għal titwil ulterjuri tal-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni għal aktar minn sentejn.

(9)Ir-referenza għall-Artikolu 29 fl-Artikolu 25(4) għandha tiġi emendata bil-ħsieb li tiċċara r-relazzjoni bejn il-perjodi ta’ żmien applikabbli skont l-Artikolu 29 u l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(10)Il-possibbiltà li jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri interni b’reazzjoni għal theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna li tippersisti wara sena għandhom ikunu suġġetti għal proċedura speċifika.

(11)Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali estensjoni u, fejn xieraq, dwar il-kooperazzjoni ma’ Stati Membri ġirien.

(12)B’kunsiderazzjoni tan-natura ta’ tali miżuri, li għandhom effett fuq is-setgħat eżekuttivi u ta’ infurzar nazzjonali fir-rigward ta’ theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, is-setgħat ta’ implimentazzjoni biex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet skont din il-proċedura speċifika jenħtieġ li eċċezzjonalment jiġu kkonferiti lill-Kunsill.

(13)Il-Kunsill, waqt li jikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista’ jirrakkomanda estensjoni oħra straordinarji bħal dawn u, fejn ikun xieraq, jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li din hija miżura eċċezzjonali, fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ u ġustifikat, u konsistenti mal-miżuri meħuda wkoll fuq livell nazzjonali fit-territorju biex jindirizza l-istess theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun prerekwiżit għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri lil hinn mill-perjodu ta’ sena u għaldaqstant trid tkun tal-istess natura bħal dik diġà prevista fl-Artikolu 29.

(14)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li, f’każijiet eċċezzjonali, jippermetti l-estensjoni tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri f’sezzjoni(jiet) speċifika(ċi) tal-fruntieri interni għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ għal Stat Membru biex jirrispondi b’mod adegwat għal theddida persistenti ta’ natura transfruntiera, huwa li jikkumplementa r-regoli attwali dwar r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni, dan ma jistax jiġi milħuq mill-Istati Membri billi jaġixxu waħedhom; emenda tar-regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni hija neċessarja. B’hekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(15)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas mhi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 10 ; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma huwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 11 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(18)Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen 12 , li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 13 .

(19)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen 14 li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE 15 moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 16 .

(20)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen 17 li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 18 .

(21)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(22)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 2016/399 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/399 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fejn, f'żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' eċċezzjonalment jerġa' jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f'partijiet speċifiċi tagħhom għal perjodu limitat ta' mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum, iżda ma jaqbiżx is-sitt xhur. L-iskop u t-tul ta’ żmien tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.    

2. Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f'konformità mal-Artikoli 27, 27a, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f'kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 27a, 28 jew 29 rispettivament.    

3. Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perjodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jikkunsidra l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f’konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, filwaqt li jikkunsidra kull element ġdid, għal perjodi li jistgħu jiġġeddu li jikkorrispondi għad-durata prevedibbli tat-theddida serja u mhux għal aktar minn sitt xhur.    

4. Il-perjodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandux jaqbeż is-sena.

Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 27a, dak il-perjodu totali jista' jiġi estiż għal żmien massimu ta' sentejn b'konformità ma' dak l-Artikolu.

Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, il-perjodu totali jista' jiġi estiż bi żmien massimu ta' sentejn b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu.”

(2)L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(i) Fil-paragrafu 1, il-punt il-ġdid (aa) ġie miżjud kif ġej:

“(aa) valutazzjoni tar-riskju li tivvaluta kemm hija mistennija li tippersisti t-theddida identifikata u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, li turi li l-estensjoni tal-kontroll fuq il-fruntieri hija miżura tal-aħħar istanza u li tispjega kif il-kontroll fuq il-fruntieri se jgħinu fl-indirizzar tat-theddid identifikat. Meta l-kontroll fuq il-fruntieri diġà ġie riintrodott għal aktar minn sitt xhur, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tispjega wkoll kif r-riintroduzzjoni ta’ kontrolli preċedenti kkontribwixxiet għal rimedju kontra t-theddida identifikata.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi wkoll rapport dettaljat tal-koordinazzjoni li saret bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jaqsam il-fruntieri magħhom fejn sar il-kontroll tal-fruntieri.

Il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-valutazzjoni tar-riskju mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u ma’ Europol, kif xieraq.”

(ii) Fil-paragrafu 1, l-ittra (e) hija sostitwita kif ġej:

“(e) fejn xieraq, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra kif miftiehem qabel ir-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni kkonċernati.”

(iii)“L-aħħar sentenza tal-paragrafu 1 tinbidel b'dan li ġej:

“Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ titlob tagħrif addizzjonali mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), inkluż dwar kooperazzjoni mal-Istati Membri affettwati wkoll mill-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni kif ukoll informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex tivvaluta jekk din hiex miżura tal-aħħar istanza.”

