Brussell, 20.9.2017

COM(2017) 538 final

2017/0232(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 313 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Wara l-kriżi finanzjarja 1 , l-UE stabbilixxiet is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF), mibnija fuq sistema ta’ żewġ pilastri ta’ superviżjoni makroprudenzjali u mikroprudenzjali.

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), stabbilit f’Diċembru 2010, huwa l-pilastru makroprudenzjali tas-SESF. Il-BERS huwa responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-UE. Il-kompiti tiegħu jinkludu: (i) li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE li jitfaċċaw fis-sistema finanzjarja, filwaqt li jieħu kont tal-iżviluppi makroekonomiċi, bl-għan li jevita perjodi ta’ diffikultà finanzjarja mifruxa; (ii) li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jiżgura li s-settur finanzjarju jagħti kontribut sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku.

Il-BERS għandu sħubija wiesgħa inklużi banek ċentrali u superviżuri nazzjonali u istituzzjonijiet Ewropej. Huwa għandu għodod speċifiċi, bħal rakkomandazzjonijiet u twissijiet sabiex isawwar il-politika makroprudenzjali fl-UE. Il-mandat tal-BERS fis-sistema kollha huwa partikolarment rilevanti fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tar-riskji u l-effetti konsegwenzjali transettorjali u transfruntieri u r-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu jillimita r-riskju ta’ kontaġju. Barra minn hekk, billi jiffaċilita r-rikonoxximent ta’ miżuri makroprudenzjali nazzjonali, il-BERS jiżgura li l-effetti transfruntieri u l-arbitraġġ regolatorju jkunu minimizzati. B’riżultat ta’ dan, il-BERS għandu effett dirett fuq l-effikaċja tal-miżuri makroprudenzjali tal-pajjiżi tal-UE u mbagħad fuq il-grad ta’ stabbiltà finanzjarja fl-UE. F’dan il-kuntest, it-titjib tal-funzjonament tal-BERS huwa mistenni li jagħmel il-politika makroprudenzjali aktar effettiva.

Sa mill-ħolqien tiegħu, il-BERS:

·ħareġ rakkomandazzjonijiet u twissijiet lil medda wiesgħa ta’ destinatarji;

·ikkontribwixxa għall-iżvilupp li għaddej ta’ qafas makroprudenzjali fl-UE;

·uża b’suċċess ir-riżorsi u l-għarfien espert ipprovduti mis-sħubija istituzzjonali wiesgħa tiegħu u mill-input akkademiku indipendenti mill-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv;

·kellu rwol importanti fil-koordinazzjoni u fil-valutazzjoni tan-notifiki ta’ miżuri makroprudenzjali fl-UE.

L-importanza tal-BERS hija kkorroborata mill-ħidma tiegħu bħala pjattaforma ta’ koordinazzjoni u ċentru ta’ informazzjoni dwar il-monitoraġġ tar-riskju minn perspettiva li tqis l-UE kollha u dwar l-istabbiliment ta’ gwida dwar l-użu ta’ strumenti makroprudenzjali.

Madankollu, it-tibdiliet istituzzjonali riċenti relatati mal-Unjoni Bankarja u l-isforzi biex tinbena Unjoni tas-Swieq Kapitali jagħmlu l-kuntest li fih twaqqaf il-BERS wieħed differenti minn dak li jopera fih issa. Dan għandu implikazzjonijiet primarjament għall-kompożizzjoni tal-BERS u għal kif inhu organizzat. Titjib fil-kompożizzjoni tal-BERS u f’kif jikkoopera mal-istituzzjonijiet Ewropej huwa meħtieġ biex jittieħed kont tat-tibdil inkrimentali għall-qafas makroprudenzjali u l-mewġiet ta’ żviluppi regolatorji li seħħew.

