Brussell, 23.2.2017

COM(2017) 79 final

2017/0030(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-kuritur Neum huwa fejn it-territorju tal-Bożnja u Ħerzegovina jmiss mal-Kosta Adrijatika, u b’hekk jissepara ż-żona ta’ Dubrovnik mill-bqija tal-Kroazja.

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Artikolu 3 tar-Regolament Neum jirrinunzja, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni sommarja tad-dħul jew tal-ħruġ fir-rigward ta’ kunsinni li jaqsmu l-Kuritur ta’ Neum. L-eżenzjoni tista’ tiġi invokata jekk il-valur totali ta’ kull kunsinna ma jeċċedix l-EUR 10 000 (l-Artikolu 4(a)) u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 (b). Għaldaqstant, ir-Regolament Neum jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) 2454/93 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju.

Fl-1 ta’ Mejju 2016, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KEE) 2913/92 ġie mibdul bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU);

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, l-att ta’ implimentazzjoni għar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, kien:

imħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481;

sussegwentement mibdul b’dan li ġej:

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni; kif ukoll

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-KDU.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Neum inkluż il-limitu ta’ EUR 10 000 issa huwa kopert mill-Artikolu 126 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jgħolli l-limitu applikabbli għall-eżenzjoni għal EUR 15 000.

Il-Kummissjoni tqis li r-Regolament Neum għandu jiġi emendat sabiex jallinja l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għas-somma pprovduta fl-Artikolu 126 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (EUR 15 000). Barra minn dan, ir-referenzi legali u t-terminoloġija użata fir-Regolament Neum għandhom jiġu allinjati mal-qafas legali tal-KDU.

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Neum, ir-Repubblika tal-Kroazja impenjat ruħha biex tissorvelja s-sitwazzjoni u biex tinforma lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta’ Marzu 2014 bi kwalunkwe irregolarità misjuba u dwar il-miżuri sussegwentement meħuda biex din tiġi rmedjata.

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Neum, il-Kummissjoni kellha tissottometti, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu, rapport lill-Kunsill li jipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Neum. Fil-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ressqet dak ir-rapport lill-Kunsill u kkonkudiet “li l-livell ta' applikazzjoni tar-Regolament Neum huwa sodisfaċenti u m’hemm l-ebda raġuni biex tissospendi jew tħassar ir-Regolament.”

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Dan ir-Regolament jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (“ir-Regolament Neum”) li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea ("Att ta’ Adeżjoni”). L-Att jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefinixxi t-termini li skonthom ir-rekwiżit għal dikjarazzjoni sommarja ta’ dħul jew ħruġ jista’ jitneħħa għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum. Għalhekk, l-Artikolu 43 tal-Att ta’ Adeżjoni huwa l-bażi ġuridika korretta.

2017/0030 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2013 jipprevedi għal eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum meta kunsinni ta’ merkanzija tal-Unjoni jkollhom valur totali li ma jaqbiżx l-EUR 10 000 u meta l-merkanzija tal-Unjoni tiġi akkumpanjata minn fatturi jew dokumenti tat-trasport li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(b) ta’ dak ir-Regolament.

(2)Il-limitu ta’ EUR 10 000 ġie stabbilit bir-referenza għal-limitu ta’ valur ekwivalenti li huwa stipulat fl-Artikolu 317(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 1 u huwa l-limitu li taħtu, biex l-awtoritajiet doganali iqisu li l-istatus ta’ merkanzija tal-Unjoni bħala ppruvat, ikun biżżejjed li l-merkanzija tkun akkumpanjata minn fattura jew dokument tat-trasport. Jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, ma tkunx meħtieġa approvazzjoni mill-awtoritajiet doganali kompetenti.

(3)B’effett mill-1 ta’ Mejju 2016, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 2 ġie sostitwit mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 . B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 inbiddlu b’dawk tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 4 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 5 .

(4)Is-suġġett tal-Artikolu 317(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 issa huwa rregolat bl-Artikolu 126 (1) tar- Regolament Delegat (UE) 2015/2446. Dan jipprevedi li għall-merkanzija li l-valur tagħha huwa taħt il-limitu ta’ EUR 15 000 l-istatus ta’ merkanzija tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala ppruvat abbażi ta’ fattura jew dokument tat-trasport mingħajr l-approvazzjoni mill-awtoritajiet doganali kompetenti.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) Nru 479/2013 jiġi allinjat għal dak previst fl-Artikolu 126 (1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

(6)Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza legali, ir-referenzi legali fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 479/2013 għar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom jiġu sostitwiti bir-referenzi rilevanti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

(7)Huwa għalhekk xieraq li r-Regolament (UE) Nru 479/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 479/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)    Fl-Artikolu 2, il-punt (1) jinbidel b’dan li ġej:

“(1) “merkanzija tal-Unjoni” tfisser il-merkanzija definita fl-Artikolu 5(23) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013”;

(2)    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)il-valur totali ta' kull kunsinna ta' merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuritur Neum ma jaqbiżx l-EUR 15 000 jew l-ekwivalenti fil-munita lokali;”

(b)fil-punt (b), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)jinkludi tal-anqas il-provi permezz ta’ kwalunkwe wieħed mill-mezzi elenkati fl-Artikolu 126 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446,”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).