Brussell, 10.1.2017

COM(2017) 11 final

2017/0004(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 7 final}
{SWD(2017) 8 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema billi tnaqqas l-esponiment okkupazzjonali għall-aġenti kimiċi karċinoġeniċi, li tipprovdi aktar ċarezza u li tikkontribwixxi għal kondizzjonijiet ekwi għall-atturi ekonomiċi. Hija fost l-azzjonijiet ta’ prijorità identifikati fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016. B’din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qed twettaq l-impenn tagħha li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Hemm ukoll l-intenzjoni li tkompli din il-ħidma importanti u li twettaq aktar valutazzjonijiet tal-impatt bil-ħsieb li tipproponi valuri ta’ limitu għal aktar karċinoġeni.

Stimi tal-piż reċenti u futur tal-mard okkupazzjonali jindikaw li, b’riżultat tal-esponiment tal-ħaddiema għall-karċinoġeni, il-kanċer relatat max-xogħol hu problema u ser jibqa’ hekk fil-futur. Fl-UE, il-kanċer huwa l-ewwel kawża ta’ mwiet marbuta max-xogħol. Annwalment, 53 % tal-imwiet okkupazzjonali huma attribwiti għall-kanċer 1 . Skont rapport tal-2016 mill-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u għall-Ambjent (RIVM) 2 tan-Netherlands, ġew djanjostikati 91,500-150,500 persuna ġdida bil-kanċer fl-2012, ikkaġunat minn esponiment fl-imgħoddi għal sustanzi karċinoġeniċi fuq ix-xogħol. Bejn 57,700 – 106,500 persuna mietu fl-2012 minħabba kanċer relatat max-xogħol. Dan ifisser li, kull siegħa fl-UE jmutu 7-12-il ruħ minħabba l-kanċer għaliex fl-imgħoddi kienu esposti għal sustanzi karċinoġeniċi fuq ix-xogħol.

Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi fit-13 ta’ Mejju 2016 adottat proposta leġiżlattiva sabiex temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (“id-Direttiva”) 3 bil-għan li jiġu riveduti jew introdotti valuri ta’ limitu tal-esponiment ġodda għal 13-il aġent kimiku 4 . Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-Kunsill għandu jistabbilixxi dawn il-valuri ta’ limitu abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi data teknika u xjentifika, fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli, fl-Anness III tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 17 (1) tad-Direttiva, l-Annessi I u III tad-Direttiva jistgħu jiġu emendati b’konformità biss mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja).

Issa l-Kummissjoni qed tieħu pass ulterjuri fi proċess fit-tul sabiex taġġorna d-Direttiva fir-rigward ta’ 7 karċinoġeniċi oħra u tipproponi li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu u/jew notazzjonijiet dwar il-ġilda. Skont il-valutazzjoni tal-impatt, dan huwa stmat li jirriżulta fi protezzjoni miżjuda għal tal-inqas 4 miljun ħaddiem u ċarezza mtejba għall-impjegaturi u għall-infurzaturi. Flimkien, huwa stmat li ż-żewġ proposti jipprevjenu aktar minn 100,000 mewt ikkaġunati minn kanċer relatat max-xogħol.

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-Kummissjoni qiegħda twettaq il-ħidma tagħha sabiex tistabbilixxi aktar valuri ta’ limitu u bħalissa qegħdin jiġu vvalutati aġenti kimiċi addizzjonali bl-għan ta’ emenda futura tad-Direttiva.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw għal kull aġent kimiku li jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu tal-kategorija 1A jew 1B stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (CLP) 5 . Dan ir-Regolament jelenka l-klassifikazzjonijiet “armonizzati” (obbligatorji) għal 1017-il sustanza kimika bħala karċinoġeni tal-Kategorija 1 (“karċinoġeni umani magħrufa jew preżunti”) abbażi tad-data epidemjoloġika u/jew dwar l-annimali 6 . Proċess ieħor ta’ klassifikazzjoni importanti, mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (“IARC”), identifika madwar 500 aġent li huma karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 1; 118-il aġent), aktarx karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 2A; 75) jew possibbilment karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 2B; 288) 7 .