Barra minn hekk, huma meħtieġa bidliet biex jiġi żgurat li l-BERS ikun jista’ jwettaq superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi hekk kif tiżdied l-importanza ta’ finanzjament ibbażat fuq is-suq, b’mod partikolari bit-twaqqif tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

It-tisħiħ tal-effiċjenza u l-effettività tal-BERS se jtejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki makroprudenzjali fl-UE u jippermetti lill-BERS sabiex iwettaq aħjar il-mandat tiegħu. Il-proposta hija spjegata f’aktar dettall fl-analiżi tal-effetti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta jenħtieġ li titqies fil-kuntest tar-rieżami li għaddej bħalissa tal-Aġenziji Superviżjorji Ewropej (European Supervisory Agencies, ESAs). Il-BERS u l-ESAs huma l-pilastri makro u mikroprudenzjali tas-SESF.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Rieżami tal-BERS qed isseħħ ukoll fil-kuntest tal-bini ta’ Unjoni Bankarja u ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-approfondiment u l-integrazzjoni ulterjuri mistennija tas-swieq kapitali tal-UE jeħtieġu aġġustament proporzjonat tal-qafas ta’ sorveljanza għal riskji sistemiċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-emendi proposti hija l-istess bħal dik tal-att leġiżlattiv li qed jiġi emendat, jiġifieri l-Artikolu 114 tat-TFUE. Ir-Regolament li jistabbilixxi l-BERS huwa kkumplimentat minn Regolament tal-Kunsill li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) il-kompitu li jmexxi s-Segretarjat tal-BERS.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-BERS huwa entità mingħajr personalità ġuridika. Huwa responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-UE. L-għanijiet tal-proposta li tagħmel il-BERS aktar effiċjenti u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni makroprudenzjali tal-UE jistgħu jintlaħqu billi tiġi ssupplimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà eżistenti, li jfisser li l-aħjar mod biex jinkisbu huwa fil-livell tal-UE minflok permezz ta’ inizjattivi nazzjonali differenti. Barra minn hekk, peress li l-BERS jagħi kontribut sostanzjali għar-reċiproċità ta’ miżuri makroprudenzjali nazzjonali, huwa jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw riskji sistemiċi li jitfaċċaw fil-livell nazzjonali.

Proporzjonalità

Il-proposta temenda regolament eżistenti. Il-bidliet huma mmirati u għandhom l-għan li jiċċaraw jew issaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti u għalhekk huma proporzjonati mal-problemi identifikati. L-istruttura sottostanti tal-BERS fil-biċċa l-kbira mhijiex se tinbidel.

Għażla tal-istrument

Emenda ta’ regolament eżistenti

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Skont ir-rekwiżit fir-Regolament tal-BERS, il-Kummissjoni wettqet analiżi biex tiddetermina jekk il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS jeħtiġux li jiġu aġġornati. L-ewwel rieżami tar-Regolament tal-BERS twettaq fl-2014.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas makroprudenzjali u smigħ pubbliku ġew organizzati fit-tieni nofs tal-2016. B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati qiesu li l-mandat u l-kompiti tal-BERS huma adatti biex jiżguraw l-effiċjenza u l-effettività tal-politiki makroprudenzjali, u esprimew xi appoġġ għal aġġustament tal-prattiki ta’ ħidma tal-BERS biex jagħmluh aktar effiċjenti. Il-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu appoġġaw iż-żamma tal-President tal-BĊE bħala l-President tal-BERS. Uħud minn dawk li wieġbu kienu favur li l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jkunu rrappreżentati fuq il-Bord Ġenerali tal-BERS sabiex jiġi rikonoxxut it-twaqqif tal-Unjoni Bankarja, iżda l-biċċa l-kbira ma rawx il-ħtieġa għal bidliet kbar fil-kompożizzjoni tal-Bord. Xi wħud minn dawk li wieġbu appoġġaw it-tisħiħ tas-Segretarjat tal-BERS u t-tisħiħ tar-rwol tal-BERS fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ notifika fil-livell tal-UE.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Mhux applikabbli – permezz ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u smigħ pubbliku, ara hawn fuq

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-effett tal-bidliet proposti għar-Regolament tal-BERS. Valutazzjoni tal-impatt formali ma saritx, minħabba n-natura mmirata tal-bidliet introdotti mill-proposta leġiżlattiva.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-ispiża baġitarja għas-Segretarjat tal-BERS hija merfugħa mill-BĊE u ma għandha l-ebda implikazzjoni diretta għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Ir-Regolament se jiġi rieżaminat wara ħames snin.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-President

Fl-istruttura attwali, il-BERS hu ppresedut mill-President tal-BĊE. Bħala President, il-President tal-BĊE jikkonferixxi awtorità u kredibilità lill-BERS u jiżgura li dan tal-aħħar ikun jista’ b’mod effettiv jibni u jistrieħ fuq l-għarfien espert tal-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant qed jiġi propost li l-President tal-BĊE jservi bħala l-President tal-BERS fuq bażi permanenti.

