Brussell, 22.3.2017

COM(2017) 136 final

2017/0060(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perjodu għall-adozzjoni ta’ atti delegati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport 1 (id-Direttiva dwar l-ITS), li daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2010, hija maħsuba biex taċċellera t-tnedija u l-użu kkoordinat ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS) fil-qasam tat-trasport bit-triq. Id-Direttiva tirrikjedi li l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adottati, permezz ta’ atti delegati, f’kazijiet ta’ azzjonijiet li jaqgħu taħt erba’ oqsma ta’ prijorità. Id-Direttiva dwar l-ITS kienet waħda mill-ewwel atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jistipulaw l-użu ta’ atti delegati u s-setgħa li tadotta atti delegati ġiet mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu limitat biss, sas-27 ta’ Awwissu 2017.

Erba’ atti delegati ġew adottati sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-ITS. Il-ħames att delegat ġie ffinalizzat mill-esperti tal-Istati Membri u jindirizza l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha. Minbarra r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà għall-eCall, il-mekkaniżmi talqsim tad-data li ġew żviluppati f'dawn il-kuntesti qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn l-għanijiet tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 2 . Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport tikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà tiegħu.

Suq diġitali tas-sistema tat-trasport jirrikjedi li wieħed jaħseb b’mod orizzontali, fil-modi kollha tat-trasport u tal-industriji. It-teknoloġiji diġitali jibnu fuq saff ta’ data li jista’ jiġi kkombinat f’saff ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi. L-ispeċifikazzjonijiet skont id-Direttiva dwar l-ITS jippermettu l-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet funzjonali, tekniċi, organizzattivi u tas-servizzi li jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tad-data li mbagħad tintuża biex tiżviluppa dan is-saff ta’ servizzi u ta’ applikazzjonijiet innovattivi.

Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea adottata riċentement dwar is-sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 3 (C-ITS), il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem mal-esperti tal-Istati Membri biex tistabbilixxi qafas legali u tekniku biex jiġi appoġġat l-iskjerament ta’ ITS kooperattivi. Dan huwa parti mill-qasam ta’ prijorità IV tad-Direttiva dwar l-ITS u huwa waħda mill-azzjonijiet taħt id-Direttiva li għalihom il-Kummissjoni beħsiebha tuża d-delega tas-setgħa li tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi, funzjonali u organizzattivi. Hemm bżonn ta’ ħidma ta’ tħejjija bir-reqqa biex tiggarantixxi li l-ispeċifikazzjonijiet ikopru l-aspetti kollha meħtieġa ħalli jiġi żgurat skjerament armonizzat u interoperabbli tas-C-ITS fl-Unjoni. Il-ħidma qed tibbenefika minn kontributi mill-partijiet ikkonċernati tal-pjattaforma C-ITS 4 u minn kooperazzjoni mill-qrib magħhom u mil-lezzjonijiet li ttieħdu minn proġetti ta’ skjerament tas-C-ITS bħall-inizjattivi tal-Istati Membri taħt il-pjattaforma C-ROADS 5 . L-ispeċifikazzjonijiet tas-C-ITS se jkunu fundamentali biex jiżguraw l-iskjerament b’mod koordinat u rapidu tal-vetturi, kooperattivi, konnessi u awtomatizzati fl-Unjoni.

Barra mill-ħidma fuq qafas legali u tekniku li jappoġġa l-iskjerament tas-CITS, diversi azzjonijiet fl-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva dwar l-ITS 6 għad iridu jiġu indirizzati, bħal pereżempju, l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija (qasam ta’ prijorità II), l-ispeċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ sistemi ITS għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq (qasam ta’ prijorità III), u d-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tas-sistemi ITS fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi (qasam ta’ prijorità IV, paragrafu 1.1).

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta speċifikazzjonijiet ulterjuri permezz ta’ atti delegati, huwa essenzjali li d-delega tas-setgħa tiġi estiża. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet li diġà ġew adottati jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati biex jirriflettu l-progress teknoloġiku jew it-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li d-delega tas-setgħa tiġi estiża b’ħames snin mis-27 ta’ Awwissu 2017 u b’mod taċitu minn hemm ’il quddiem għal aktar perjodi ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

L-uniku għan ta’ din il-proposta huwa li testendi d-delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, mingħajr ma tbiddel l-għanijiet tal-politika jew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Id-Direttiva dwar l-ITS tindirizza kwistjonijiet transnazzjonali li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri biss, bħalma huma l-interoperabbiltà tat-tagħmir u t-tisħiħ tas-suq intern għas-servizzi tal-ITS (u b’hekk tikkontribwixxi għall-kompetittività fil-livell globali, l-impjiegi u t-tkabbir).