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw ukoll għal kwalunkwe sustanza, taħlita jew proċess imsemmi fl-Anness I ta’ din id-Direttiva kif ukoll sustanza jew taħlita rilaxxata minn proċess imsemmi f’dak l-Anness. Attwalment, l-Anness I tad-Direttiva jinkludi lista ta’ proċessi identifikati u sustanzi ġġenerati minn proċess. L-għan huwa li jkun ċar għall-ħaddiema, għall-impjegaturi u għall-infurzaturi jekk aġent kimiku jew proċess partikolari jaqax taħt l-ambitu tad-Direttiva jekk ma jkunx ġie kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Attwalment, l-Anness I fih ħames entrati.

Id-Direttiva tistipula għadd ta’ rekwiżiti minimi ġenerali biex jiġi eliminat jew jitnaqqas l-esponiment għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tagħha. L-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji għall-ħaddiema marbuta mal-esponiment għall-karċinoġeni (u l-mutaġeni) speċifiċi fuq il-post tax-xogħol, u għandhom jipprevjenu l-esponiment fejn ikun hemm ir-riskji. Fejn hu teknikament possibbli, hija rikjesta s-sostituzzjoni bi proċess mhux perikoluż jew inqas perikoluż. Fejn is-sostituzzjoni mhix teknikament possibbli, il-karċinoġeni kimiċi għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli, jiġu mmanifatturati u użati f’sistema magħluqa biex jiġi evitat l-esponiment. Fejn dan mhux teknikament possibbli, l-esponiment tal-ħaddiem għandu jitnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli. Dan huwa l-obbligu tal-minimizzazzjoni skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.

Flimkien ma’ dawn ir-rekwiżiti minimi ġenerali, id-Direttiva tindika b’mod ċar li l-iffissar tal-valuri ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali għar-rotta tal-inalazzjoni tal-esponiment għall-karċinoġeni u l-mutaġeni partikolari hija parti integrali tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-ħaddiema 8 . Dawk il-valuri għad iridu jiġu stabbiliti għall-aġenti kimiċi li għalihom ma jeżistu ebda valuri bħalhom u jridu jiġu riveduti kull meta dan isir possibbli fid-dawl ta’ data xjentifika iktar riċenti 9 . Il-valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali għal karċinoġeniċi jew mutaġeni speċifiċi huma stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva. Bħalissa, l-Anness III għandu tliet entrati.

Il-valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali stabbiliti skont id-Direttiva għandhom, fejn hu xieraq, jiġu riveduti sabiex titqies id-data xjentifika l-ġdida, it-titjib fit-tekniki tal-kejl, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, u fatturi oħra rilevanti.

Abbażi ta’ dan, huwa propost li jittieħdu żewġ miżuri speċifiċi:

(a)Fl-Anness I tad-Direttiva għandha tiġi inkluża ħidma li tinvolvi esponiment għal żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna u tiġi stabbilita notazzjoni korrispondenti dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva.

L-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (“IARC”)    ivvalutat il-karċinoġeniċità taż-“żjut minerali” fl-1983 10 u fl-1987 11 u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza mill-istudji fuq il-bniedem li ż-żjut minerali (li fihom diversi addittivi u impuritajiet) li ntużaw fuq ix-xogħol bħal f’magni tal-għażil, f’magni ta’ ħdim tal-metall u fl-ipproċessar tal-ħjut tal-ġuta huma karċinoġeniċi għall-bniedem. Din il-valutazzjoni tal-IARC tkopri żjut minerali li ntużaw fil-magni. L-evalwazzjoni finali tal-IARC ma ssemmix b’mod espliċitu “żjut minerali bħal żjut tal-magna użati”, iżda tikkonkludi li hemm biżżejjed evidenza mill-istudji fuq il-bniedem li “żjut minerali mhux ittrattati u ttrattati b’mod ħafif” huma karċinoġeniċi għall-bniedem (IARC Grupp 1). L-IARC irrevediet il-valutazzjoni fuq il-bażi ta’ data ġdida f’Monograph 100F (2012) 12 u żammet dik il-kategorizzazzjoni b’rabta mal-kanċer tal-ġilda. Il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (“SCOEL”) 13 evalwa l-effetti fuq is-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol taż-“żjut minerali bħala żjut tal-magna użati”, definiti bħala “żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna sabiex jillubrikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna” (minn issa ’l quddiem “żjut minerali bħala żjut tal-magna użati”). Filwaqt li qies il-valutazzjoni tal-IARC SCOEL, skont il-metodoloġija tiegħu, ikkonkluda li għaż-“żjut minerali bħala żjut tal-magna użati” huma karċinoġeniċi tal-Grupp A mingħajr ebda indikazzjoni għal limitu bbażat fuq il-modalità ta’ azzjoni 14 .