Segretarjat tal-BERS

Billi l-Bord Ġenerali tal-BERS ma għandu l-ebda membru full-time, inkluż ebda President jew Viċi President full-time, ma hemm l-ebda membru li jista’ jiddedika l-ħin kollu tiegħu għal kwistjonijiet u dmirijiet relatati mal-BERS. Barra minn hekk, il-kompiti uffiċjali tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS huma limitati. Dan jista’ jillimita l-viżibbiltà tal-ħidma tal-BERS, minkejja l-parteċipazzjoni regolari tal-President tal-BERS f’seduti ta’ smigħ tal-Parlament. Rwol akbar għall-Kap tas-Segretarjat tal-BERS iżid l-impatt u l-effettività tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Il-proposta hawnhekk hija li tiġi introdotta proċedura ta’ konsultazzjoni li fiha l-Bord Ġenerali jivvaluta l-kandidati proposti mill-BĊE għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS u, b’mod partikolari, il-kwalitajiet u l-esperjenza tagħhom meħtieġa għall-immaniġġar tas-Segretarjat. Il-Parlament u l-Kunsill ikunu infurmati dwar il-proċedura. Dan iżomm ir-rabta mal-BĊE filwaqt li l-Kap tas-Segretarjat jibqa’ jagħti kont lill-Bord Ġenerali. Huwa jagħmel ukoll il-proċess aktar trasparenti, filwaqt li jsaħħaħ il-profil tal-Kap tas-Segretarjat. Huwa propost li jiġu speċifikati ulterjorment il-kompiti mogħtija lill-Kap tas-Segretarjat, inkluż il-possibbiltà għall-President li jiddelegalu l-kompitu li jirrappreżentah esternament.

Il-kompożizzjoni tal-BERS

Il-proposta taġġorna r-Regolament tal-BERS sabiex jittieħed kont tal-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u sabiex il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jiġu miżjuda bħala membri votanti tal-Bord Ġenerali tal-BERS. Jenħtieġ li jsiru wkoll aġġustamenti korrispondenti għall-Kumitat Tekniku Konsultattiv u għall-Kumitat ta’ Tmexxija.

Id-destinatarji tat-twissijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

Huwa wkoll propost li l-BĊE jiġi inkluż bħala destinatarju possibbli tat-twissijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS għal kompiti tal-BĊE mogħtija lilu mir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (ir-Regolament (KE) Nru 1024/2013), jiġifieri għal kompiti superviżorji li mhumiex relatati mat-twettiq tal-politika monetarja. Dan jindirizza l-assimetrija attwali fejn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirċievu tali twissijiet u rakkomandazzjonijiet bħala membri tal-Bord Ġenerali, iżda dawn ma jintbagħtux lill-BĊE bħala l-awtorità kompetenti jew nominata fil-livell tal-Unjoni Bankarja.

Regolamentazzjoni Aħjar

F’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u fejn xieraq, il-kumitati konsultattivi tal-BERS huma mistennija jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati bħal parteċipanti fis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti, dwar l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu.

2017/0232 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 3 (ir-Regolament tal-BERS), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq il-bażi ta’ rapport 4 mill-Kummissjoni, eżaminaw ir-Regolament tal-BERS biex jiddeterminaw jekk il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS hemmx bżonn li jiġu riveduti. Il-modalitajiet għall-ħatra tal-President tal-BERS ġew ukoll riveduti.

(2)Ir-rapport tal-2017 tal-Kummissjoni dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS 5 jikkonkludi li, filwaqt li l-BERS ġeneralment jiffunzjona tajjeb, huwa meħtieġ titjib dwar ċerti punti speċifiċi.

