Brussell, 4.5.2017

COM(2017) 208 final

2017/0090(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 148 final}
{SWD(2017) 149 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Ir-raġunijiet u l-objettivi tal-proposta

Wara l-kriżi finanzjarja, fl-2012, l-UE adottat ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew 1 (European Market Infrastructure Regulation, EMIR) biex tittratta n-nuqqasijiet osservati fil-funzjonament tas-suq tad-derivattivi barra l-Borża ( over-the-counter, OTC).

Wieħed min-nuqqasijiet ewlenin kien li r-regolaturi ma kellhomx informazzjoni dwar l-attività fis-suq tad-derivattivi OTC; dan kien ifisser li r-riskji setgħu jibqgħu inosservati sakemm jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti bejn il-kontropartijiet tad-derivattivi OTC ħafna drabi ma kienx jiġi mitigat, li seta' jwassal sabiex telf jiġi mmaterjalizzat jekk kontroparti tkun inadempjenti qabel tissodisfa l-obbligi tagħha. Minħabba l-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet OTC fis-suq tad-derivattivi u l-interkonnettività tal-parteċipanti fis-suq, dan it-telf seta' kien ta’ theddida għas-sistema finanzjarja usa’ 2 .

Dawn in-nuqqasijiet wasslu biex fl-2009, il-mexxejja tal-G20 ikkommettew ruħhom għal miżuri estensivi biex tiżdied l-istabbiltà tas-suq tad-derivattivi OTC, inkluż li l-kuntratti kollha tad-derivattivi OTC standardizzati jinħtieġ li jiġu kklerjati permezz ta’ kontrapartijiet ċentrali (central counterparties, CCPs), u li l-kuntratti derivattivi OTC jinħtieġ li jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (trade repositories, TRs).

L-EMIR jimplimenta l-impenn tal-G20 tal-2009 fl-UE. L-għan ewlieni tal-EMIR huwa li jnaqqas ir-riskju sistemiku billi jżid it-trasparenza tas-suq tad-derivattivi OTC, billi jtaffi r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u jnaqqas ir-riskju operazzjonali assoċjat mad-derivattivi OTC. Għal dan il-għan, l-EMIR jistabbilixxi rekwiżiti ewlenin fuq derivattivi OTC, CCPs u TRs. Dawn jinkludu:

1.Ikklerjar ċentrali ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC standardizzati;

2.Rekwiżiti tal-marġini għal kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklerjati ċentralment;

3.rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklerjati ċentralment;

4.Obbligi ta' rapportar għal kuntratti tad-derivattivi;

5.Rekwiżiti għas-CCPs; kif ukoll

6.Rekwiżiti għat-TRs.

Abbażi tal-ewwel esperjenza miġbura aktar minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-EMIR, il-qafas b'mod ġenerali jiffunzjona tajjeb ħafna. F'numru limitat ta' oqsma biss, inqalgħu kwistjonijiet prattiċi bl-applikazzjoni tal-qafas il-ġdid. Il-proposta preżenti għalhekk tistabbilixxi numru ta' modifikazzjonijiet immirati tal-EMIR, b'mod partikolari biex ir-regoli jiġu ssimplifikati u jkunu magħmulin aktar proporzjonati. Fl-istess ħin, il-proposta żżomm l-elementi ewlenin kollha tal-qafas li wrew li jippermettu l-ilħuq tal-għanijiet tal-EMIR.

L-EMIR daħal fis-seħħ fis-16 ta' Awwissu 2012. Madankollu, ħafna mir-rekwiżiti ma sarux applikabbli minnufih, billi l-EMIR ta s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-prattikalitajiet tekniċi u l-iskeda tal-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti ewlenin. B'riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti daħlu fis-seħħ fi stadji differenti. Xi wħud minnhom, bħall-ikklerjar obbligatorju u r-rekwiżiti tal-marġini għal derivattivi mhux ikklerjati, kien biss reċentament li dawn daħlu fis-seħħ.

Skont l-Artikolu 85(1) tal-EMIR, il-Kummissjoni ngħatat il-mandat, sa Awwissu 2015, biex tirrevedi l-EMIR u biex tħejji rapport ġenerali biex jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Minn Mejju sa Awwissu 2015, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni estensiva tar-regoli attwalment fis-seħħ biex tħejji r-rapport u proposta leġiżlattiva possibbli. Il-valutazzjoni kienet tinkludi konsultazzjoni pubblika b'aktar minn 170 kontribuzzjoni minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, kif ukoll ir-rapporti meħtieġa skont l-Artikolu 85(1) tal-EMIR mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Barra minn hekk, ġie deċiż li ssir stennija biex jitqies l-input għas-Sejħa għall-Evidenza fuq il-Qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji mwettqa bejn Settembru 2015 u Jannar 2016, sabiex tinkiseb evidenza fuq is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-EMIR.

F'Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-rapport tal-EMIR 3 . Fuq naħa waħda, ir-rapport indika li ma għandha ssir l-ebda bidla fundamentali fin-natura tar-rekwiżiti ewlenin tal-EMIR, li huma integrali biex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu mitigati r-riskji sistemiċi fis-suq tad-derivattivi u li għalihom hemm appoġġ ġenerali mill-awtoritajiet u mill-parteċipanti fis-suq. Barra minn hekk, reviżjoni komprensiva tal-impatt tal-EMIR għadha mhijiex possibbli billi ċerti rekwiżiti ewlenin previsti taħt l-EMIR għad iridu jiġu implimentati jew mitmuma.

Min-naħa l-oħra, ir-rapport indika l-possibbiltà li jiġi emendat l-EMIR f'xi oqsma speċifiċi sabiex jiġu eliminati spejjeż u piżijiet sproporzjonati fuq ċerti kontropartijiet tad-derivattivi – speċjalment kontropartijiet mhux finanzjarji (non-financial counterparties, NFCs) – u biex jiġu ssimplifikati regoli mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni.

Fid-dawl tal-bżonn li jiġu eliminati l-ispejjeż u l-piżijiet sproporzjonati għal kumpaniji żgħar, u li jiġu ssimplifikati regoli mingħajr ma' l-istabbiltà finanzjarja titqiegħed f'riskju, ir-reviżjoni tal-EMIR ġiet inkluża fil-programm tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 4 .

Bħala parti mir-REFIT, il-Kummissjoni vvalutat il-punt sa fejn rekwiżiti speċifiċi tal-politika fl-EMIR issodisfaw l-objettivi tagħhom b'mod effiċjenti u effettiv, filwaqt li fl-istess ħin ikunu koerenti, rilevanti u jipprovdu valur miżjud tal-UE. L-evalwazzjoni tindika li f'xi oqsma mmirati, l-EMIR jimponi spejjeż u piżijiet sproporzjonati u rekwiżiti kumplessi b'mod eċċessiv, u li jkun possibbli li l-objettiv tal-EMIR jintlaħaq li tiżdied l-istabbiltà finanzjarja b'mod aktar effiċjenti. Dawn l-oqsma jinkludu: (1) konformità għall-kontropartijiet tad-derivattivi li huma parti mill-periferija tan-netwerk kummerċjali tad-derivattivi (pereż. finanzi żgħar, NFCs, fondi tal-pensjonijiet); (2) Trasparenza; u (3) Aċċess għall-ikklerjar.

Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta għalhekk jikkunsidra l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' oqsma tal-EMIR fejn l-azzjoni fil-mira tista' tiżgura l-issodisfar tal-għanijiet tal-EMIR b'mod aktar proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

Il-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi evidenza komprensiva li t-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet jista' jinkiseb id f'id ma' simplifikazzjoni tal-EMPIR, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja. L-emendi proposti jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-CMU u għall-aġenda tal-Impjiegi u t-Tkabbir f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

1.2.Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-EMIR huwa relatat ma' diversi biċċiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (Capital Requirements Regulation, CRR) 5 , id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (Markets in Financial Instruments Directive, MiFID I 6 u MiFID II 7 ) u r-Regolament relatat 8 , u l-proposta tal-Kummissjoni fuq l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' CCPs 9 .

Din il-proposta hija konsistenti mal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 10 Bħala parti minn din il-proposta, il-Kummissjoni timmira li teskludi mill-proporzjon ta' ingranaġġ vinkolanti l-marġni inizjali fuq tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati ċentralment riċevuti minn istituzzjonijiet fi flus mill-klijenti tagħhom u jiġu mgħoddija lis-CCPs. Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, għalhekk, tiffaċilita l-aċċess għall-ikklerjar billi r-rekwiżiti kapitali biex jiġu offruti servizzi tal-klijent jew ta’ kklerjar indirett se jonqsu.

Din il-proposta hija wkoll konsistenti mal-MiFID I u l-MiFID II u r-Regolament relatat, li jipprovdi bażi għad-definizzjoni tad-derivattivi u tal-kontropartijiet finanzjarji. F'dan ir-rigward, l-applikazzjoni li jmiss f'Jannar 2018 ta' MiFID II u MiFIR se jkollha impatt fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-kontropartijiet meqjusin bħal kontropartijiet finanzjarji u dwar l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta' kuntratti ta' munita barranija (FX) li jaqgħu taħt l-EMIR. Il-qafas tal-MiFID II jimmira li jirriklassifika negozjanti tal-komoditajiet mhux finanzjarji kbar bħala kontropartijiet finanzjarji, billi jsir "test ta' attività anċillari" li jiddetermina kemm id-ditti mhux finanzjarji jistgħu jwettqu negozjar f'derivattivi tal-komoditajiet mhux ta' ħħeġġjar (jew spekulattiv) qabel ma din l-attività ma tibqax meqjusa "anċillari għan-negozju ewlieni" tad-ditta u d-ditta tkun obbligata li tfittex awtorizzazzjoni tal-MiFID. Għalhekk l-akbar kontropartijiet mhux finanzjarji (NFC) attivi fuq is-swieq tal-komoditajiet se jkunu obbligati li jfittxu awtorizzazzjoni tal-MiFID. Dan l-iżvilupp se jwassal għall-akbar NFCs li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar taħt l-EMIR. Rigward l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi FX, din se tippermetti applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-EMIR għal dawn il-kuntratti fl-Unjoni.

Barra minn hekk, din il-proposta hija konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni għal qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali. L-obbligu biex jiġu kklerjati derivattivi OTC standardizzati huwa mistenni li jżid l-iskala u l-importanza tas-CCPs fl-Ewropa u lil hinn minnha. Is-CCPs jiġġestixxu r-riskji inerenti fis-swieq finanzjarji (pereżempju; riskju tal-kontroparti, riskju ta’ likwidità u riskju tas-suq) u għalhekk itejbu l-istabbiltà u r-reżiljenza globali tas-swieq finanzjarji. Fil-proċess, huma jsiru nodi kruċjali fis-sistema finanzjarja, billi jgħaqqdu bosta atturi finanzjarji u jikkonċentraw ammonti sinifikanti tal-iskopertura tagħhom għal riskji differenti. Għaldaqstant, il-ġestjoni effettiva tar-riskji tas-CCP u s-sorveljanza superviżorja robusta huma fundamentali sabiex jiġi żgurat li tali skoperturi jkunu koperti b’mod adegwat. L-EMIR jirregola s-CCPs f'termini ta' żgurar li s-CCPs huma reżiljenti biżżejjed, iżda ma jirregolax ix-xenarji ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni. Din il-proposta tikkumplimenta l-qafas propost għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali permezz tal-introduzzjoni tal-mekkaniżmu għal sospensjoni temporanja tal-obbligu ta' kklerjar f'sitwazzjonijiet oħrajn minbarra r-riżoluzzjoni.

Din il-proposta hija wkoll konsistenti mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni adottat li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tal-iskadenza għall-konformità mal-obbligi ta' kklerjar għal ċerti kontropartijiet li jindirizzaw derivattivi OTC 11 . Dan ir-Regolament Delegat se jestendi l-iskadenza tal-konformità għall-kontropartijiet li jappartjenu għall-"Kategorija 3" (kontropartijiet finanzjarji żgħar) definiti fl-istandards tekniċi regolatorji rilevanti 12 sal-21 ta' Ġunju 2019 minħabba d-diffikultajiet sinifikanti li dawn il-kontropartijiet jiffaċċjaw biex jiksbu aċċess għall-ikklerjar.

Fl-aħħar nett, din il-proposta hija konsistenti mal-ħidma li għaddejja fil-livell internazzjonali fil-qafas tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB) li timmira li, fost affarijiet oħra, (i) tikseb applikazzjoni konsistenti tal-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (Principles for Financial Markets Infrastructure, PFMIs) żviluppati mill-Kumitat dwar l-Infrastruttura tal-Pagamenti u tas-Swieq (Committee on Payments and Markets Infrastructure, CPMI) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organisation of Securities Commissions, IOSCO); (ii) timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riformi tas-swieq tad-derivattivi G20 (permezz tal-Grupp ta' Ħidma tad-Derivattivi OTC tal-FSB); (iii) tiżviluppa aktar linji gwida fuq ir-riżoluzzjoni tas-CCPs (Grupp ta' Riżoluzzjoni tal-FSB); u (iv) tarmonizza u tintroduċi standardizzazzjoni akbar fis-sistemi ta' rapportar tad-derivattivi OTC (il-Gruppi tal-FSB u tas-CPMI-IOSCO fuq it-tneħħija ta' ostakli legali għar-regolaturi għall-aċċess tad-data jew il-ħolqien ta' Identifikatur Uniku ta' Tranżazzjoni (UTI) u l-Identifikatur tal-Prodott ta' Unità (Unit Product Identifier, UPI))

1.3.Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta hija relatata għal u konsistenti mal-inizjattiva kontinwa biex tiġi stabbilita Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU). Sistemi ta' wara n-negozjar u swieq tal-kollateral effiċjenti u reżiljenti huma elementi essenzjali għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem tajjeb u dawn japprofondixxu l-isforzi biex jiġu appoġġati l-investimenti, it-tkabbir u l-impjiegi f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Il-bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 114 TFUE, li huwa l-bażi ġuridika għall-EMIR. L-analiżi mwettqa bħala parti mir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika li l-elementi tal-EMIR jeħtieġ li jiġu emendati biex jeliminaw spejjeż/piżijiet sproporzjonati għal xi kontropartijiet derivattivi u biex jiġu ssimplifikati r-regoli mingħajr ma titpoġġa f'riskju l-istabbiltà finanzjarja. Huma biss il-koleġiżlaturi li għandhom il-kompetenza li jagħmlu l-emendi meħtieġa.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-EMIR bħala regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. L-għanijiet tal-EMIR biex jiġu mitigati r-riskji u jitjiebu t-trasparenza u l-istandardizzazzjoni tal-kuntratti tad-derivattivi OTC billi jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi għal dawn il-kuntratti u għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tas-CCPs u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjonijiet, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TFUE.