In-notazzjoni dwar il-ġilda li għandha tiddaħħal fil-Parti B tal-Anness III proposta f’din l-inizjattiva kienet ferm irrakkomandata mill-SCOEL, li vvaluta li l-esponiment okkupazzjonali għal żjut minerali bħala żjut tal-magna użati jseħħ permezz tar-rotta dermali. In-notazzjoni, li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment dermali sinifikanti, kienet maqbula mill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“ACSH”).

Żjut minerali bħala żjut tal-magna użati ma jitqegħdux fis-suq kif inhuma, iżda huma ġġenerati minn proċess, u għalhekk mhumiex ikklassifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Madankollu, id-Direttiva tagħmel provvedimenti għall-inklużjoni fl-Anness I ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet jew ta’ proċessi kif ukoll ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet rilaxxati minn proċess imsemmi f’dak l-Anness li, għalkemm mhux soġġett għall-obbligu ta’ klassifikazzjoni skont l-imsemmi Regolament, jissodisfa l-kriterji biex jiġi kklassifikat bħala karċinoġenu. Iż-żjut minerali bħala żjut tal-magna użati jaqgħu f’din il-kategorija.

(b)Fl-Anness III għandhom jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu supplimentati min-notazzjonijiet dwar il-ġilda għal 5 karċinoġeni addizzjonali, kif ukoll notazzjonijiet dwar il-ġilda b’mod indipendenti mill-valuri ta’ limitu għal 2karċinoġeni, inkluż għal żjut minerali bħala żjut tal-magna użati.

L-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika tikkonferma l-ħtieġa li l-Anness III jitlesta bil-valuri ta’ limitu ssupplimentati minn notazzjonijiet dwar il-ġilda għal 5 aġenti karċinoġeni addizzjonali. L-SCOEL issottometta rakkomandazzjonijiet għal dawn il-karċinoġeni. Għal 2 karċinoġeni 15 , l-SCOEL identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment dermali sinifikanti u rrakkomanda l-istabbiliment ta’ notazzjonijiet dwar il-ġilda.L-ACSH ġie kkonsultat fuq l-aspetti kollha ta’ din il-proposta, f’konformità mal-Artikolu 2(2)(f) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 16 . Fir-rigward tal-valuri proposti, barra l-konsultazzjoni mal-ACSH, tqiesu wkoll il-fatturi soċjoekonomiċi ta’ fattibbiltà.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-Kummissjoni għandha għan strateġiku li tiżgura ambjent tax-xogħol sikur u li jġib ’il quddiem is-saħħa għall-ħaddiema fl-UE skont il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 17 . Waħda mill-isfidi ewlenin identifikati fil-qafas strateġiku huwa li tittejjeb il-prevenzjoni tal-mard relatat max-xogħol billi jiġu indirizzati riskji eżistenti, ġodda u emerġenti.

Din l-inizjattiva taqbel mal-prijorità tal-Kummissjoni għal suq uniku aktar fil-fond u aktar ġust, b’mod partikolari d-dimensjoni soċjali tagħha. Din hija konformi mal-ħidma tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew li jipprovdi lill-ħaddiema protezzjoni deċenti u impjiegi sostenibbli 18 . Dan jinkludi l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, u d-drittijiet marbuta mal-kuntratt tal-impjieg.

Id-Direttiva 89/391/KEE (“Direttiva Qafas") 19 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u d-Direttiva 98/24/KE 20 dwar ir-riskji marbuta mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol japplikaw bħala liġi ġenerali mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li hemm f’din id-Direttiva.

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-ħaddiema milli jsofru minn aċċidenti serji jew minn mard okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema matul il-ħajja kollha tax-xogħol tagħhom, huma l-prinċipju ewlieni f’konformità mal-ambizzjoni għal klassifikazzjoni soċjali "AAA" għall-Ewropa stabbilit mill-President Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu. Dan għandu wkoll impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività u huwa essenzjali biex jiġu promossi ħajjiet ta’ xogħol itwal skont l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 21 .