(3)Il-kompożizzjoni wiesgħa tal-membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS hija assi maġġuri. Żviluppi reċenti fl-arkitettura superviżorja finanzjarja tal-Unjoni, u b’mod partikolari t-twaqqif ta’ Unjoni Bankarja, madankollu mhumiex riflessi fil-kompożizzjoni ta’ dak il-Bord Ġenerali. Għal dik ir-raġuni, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE u l-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jenħtieġ li jsiru membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS bid-dritt tal-vot. Jenħtieġ li jsiru wkoll aġġustamenti korrispondenti għall-Kumitat ta’ Tmexxija u għall-Kumitat Tekniku Konsultattiv, rispettivament.

(4)Il-President tal-BĊE ppresieda l-BERS għall-ewwel ħames snin tal-eżistenza tiegħu, u wara dan kompla jippresiedi l-BERS fuq bażi interim. Matul dak il-perjodu, il-President tal-BĊE kkonferixxa awtorità u kredibilità lill-BERS u żgura li l-BERS ikun jista’ b’mod effettiv jibni u jistrieħ fuq l-għarfien espert tal-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant huwa xieraq li l-President tal-BĊE jippresiedi l-BERS fuq bażi permanenti.

(5)Sabiex tissaħħaħ il-viżibilità tal-BERS bħala korp li huwa separat mill-membri individwali tiegħu, il-President tal-BERS jenħtieġ li jkun jista’ jiddelega kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS lill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS.

(6)L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 6 jistipula li l-kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jinħatar mill-BĊE, f’konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS. Sabiex jiżdied il-profil tal-kap tas-Segretarjat tal-BERS, il-Bord Ġenerali tal-BERS jenħtieġ li jivvaluta, fi proċedura miftuħa u trasparenti, jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS ikollhomx il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat tal-BERS. Il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni. Barra minn hekk, il-kompiti ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS jenħtieġ li jiġu ċċarati.

(7)F’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-ewwel Viċi President tal-BERS sa issa kien elett mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE u minn fosthom, b’attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm rappreżentanza ekwilibrata tal-Istati Membri b’mod ġenerali u bejn dawk li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Wara l-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, huwa xieraq li r-referenza għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro tiġi sostitwita b’referenza għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u dawk li ma jipparteċipawx.

(8)Minħabba fl-emendi għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) 7 , u b’mod partikolari l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 mill-Istati Membri taż-ŻEE, l-Artikolu 9(5) ta’ dak ir-Regolament ma għadux rilevanti u jenħtieġ għalhekk li jitħassar.

(9)Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u sabiex tittejjeb l-effiċjenza proċedurali, l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS jenħtieġ li jitnaqqas miż-żewġ rappreżentanti li hemm bħalissa għal rappreżentant wieħed.

(10)L-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jirrikjedi li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu trażmessi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u li, meta jkunu indirizzati lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, dawn jiġu trażmessi wkoll lill-ESAs. Biex jissaħħu l-kontroll demokratiku u t-trasparenza, dawn it-twissijiet u rakkomandazzjonijiet jenħtieġ ukoll li jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u lill-ESAs.

(11)Biex jiġu żgurati l-kwalità u r-rilevanza tal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-BERS, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv huma mistennija jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, fejn ikun xieraq, fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti.

(12)Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)    għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    Meta jiġi kkonsultat dwar il-ħatra tal-kap tas-Segretarjat tal-BERS, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010*, il-Bord Ġenerali, wara proċedura miftuħa u trasparenti, għandu jivvaluta jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS ikollhomx il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat tal-BERS. Il-Bord Ġenerali għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

*    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).”;

_______________________________________________________________________________

(b)    għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.    Meta jagħtu istruzzjonijiet lill-kap tas-Segretarjat tal-BERS skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010, il-President tal-BERS u l-Kumitat tat-Tmexxija jistgħu, b’mod partikolari, jindirizzaw dan li ġej:

(a)    il-ġestjoni ta’ kuljum tas-Segretarjat tal-BERS;

(b)    kull kwistjoni amministrattiva u baġitarja relatata mas-Segretarjat tal-BERS;

(c)    il-koordinament u t-tħejjija tal-ħidma u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali;

(d)    it-tħejjija tal-proposta tal-programm annwali tal-BERS u l-implimentazzjoni tiegħu;

(e)    it-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BERS u r-rappurtar lill-Bord Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tiegħu”;

(2)    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Il-BERS għandu jkun presedut mill-President tal-BĊE.