2.3.Proporzjonalità

Il-proposta timmira li tiżgura li l-objettivi tal-EMIR jintlaħqu b'mod aktar proporzjonat, effettiv u effiċjenti. Dan jirriżulta f'rekwiżiti tal-EMIR aktar sempliċi jew imnaqqsa, bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv tar-Regolament fuq il-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari fuq dawk iżgħar. Barra minn hekk, billi jiġu kkalibrati mill-ġdid ċerti rekwiżiti tal-EMIR, il-proposta tikkontribwixxi direttament biex tagħmel l-EMIR aktar proporzjonat b'mod ġenerali. Fl-istess ħin il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa biex jiġu mmonitorjati u mitigati r-riskji tad-derivattivi għall-istabbiltà finanzjarja.

2.4.Għażla tal-istrument

L-EMIR huwa regolament u għalhekk jinħtieġ li jiġi emendat minn regolament.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.L-evalwazzjonijiet ex post / il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta fiha rapport ta' evalwazzjoni fuq l-EMIR.

L-EMIR ġie konkluż fil-Programm tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) Dan kien minħabba l-bżonn li jiġu ssimplifikati l-oqsma fil-mira tal-EMIR u jsiru aktar proporzjonati, kif muri mill-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika fuq l-EMIR u s-Sejħa għal Evidenza fuq ir-regolament finanzjarju, kif ukoll mir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tal-EMIR. F’dak il-kuntest, l-evalwazzjoni vvalutat sa liema punt ir-rekwiżiti speċifiċi tal-politika fl-EMIR issodisfaw l-għanijiet tagħhom u b’mod partikolari jekk dawn ir-rekwiżiti għamlux hekk b’mod effiċjenti u effettiv, filwaqt li fl-istess ħin ikunu koerenti, rilevanti u jipprovdu valur miżjud tal-UE.

Xi wħud mir-rekwiżiti ewlenin tal-EMIR saru applikabbli biss reċentement jew għadhom mhumiex applikabbli. Għalhekk għad hemm nuqqas ta’ evidenza xierqa u għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjoni definittiva fuq impatti fit-tul. Għalhekk, il-valutazzjoni ma kkostitwixxietx l-evalwazzjoni sħiħa tal-EMIR. Minflok, l-evalwazzjoni tivvaluta jekk ir-rekwiżiti ewlenin tal-EMIR biex jiġu rrappurtati d-derivattivi OTC, biex jiġu kklerjati ċentralment derivattivi OTC standardizzati, u biex derivattivi OTC mhux ikklerjati jkunu soġġetti għal tekniki ta' mitigazzjoni tar-riskju u jekk ir-regoli tal-marġini jkunux issodisfaw ir-rekwiżit operazzjonali biex: i) tinkiseb informazzjoni sħiħa u komprensiva dwar pożizzjonijiet tad-derivattivi OTC ii) jiżdied l-użu tal-ikklerjar tas-CCP, u iii) jitjiebu l-prattiki tal-ikklerjar bilaterali. Sa fejn kien possibbli, ir-reviżjoni analizzat il-prestazzjoni tar-rekwiżiti tal-EMIR rilevanti fil-kuntest ta’ ħames kriterji ta’ evalwazzjoni: 1) effiċjenza; 2) effettività; 3) rilevanza; 4) koerenza; u 5) valur miżjud tal-azzjoni tal-EU.

Rigward l-effettività tar-rekwiżiti tal-EMIR biex tinkiseb informazzjoni sħiħa u komprensiva fuq derivattivi OTC, biex jiżdied l-użu tal-ikklerjar tas-CCP, u biex id-derivattivi OTC mhux ikklerjati jkunu soġġetti għal tekniki ta' mitigazzjoni tar-riskju u r-regoli tal-marġini, din l-evalwazzjoni tikkonkludi li, filwaqt li r-regoli inizjali huma sodisfaċenti, hemm lok għal simplifikazzjoni tar-rekwiżiti mingħajr ma titqiegħed f’riskju l-istabbiltà finanzjarja. Rigward ir-rapportar, l-evalwazzjoni ssib li kien hemm progress fil-ġbir tal-informazzjoni fuq is-suq tad-derivattivi OTC, iżda li r-rekwiżiti tar-rapportar jistgħu jiġu ssimplifikati biex itejbu l-kwalità tad-data rrappurtata u biex is-superviżjoni ssir aktar effettiva. Rigward l-obbligu tal-ikklerjar, l-evalwazzjoni tikkonkludi li, filwaqt li kien hemm żieda fis-sehem tad-derivattivi OTC li huma kklerjati ċentralment, hemm numru ta’ ostakli għall-aċċess ta’ kklerjar ċentrali għal ċerti parteċipanti fis-suq, u l-bżonn li jiġi introdott mekkaniżmu biex tkun tista’ ssir is-sospensjoni tal-obbligu ta’ kklerjar fuq bażi ta’ stabbiltà finanzjarja.

Fir-rigward tal-effiċjenza, l-evalwazzjoni tidentifika oqsma speċifiċi fejn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu kkalibrati aħjar biex jiġu eliminati spejjeż / piżijiet sproporzjonati relatati ma’ ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kontropartijiet derivattivi (jiġifieri kontropartijiet finanzjarji żgħar, kontropartijiet mhux finanzjarji, fondi ta' pensjoni). F’termini ta’ rilevanza, l-evalwazzjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti ewlenin tal-EMIR jibqgħu integrali għall-isforzi internazzjonali biex jiġi rriformat is-suq tad-derivattivi OTC globali. Regoli tal-EMIR effettivi u effiċjenti jikkontribwixxu wkoll għall-ilħuq tal-inizjattiva kontinwa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Unjoni tas-Swieq Kapitali u għall-aġenda tal-Impjiegi u t-Tkabbir f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

L-EMIR huwa koerenti ma’ partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif spjegat fis-segwitu għas-Sejħa għal Evidenza u fl-emenda proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali. F’termini tal-valur miżjud tal-UE, l-EMIR kopra diskrepanza li kienet teżisti fil-leġiżlazzjoni billi introduċa qafas ġdid li jimmira li jindirizza fi proċess uniformi fil-livell tal-UE in-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq tad-derivattivi OTC u r-riskji sistemiċi relatati.

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta tibni fuq konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-EMIR li seħħet fil-perjodu minn Mejju sa Awwissu 2015. Il-konsultazzjoni ġġenerat aktar minn 170 kontribuzzjoni minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati 13 . Bħala parti mill-konsultazzjoni, fid-29 ta’ Mejju 2015, saret seduta pubblika fi Brussell, u din laqqgħet madwar 200 parti kkonċernata 14 . Ġie riċevut input speċifiku mill-ESMA, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali f’konformità mal-mandat tal-Kummissjoni biex tirrevedi l-EMIR. F’qasam relatat, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika intitolata Sejħa għal Evidenza bejn Settembru 2015 u Jannar 2016. Il-konsultazzjoni talbet għal feedback, eżempji konkreti u evidenza empirika fuq l-impatt tal-qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji. Ir-rispondenti għas-Sejħa għal Evidenza indikaw ukoll dubji fuq l-EMIR 15 . Fis-17 ta’ Mejju 2016, saret seduta pubblika fi Brussell 16 . Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti tal-Istati Membri fuq għażliet politiċi differenti fl-oqsma identifikati fir-rapport dwar ir-reviżjoni tal-EMIR 17 .

Ġeneralment, l-għanijiet tal-EMIR li jippromwovu t-trasparenza u l-istandardizzazzjoni fis-swieq tad-derivattivi u li jnaqqsu r-riskju sistemiku permezz tar-rekwiżiti ewlenin tiegħu kienu appoġġati. Dawn ir-rekwiżiti ewlenin — ikklerjar ċentrali, rekwiżiti tal-marġni, rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskji operazzjonali, rapportar u rekwiżiti għas-CCPS u għar-repożitorji tal-kummerċ — tqiesu li qed jilħqu l-għanijiet tal-EMIR, u jwettqu l-impenji internazzjonali għal riforma regolatorja. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw għadd ta’ oqsma fejn ir-rekwiżiti tal-EMIR jistgħu jiġu aġġustati mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi ġenerali tagħha sabiex: (i) tiġi ssimplifikata u tiżdied l-effiċjenza tar-rekwiżiti; u (ii) jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet sproporzjonati. Il-proposta tieħu inkunsiderazzjoni dan il-feedback tal-parti kkonċernata billi tintroduċi emendi mmirati għall-EMIR, b’mod partikolari billi i) tiġi kkalibrata aħjar l-applikazzjoni ta’ xi rekwiżiti għal atturi speċifiċi, b’mod partikolari għal kontropartijiet finanzjarji żgħar, kontropartijiet mhux finanzjarji u fondi ta’ pensjoni, ii) jitneħħew l-ostakli għall-ikklerjar u iii) jiġu ssimplifikati r-regoli, inklużi r-rekwiżiti ta’ rapportar. Numru ta’ talbiet tal-partijiet ikkonċernati ma setgħux jiġu riflessi fil-proposta minħabba l-bżonn li jiġi żgurat li l-EMIR ikompli jikseb l-għanijiet tiegħu li jippromwovi t-trasparenza u l-istandardizzazzjoni fis-swieq tad-derivattivi kif ukoll li jnaqqas ir-riskju sistemiku, minħabba l-limitazzjonijiet istituzzjonali jew minħabba n-natura REFIT tal-proposta. Kwistjonijiet oħrajn relatati mal-EMIR jistgħu jkunu jeħtieġu li jkomplu jiġu vvalutati u żviluppati fi żmien debitu filwaqt li jitqiesu żviluppi futuri.

3.3.Il-Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt (impact assessment, IA) tal-alternattivi politiċi rilevanti. L-għażliet politiċi ġew ivvalutati mal-objettivi ewlenin biex tiżdied il-proporzjonalità tar-regoli li jwasslu għal piż amministrattiv u spejjeż ta’ konformità bla bżonn mingħajr ma titqiegħed f’riskju l-istabbiltà finanzjarja u biex tiżdied it-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet approvata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (Regulatory Scrutiny Board, RSB) fis-16 ta’ Frar 2017. Din ġiet ippreżentata lill-RSB fl-1 ta’ Frar, iżda l-RSB għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib u b’hekk l-IA ġiet ippreżentata mill-ġdid fit-8 ta’ Frar lill-RSB. Il-modifikazzjonijiet introdotti fl-IA biex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet mill-RSB kienu dawn li ġejjin:

1. Definizzjoni tal-problema. Introduzzjoni ta’ deskrizzjoni aħjar tal-qafas legali globali tal-Unjoni li japplika għad-derivattivi u l-implimentazzjoni tar-riformi tad-derivattivi OTC G20 minn ġurisdizzjonijiet oħra. L-inklużjoni tal-elementi ewlenin tal-anness ta’ evalwazzjoni fil-korp ewlieni tal-valutazzjoni tal-impatt. Referenza għal evidenza kwalitattiva u kwantitattiva addizzjonali fid-deskrizzjoni tal-problemi sabiex jintwera d-daqs tagħhom, speċjalment għal atturi tas-suq żgħar. Spjegazzjoni għaliex ma ġewx ivvalutati l-kwistjonijiet kollha mqajma mill-partijiet ikkonċernati.

2. Kompromessi politiċi. Referenza espliċita għall-istabbiltà finanzjarja f’għażliet politiċi għall-valutazzjoni tal-kompromessi bejn it-tnaqqis tal-piżijiet potenzjali għall-atturi tas-suq u r-riskji potenzjali assoċjati mal-istabbiltà finanzjarja.

3. Kalkolu tat-tnaqqis tal-piżijiet. Inklużjoni ta’ xi data kwantitattiva għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-piżijiet għal atturi tas-suq differenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet eżistenti biex jiġi kkwantifikat it-tnaqqis globali tal-piżijiet. L-inserzjoni tas-suppożizzjonijiet sottostanti ewlenin wara l-istimi tal-ispejjeż fil-korp tar-rapport, flimkien ma’ twissijiet addizzjonali fuq l-affidabbiltà tal-istimi. Deskrizzjoni tal-ispejjeż li mhumiex ikkwantifikati.

4. Għażliet. Simplifikazzjoni tal-għażliet biex jiġu ppreżentati pakketti ta’ miżuri alternattivi.

L-għażliet ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt jikkonċernaw aġġustamenti mmirati ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-EMIR. Biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, ġew identifikati numru ta’ għażliet politiċi ppreferuti:

·Jinħtieġ li jiġu pprovduti Arranġamenti ta’ Skemi tal-Pensjonijiet (PSAs) b’eżenzjoni ta’ tranżizzjoni ġdida mill-obbligu ta’ kklerjar, fuq il-bażi li sal-lum għadha ma tfaċċat l-ebda soluzzjoni teknika vijabbli li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali. B’kuntrast għall-għażliet l-oħrajn ivvvalutati, din tagħti lis-CCPs, lill-membri tal-ikklerjar u lill-PSAs aktar żmien biex jesploraw is-soluzzjonijiet u l-miżuri tekniċi biex jiffaċilitawhom, filwaqt li jaderixxu mal-objettiv tal-EMIR li l-għan għall-PSAs jibqa’ l-ikklerjar ċentrali hekk kif dan ikun fattibbli.