Mis-7 karċinoġeni meqjusin f’din il-proposta, tlieta żdiedu mal-lista ta’ kandidati ta’ “sustanzi ta' tħassib serju ħafna” (SVHCs) identifikati, stabbilita skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) u mbagħad ġew inklużi fl-Anness XIV tar-REACH għal skopijiet ta’ awtorizzazzjoni: diklorur tal-etilen (EDC); 4,4'-Metilendianilina (MDA) u trikloroetilen (TCE).

Dan l-aħħar benżo[a]piren ġie inkluż fil-lista ta’ kandidati ta’ SVHC identifikati għal awtorizzazzjoni. Bħala membru tal-grupp idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), benżo[a]piren huwa elenkat ukoll fl-Anness XVII tar-REACH (Restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi) fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ żjut ta’ estensjoni jew l-użu tagħhom fil-produzzjoni ta’ tajers jew ta’ parti ta’ tajers f’livelli ogħla minn ċerta konċentrazzjoni.

Id-Direttiva u r-REACH huma legalment komplimentari. Id-Direttiva Qafas , li tapplika bħala liġi ġenerali għall-qasam kopert minn din id-Direttiva, tipprovdi li din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti jew futuri nazzjonali u tal-UE, li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ir-REACH, min-naħa tiegħu, jiddikjara li japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva.

Fil-kuntest tat-tħaddim kumplimentari tad-Direttiva u r-REACH, huwa propost li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu skont id-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:

Iż-żjut minerali bħala żjut tal-magna użati u t-taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni kif definiti fid-Direttiva 2004/37/KE 22 u huma ġġenerati minn proċess huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REACH;

Fost it-tliet karċinoġeni inklużi f’din il-proposta li huma wkoll soġġetti għal awtorizzazzjoni skont REACH, tnejn jintużaw primarjament bħala sustanzi intermedji 23 , jiġifieri mmanifatturati għall-proċess kimiku u kkonsmati fih jew inkella użati għalih sabiex jiġu ttrasformati f’sustanza oħra. Għalhekk, dawn huma eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, l-esponiment okkupazzjonali għal sustanzi intermedji jista’ jseħħ pereżempju matul it-tindif, il-manutenzjoni, il-kampjunar, eċċ., meta jista’ jkun hemm residwi u/jew meta l-flussi tal-proċessi jiġu interrotti u l-konteniment jista’ jkun kompromess.

Għad-dibromur tal-etilen, l-Analiżi tal-Għażliet għall-Ġestjoni tar-Riskju (RMOA) tas-16 ta’ Lulju 2015 waslet għall-konklużjoni li, filwaqt li s-sustanza tista’ tiġi proposta sabiex tiġi identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tiddaħħal fil-lista ta’ kandidati għall-prijoritizzazzjoni potenzjali fl-Anness XIV tar-REACH, il-Kummissjoni Ewropea tqis li jkun aktar xieraq li jiġi indirizzat l-użu prinċipali mhux intermedju tas-sustanza, jiġifieri addittiv fil-petrol taċ-ċomb tal-avjazzjoni, f’livell internazzjonali u/jew skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE apparti REACH.

Il-valuri ta’ limitu huma parti importanti tad-Direttiva u tal-approċċ usa’ tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-ġestjoni tar-riskji kimiċi.

Id-Direttiva tkopri kull użu ta’ aġent kimiku fuq il-post tax-xogħol fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu, u tkopri l-esponiment tal-ħaddiema għal aġenti karċinoġeniċi rilaxxati minn kull attività ta’ xogħol, sewwa jekk prodott intenzjonalment jew le, u sewwa jekk disponibbli fis-suq jew le;

Il-valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali għal karċinoġeni huma stabbiliti permezz ta’ proċess robust – u finalment jgħaddu quddiem il-koleġiżlatur għall-adozzjoni – fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill “jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i) [tal-Artikolu 153 TFUE], permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.” L-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-“titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.

Id-Direttiva 2004/37/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE bl-għan li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Abbażi ta’ dik, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/37/KE jistipula l-adozzjoni ta’ valuri ta’ limitu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni li għalihom dan huwa possibbli.