2.    L-ewwel Viċi-President għandu jkun elett mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE u minn fosthom għal terminu ta’ ħames snin, b’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta’ rappreżentanza ewkilibrata tal-Istati Membri b’mod ġenerali, u bejn dawk li huma Stati Membri li qed jipparteċipaw kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013**, u dawk li mhumiex. L-ewwel Viċi-President jista’ jiġi rielett darba biss.

__________________________________________________________________

**    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”;

(b)    il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.    Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament. Il-President jista’ jiddelega kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS lill-kap tas-Segretarjat.”;

(3)    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)    jiddaħħlu dawn il-punti (fa) u (fb) li ġejjin:

“(fa)    il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(fb)    il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;”;

(ii)    il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)    il-President tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv;

(b)    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)    rappreżentant wieħed ta’ livell għoli għal kull Stat Membru jew tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew tal-awtoritajiet nazzjonali maħtura għall-applikazzjoni ta’ miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskju sistemiku jew makroprudenzjali, skont il-paragrafu 3;”;

(c)    Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Fir-rigward tar-rappreżentanza tal-awtoritajiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2(a), ir-rappreżentanti ta’ livell għoli rispettivi għandhom jalternaw b’rotazzjoni skont is-suġġett diskuss, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolari ma jkunux qablu fuq rappreżentant komuni.”;

(4)    Fl-Artikolu 9, jitħassar il-paragrafu 5;

(5)    L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)    erba’ membri oħra tal-Bord Ġenerali li huma wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, b’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta’ rappreżentanza ekwilibrata tal-Istati Membri b’mod ġenerali, u bejn dawk li huma Stati Membri li qed jipparteċipaw kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u dawk li mhumiex. Huma għandhom jiġu eletti minn fost u mill-membri tal-Bord Ġenerali li huma wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal perjodu ta’ tliet snin;”;

(ii)    jiddaħħlu dawn il-punti (ga) u (gb) li ġejjin:

“(ga)    il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(gb)    il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;”;

(6)    L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)    Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.    Fejn xieraq, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet flimkien mal-partijiet ikkonċernati fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità.”;

(7)    L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)    il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)    rappreżentant tal-Kummissjoni;”;

(ii)    jiddaħħlu dawn il-punti (fa) u (fb) li ġejjin:

“(fa)    il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(fb)    rappreżentant tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;”;

(b)    jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.    Fejn xieraq, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet flimkien mal-partijiet ikkonċernati fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità.”;

(8)    L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)    fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Twissijiet jew rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) jistgħu jkunu jew ta’ natura ġenerali jew ta’ natura speċifika u għandhom ikunu indirizzati b’mod partikolari lill-Unjoni, lil Stat Membru wieħed jew aktar, lil waħda jew aktar mill-ESAs, jew lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jew lill-BĊE għall-kompiti kkonferiti lill-BĊE skont l-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.”;

(b)    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Fl-istess ħin li jiġu trażmessi lid-destinatarji skont il-paragrafu 2, it-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi, skont regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-ESAs.”;

(9)    fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Jekk rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(d) tkun indirizzata lill-Kummissjoni, lil Stat Membru wieħed jew aktar, lil waħda jew aktar mill-ESAs, jew lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, id-destinatarji għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BERS, l-azzjonijiet li jkunu ħadu b’rispons għar-rakkomandazzjoni u għandhom jissostanzjaw kull nuqqas ta’ azzjoni. Fejn ikun rilevanti, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lill-ESAs bit-tweġibiet riċevuti mingħajr dewmien.”;

2.    Jekk il-BERS jiddeċiedi li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita jew li d-destinatarji ma jkunux taw ġustifikazzjoni xierqa għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lid-destinatarji, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-ESAs rilevanti b’dan.”;

(10)    L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mhux aktar tard minn ħames snin wara [ĠU, jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta Rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Rapport de Larosière (ir-rapport finali ppreżentat fil-25 ta’ Frar 2009) rrakkomanda li titwaqqaf Unjoni li tissorvelja r-riskju fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi.
(2) ĠU C , , p. .
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1)
(4) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, COM(2014) 508 final.
(5) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Effect Analysis, Amendments to ESRB Regulation, COM(2017).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 198/2016 tat-30 ta’ Settembru 2016 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/275] (ĠU L 46, 23.2.2017, p. 1).