·Jinħtieġ li tiġi żgurata kalibrazzjoni aħjar tar-regoli fuq il-kwalifikazzjoni tal-kontropartijiet mhux finanzjarji (NFCs) soġġetti għal rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-marġini billi titqies aħjar in-natura tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi li l-NFCs qed jidħlu fihom li għalihom l-ikklerjar jinħieġ li jkun obbligatorju. Dan inaqqas l-ispejjeż għal ċerti NFCs u mhux se jqajjem tħassib minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja. Fl-istess ħin, ċerti kontropartijiet li attwalment huma kkunsidrati NFCs iżda li minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħhom huma kontropartijiet finanzjarji (pereżempji fondi ta’ investiment taħt oqfsa nazzjonali) se jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ kontroparti finanzjarja u għalhekk mhux se jiġu ttrattati iżjed bħala NFCs.

·Il-kategorija ta’ kontropartijiet finanzjarji żgħar (SFCs) jinħtieġ li tiġi ddefinita b’tali mod li kontropartijiet finanzjarji żgħar ħafna li għalihom l-ikklerjar ċentrali mhuwiex ekonomikament fattibbli minħabba l-volum żgħir tagħhom ta’ attività ma jkunux soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Dan itaffi l-piż fuq dawk l-SFCs li jittrattaw ma’ volum żgħir ta’ derivattivi, filwaqt li jżomm lill-bqija tal-kontropartijiet finanzjarji żgħar (dawk li jappartjenu għall-“Kategorija 3” definiti fl-istandards tekniċi regolatorji rilevanti) obbligati biex jikklerjaw la darba jintemm il-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali stabbilit fl-istandards tekniċi regolatorji, u b’hekk jinżammu l-inċentivi għas-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sabiex jassumu dan it-tip ta’ kontropartijiet finanzjarji żgħar.

·L-obbligu biex tiġi rrapportata data storika (“backloading”) jinħtieġ li jitneħħa. Dan se jnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piżijiet fuq il-kontropartijiet u jelimina l-ostaklu potenzjalment insuperabbli li jkollha tiġi rrapportata data li tista’ sempliċiment ma tkunx disponibbli mingħajr ma jiġu kompromessi l-bżonnijiet prudenzjali. Fl-istess ħin, meta mqabbel mal-istatus quo, dan iwassal biss għal telf limitat ħafna ta’ data meta mqabbel mar-regoli applikabbli fil-preżent.

·Tranżazzjonijiet fi grupp li jinvolvu kwalunkwe NFC jinħtieġ li jkunu eżentati mill-obbligu ta’ rappurtar. Minħabba n-natura u l-volum limitat tat-tali kummerċ, dan għandu l-vantaġġ li jnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piżijiet ta’ rapportar għal dawk il-kontrapartijiet li huma l-aktar milquta b’mod sproporzjonat mir-rekwiżit, filwaqt li t-telf ta’ data limitat ħafna li jirriżulta mhux se jaffettwa b’mod sinifkanti l-abbiltà tal-awtoritajiet li jimmonitorjaw ir-riskju sistemiku fis-swieq tad-derivattivi OTC.

·Għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża (exchange-traded derivatives, “ETDs”) jinħtieġ li jiġi introdott rapportar b’naħa waħda minn kontropartijiet ċentrali. Dan għandu l-vantaġġ li r-rapportar tal-ETDs jiġi ssimplifikat ħafna mingħajr ma jsir impatt ħażin fuq it-trasparenza tas-suq tad-derivattivi. Filwaqt li s-CCPs se jiffaċċjaw piż kemxejn ogħla, dawn huma mgħammra tajjeb għal dan il-kompitu u l-piż globali ta’ rapportar se jonqos billi r-rekwiżit ta' rapportar rigward l-ETDs se jiġi eliminat għall-kontropartijiet l-oħrajn kollha.

·Għal tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet tal-ETD, ir-responsabbiltà, inkluża r-responsabbiltà legali, għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet bejn NFC żgħira (jiġifieri mhux soġġetta għall-obbligu ta’ kklerjar) u kontroparti finanzjarja jinħtieġ li tkun fuq il-kontroparti finanzjarja għall-kummerċ. Dan inaqqas b’mod sinifikanti l-piż ta’ rapportar għal NFCs żgħar, li għalihom dan il-piż huwa l-aktar sinifikanti, mingħajr ma jwassal għal kwalunkwe telf ta’ data. Dan jintroduċi wkoll fl-EMIR regoli ta’ rapportar simili ħafna għal dawk li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Tranżazzjonijiet ta’ Finanzjament tat-Titoli (Securities Financing Transactions, "SFTR").

·Ir-regoli u l-proċeduri ta’ rapportar jinħtieġ li jkomplu jiġu armonizzati u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jinħtieġ li jiġu rikjesti li jiżguraw il-kwalità tad-data. Dan jgħin biex tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi OTC, jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-awtoritajiet rilevanti tal-monitoraġġ tar-riskju sistemiku, u jinżamm sa fejn ikun possibbli allinjament mal-istandards internazzjonali f'dan il-qasam. Fuq medda medja u twila ta' żmien dan l-approċċ iżid ukoll il-proporzjonalità tar-regoli ta’ rapportar u jnaqqas l-ispejjeż u l-piżijiet.

·Il-limitu massimu tal-ammont bażiku tal-multi għall-ksur tar-rekwiżiti tal-EMIR minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet jinħtieġ li jiżdied. Il-vantaġġ ta’ din l-għażla huwa l-effiċjenza miżjuda u l-effett dissważiv tal-multi li huwa meqjus li huwa neċessarju mir-regolaturi biex tiġi inċentivata l-kwalità tajba tad-data filwaqt li tiġi żgurata l-proporzjonalità tar-regoli.

·L-interazzjoni bejn l-għodod ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza tal-EMIR u l-liġijiet nazzjonali ta' insolvenza jinħtieġ li tiġi ċċarata biex tiġi żgurata l-qagħda remota tal-insolvenza tal-assi tal-klijenti.

·Il-prinċipju biex jiġu pprovduti servizzi ta’ kklerjar skont termini kummerċjali Ġusti, Raġonevoli u Mhux Diskriminatorji (il-prinċipju tal-Fair, Reasonable And Non-Discriminatory, “FRAND”) għandu jiġi introdott fl-EMIR. Dawn il-miżuri jindirizzaw ostakli differenti għall-aċċess għall-ikklerjar; il-piż regolatorju addizzjonali potenzjali huwa ġġustifikat fid-dawl tal-interess pubbliku biex l-ikklerjar ċentrali jsir jaħdem kif suppost u l-obbligu ta’ kklerjar jiġi obdut.

Il-valutazzjoni tal-impatt qieset ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji globali tal-għażliet preferuti, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità u l-piż impost fuq il-parteċipanti fis-suq, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja.

Filwaqt li l-EMIR isegwi l-għan ġenerali li jnaqqas ir-riskju sistemiku billi jżid is-sigurtà u l-effiċjenza tas-suq tad-derivattivi OTC, din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħmel l-applikazzjoni tal-EMIR aktar effettiva u effiċjenti u, billi jiġu kkalibrati aħjar ċerti rekwiżiti, li tnaqqas il-piż regolatorju u ta’ konformità għall-parteċipanti fis-suq fejn l-ispejjeż ta' konformità huma akbar mill-benefiċċji prudenzjali, madankollu mingħajr ma tiġi pperikolata l-istabbiltà finanzjarja. Dan huwa konformi mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni.

Filwaqt li hemm numru ta’ limitazzjonijiet fil-kalkolu tal-ammont eżatt tat-tnaqqis fl-ispejjeż, il-valutazzjoni tal-impatt tistma li l-effett ikkombinat tal-għażliet ippreferuti, ikkalkulat biss għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt, jammonta għal tnaqqis fl-ispejjeż li jvarjaw minn EUR 2,3 biljun u EUR 6,9 biljun fi spejjeż fissi (ta’ darba) u minn EUR 1,1 biljun u EUR 2,66 biljun fi spejjeż operazzjonali. L-Anness 8 tal-valutazzjoni tal-impatt jippreżenta fid-dettall is-suppożizzjonijiet sottostanti li wasslu għal dawn l-istimi u l-limitazzjonijiet li jaffettwaw l-kredibbiltà tagħhom. Sfidi ewlenin biex jiġi kkwantifikat it-tnaqqis fl-ispejjeż prinċipalment relatati mal-fatt li ħafna mir-rekwiżiti tal-EMIR bdew japplikaw reċentement (pereż. l-obbligi tal-ikklerjar u r-rekwiżiti tal-marġini), u li xi wħud minnhom għadhom ma bdewx japplikaw (pereż. l-obbligu tal-ikklerjar għal kontropartijiet finanzjarji ta’ Kategorija 3). Għalhekk, it-tnaqqis fl-istima tal-kostijiet jiddependi fuq ammont limitat ta’ data disponibbli għall-pubbliku u evidenza tas-suq aneddotali, li jaf ma jirriflettux b’mod preċiż id-diversità u l-ispeċifiċità tal-kontropartijiet involuti. Dan ifisser ukoll li t-tnaqqis fl-istima tal-kostijiet huwa validu biss f’dan l-istadju. Finalment, billi l-kalkoli ffokaw fuq it-tnaqqis fl-ispejjeż, xi spejjeż ta’ aġġustament minimu ma ġewx kwantifikati. Dawn madankollu ġew deskritti b’mod kwalitattiv fid-dettall fl-Anness 7 tal-valutazzjoni tal-impatt.

B’mod ġenerali, in-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi, b’mod partikolari, jibbenefikaw minn (i) tnaqqis tar-rekwiżiti regolatorji fil-każijiet fejn l-ispejjeż ta’ konformità sproporzjonati jidhru li jkunu jegħlbu benefiċċji prudenzjali u (ii) titjib tal-aċċess għall-ikklerjar. Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar jibbenefikaw minnha l-kontropartijiet kollha inklużi l-SMEs. Barra minn hekk, NFCs żgħar jibbenefikaw mir-rapportar tat-tranżazzjonijiet mill-kontropartijiet finanzjarji għall-kummerċ. Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni ta’ prinċipji FRAND ġodda tagħmilha eħfef biex jinstab aċċess għall-ikklerjar għal ħafna kontropartijiet.

It-Taqsima 6 tal-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi rendikont tad-distribuzzjoni tat-tnaqqis fl-ispejjeż/spejjeż ta' aġġustament minimu, fejn jiġu koperti l-kontropartijiet kollha.

L-ewwel, fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kklerjar, proporzjonalità akbar fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kklerjar tkun ta' benefiċċju għall-NFCs billi l-miżuri previsti se jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni aħjar fil-kwalifika ta’ NFCs soġġetti għar-rekwiżiti ta' kklerjar u tal-marġini, fejn dawn jiġu protetti minn spejjeż fissi addizzjonali li jvarjaw minn bejn EUR 9,6 miljun sa EUR 26,7 miljun. Kalibrazzjoni mill-ġdid ta’ x’jikkostitwixxi SFC li tkun soġġetta għall-obbligu ta’ kklerjar tippermetti kontropartijiet finanzjarji żgħar (ħafna) li għalihom l-ikklerjar ċentrali mhuwiex ekonomikament fattibbli jevitaw stimi tal-kostijiet li jvarjaw minn EUR 509,7 miljun sa EUR 1,4 biljun. Arranġamenti ta’ Skemi tal-Pensjonijiet, u detenturi ta’ polza b’mod indirett, jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ kklerjar ta’ tranżizzjoni ġdida fuq il-bażi li sal-lum ma ħarġet l-ebda soluzzjoni ta’ kklerjar vijabbli. Huwa stmat li l-ispejjeż operazzjonali evitati għandhom jammotaw għal bejn EUR 780 miljun u EUR 1,56 biljun. Barra minn hekk, wara l-bidliet għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar, il-kontropartijiet ta’ rapportar kollha huma mistennija li jibbenefikaw mit-tħaffif ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar, bħat-tneħħija tal-obbligu ta’ “backloading” u rapportar tal-ETD. B’mod partikolari, l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet intragrupp fejn waħda mill-kontropartijiet hija NFC u l-eżenzjoni tal-obbligu ta’ NFCs żgħar li jridu jirrapportaw ukoll tranżazzjonijiet bejniethom u kontropartijiet finanzjarji huma mistennija li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità relatati mal-EMIR għall-“ekonomija reali”. L-istima ballpark tat-tnaqqis totali fi spejjeż ta’ konformità relatati mal-EMIR għal korporattivi tvarja minn EUR 350 miljun u EUR 1,1 biljun għall-ispejjeż operazzjonali u minn EUR 1,8 biljun sa EUR 5,3 biljun għal spejjeż fissi.