L-objettiv ta’ din il-proposta attwali huwa li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema f’konformità mal-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE, billi fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE jiġu inklużi żjut minerali bħala żjut tal-magna użati, billi jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu supplimentati minn notazzjonijiet dwar il-ġilda għal 5 karċinoġeni addizzjonali u billi jiġu stabbiliti notazzjonijiet dwar il-ġilda (b’mod indipendenti mill-valuri ta’ limitu) għal 2 karċinoġeni addizzjonali, inklużi għal żjut minerali bħala żjut tal-magna użati. Dan huwa miksub bl-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi addizzjonali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fil-forma ta’ valuri ta’ limitu u/jew ta’ notazzjonijiet dwar il-ġilda fl-Anness III tad-Direttiva. Għaldaqstant l-Artikolu 153(2) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.

Skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, b’mod partikolari t-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huwa aspett tal-politika soċjali fejn l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri.

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Peress li r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma ġeneralment simili fl-UE kollha, hemm rwol ċar għall-UE fl-appoġġ għall-Istati Membri biex jindirizzaw dawn ir-riskji.

Id-data miġbura fix-xogħol preparatorju jindika differenzi kbar fl-Istati Membri rigward l-iffissar tal-valuri ta’ limitu għall-karċinoġeni skont din il-proposta 24 . Xi Stati Membri diġà stabbilixxew valuri ta’ limitu vinkolanti li huma tal-istess valur jew inqas mill-valur irrakkomandat mill-ACSH 25 . Dan juri li huwa possibbli li tittieħed azzjoni nazzjonali unilaterali fir-rigward tal-iffissar ta’ valur ta’ limitu għal dawn l-aġenti kimiċi. Madankollu, hemm ukoll bosta każijiet fejn l-Istati Membri ma għandhom l-ebda valuri ta’ limitu jew dawk li għandhom huma ta' inqas protezzjoni għal saħħet il-ħaddiema mill-valur imressaq f’din il-proposta. Barra minn hekk, meta jeżistu l-valuri ta’ limitu nazzjonali, dawn ivarjaw b’mod konsiderevoli u jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni 26 . Xi wħud minn dawn il-limiti huma konsiderevolment ogħla minn dawk li qegħdin jiġu proposti.

Taħt ċirkostanzi bħal dawn ir-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema kontra r-riskji li jirriżultaw mill-esponiment għal dawn il-karċinoġeni ma jistgħux jiġu żgurati għall-ħaddiema kollha tal-UE fl-Istati Membri kollha b’azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri waħedhom. Meta saret l-analiżi tal-impatti tal-introduzzjoni ta’ valur ta’ limitu għal kull wieħed mill-karċinoġeni kkunsidrati, ġie kkunsidrat il-proporzjon ta’ ħaddiema potenzjalment esposti li ma għandhomx protezzjoni legali. F’dan il-qafas, twettaq kontroll ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità għal kull aġent speċifiku, li indika li, meta kien hemm id-data rilevanti disponibbli, l-introduzzjoni tal-valuri ta’ limitu proposti se tkun qed ittejjeb il-protezzjoni legali għal bejn il-69% u t-82% tal-ħaddiema esposti 27 .

Minn dan isegwi li l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-proposta hija neċessarja u f’konformità mal-Artikolu 5(3) tat-TUE.

Valuri ta’ limitu għoljin wisq jew in-nuqqas tagħhom jipprovdi wkoll l-inċentiv potenzjali lill-kumpaniji li jċaqalqu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom fi Stati Membri bi standards aktar baxxi, u b’hekk iħallu impatt fuq il-prezz tal-produzzjoni. Fil-każijiet kollha, id-differenzi fl-istandards tax-xogħol għandhom impatt fuq il-kompetittività peress li jimponu spejjeż differenti fuq l-operaturi. Dan l-effett fuq is-suq uniku jista’ jitnaqqas permezz tal-iffissar ta’ rekwiżiti minimi ċari u speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Membri.

Barra minn hekk, din il-proposta se tħeġġeġ aktar flessibilità fl-impjiegi transfruntiera, minħabba li l-ħaddiema jistgħu jiġu żgurati li ser igawdu minn rekwiżiti minimi u livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa tagħhom fl-Istati Membri kollha.

Id-Direttiva tista’ tiġi emendata biss fil-livell tal-UE u wara konsultazzjoni f'żewġ stadji tas-sħab soċjali (il-maniġment u l-ħaddiema) f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE.

Il-proporzjonalità

Din il-proposta tagħmel pass ’il quddiem biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema.