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-użu ta’ direttiva (ta’ qafas) bħalma huma d-Direttiva dwar l-ITS jibqa’ wieħed mill-iktar mezzi xierqa biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Il-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet li jippermettu l-implimentazzjoni tas-sistemi ITS jingħataw effett prattiku permezz ta’ speċifikazzjonijiet żviluppati bl-involviment qawwi ta’ esperti mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll Grupp Konsultattiv Ewropew tal-ITS, li permezz tiegħu r-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati relevanti pubbliċi u privati tal-ITS jagħtuha pariri dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-implimentazzjoni u l-iskjerament tal-ITS fl-Unjoni.

Speċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni japplikaw bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-ITS, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-iskjerament ta’ applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi ITS fit-territorju tiegħu.

Il-proporzjonalità

L-involviment tal-Kummissjoni huwa limitat għall-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proposta u ma jmurx aktar lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop. Huwa limitat għall-iżvilupp, b'sostenn għallIstati Membri u bl-assistenza tal-esperti nazzjonali talITS, tal-proċeduri u l-ispeċifikazzjonijiet f'oqsma prijoritarji identifikati kif jixraq li jitolbu approċċ supranazzjonali.

Jekk ma tiġix estiża d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni jista’ jiġi pperikolat l-iskjerament integrat u koordinat tas-SIT interoperabbli fit-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħhom mal-modi l-oħrajn tat-trasport. Ma jkunx prattiku jew effiċjenti fl-użu tal-ħin tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew li joqgħodu jadottaw l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati neċessarji kollha waħda waħda.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet expost / kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS f’Ottubru 2014 7 enfasizza l-ħtieġa li tiġi estiża (minn Awwissu 2017) id-delega ta’ setgħa li tippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti delegati fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ITS, u l-ħtieġa, fit-tieni fażi, li tipprepara reviżjoni possibbli aktar estensiva ta’ din id-Direttiva b’qies tal-evoluzzjoni teknika kostanti tas-sistemi ITS. Din il-proposta tindirizza biss l-estensjoni tad-delega ta’ setgħa.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-eżitu tal-konsultazzjoni li saret qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi ITS u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi ITS 8 għadu meqjus li huwa ta’ rilevanza, pereżempju fir-rigward tal-kollaborazzjoni transsettorjali, l-istrateġija ta’ implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

Dan l-aħħar saru konsultazzjonijiet immirati ma’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-Kumitat Ewropew tas-Sistemi ITS u l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-Sistemi ITS. Kien hemm qbil ġenerali dwar il-ħtieġa li tiġi estiża d-delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Ma hemm l-ebda pjanijiet li ssir valutazzjoni tal-impatt, peress li l-estensjoni ma tibdilx il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-Direttiva dwar l-ITS innifishom.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

L-għażla tal-forma ġuridika tal-proposta

L-għan tal-proposta huwa li tiġi estiża d-delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati. Għalkemm parti minn Direttiva, id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma humiex effettivament indirizzati lill-Istati Membri, iżda lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, dawn ma għandhomx għalfejn jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jeħtieħ jiġu adottati fil-forma ta’ Deċiżjoni.

Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jestendi b’ħames snin is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati. Sussegwentement, is-setgħa se tiġi estiża b’mod taċitu għal ħames snin sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni.

L-Artikolu 2 jipprevedi li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost huwa ta’ rilevanza għaż-ŻEE.

2017/0060 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perjodu għall-adozzjoni ta’ atti delegati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 tipprevedi l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ prijorità fi ħdan oqsma ta’ prijorità.

(2)Minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2010/40/UE, erba’ atti delegati relatati ma’ azzjonijiet ta’ prijorità ta’ dik id-Direttiva ġew adottati mill-Kummissjoni. Dawn jindirizzaw b’mod partikulari l-eCall u l-mekkaniżmi tal-qsim tad-data li jiffaċilitaw l-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-sistemi ITS. Hemm ħtieġa għal aktar atti delegati dwar l-azzjonijiet li għad iridu jiġu indirizzati u li jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.

(3)Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/40/UE, is-setgħa konferita lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tiskadi fis-27 ta’ Awwissu 2017.

(4)Sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 2010/40/UE is-setgħa li jiġu adottati atti b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin li jibda mis-27 ta’ Awwissu 2017. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/40/UE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mis-27 ta’ Awwissu 2017. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi taż-żmien tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem kull perjodu ta' ħames snin.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(2) http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market_en  
(3) Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata (COM(2016) 766).
(4) http://ec.europa.eu/transport/themes/its/c-its_en  
(5) https://ec.europa.eu/transport/themes/its/news/2016-10-07-european-commission-member-states-and-industry-join-forces-deployment_en  
(6) Ara l-Anness I ta' din id-Direttiva.
(7) http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/its_reports_en.htm  
(8) http://ec.europa.eu/transport/modes/road/consultations/2008_03_26_its_en.htm  
(9) ĠU C , , p. .
(10) ĠU C , , p. .
(11) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).