It-tieni, trasparenza akbar tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC tippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw kull problema potenzjali fi stadju aktar bikri u jieħdu azzjoni f'waqtha biex jiġi indirizzat kwalunkwe riskju, u b’hekk tkun ta' benefiċċju għar-reżiljenza tas-swieq finanzjarji, bi spejjeż ta’ aġġustament minimi għal kontropartijiet u repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

It-tielet, aċċess imtejjeb għall-ikklerjar se jippermetti lil parteċipanti addizzjonali tas-suq, b’mod partikolari mill-"ekonomija reali", jimmaniġġaw u jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom u, billi titnaqqas il-probabbiltà li jseħħu skossi f'daqqa u tqallib tal-operat, jikkontribwixxu għal żvilupp tan-negozju inqas volatili u għas-sigurtà tal-impjieg tal-impjegati tagħhom. B’mod partikolari, il-korporattivi li jkomplu jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar minħabba l-profil tar-riskju sistemiku tagħhom jinħtieġ li jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż fissi li jvarja minn EUR 24,8 miljun għal Eur 69,5 miljun. Bl-istess mod, il-benefiċċji stmati għall-finanzi żgħar sistemiċi minn aċċess imtejjeb għall-ikklerjar għandhom jilħqu minn EUR 32,6 miljun sa EUR 91,3 miljun meta japplika l-obbligu tal-ikklerjar. Dan it-tnaqqis fl-istima tal-kostijiet għalhekk jillibera aktar opportunitajiet ta’ investiment, u dan ikun ta' benefiċċju għall-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-aġenda tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi.

B’mod ġenerali ma għandu jkun hemm l-ebda spiża sinifikanti soċjali u ekonomika rilevanti. Is-simplifikazzjoni prevista u l-proporzjonalità miżjuda tar-regoli dwar ir-rapportar jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-EMIR filwaqt li jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv globali mġarrab minn kontropartijiet li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar taħt l-EMIR. Rigward il-modifika tar-responsabbiltà għall-obbligu ta' rappurtar, l-entitajiet li jinħtieġ li jamministraw l-obbligu ta' rapportar fil-futur huma mgħammra aħjar għal dan il-kompitu u, minħabba l-ekonomiji ta’ skala involuti, jinħtieġ li jitnaqqsu l-ispejjeż aggregati globali rilevanti. B’mod partikolari, is-CCPS jiffaċċjaw spejjeż ta’ aġġustament minimi relatati mal-bżonn li jiġi introdott rapportar tal-ETD. Madankollu, billi s-CCPs diġà għandhom ammont sinifikanti ta’ data dwar dawn it-tranżazzjonijiet fil-pussess tagħhom u diġà huma meħtieġa li jirrapportaw it-tranżazzjonijiet derivattivi kollha kklerjati ċentralment taħt l-EMIR, il-piż addizzjoni mqiegħed fuq is-CCPs ikun limitat. Il-miżuri addizzjonali biex jarmonizzaw il-kalkolu tal-limiti għall-ikklerjar u l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli u l-proċeduri tar-rapportar jistgħu l-aktar jinvolvu xi kostijiet amministrattivi ta’ aġġustament limitat, b’mod partikolari għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-istadji inizjali tal-implimentazzjoni, iżda jinħtieġ li jwasslu għal effiċjenzi akbar u jnaqqsu l-piż globali fit-terminu medju u fit-tul ta' żmien. Fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, billi dawn ikollhom jimplimentaw proċeduri xierqa fi kwalunkwe każ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti skont it-Regolament ta’ Tranżazzjonijiet ta' Finanzjament tat-Titoli, l-azzjoni politika permezz tal-EMIR ikkunsidrata f’din il-valutazzjoni tal-impatt ma toħloqx piż addizzjonali konsiderevoli. B’mod simili, rekwiżit biex jiġu osservati termini kummerċjali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji fil-provvediment tas-servizzi tal-ikklerjar, li jkun ta' benefiċċju għal ħafna kontropartijiet, huwa mistenni li jinvolvi biss kostijiet amministrattivi addizzjonali limitati għall-membri tal-ikklerjar.

3.4.Drittijiet fundamentali

Il-proposta aktarx li mhux se jkollha impatt dirett fuq id-drittijiet elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ("KEDB").

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

Il-proposta preżenti tkun teħtieġ lill-ESMA biex taġġorna jew tiżviluppa ħames standards tekniċi. L-istandards tekniċi għandhom jiġu ppreżentati disa' (9) xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-kompiti proposti għall-ESMA mhux se jkunu jeħtieġu l-istabbiliment ta’ postijiet addizzjonali u jistgħu jitwettqu b’riżorsi eżistenti.

5.ELEMENTI OĦRAJN

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta tinkludi klawsola li skontha, jinħtieġ li titwettaq evalwazzjoni tal-EMIR fl-intier tiegħu, b’enfasi partikolari fuq l-effettività u l-effiċjenza tiegħu biex jilħaq l-għanijiet oriġinali tal-EMIR filwaqt li l-ESMA tirrapporta fuq xi elementi speċifiċi:

·jekk ġewx żviluppati soluzzjonijiet vijabbli biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali u l-impatt tagħhom fuq il-livell tal-ikklerjar ċentrali mill-PSAs;

·l-impatt tas-soluzzjonijiet proposti fuq il-livell tal-ikklerjar mill-NFCs kif ukoll eżami tad-distribuzzjoni tal-ikklerjar fi klassi tal-kontraparti tal-NFC speċjalment fir-rigward tal-adattezza tal-livell(i) limitu/i tal-ikklerjar;

·l-impatt tas-soluzzjonijiet proposti fuq il-livell tal-ikklerjar b'somom finanzjarji żgħar kif ukoll eżami tad-distribuzzjoni tal-ikklerjar fi klassi tal-kontraparti ta’ somom finanzjarji żgħar speċjalment fir-rigward tal-adegwatezza tal-livell(i) limitu/i tal-ikklerjar;

·il-kwalità tad-data ta’ tranżazzjoni rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-aċċessibbiltà ta’ din id-data, u l-kwalità tal-informazzjoni riċevuta mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

·l-aċċessibbiltà tal-ikklerjar lill-kontropartijiet kollha.

Fil-prinċipju, din l-evalwazzjoni jinħtieġ li sseħħ sa mhux aktar tard minn tliet (3) snin wara l-applikazzjoni tal-emendi ppreżentata minn din il-proposta. F’ċerti każijiet, b’mod partikolari għall-PSAs, huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-progress fid-disponibbilià ta’ soluzzjonijiet għall-ikklerjar tal-PSAs fuq bażi kontinwa.

5.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Emendi għall-obbligu ta’ kklerjar (l-Artikoli 2, 4, ġdid 4a, ġdid 6b, 10, 85 u 89 tal-EMIR)

Kontropartijiet finanzjarji

Il-punt (a) tal-Artikolu 1(2) ta’ din il-proposta jemenda punt (a) tal-Artikolu 4(1) tal-EMIR biex b’hekk il-kundizzjonijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC biex isiru soġġetti għall-obbligu ta’ kklerjar meta kontroparti hija kontraparti finanzjarji jiġu speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) ġdid. Dan l-Artikolu l-ġdid jiddaħħal mill-Artikolu 1(3) ta’ din il-proposta. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) ġdid jistabbilixxi livelli limiti tal-ikklerjar għal kuntratti konklużi mill-kontropartijiet finanzjarji billi jirreferi għal-livelli limiti tal-ikklerjar stabbiliti permezz ta’ punt (b) tal-Artikolu 10(4), u b’hekk il-livelli limiti tal-ikklerjar huma l-istess bħal dawk għal kontropartijiet mhux finanzjarji. Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) il-ġdid jispeċifika li l-eċċess ta’ wieħed mill-valuri stabbiliti għal klassi tad-derivattivi OTC jiskatta l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassijiet ta’ assi kollha. L-Artikolu 4a(1) il-ġdid jispjega barra minn hekk il-mod kif il-livelli limiti tal-ikklerjar jiġu kkalkolati. Kontroparti finanzjarja ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar jekk il-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar. Dan jikkorrispondi għall-kalkolu tal-livelli limiti tal-ikklerjajr minn kontropartijiet mhux finanzjarji.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat li d-definizzjoni tkopri l-entitajiet kollha li minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħhom huma kontropartijiet finanzjarji, l-Artikolu 1(1) idaħħal fid-definizzjoni tal-kontroparti finanzjarja li tinsab fl-Artikolu 2 tal-EMIR fondi ta’ investiment alternattivi rreġistrati taħt liġi nazzjonali li attwalment huma kkunsidrati bħala kontropartijiet mhux finanzjarji taħt l-EMIR, id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli, u l-Entitajiet bi Skop Speċjali tat-Titolizzazzjoni. Dawn l-entitajiet b’hekk jiġu trattati bħala kontropartijiet finanzjarji taħt l-EMIR.

Kontropartijiet mhux finanzjarji

L-Artikolu 1(8) jemenda l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 10 tal-EMIR. Il-paragrafu 1 emendat jibdel il-mod kif il-livelli limiti tal-ikklerjar jiġu kkalkolati. Kontroparti mhux finanzjarja ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar jekk il-pożizzjoni medja aggregata tagħha fl-aħħar tax-xahar għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjajr, minflok, jekk il-pożizzjoni medja "rolling" tul 30 jum ta’ ħidma taqbeż il-livelli limiti, li huwa l-każ taħt ir-regoli attwali tal-EMIR. Ir-referenza għall-paragrafu 3 tfisser li l-eżenzjoni tal-iħħeġġjar attwali hija miżmuma sabiex, dawk il-kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor biss, jiġu kkalkolati għal-livelli limiti.

Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jispeċifika li l-obbligu tal-ikklerjar japplika biss għall-klassi tal-assi jew għall-klassijiet tal-assi li għalihom, il-livell limitu tal-ikklerjar ikun inqabeż u li għalihom ikun jeżisti obbligu tal-ikklerjar.

Arranġamenti ta’ Skemi tal-Pensjonijiet

L-Artikolu 1(20) jissostitwixxi l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 89 tal-EMIR sabiex tiġi estiża bi tliet snin l-eżenzjoni temporanja mill-obbligu tal-ikklerjar tal-arranġamenti tal-iskema tal-pensjoni, fin-nuqqas ta' soluzzjoni teknika vijabbli għat-trasferiment permezz ta’ arranġamenti tal-iskema tal-pensjoni ta’ kollateral mhux fi flus bħala marġini ta’ varjazzjoni. Il-punt (b) tal-Artikolu 1(19) jissostitwixxi l-paragrafu 2 tal-Artikolu 85 tal-EMIR u jistipula, skont il-punti (a), (b), (c), (d), (e) u (f), il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tivvaluta u tindirizza f’rapport fuq il-progress lejn soluzzjonijiet tekniċi vijabbli, b’input mill-ESMA, l-EIOPA, l-EBA u l-BERS. Filwaqt li sa issa, diversi fatturi ma ħallewx li jiġu żviluppati soluzzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tqis li huwa fattibbli li jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli fi żmien tliet snin minn wara l-adozzjoni tal-proposta, u tistenna li l-parteċipanti fis-swieq jaħdmu fuq il-bażi ta’ dik l-iskeda ta’ żmien. Dan huwa wkoll appoġġat mill-aspettattiva li xi diżinċentivi regolatorji biex is-servizzi tal-ikklerjar isiru disponibbli b'mod usa' (pereżempju l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tal-kapital ibbażati fuq proporzjon ta' ingranaġġ) jiġu indirizzati matul dak il-perjodu. Huwa biss fil-każ improbabbli ta’ xi żviluppi mhux previsti, ta’ natura sinifikanti, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li testendi d-deroga darba b'sentejn permezz ta' att iddelegat jekk ċirkostanzi vvalutati b'attenzjoni jiġġustifikaw dan.

Tneħħija tar-rekwiżit ta’ frontloading

Il-punt (b) tal-Artikolu 1(2) ineħħi r-rekwiżit stabbilit fil-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tal-EMIR biex jiġu kklerjati kuntratti tad-derivattivi OTC li entità tkun daħlet għalihom jew issostitwixxiet jew wara notifika minn awtorità kompetenti lill-ESMA fuq awtorizzazzjoni ta’ CCP biex tiġi kklerjata klassi ta’ derivattivi OTC iżda qabel id-data li minnha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ jekk il-kuntratti jkollhom bqija tal-maturità ogħla mill-bqija tal-maturità minima determinata f’Regolament Delegat tal-Kummissjoni fuq l-obbligi tal-ikklerjar skont l-Artikolu 5(2)(c).

Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar

L-Artikolu 1(6) idaħħal fl-EMIR Artikolu 6b ġdid li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa, għal raġunijiet speċifiċi, li tissospendi b’mod temporanju kwalunkwe obbligu ta’ kklerjar fuq il-bażi ta’ talba tal-EMSA u tistabbilixxi l-proċedura għas-sospensjoni. Kif indikat ukoll mill-ESMA, din is-setgħa hija meħtieġa billi f’ċerti aspetti speċifiċi, l-applikazzjoni kontinwa tal-obbligu tal-ikklerjar tista’ tkun impossibbli (pereżempju minħabba li s-CCP(s) li tikklerja/jikklerjaw l-akbar porzjon ta’ ċerta klassi tad-derivattivi OTC tista’ toħroġ/jistgħu joħorġu minn dak is-suq) jew jista’ jkollha effetti avversi għall-istabbiltà finanzjarja (pereżempju minħabba li l-obbligu tal-ikklerjar jimpedixxi l-iħħeġġjar bilaterali għall-kontropartijiet mingħajr aċċess għas-suq ikklerjat ċentralment). Żviluppi bħal dawn jistgħu jseħħu b’mod mhux mistenni, u l-proċedura attwali għat-tneħħija tal-obbligu tal-ikklerjar li tkun teħtieġ emenda tal-istandard tekniku regolatorju, tista’ tkun bil-mod wisq biex twieġeb għaċ-ċirkostanzi tas-suq li jkunu qed jinbidlu jew għat-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja. Din is-setgħa l-ġdida hija soġġetta għal kundizzjonijiet b’restrizzjonijiet stretti, u s-sospensjoni tkun limitata fiż-żmien. Il-proċedura biex jitneħħa b'mod permanenti l-obbligu tal-ikklerjar tibqa’ ma tinbidilx, u dan dejjem se jkun jeħtieġ emenda tal-istandard tekniku regolatorju.