Fir-rigward tal-valuri ta’ limitu proposti, tqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi ta’ fattibbiltà wara diskussjonijiet twal u intensivi mal-partijiet ikkonċernati kollha (ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-impjegati, ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, u r-rappreżentanti tal-gvernijiet).

Skont l-Artikolu 153(4) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta ma għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti kompatibbli mat-Trattati, fil-forma ta’, pereżempju, valuri ta’ limitu aktar baxxi. L-Artikolu 153(3) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkarigaw lill-maniġment u lill-ħaddiema, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, biex b’hekk jiġu rrispettati tajjeb l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti għar-regolamentazzjoni f’dan il-qasam.

Dan isegwi li skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

L-għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jispeċifika li r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jistgħu jiġu adottati “permezz ta’ direttivi”.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET “EX POST”, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet “ex post”/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dan l-aħħar ġiet konkluża evalwazzjoni indipendenti ex post tad-Direttiva (bħala parti mill-acquis dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol). Minbarra l-interfaċċa bejn ir-Regolament REACH u d-Direttiva, il-kwistjonijiet ewlenin identifikati f’din l-evalwazzjoni huma barra mill-ambitu tal-proposta, li tindirizza b'mod speċifiku l-emenda teknika tal-Annessi tad-Direttiva aktar milli kwistjonijiet ta’ politika usa’ dwar it-tħaddim jew r-rilevanza tagħha.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE

Għal din il-proposta leġislattiva fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f'żewġ stadji mas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

Fis-6 ta’ April 2004 ġie varat l-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esponiment għall-karċinoġeni, il-mutaġeni u l-aġenti kimiċi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq ix-xogħol.

Is-sħab soċjali ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni min-naħa tal-UE f’dan il-qasam f’konformità mal-Artikolu 154(2) tat-TFUE. Din l-ewwel fażi kkonfermat li hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu introdotti standards aħjar fl-UE kollha, u biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet li jinvolvu l-esponiment tal-ħaddiema. Is-sħab soċjali Ewropej kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni 28 enfasizzaw l-importanza li huma jagħtu lill-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa f’dan il-qasam.

Madankollu, filwaqt li dawk li wieġbu għarfu r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti, fosthom kien hemm opinjonijiet differenti dwar l-istrateġija u d-direzzjoni ta’ azzjoni futura u liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati 29 .

It-tieni stadju ta' konsultazzjoni tnieda fis-16 ta’ April 2007 skont l-Artikolu 154(3) tat-TFUE dwar il-kontenut tal-proposta.

Il-punti speċifiċi għall-konsultazzjoni kienu:

l-inklużjoni tal-aġenti kimiċi tossiċi għar-riproduzzjoni (il-kategoriji 1A u 1B) fl-ambitu tad-Direttiva 2004/37/KE;

l-aġġornament tal-valuri ta’ limitu tal-aġenti kimiċi fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE;

l-inklużjoni tal-valuri ta’ limitu għal aktar aġenti kimiċi fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE;

il-kriterji ta’ introduzzjoni biex jiġu ffissati l-valuri ta’ limitu għall-karċinoġeni u l-mutaġeni;

issir enfasi fuq it-taħriġ u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni.

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet mingħand seba’ organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali Ewropej 30 . Fit-tweġibiet tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet affermaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali li ġejjin mill-karċinoġeni u mill-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, kif ġie spjegat fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni tal-ewwel stadju.

Fil-qosor, ir-risposti miġbura kienu dawn:

ma kienx hemm diverġenzi sinifikanti fuq il-metodoloġiji li għandhom jintużaw u l-kriterji li għandhom jiġu ffissati għad-derivazzjoni tal-valuri ta’ limitu. L-introduzzjoni tal-kriterji biex jiġu ffissati l-valuri ta’ limitu stabbiliti tqieset b’mod ġenerali pożittiva. Madanakollu, il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiku u l-kunsiderazzjoni tal-fatturi ta’ fattibbiltà għandhom ikunu parti mill-kriterji. Is-sħab soċjali esprimew il-fehma li l-ACSH għandu jkollu sehem importanti fl-iffissar tal-valuri ta’ limitu.

kien hemm qbil ġenerali dwar il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni effettiva ta' taħriġ u rekwiżiti ta’ informazzjoni, kwistjoni meqjusa bħala aspett ewlieni tal-politika ta’ prevenzjoni.

ir-reviżjoni tal-valuri ta’ limitu vinkolanti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-REACH u tar-relazzjoni u l-interazzjoni bejn il-valuri ta’ limitu u d-DNELs (il-Livelli Derivati ta’ Bla Effett) derivati skont ir-REACH għall-kimiċi perikolużi.