(iv) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Wara n-notifika mill-Istat Membru taħt il-paragrafu 1, u bil-għan tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 TFUE, joħorġu opinjoni.

Fejn il-Kummissjoni jkollha tħassib fir-rigward tal-ħtieġa jew proporzjonalità tar-riintroduzzjoni tal-kontroll fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jew fejn hija tqis li tkun xierqa konsultazzjoni dwar xi aspetti tan-notifika, hija għandha toħroġ opinjoni f’dan ir-rigward.

Fejn il-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni diġà ġiet introdotta mill-ġdid għal sitt xhur, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni.

   (v) Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Fejn xieraq, il-konsultazzjoni għandha tinkludi laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri u l-Aġenziji rilevanti. Il-proporzjonalità tal-miżuri maħsuba, it-theddida identifikata għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, kif ukoll modi li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri għandhom jiġu eżaminati. L-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa’ jintroduċi jew jestendi l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni għandu jikkunsidra bis-sħiħ ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni meta jwettaq il-kontrolli fuq il-fruntieri.    

(3)Jiżdied Artikolu 27a ġdid:

Proċedura speċifika fejn it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna hija ta’ aktar minn sena

“1. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-Istat Membru qiegħed iħabbat wiċċu mal-istess theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna lil hinn mill-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(4), u fejn miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonat qegħdin jittieħdu wkoll fit-territorju biex tiġi indirizzata din it-theddida, kontroll fuq il-fruntieri kif riintrodott temporanjament biex jirrispondi għal dik it-theddida jista’ jkompli jiġi estiż f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2. Sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(4), l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li huwa qed jitlob estensjoni ulterjuri skont il-proċedura speċifika stabbilita f’dan l-Artikolu. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 27(1)(a) sa (e). Fl-Artikolu 27, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw.

3. Il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni.

4. Il-Kunsill, filwaqt li jikkunsidra b’mod dovut l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista’ jirrakkomanda li l-Istat Membru jiddeċiedi li jkompli jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż, mhux aktar minn tliet darbiet, b’perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu mill-anqas jindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(a) sa (e). Fejn adatt, huwa għandu jiffissa l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ara l-lista ta’ riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/reintroduction-border-control/docs/ms_notifications_-_reintroduction_of_border_control_en.pdf.
(2) Skont din il-proċedura, fit-12 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill irrakkomanda, fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, li ħames Stati Membri l-aktar milquta mill-movimenti sekondarji jintroduċu mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni tagħhom. Fit-12 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lil dawn il-ħames Stati Membri għat-tielet u l-aħħar darba li jestendu dawn il-kontrolli sal-11 ta’ Novembru 2017.
(3) Bir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li ġab miegħu riżorsi u għodod ġodda (bħal valutazzjonijiet obbligatorji tal-vulnerabbiltà u r-rakkomandazzjonijiet ta’ segwitu tagħhom, kif ukoll l-ippuljar mandatorju tar-riżorsi) il-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE hija aktar reżiljenti għal sfidi ġodda, jekk dawn jitfaċċaw mill-ġdid. Dan għandu jillimita b’mod sinifikanti r-raġunijiet għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni mal-fruntieri esterni.
(4) Bejn l-2006, jiġifieri d-data tal-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-2015, jiġifieri wara l-kriżi migratorja, il-kontrolli fuq il-fruntieri ddaħħlu mill-ġdid 36 darba u ftit li xejn ġew imtawla, biex normalment damu biss ftit ġranet jew ġimgħat.
(5) Skont l-analiżi tal-Kummissjoni tal-kost ekonomiku dirett tan-non-Schengen, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri ddaħħlu mill-ġdid għal perjodu ta’ żmien itwal, id-dewmien mal-fruntieri jkollu impatt sostanzjali fuq it-trasport transfruntier (notevolment permezz ta’ trasport bit-triq), it-turiżmu, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-ħaddiema transfruntiera u l-vjaġġaturi. Għal dawn il-kategoriji, il-kostijiet diretti huma stmati li jvarjaw bejn EUR 5 u EUR 18-il biljun fis-sena (jew 0.06 % - 0.13 % tal-PDG), skont iż-żmien moħli minħabba dewmien. Il-kostijiet indiretti fuq terminu medju ta’ Schengen jistgħu jkunu konsiderevolment ogħla minn dawk mill-estimi diretti, peress li l-impatt fuq il-kummerċ intrakomunitarju, l-investiment u l-mobilità jkunu bla preċedent jekk it-treġġiegħ lura ta’ Schengen jipperikola l-integrazzjoni ekonomika.
(6) C(2017) 3349 finali.
(7) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ĠU 158/77 tat-30.04.2004.
(8) ĠU L 77, 23.3.2016, p.1.
(9) C(2017) 3349 finali tat-12.05.2017.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(12) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis tax-Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(14) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis tax-Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(17) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(18) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).