Emendi bil-għan li jinċentivaw l-ikklerjar u jżidu l-aċċess għalih (l-Artikoli 4 u 39 tal-EMIR)

Il-punt (c) tal-Artikolu 1(2) jintroduċi paragrafu 3a ġdid għall-Artikolu 4(3) tal-EMIR, li skontu, il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom li jipprovdu servizzi ta’ kklerjar lil kontropartijiet oħra jew joffru lill-klijenti tagħhom il-possibbiltà li jipprovdu tali servizzi lil kontropartijiet oħrajn jagħmlu dan taħt termini kummerċjali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa permezz tal-atti delegati li tispeċifika liema huma termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

L-Artikolu 1(11) idaħħal paragrafu ġdid għall-Artikolu 39 tal-EMIR biex jiċċara li l-assi li jkopru l-pożizzjonijiet irreġistrati f’kont mhumiex parti mill-proprjetà tal-insolvenza tas-CCP jew membru tal-ikklerjar li jżomm rekords u kontijiet separati. Din id-dispożizzjoni toffri ċertezza lil dawk li jipprovdu servizzi ta’ kklerjar jew joffru lill-klijenti tagħhom il-possibbiltà li jipprovdu servizzi bħal dawn li jkunu jistgħu jissodisfaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-proċeduri ta' ġestjoni ta’ inadempjenza tal-EMIR. Dan jinċentivahom biex jipprovdu aċċess għall-ikklerjar ċentrali tal-kuntratt tad-derivattivi OTC bħala servizz. Bl-istess mod id-dispożizzjonijiet joffru ċertezza lill-klijenti u lill-klijenti indiretti li fil-każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar jew klijent li jipprovdi servizzi ta’ kklerjar, l-assi tagħhom jiġu protetti u jistgħu, għalhekk, jiġu portati lejn membri tal-ikklerjar jew klijenti oħrajn li jipprovdu servizzi ta' kklerjar indiretti. Dan jagħti aktar inċentiv għall-ikklerjar ċentrali.

Emendi għar-rekwiżiti għal trasparenza tas-CCPs (l-Artikolu 38 tal-EMIR)

L-Artikolu 1(10) iżid il-paragrafi 6 u 7 għall-Artikolu 38 tal-EMIR sabiex is-CCPs ikunu meħtieġa jipprovdu lill-membri tal-ikklerjar tagħhom b’għodod biex jistimulaw ir-rekwiżiti tal-marġini inzjali tagħhom (paragrafu 6) kif ukoll b’ħarsa ġenerali dettaljata tal-karatteristiċi tal-mudelli tal-marġini inizjali li jużaw (paragrafu 7).

Emendi għat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (l-Artikolu 11 tal-EMIR)

Biex jiġu evitati l-inkonsistenzi madwar l-Unjoni fl-applikazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju, l-Artikolu 1(9) jagħti mandat lill-ESAs biex jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji abbozzati sabiex tiġi speċifikata l-proċedura superviżorja a priori tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju segregat tal-kollateral f’waqtu, preċiż u kif suppost, u ta’ bidliet sinfikanti għall-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju.

Emendi għall-obbligu ta’ rapportar (l-Artikolu 9 tal-EMIR)

Punt (a) tal-Artikolu 1(7) ineħħi r-rekwiżit fl-Artikolu 9(1) tal-EMIR li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet storiċi, jiġifieri tranżazzjonijiet li ma kinux pendenti fid-data ta’ bidu tal-obbligu ta’ rapportar fit-12 ta’ Frar 2014. Barra minn hekk dan jintroduċi dispożizzjoni għall-Artikolu 9(1) tal-EMIR sabiex it-tranżazzjonijiet intragrupp fejn waħda mill-kontropartijiet hija kontraparti mhux finanzjarja jiġu eżentati mill-obbligu tar-rapportar.

Il-punt (b) tal-Artikolu 1(7) idaħħal paragrafu ġdid 1a għall-Artikolu 9. Dan il-paragrafu 1a l-ġdid jistabbilixxi r-regoli fuq l-obbligu ta' rapportar f’xi każijiet speċifiċi, u jistabbilixxi min hu responsabbli għar-rappurtar inkluż għal kwalunkwe responsabbiltà li tirriżulta minnhom;

·għat-tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC (tranżazzjonijiet innegozjati fil-borża), is-CCP hija responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rappurtar f’isem iż-żewġ kontropartijiet.

·għat-trażazzjonijiet bejn kontroparti finanzjarja u kontroparti mhux finanzjarja mhux soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, il-kontroparti finanzjarja hija responsabbli, u legalment responsabbli għar-rappurtar f’isem iż-żewġ kontropartijiet għat-tranżazzjoni;

·il-kumpanija ta’ ġestjoni li timmaniġġa UCITS li hija kontraparti għal kuntratt tad-derivattiv OTC hija responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rappurtar f’isem dik l-UCITS;

·il-maniġer huwa responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rappurtar f’isem fond ta' investiment alternattiv (AIF) li huwa kontroparti għal kuntratt tad-derivattiv OTC.

Fi kwalunkwe każ, il-kontropartijiet u s-CCPs għandhom jiżguraw li d-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi jkunu rrappurtati mingħajr duplikazzjoni. Barra minn hekk, dawn jistgħu jiddelegaw l-obbligu tar-rapportar.

Punt (c) tal-Artikolu 1(7) jespandi l-mandat għall-ESMA biex tiżviluppa standards tekniċi biex tiġi permessa aktar armonizzazzjoni tar-regoli u r-rekwiżiti ta’ rapportar, b’mod partikolari l-istandards, il-metodi, u l-arranġamenti tad-data għar-rappurtar.

Emendi biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data (l-Artikoli 78 u 81 tal-EMIR)

L-Artikolu 1(16) iżid mar-rekwiżiti ġenerali għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-Artikolu 78 tal-EMIR, ir-rekwiżiti li jkun hemm proċeduri adegwati għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet; li jkun hemm proċeduri adegwati biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data rrapportata; u li jiġu stabbiliti politiki xierqa għat-trasferiment b'mod ordnat tad-data lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn fejn dan ikun mitlub minn impriża soġġetta għall-obbligu ta' rapportar skont l-Artikolu 9 jew meħtieġa għal kwalunkwe raġuni oħra. Barra minn hekk, l-ESMA għandha l-mandat li tiżviluppa l-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-validazzjoni tad-data rrapportata fir-rigward tal-kompletezza u l-eżattezza tagħha u għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

Punt (b) tal-Artikolu 1(17) iżid paragrafu 3a ġdid għall-Artikolu 81 tal-EMIR li jirrikjedi lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jagħtu lill-kontropartijiet aċċess għad-data kollha rrapportata f’isimhom sabiex tiġi permessa verifika tal-eżattezza tagħha.

Emendi għar-reġistrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (l-Artikoli 56 u 72 tal-EMIR)

Il-punt (a) tal-Artikolu 1(12) jemenda l-Artikolu 56 tal-EMIR billi jintroduċi l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ssimplifikata għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li diġà huma rreġistrati taħt ir-Regolament dwar it-Transazzjonijiet ta' Finanzjament tat-Titoli. Il-Punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(12) jagħtu lill-ESMA mandat biex tiżviluppa standards tekniċi għal applikazzjoni ssimplifikata għall-estenzjoni ta’ reġistrazzjoni biex jiġu evitati proċeduri doppji. L-Artikolu 1(14) idaħħal bidla konsegwenti fl-Artikolu 72(1) fuq it-tariffi meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun diġà rreġistrat taħt SFTR.

Emendi għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (l-Artikoli 65 u Anness I tal-EMIR)

Il-multi li l-ESMA tista’ timponi fuq id-depożitarji tal-kummerċ li tissorvelja direttament jeħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħat superviżorji tal-ESMA. L-Artikolu 1(13) għalhekk jemenda l-Artikolu 65(2) tal-EMIR billi jżid il-limitu massimu tal-ammont bażiku tal-multi li l-ESMA tista’ timponi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għal 100 000 jew 200 000 skont il-ksur. Barra minn hekk, l-emenda tintroduċi l-ammonti bażiċi nieqsa tal-multi għal ksur relatat ma’ ostakoli għall-attivitajiet superviżorji, imsemmija f’Sezzjoni IV tal-Anness I. Għal dan il-ksur l-ammont ta’ multi huwa propost li jkun mill-inqas EUR 5 000 u li ma jaqbiżx EUR 10 000.

L-Artikolu 1(21) jemenda l-Anness I għar-Regolament billi jdaħħal fil-lista ta’ ksur li tinsab fih ksur li jikkorrispondi għar-rekwiżiti ġenerali ġodda għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imnaqqxa fil-paragrafu 9 ġdid tal-Artikolu 78 tal-EMIR u l-ksur li jinsab fl-Artikolu 55(4) meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jinnotifikax l-ESMA fiż-żmien debitu dwar il-bidliet materjali għall-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni inizjali tiegħu.

Emendi għar-rekwiżiti għad-data disponibbli fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Artikoli 76a u 81 tal-EMIR)

L-Artikolu 1(15) idaħħal Artikolu 76a ġdid fl-EMIR. L-awtoritajiet fil-pajjiżi terzi li jkollhom repożitorji tat-tranżazzjonijiet jingħataw aċċess dirett għad-data miżmuma fid-depożitarji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni li jiddikjara li fil-pajjiż terz (a) ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma awtorizzati kif xieraq, (b) is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jseħħu fuq bażi kontinwa; (c) jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluż il-protezzjoni ta’ sigrieti tan-negozju kondiviżi ma’ pajjiżi terzi mill-awtoritajiet, u li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament; u (d) li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli biex jingħata aċċess dirett u immedjat għad-data lill-awtoritajiet rilevanti tal-Unjoni. L-Artikolu 1(17) jintroduċi bidla għall-Artikolu 81 tal-EMIR rigward il-lista tal-entitajiet li għalihom ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iridu jagħmlu l-informazzjoni disponibbli sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom. Dawn il-bidliet huma neċessarji bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni ppreżentata fl-evalwazzjoni bejn il-pari tematika tal-FSB tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC f’Novembru 2015 li l-ġurisdizzjonijiet kollha għandu jkollhom, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2018, qafas legali biex jiġi permess aċċess kemm mill-awtoritajiet domestiċi u barranin għad-data miżmuma fit-TR domestiku. Fl-istess ħin, huwa fl-interess ċar tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Unjoni li jkollhom aċċess għad-data miżmuma minn TRs ta’ pajjiż terz sabiex ikollhom stampa sħiħa tas-swieq tad-derivattivi globali. Il-bidla hija mmirata u limitata għal aċċess reċiproku għal data għall-awtoritajiet pubbliċi.

Punt (b) tal-Artikolu 1(17) jintroduċi rekwiżit ġdid fuq it-TRs biex jipprovdu aċċess lill-kontropartijiet u lis-CCPs li ddelegaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom għad-data rrapportata f'isimhom.

Punt (c) tal-Artikolu 1(17) jestendi l-mandat mogħti lill-ESMA skont l-Artikolu 81(5) tal-EMIR biex jiġu żviluppati standards tekniċi regolatorji abbozzati sabiex jiġu speċifikati u armonizzati t-termini u l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti, u d-dokumentazzjoni li abbażi tagħhom ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħtu aċċess dirett u immedjat lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3).

Klawżola ta’ evalwazzjoni (l-Artikolu 85 tal-EMIR)

L-Artikolu 1(19) jintroduċi mandat għall-Kummissjoni biex tevalwa l-EMIR u tipprepara rapport ġenerali li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa.

2017/0090 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 18 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva 20 ,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-27 ta’ Lulju 2012, u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2012. Ir-rekwiżiti li jinsabu fih, jiġifieri l-ikklerjar ċentrali ta’ kuntratti tad-derivattivi (OTC) barra l-Borża standardizzati; rekwiżiti tal-marġini; rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ikklerjati ċentralment; obbligi ta' rapportar għal kuntratti tad-derivattivi; rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) u rekwiżiti għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet (TRs) jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju sistemiku billi tiżdied it-trasparenza tas-suq tad-derivattivi OTC u jitnaqqas ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti u r-riskju operazzjonali assoċjat mad-derivattivi OTC.

(2)Simplifikazzjoni ta’ ċerti oqsma koperti mir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u approċċ aktar proporzjonat għal dawk l-oqsma, huma f’konformità mal-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni li jenfasizza l-bżonn għat-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-ispejjeż sabiex il-politiki tal-Unjoni jilħqu l-objettivi tagħhom bl-aktar mod effiċjenti, u jimmira b’mod partikolari li jnaqqas il-piżijiet regolatorji u amministrattivi.

(3)Sistemi ta' wara n-negozjar u swieq tal-kollateral effiċjenti u reżiljenti huma elementi essenzjali għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem tajjeb u dawn japprofondixxu l-isforzi biex jiġu appoġġati l-investimenti, it-tkabbir u l-impjiegi f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

(4)Fl-2015 u fl-2016, il-Kummissjoni għamlet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll input dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, "ESMA"), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ("BERS") u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali ("SEBĊ"). Minn dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi deher li l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kienu appoġġati mill-partijiet ikkonċernati u li ma kien meħtieġ l-ebda tiġdid maġġuri ta’ dan ir-Regolament. Fit-23 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 648/2012. Għalkemm għad mhux id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma applikabbli b'mod sħiħ u għalhekk evalwazzjoni komprensiva ta’ dan ir-Regolament għadha mhijiex possibbli, ir-rapport identifika oqsma li għalihom hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jiġi żgurat li l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jintlaħqu b’mod aktar proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

(5)Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jinħtieġ li jkopri l-kontropartijiet finanzjarji kollha li jistgħu jitfaċċaw u r-riskju sistemiku importanti għas-sistema finanzjarja. Id-definizzjoni tal-kontropartijiet finanzjarji jinħtieġ li għalhekk tiġi emendata.

(6)Il-kontropartijiet finazjarji b’volum ta’ attività fis-swieq tad-derivattivi tal-OTC li huwa baxx wisq biex jippreżenta riskju sistemiku importanti għas-sistema finanzjarja u huwa baxx wisq biex l-ikklerjar ċentrali jkun ekonomikament vijabbli jinħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar filwaqt li jibqgħu soġġetti għar-rekwiżit għall-iskambju tal-kollateral biex jiġi mitigat kwalunkwe riskju sistemiku. L-eċċess tal-livell limitu tal-ikklerjar għal mill-inqas klassi waħda ta’ derivattiv OTC minn kontroparti finanzjarja jinħtieġ li madankollu jiskatta l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassijiet kollha tad-derivattivi OTC minħabba l-interkonnettività tal-kontropartijiet finanzjarji u r-riskju sistemiku possibbli għas-sistema finanzjarja li jista’ jirriżulta jekk dawk il-kuntratt tad-derivattivi ma jiġux ikklerjati ċentralment.

(7)Il-kontropartijiet mhux finanzjarji huma anqas interkonnessi minn kontropartijiet finanzjarji. Dawn ikunu wkoll spiss attivi fi klassi waħda ta’ derivattiv OTC. Għalhekk, l-attività tagħhom toħloq inqas riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja mill-attività ta’ kontropartijiet finanzjarji. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal kontropartijiet mhux finanzjarji jinħtieġ li għalhekk jiġi ristrett, sabiex dawk il-kontropartijiet mhux finanzjarji jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar biss fir-rigward tal-klassi tal-assi jew tal-klassijiet tal-assi li jaqbżu l-livell limitu tal-ikklerjar, filwaqt li jżommu r-rekwiżit tagħhom li jiskambjaw il-kollateral meta jinqabeż kwalunkwe wieħed mil-livelli limiti tal-ikklerjar.

(8)Ir-rekwiżit biex jiġu kklerjati ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi qabel ma l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ joħloq inċertezza legali u kumplikazzjonijiet operazzjonali għal benefiċċji limitati. B’mod partikolari, ir-rekwiżit joħloq spejjeż u sforzi addizzjonali għall-kontropartijiet għal dawk il-kuntratti u jista’ wkoll jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq mingħajr ma jirriżulta f'titjib sinifikanti tal-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-parteċipant fis-suq. Dan ir-rekwiżit għalhekk jinħtieġ li jitneħħa.

(9)Il-kontropartijiet b’volum limitat ta’ attività fis-swieq tad-derivattivi OTC jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-ikklerjar ċentrali, kemm bħala klijent ta’ membri tal-ikklerjar kif ukoll permezz ta’ arranġamenti ta’ ikklerjar indirett. Ir-rekwiżit għall-membri tal-ikklerjar biex jiffaċilitaw serivizzi ta’ kklerjar indirett fuq termini kummerċjali raġonevoli għalhekk mhuwiex effiċjenti. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tal-membri tal-ikklerjar li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar b’mod dirett lil kontropartijiet oħrajn jew b’mod indirett billi jippermettu lill-klijenti tagħhom stess jipprovdu dawk is-servizzi lil kontropartijiet oħrajn jinħtieġ li għalhekk jiġu rikjesti b’mod espliċitu li jagħmlu dan skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

(10)F’ċerti sitwazzjonijiet jinħtieġ li jkun possibbli li jiġi sospiż l-obbligu tal-ikklerjar. L-ewwel, li s-sospensjoni jinħtieġ li tkun possibbli fejn il-kriterji li abbażi tagħhom klassi speċifika ta’ derivattiv OTC tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar ma jibqgħux issodisfati aktar. Dan jista’ jkun il-każ fejn klassi tad-derivattiv OTC issir mhux xierqa għall-ikklerjar ċentrali obbligatorju jew fejn kien hemm kambjament materjali f’waħda minn dawk il-kriterji fir-rigward ta’ klassi partikolari ta’ derivattiv OTC. Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar jinħtieġ li wkoll tkun possibbli fejn CCP tieqaf milli toffri servizz tal-ikklerjar għal klassi speċifika ta’ derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta’ kontroparti u CCPs oħrajn ma jistgħux jintervjenu malajr biżżejjed biex jieħdu f’idejhom dawk is-servizzi ta’ kklerjar. Finalment, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar jinħtieġ li wkoll tkun possibbli fejn din tkun meqjusa neċessarja biex tiġi evitata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni.

(11)Ir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet storiċi wera li huwa diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ ċerti dettalji ta’ rapportar li ma kinux meħtieġa li jiġu rrapportati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 iżda li issa dawn huma meħtieġa. Dan wassal għal rata għolja ta’ falliment fir-rapportar u kwalità fqira ta’ data rrapportata, filwaqt li l-piż tar-rapportar ta’ dawk it-tranżazzjonijiet huwa sinifikanti. Għalhekk hemm probabbiltà għolja li dik id-data storika tibqa’ ma tintużax. Barra minn hekk, sakemm id-data ta’ skadenza għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet storiċi tkun saret effettiva, numru ta’ dawk it-tranżazzjonijiet ikunu diġà skadew u, magħhom, l-esponimenti u r-riskji korrispondenti. Biex tiġi rrimedjata dik is-sitwazzjoni, jinħtieġ li jitneħħa r-rekwiżit li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet storiċi.

(12)It-tranżazzjonijiet intragrupp li jinvolvu kontropartijiet mhux finanzjarji jirrappreżentaw frazzjoni relattivament żgħira tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC kollha u jintużaw primarjament għall-iħħeġġjar intern fil-gruppi. Dawk it-tranżazzjonijiet għalhekk ma jikkontribwixxux b’mod sinifikanti għar-riskju sistemiku u interkonnettività, iżda l-obbligu li jiġu rrappurtati dawk it-tranżazzjonijiet jimponi spejjeż u piżijiet importanti fuq il-kontropartijiet mhux finanzjarji. It-tranżazzjonijiet intragrupp fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet hija kontroparti mhux finanzjarja jinħtieġ li għalhekk jiġu eżentati mill-obbligu ta’ rapportar.

(13)Ir-rekwiżit li jiġu rrapportati kuntratti tad-derivattivi nnegozjati fil-Borża (exchange-traded derivative, "ETDs") jimponi piż sinifikanti fuq il-kontropartijiet minħabba l-volum għoli ta’ ETDs li huma konklużi fuq il-bażi ta' kuljum. Barra minn hekk, billi r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 jirrikjedi li kull ETD jiġi kklerjat minn CCP, is-CCPs diġà għandhom il-maġġoranza l-kbira tad-dettalji ta’ dawk il-kuntratti. Biex jitnaqqas il-piż tar-rapportar tal-ETDs, ir-responsabbiltà, inkluż kwalunkwe responsabbiltà legali, għar-rapportar tal-ETDs f'isem iż-żewġ kontropartijiet jinħtieġ li taqa’ fuq is-CCP kif ukoll għall-iżgurar tal-eżattezza tad-dettalji rrappurtati.

(14)Biex jitnaqqas il-piż tar-rapportar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji żgħar, il-kontroparti finanzjarja jinħtieġ li tkun responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar kemm f’isimha kif ukoll f’isem il-kontroparti mhux finanzjarja li mhijiex soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC imdaħħla fis-seħħ minn dik il-kontroparti mhux finanzjarja kif ukoll għall-iżgurar tal-eżattezza tad-dettalji rrapportati.

(15)Ir-responsabbiltà għar-rapportar ta’ kuntratti tad-derivattivi oħrajn jinħtieġ li tiġi ddeterminata wkoll. Jinħtieġ li għalhekk jiġi speċifikat li l-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (undertaking for collective investment in transferable securities, "UCITS") hija responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar f’isem dik l-UCITS fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li tkun daħlet għalihom dik l-UCITS kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati. B’mod simili, il-maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (“AIF”) jinħtieġ li jkun responsabbli, u legalment responsabbli, għar-rapportar f’isem dak l-AIF fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li dak l-AIF ikun daħal għalihom kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati.

(16)Biex jiġu evitati l-inkonsistenzi madwar l-Unjoni fl-applikazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju, is-superviżuri jinħtieġ li japprovaw proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju segregat tal-kollateral f’waqtu, preċiż u kif suppost tal-kontropartijiet, jew kwalunkwe bidla sinifikanti għal dawk il-proċeduri, qabel ma jkunu applikati.

(17)Biex tiżdied it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-marġni inizjali u biex is-CCPs jinżammu milli jimmodifikaw il-mudelli tal-marġini inizjali tagħhom b'modi li jistgħu jidhru proċikliċi, is-CCPs jinħtieġ li jipprovdu lill-membri tal-ikklerjar tagħhom b’għodod biex jistimulaw ir-rekwiżiti tal-marġini inzjali tagħhom u b’ħarsa ġenerali dettaljata tal-mudelli tal-marġini inizjali li jużaw. Dan huwa konsistenti mal-istandards internazzjonali ppubblikati mill-Kumitat dwar l-Infrastrutturi tal-Pagamenti u tas-Swieq u l-Bord tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, u b’mod partikolari mal-qafas ta’ divulgazzjoni ppubblikat f’Diċembru 2012 23 u l-istandards tad-divulgazzjoni kwantitattiva pubblika għall-kontropartijiet ċentrali ppubblikati fl-2015 24 , rilevanti għat-trawwim ta’ fehim preċiż tar-riskji u l-ispejjeż involuti fi kwalunkwe parteċipazzjoni f’CCP mill-membri tal-ikklerjar u t-titjib tat-trasparenza tas-CCPs lejn il-parteċipanti fis-suq.

(18)Jibqgħu inċertezzi dwar kemm l-assi miżmuma fl-omnibus jew f’kontijiet segregati individwali huma ta’ insolvenza remota. Għalhekk mhuwiex ċar f’liema każijiet is-CCPs jistgħu b’biżżejjed ċertezza legali jittrasferixxu l-pożizzjonijiet tal-klijent fejn membru tal-ikklerjar ifalli, jew f’liema każijiet is-CCPs jistgħu, b’biżżejjed ċertezza legali, jħallsu r-rikavati tal-likwidazzjoni direttament lill-klijenti. Biex jiġi inċentivat l-ikklerjar u biex jitjieb l-aċċess għalih, ir-regoli relatati mal-qagħda remota tal-insolvenza ta’ dawk l-assi u l-pożizzjonijiet jinħtieġ li jiġu ċċarati.

(19)Il-multi li l-ESMA tista’ timponi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet taħt is-superviżjoni diretta tagħha jinħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi biżżejjed biex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħat superviżorji tal-ESMA u biex tiżdied it-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC. Qiegħed jidher li l-ammont ta’ multi li hemm ipprovdut għalihom inizjalment fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma humiex disswassivi biżżejjed fid-dawl tal-fatturat tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u dan jista’ potenzjalment ikun ta’ xkiel għall-effettività tas-setgħat superviżorji tal-ESMA skont dak ir-Regolament, fil-konfront tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Il-limitu massimu tal-ammonti bażiċi tal-multi jinħtieġ li għalhekk jiżdied.

(20)L-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi jinħtieġ li jkollhom aċċess għad-data rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni fejn ċerti kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trattament ta’ din id-data jiġu ssodisfati mill-pajjiż terz u fejn il-pajjiż terz jipprovdi għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli li jagħti aċċess dirett lill-awtoritajiet tal-Unjoni għal data rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet f’dak il-pajjiż terz.

(21)Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 jippermetti li ssir proċedura simplifikata ta' reġistrazzjoni għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li huma diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jixtiequ jestendu dik ir-reġistrazzjoni biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli. Jinħtieġ li tiddaħħal fis-seħħ proċedura tar-reġistrazzjoni ssimplifikata simili għar-reġistrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li huma diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 u jixtiequ jestendu dik ir-reġistrazzjoni biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-rigward tal-kuntratt tad-derivattivi.

(22)L-insuffiċjenta tal-kwalità u t-trasparenza tad-data prodotta mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tagħmilha diffiċli għall-entitajiet li ngħataw aċċess għal din id-data biex jużawha biex jimmonitorjaw is-swieq tad-derrivattivi u tipprevjeni lir-regolaturi u lis-superviżuri milli jidentifikaw riskji ta’ stabbiltà finanzjarja fi żmien debitu. Biex titjieb il-kwalità u t-trasparenza tad-data u biex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma’ dawk tar-Regolament (UE) Nru 2015/2365 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni tar-regoli u r-rekwiżiti tar-rapportar, u b’mod partikolari aktar armonizzazzjoni tal-istandards, il-metodi u l-arranġamenti tad-data għar-rapportar, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-validazzjoni tad-data rrapportata dwar il-kompletezza u l-eżattezza tagħhom, u r-rikonċiljazzjoni tad-data ma’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn. Barra minn hekk, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jinħtieġ li jagħtu lill-kontropartijiet, wara talba, aċċess għad-data kollha rrapportata f’isimhom biex dawn il-kontropartiijiet ikunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza ta’ din id-data.

(23)F’termini tas-servizzi pprovduti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 stabbilixxa ambjent kompetittiv. Jinħtieġ li l-kontropartijiet għalhekk ikunu jistgħu jagħżlu r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jixtiequ jagħmlu r-rapport lilu u jinħtieġ li jkunu jistgħu jeqilbu r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jekk dawn jagħżlu li jagħmlu dan. Biex tiġi ffaċilitata dik il-qalba u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tad-data mingħajr duplikazzjoni, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jinħtieġ li jistabbilixxu politiki xierqa biex jiżguraw it-trasferiment b'mod ordnat tad-data rrapportata lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn fejn ikun mitlub minn impriża soġġetta għall-obbligu ta' rapportar.

(24)Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi li l-obbligu tal-ikklerjar jinħtieġ li ma japplika arranġamenti tal-iskema tal-pensjoni (PSAs), sakemm tiġi żviluppata soluzzjoni teknika xierqa mis-CCPs għat-trasferiment ta’ kollateral mhux fi flus bħala marġini ta’ varjazzjoni. Billi sa issa għadha ma ġietx żviluppata soluzzjoni vijabbli li tiffaċilita l-PSAs, dik id-deroga temporanja jinħtieġ li tiġi estiża biex tapplika għal tliet snin oħra. L-ikklerjar ċentrali jinħtieġ li madankollu jibqa’ l-għan aħħari meta jitqies li l-iżviluppi regolatorji u tas-suq attwali jippermettu lill-parteċipanti tas-suq biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa f'dan il-perjodu ta’ żmien. Bl-għajnuna tal-ESMA, l-EBA, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (‘EIOPA’) u l-ESRB, il-Kummissjoni jinħtieġ li timmonitorja l-progress magħmul mis-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-PSAs lejn soluzzjonijiet vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali u tħejji rapport fuq dak il-progress. Dan ir-rapport jinħtieġ li jkopri wkoll is-soluzzjonijiet u l-ispejjeż relatati għall-PSAs, u b’hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi regolatorji u tas-suq bħal bidliet għat-tip ta’ kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar. Sabiex tipprovdi għal żviluppi mhux previsti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jinħtieġ li tingħata s-setgħa li testendi dik id-deroga għal sentejn oħra, wara li tkun ivvalutat bir-reqqa l-ħtieġa għal estensjoni bħal din.

(25)Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jinħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom it-termini kummerċjali relatati mad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-ikklerjar huma kkunsidrati ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, u fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu li fih l-obbligu tal-ikklerjar jinħtieġ li ma japplikax għall-PSAs.

(26)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni għall-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, is-setgħat ta' implimentazzjoni jinħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat jinħtieġ li jiġu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 .

(27)Biex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-proċeduri tal-mitigazzjoni tar-riskju, ir-reġistrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ rapportar, il-Kummissjoni jinħtieġ li tadotta standards tekniċi regolatorji abbozzati żviluppati mill-EBA, l-EIOPA u l-ESMA rigward il-proċeduri superviżorji biex tiġi żgurata validazzjoni inizjali u kontinwa tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jeħtieġu l-kollateral segregat f’waqtu, preċiż u kif suppost, id-dettalji ta’ applikazzjoni ssimplifikata għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet li huwa diġà rreġistrat taħt ir-Regolament (UE) 2015/2365, id-dettalji tal-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar mill-kontroparti li tirrapporta jew mill-entità li tippreżenta, il-kompletezza u l-eżattezza tal-informazzjoni rrapportata u d-dettalji tal-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni jinħtieġ li tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 , ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill 28 u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill 29 .

(28)Il-Kummissjoni jinħtieġ li wkoll tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentattivi żviluppati mill-ESMA permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tal-istandards tad-data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata għall-klassijiet differenti tad-derivattivi u l-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar.

(29)Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-proporzjonalità tar-regoli li wasslu għal piżijiet amministrattivi u spejjeż ta’ konformità mhux meħtieġa mingħajr ma titqiegħed l-istabbiltà finanzjarja f’riskju u li tiżdied it-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-esponimenti tad-derivattivi OTC, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(30)L-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinħtieġ li għalhekk tiġi ddiferita biex jiġu stabbiliti l-miżuri ta' implimentazzjoni essenzjali kollha u l-parteċipanti fis-suq jkunu permessi jieħdu l-passi kollha neċessarji għal skopijiet ta ' konformità.

(31)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 u ta opinjoni nhar il-[…].

(32)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jinħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 hu emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 2, il-punt (8) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(8)    “kontroparti finanzjarja” tfisser ditta ta' investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, assigurazzjoni ta’ impriża tar-riassigurazzjoni awtorizzata skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 , UCITS awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE, AIF kif definit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE, depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 u entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 4(1)(66) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 ;".

(2)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

(i)il-punti minn (i) sa (iv) jinbidlu b’dan li ġej:

"(i)bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li huma soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1);

(ii)bejn kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) u kontroparti mhux finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iii)bejn żewġ kontropartijiet mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iv)bejn, minn naħa waħda, kontroparti finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) jew kontraparti mhux finanzjarja li hija soġġetta għall-kundizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1), u, min-naħa l-oħra, entità stabbilita f’pajjiż terz li kieku kienet stabbiltà fl-Unjoni kienet tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar;”;

(b)fil-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)    dawn huma imdaħħla fis-seħħ jew sostitwiti nhar jew wara, id-data li minnha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ.”;

(c)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3a. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar, kemm jekk b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett, għandhom jipprovdu dawk is-servizzi skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom it-termini kummerċjali msemmija fl-ewwel subparagrafu huma meqjusa li huma ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.";

(3)Jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Kontropartijiet finanzjarji soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjarj

1.    Kontroparti finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivattivi OTC għandha tikkalkula, b’mod anwali, il-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju skont il-paragrafu 3.

Meta r-riżultat ta’ dak il-kalkolu jaqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont l-Artikolu 10(4)(b), il-kontroparti finanzjarja għandha:

(a)    tinnotifika minnufih lill-ESMA u l-awtorità kompetenti rilevanti tagħha;

(b)    tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivattivi OTC futuri, irrispettivament mill-klassi tal-assi jew mill-klassijiet tal-assi li għaliha jista’ jinqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar;

(c)    tikklerja l-kuntratti msemmija fil-punt (b) fi żmien erba’ xhur minn meta ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.    Kontroparti finanzjarja li tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1 u sussegwentement turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju ta’ sena partikolari ma għadhiex taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fil-paragrafu 1, ma għandhiex tibqa’ soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4.

3.    Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontroparti finanzjarja għandha tinkludi il-kuntratti tad-derivattivi OTC mdaħħla fis-seħħ minn dik il-kontroparti finanzjarja jew imdaħħla fis-seħħ minn entitajiet oħrajn fil-grupp li għalih tappartjeni dik il-kontroparti finanzjarja.";

(4)Fl-Artikolu 5(2), jitħassar il-punt (c);

(5)Fl-Artikolu 6(2), jitħassar il-punt (e);

(6)Jiddaħħal l-Artikolu 6b li ġej:

“Artikolu 6b

Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar f’sitwazzjonijiet oħra għajr ir-riżoluzzjoni

1.    F’ċirkostanzi oħrajn għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6a(1), l-ESMA tista’ titlob li l-Kummissjoni tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1) għal klassi speċifika ta’ derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta’ kontroparti fejn tkun ġiet issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin;

(a)    il-klassi tad-derivattiv OTC ma tkunx aktar adatta għall-ikklerjar ċentrali fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 5;

(b)    CCP x’aktarx li tieqaf tikklerja dik il-klassi speċifika ta’ derivattiv OTC u l-ebda CCP oħra ma tkun kapaċi tikklerja dik il-klassi speċifika ta’ derivattiv OTC mingħajr interruzzjoni;

(c)    is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal klassi speċifika ta’ derivattiv OTC jew għal tip speċifiku ta’ kontroparti hija meħtieġa biex tiġi evitata jew tiġi indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u dik is-sospensjoni hija proporzjonata għal dak l-għan.

Għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tikkonsulta mal-BERS qabel it-talba msemmija hemmhekk.

Meta l-ESMA titlob li l-Kummissjoni tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1), din għandha tipprovdi raġunijiet u tippreżenta evidenza li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu hija ssodisfata.

2.    It-talba msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex issir disponibbli għall-pubbliku.

3.    Il-Kummissjoni għandha, fi żmien 48 siegħa mit-talba msemmija fil-paragrafu 1 u abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, jew tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassi speċifika tad-derivattiv OTC jew għat-tip speċifiku ta’ kontroparti msemmi fil-paragrafu 1, jew inkella tirrifjuta s-sospensjoni mitluba.

4.    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għandha tiġi kkomunikata lill-ESMA u din għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fuq is-sit web tal-Kummissjoni u fir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 6.

5.    Sospensjoni ta’ obbligu tal-ikklerjar skont dan l-Artikolu għandha tkun valida għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dik is-sospensjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.    Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-ESMA, tista’ testendi s-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 5 għal perjodi addizzjonali ta’ tliet xhur, bil-perjodu totali tas-sospensjoni ma jaqbiżx tnax-il xahar. Għandha tiġi ppubblikata estensjoni tas-sospensjoni skont l-Artikolu 4.

Għall-iskopijiet tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-ESMA bl-intenzjoni tagħha li testendi sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar. L-ESMA għandha toħroġ opinjoni fuq l-estensjoni tas-sospensjoni fi żmien 48 siegħa minn dik in-notifika.”;

(7)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1. Il-kontropartijiet u s-CCPs għandhom jiżguraw li d-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt tad-derivattivi li jkunu kkonkludew u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tal-kuntratt jiġu rrappurtati skont il-paragrafu 1a lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet rreġistrat skont l-Artikolu 55 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 77. Id-dettalji għandhom jiġu rrappurtati mhux iżjed tard mill-jum tax-xogħol wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tal-kuntratt.

L-obbligu ta’ rappurtar għandu japplika għal kuntratti tad-derivati li:

(a)    daħlu fis-seħħ qabel it-12 ta’ Frar 2014 u li jibqgħu pendenti f’din id-data;

(b)    daħlu fis-seħħ fit-12 ta’ Frar 2014 jew wara.

L-obbligu ta' rapportar m’għandux japplika għal tranżazzjonijiet intragrupp imsemmija fl-Artikolu 3 fejn waħda mill-kontropartijiet hija kontraparti mhux finanzjarja.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:

"1a.    Id-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrapportati kif ġej:

(a)Is-CCPs għandhom ikunu responsabbli għar-rapportar f’isem iż-żewġ kontropartijiet tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi li mhumiex kuntratti tad-derivattivi OTC kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(b)il-kontropartijiet finanzjarji għandhom ikunu responsabbli għar-rapportar f’isem iż-żewġ kontropartijiet tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi ma’ kontroparti mhux finanzjarja li mhijiex soġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(c)il-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ UCITS għandha tkun responsabbli għar-rapportar tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li għalihom dik l-UCITS hija kontraparti kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(d)il-maniġer ta’ AIF għandu jkun responsabbli għar-rapportar tad-dettalji ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC li għalihom l-AIF huwa kontroparti kif ukoll għall-iżgurar tal-preċiżjoni tad-dettalji rrapportati;

(e)il-kontropartijiet u s-CCPs għandhom jiżguraw li d-dettalji tal-kuntratti tagħhom tad-derivati jiġu rrappurtati b’mod preċiż u mingħajr duplikazzjoni.

Il-kontropartijiet u s-CCPS soġġetti għall-obbligu ta’ rapportar imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiddelegaw dak l-obbligu ta’ rapportar.”;

(c)il-paragrafu 6 jinbidel ma’ dan li ġej:

“6.    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi li jispeċifikaw:

(a)l-istandards u l-formats tad-data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata, li għandhom jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin;

(i)    identifikaturi globali tal-entitajiet ġuridiċi (legal entity identifiers, "LEIs");

(ii)    numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (international securities identification numbers, "ISIN");

(iii)    identifikaturi uniċi tat-tranżazzjoni (unique trade identifiers, "UTIs");

(b)il-metodi u l-arranġamenti għar-rappurtar;

(c)il-frekwenza tar-rapporti;

(d)id-data sa meta l-kuntratti tad-derivati għandhom jiġu rrappurtati, inkluża kwalunkwe introduzzjoni gradwali għal kuntratti konklużi qabel ma japplika l-obbligu ta’ rappurtar.

Fl-iżvilupp ta’ dawk l-istandards tekniċi abbozzati, l-ESMA għandha tqis l-iżviluppi u l-istandards internazzjonali miftiehma fil-livell tal-Unjoni jew globali, u l-konsistenza tagħhom mar-rekwiżiti tar-rapportar stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 2015/2365* u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

__________________________________________________________________

*    Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(8)Fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Kontroparti mhux finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivattivi OTC għandha tikkalkula, ta' kull sena, il-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju skont il-paragrafu 3.

Meta r-riżultat ta’ dak il-kalkolu jaqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont il-paragrafu 4(b), dik il-kontroparti finanzjarja għandha:

(a)tinnotifika minnufih lill-ESMA u lill-awtorità maħtura skont il-paragrafu 5 tiegħu;

(b)tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivattivi OTC futuri fil-klassi tal-assi jew fil-klassi tal-assi li għaliha jista’ jinqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar;

(c)tikklerja l-kuntratti msemmija fil-punt (b) fi żmien erba’ xhur minn meta ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.    Kontroparti mhux finanzjarja li tkun saret soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u sussegwentement turi lill-awtorità maħtura skont il-paragrafu 5 li l-pożizzjoni medja tagħha tal-aħħar tax-xahar aggregata għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju ta’ sena partikolari m’għadhiex taqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fil-paragrafu 1, m’għandhiex tibqa’ soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4.

(9)Il-paragrafu 15 tal-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)    il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż il-livelli u t-tip ta’ arranġamenti tal-kollateral u s-segregazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll proċeduri superviżorji relatati biex tiġi żgurata l-validazzjoni inizjali u kontinwa ta’ dawk il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju;”;

(b)L-ewwel sentenza tas-subparagrafu 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-ESAs għandhom jissottomettu dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament].”;

(10)Fl-Artikolu 38, jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.    CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha b’għodda ta’ simulazzjoni li tippermettilhom jiddeterminaw l-ammont fuq bażi grossa, tal-marġini inizjali addizzjonali li s-CCP tista’ tirrikjedi wara l-ikklerajr ta’ tranżazzjoni ġdida. Dik l-għodda għandha tkun aċċessibbli biss fuq bażi ta’ aċċess sigur u r-riżultati tas-simulazzjoni m’għandhomx ikunu vinkolanti.

7.    CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha b’informazzjoni fuq il-mudelli tal-marġni inizjali li tuża. Dik l-informazzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)tispjega b’mod ċar id-disinn tal-mudell tal-marġini inizjali u kif jopera;

(b)    tiddeskrivi b’mod ċar is-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġini inizjali u ċ-ċirkostanzi li taħthom dawn is-suppożizzjonijiet ma jkunux iżjed validi;

(c)    tkun iddokumentata.";

(11)Fl-Artikolu 39, jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:

“11. Meta r-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 9 ikun issodisfat, l-assi u l-pożizzjonijiet irreġistrati f’dawn il-kontijiet ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-proprjetà tal-insolvenza tas-CCP jew membru tal-ikklerjar.”;

(12)L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.Għall-iskopijiet tal-Artikolu 55(1), ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jippreżenta waħda minn dawn li ġejjin lill-ESMA:

(a)applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b)applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun diġà rreġistrat taħt il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) No 2015/2365.”;

(b)il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.Biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika dan li ġej:

(a)id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a);

(b)id-dettalji ta’ applikazzjoni ssimplifikata għall-estensjoni ta’ reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b);

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(c)il-paragrafu 4 jinbidel ma’ dan li ġej:

“4.Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a);

(b)il-format tal-applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b).

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tiżviluppa format issimplifikat.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(13)L-Artikolu 65(2) huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), “EUR 20 000” jinbidel b’“EUR 200 000”;

(b)fil-punt (b), “EUR 10 000” jinbidel b'“EUR 100 000”;

(c)jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

“(c)    għall-ksur imsemmi fit-Taqsima IV tal-Anness I, l-ammont tal-multi għandu jkun mill-inqas EUR 5 000 u m’għandux jaqbeż EUR 10 000.”;

(14)Fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.    L-ammont ta’ tariffa mitluba lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkopri l-ispejjeż amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għar-reġistrazzjoni u l-attivitajiet ta’ superviżjoni tagħha u għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat u t-tip ta’ reġistrazzjoni u superviżjoni eżerċitati.";

(15)Jiddaħħal l-Artikolu 76 a li ġej:

“Artikolu 76 a

Aċċess dirett reċiproku għad-data

1.    Meta meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi li fihom huwa stabbilit repożitorju tat-tranżazzjonijiet wieħed jew aktar għandu jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni f’repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, diment li l-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv skont il-paragrafu 2 għal dak l-għan.

2.    Mal-preżentazzjoni ta’ talba mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta’ implimentazzjoni, skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(2), fejn jiġi ddeterminat jekk il-qafas legali tal-pajjiż terz tal-awtorità rikjedenti jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)    ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti f’dak il-pajjiż terz ikunu awtorizzati kif suppost;

(b)    is-superviżjoni effettiva tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-infurzar effettiv tal-obbligi tagħhom f’dak il-pajjiż terz isiru fuq bażi kontinwa;

(c)    ikunu jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali u dawk il-garanziji jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament, inkluż il-protezzjoni ta’ sigrieti ta’ negozju maqsuma ma’ paritjiet terzi mill-awtoritajiet;

(d)    ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz ikunu soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli li jagħtu lill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 81(3) aċċess dirett u immedjat għad-data.”;

(16)Fl-Artikolu 78, jiżdiedu l-paragrafi 9 u 10 li ġejjin:

“(9)    Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi l-proċeduri u l-politiki li ġejjin:

(a)    proċeduri għar-rikonċiljazzjoni effettiva tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

(b)    proċeduri biex jiġu assigurati l-kompletezza u l-eżattezza tad-data rrapportata;

(c)    politiki għat-trasferiment b'mod ordnat tad-data lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn fejn ikun mitlub mill-kontropartijiet jew mis-CCPs imsemmija fl-Artikolu 9 jew inkella fejn ikun meħtieġ.

(10)    Bil-għan li tiżgura applikazzjoni konsisteni ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)    il-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

(b)    il-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet biex tiġi vverifikata l-konformità mill-kontroparti tar-rapportar jew mill-entità li tippreżenta mar-rekwiżiti ta’ rapportar u biex jiġu vverifikati l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni rrapportata skont l-Artikolu 9.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(17)L-Artikolu 81 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (q) li ġej huwa miżjud mal-paragrafu 3:

“(q)    l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 76(a);”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

"3 a.    Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-kontropartijiet u lis-CCPs imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1a) bl-informazzjoni rrappurtata f'isimhom.”;

(c)il-paragrafu 5 jinbidel ma’ dan li ġej:

“5. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha, wara li tikkonsulta mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a)    l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata jew magħmula disponibbli skont il-paragrafi 1 u 3;

(b)    il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(c)    l-istandards operattivi meħtieġa biex tiġi aggregata u mqabbla d-data minn repożitorju għal ieħor u biex l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni;

(d)    it-termini u l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u d-dokumentazzjoni meħtieġa li taħthom ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jagħtu aċċess lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [UP daħħal id-data 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Fl-iżvilupp ta’ dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, l-ESMA għandha tiżgura li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiżvelax l-identità ta’ kwalunkwe parti għal kwalunkwe kuntratt.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu b'konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(18)L-Artikolu 82(2) ġie sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(6), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 70, l-Artikolu 72(3), l-Artiklu 76a u l-Artikolu 85(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat.”;

(19)L-Artikolu 85 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jinbidel ma’ dan li ġej:

“1.    Sa [UP żid id-data tal-aħħar dħul fis-seħħ fl-applikazzjoni + 3 snin], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tipprepara rapport ġenerali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta adatta.

(b)il-paragrafu 2 jinbidel ma’ dan li ġej:

“2.    Sa [UP daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ + sentejn (2)], il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta jekk ġewx żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli għat-trasferiment mill-PSAs ta’ kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni u l-ħtieġa għal kwalunkwe miżura biex jiġu ffaċilitati dawk is-soluzzjonijiet tekniċi.

L-ESMA għandha, sa [UP daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ + 18-il xahar], f’kooperazzjoni mal-EIOPA, l-EBA u l-BERS, tissottometti rapport lill-Kummissjoni, li jivvaluta dan li ġej:

(a)    jekk is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-PSAs żviluppawx soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali billi jiġi impustat kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġini ta’ varjazzjoni, inklużi l-implikazzjonijiet ta’ dawk is-soluzzjonijiet fuq il-likwidità u proċikliċità fis-suq;

(b)    il-volum u n-natura tal-attività tal-PSAs fi swieq tad-derivattivi OTC ikklerjati u mhux ikklerajti, skont il-klassi tal-assi, u kwalunkwe riskju sistemiku relatat mas-sistema finanzjarja;

(c)    il-konsegwenzi li l-PSAs jissodisfaw ir-rekwiżit tal-ikklerjar fuq l-istrateġiji tal-investiment tagħhom, inkluż kwalunkwe tibdil fl-allokazzjoni tagħhom ta’ assi fi flus u mhux fi flus;

(d)    l-implikazzjonijiet tal-livelli limiti tal-ikklerajr imsemmija fl-Artikolu 10(4) għall-PSAs;

(e)    l-impatt ta’ rekwiżiti legali oħrajn fuq id-differenzjal tal-ispejjeż bejn tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC ikklerjati u mhux ikklerjati, inklużi rekwiżiti tal-marġini għal derivattivi mhux ikklerjati u l-kalkolu tal-proporzjon ta' ingranaġġ imwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)    jekk humiex neċessarji aktar miżuri biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni ta’ kklerjar għall-PSAs.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex testendi l-perjodu ta’ tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) darba, b’sentejn, fejn tikkonkludi li ma ġiet żviluppata l-ebda soluzzjoni teknika vijabbli u li l-effett avvers tal-ikklerjar b’mod ċentrali ta’ kuntratti tad-derivattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar ta’ pensjonijiet futuri jibqa’ mhux mibdul.”;

(c)il-paragrafu 3 jinbidel ma’ dan li ġej:

“3.    Sa [UP żid 6 xhur qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1] l-ESMA għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fuq dawn li ġej:

(a)    jekk ġewx żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-PSAs fl-ikklerjar ċentrali u l-impatt ta’ dawk is-soluzzjonijiet fuq il-livell tal-ikklerjar ċentrali mill-PSAs, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport imsemmi fil-paragrafu 2;

(b)    l-impatt ta’ dan ir-Reglament fuq il-livell tal-ikklerjar minn kontropartijiet mhux finanzjarji u d-distribuzzjoni tal-ikklerjar fi klassi tal-kontraparti mhux finanzjarja, speċjalment fir-rigward tal-adegwatezza tal-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fl-Artikolu 10(4);

(c)    l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-livell tal-ikklerjar minn kontropartijiet finanzjarji għajr dawk soġġetti għall-Artikolu 4a(2) u d-distribuzzjoni tal-ikklerjar f'dik il-klassi tal-kontraparti finanzjarja, speċjalment fir-rigward tal-adegwatezza tal-livelli limiti tal-ikklerjar imsemmija fl-Artikolu 10(4);

(d)    it-titjib tal-kwalità tad-data ta’ tranżazzjoni rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-aċċessibbiltà ta’ din id-data u l-kwalità tal-informazzjoni riċevuta mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 81;

(e)    l-aċċessibbiltà tal-ikklerjar mill-kontropartijiet.”;

(20)Fl-Artikolu 89, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Sa [UP żid id-data tad-dħul fis-seħħ + 3 snin], l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 m’għandux japplika għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta’ investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-PSAs, u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta’ PSAs f'każ ta’ inadempjenza ta’ PSA.”;

(21)L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3), l-Artikolu 1(7)(d), u l-paragrafi 8, 10, u 11 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw minn [UP żid id-data 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ] u l-Artikolu 1(2)(c), l-Artikolu 1(7)(e), l-Artikolu 1(9), punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(12) u l-Artikolu 1(16) għandhom japplikaw [UP żid id-data 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.
(2) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta' Valutazzjoni tal-Impatt, dokument li jakkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. SEC(2010) 1059, jinsab fuq http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52010SC1058 .
(3) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet COM(2016) 857 final tat-23.11.2016. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1480141638729&uri=COM:2016:857:FIN .
(4) Il-Kummissjoni Ewropea, REFIT u l-10 Prijoritajiet tal-Kummissjoni, 25 ta' Ottubru 2016. http://ec.europa.eu/atwork/pdf/201621025_refit_scoreboard_summary_en.pdf .
(5) Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.1.2004, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(9) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) Nru 2015/2365, COM(2016) 856 final.
(10) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-proporzjon ta' ingranaġġ, tal-proporzjon ta' ffinanzjar stabbli nett, tar-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, tar-riskju ta' kreditu tal-kontroparti, tar-riskju tas-suq, tal-iskoperturi għall-kontropartijiet ċentrali, tal-iskoperturi għall-impriżi ta' investiment kollettiv, tal-iskoperturi kbar, tar-rekwiżiti ta’ rapportar u ta' divulgazzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012.
(11) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) …/...tas-16.3.2017 li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tal-iskadenza għall-konformità mal-obbligi ta' kklerjar għal ċerti kontropartijiet li jittrattaw derivattivi OTC, C(2017) 1658 final.
(12) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 15). Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 tal-1 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 103, 19.4.2016, p. 5). Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3).
(13) Il-konsultazzjoni u s-sommarju tat-tweġibiet jistgħu jinstabu fuq http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/emir-revision/index_en.htm.
(14) L-informazzjoni tista' tinstab http://ec.europa.eu/finance/events/2015/0529-emir-revision/index_en.htm.
(15) Il-konsultazzjoni tista’ tinstab fuq http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/index_en.htm .
(16) Aktar informazzjoni tista' tinstab fuq http://ec.europa.eu/finance/events/2016/0517-call-for-evidence/index_en.htm.
(17) Aktar informazzjoni tista' tinstab fuq http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=30153&no=2.
(18) ĠU C […], […], p. […].
(19) ĠU C […], […], p. […].
(20) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ... (ĠU ...) u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ ...
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(22) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 201 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(23) http://www.bis.org/cpmi/publ/d106.pdf
(24) http://www.bis.org/cpmi/publ/d125.pdf
(25) Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).
(26) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(27) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(28) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(29) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(30) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(31) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(32) Id-Direttiva 2009/138/KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(33) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(34) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

Brussell, 4.5.2017

COM(2017) 208 final

ANNESS

tal-Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

{SWD(2017) 148 final}
{SWD(2017) 149 final}


ANNESS

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)Fit-Taqsima I, għandhom jiżdiedu l-punti (i), (j) u (k) kif ġej:

“(i)    repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(a) jekk ma jistabbilixxix proċeduri adegwati għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

(j)    repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(a) jekk ma jistabbilixxix proċeduri adegwati biex jiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data rappurtata;

(k)    repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 78(9)(c) jekk ma jistabilixxix linji ta’ politika adegwati għat-trasferiment bl-ordni ta’ data lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn meta mitlub mill-kontropartijiet u s-CCPs li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 9 jew meta jkun meħtieġ mod ieħor.”;

(2)Fit-Taqsima IV jiddaħħal il-punt (d) kif ġej:

“(d)    repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun jikser l-Artikolu 55(4) meta ma jinnotifikax lill-ESMA fil-ħin dovut b’tibdil materjali fil-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tiegħu.”.