Filwaqt li l-proċess formali ta’ konsultazzjoni mas-sħab soċjali tlesta fl-2007, il-konsultazzjoni tal-ACSH li segwiet, deskritta hawn taħt, fejn is-sħab soċjali kienu preżenti flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, żgurat li s-sħab soċjali ġew infurmati b’mod xieraq dwar l-għażliet għall-valuri ta’ limitu u li pparteċipaw b’mod attiv fl-identifikazzjoni ta’ dawk ippreferuti.

Fl-aħħar stadji tal-proċess ta’ tħejjija, fl-14 ta’ Ottubru 2016 il-Kummissjoni organizzat laqgħa mas-sħab soċjali biex tippreżenta l-ambitu u l-approċċ previsti għall-abbozz tad-Direttiva. Din inbniet fuq żewġ stadji ta' konsultazzjonijiet u diskussjonijiet iddettaljati li saru fil-kuntest tal-ACSH dwar sustanzi speċifiċi u valuri ta’ limitu biex jiddaħħlu fl-Annessi tad-Direttiva.

Il-Konsultazzjoni tal-ACSH — permezz tal-Grupp ta' Ħidma tripartitiku "Kimiċi fuq il-post tax-xogħol” (WPCs)

Wara l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, il-Kummissjoni informat lill-membri tad-WPCs fil-laqgħa tiegħu f'April 2008 dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva. Fil-laqgħa ta' Marzu 2011, saret diskussjoni fil-fond tar-riżultati tal-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni (“l-Istudju tal-IOM” 31 ) bbażata fuq abbozz tar-rapporti għall-aġenti kimiċi individwali. Id-diskussjonijiet dwar l-aġenti kimiċi individwali seħħew f'laqgħat varji tad-WPCs fl-2011 32 , 2012 33 u 2013 34 li rriżultaw f'opinjoni waħda u f'żewġ opinjonijiet supplimentari adottati mil-laqgħa plenarja tal-ACSH fl-2012 35 u fl-2013 36 , 37 kompluti b’aktar diskussjonijiet fil-laqgħat tad-WPCs. Dawn id-diskussjonijiet qiesu l-informazzjoni disponibbli, inkluż id-data xjentifika (jiġifieri, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL, kif ukoll informazzjoni xjentifika li oriġinat minn x’imkien ieħor robusta biżżejjed u fid-dominju pubbliku).

Ir-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu appoġġ għal dan li ġej 38 :

biex għadd limitat ta’ sustanzi ġġenerati minn proċess jinġiebu taħt l-ambitu tad-Direttiva billi jiġu inklużi fl-Anness I;

biex il-valuri ta’ limitu eżistenti fl-Anness III jiġu riveduti fid-dawl tad-data xjentifika l-aktar reċenti, u biex jiżdiedu valuri ta’ limitu addizzjonali għal għadd limitat ta’ sustanzi fl-Anness III meta l-informazzjoni disponibbli li tkun tinkludi data xjentifika u teknika, issostni dan.

Il-valuri ta’ limitu maqbulin mill-ACSH tqiesu f’din il-proposta.

Laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija u tal-ħaddiema

Mill-2013 sal-2015, kien hemm għadd ta’ laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-industrija u l-ħaddiema kkonċernati dwar aġenti kimiċi speċifiċi soġġetti għall-inizjattiva 39 . L-iskop ewlieni tal-laqgħat mitluba mill-industrija kien li tinkiseb informazzjoni dwar il-proċess biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni b’mod ġenerali u dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valur propost għal aġenti kimiċi partikolari.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Fl-eżami mill-ġdid tal-valuri ta’ limitu jew l-iffissar tagħhom skont id-Direttiva, tiġi segwita proċedura speċifika. Din tinvolvi t-tiftix tal-parir xjentifiku (eż. SCOEL, il-Kumitat Xjentifiku Nazzjonali) u l-konsultazzjoni mal-ACSH. Il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għal informazzjoni xjentifika miksuba minn sorsi oħra sakemm id-data hija robusta biżżejjed u hija fid-dominju pubbliku (pereżempju l-monografi tal-IARC jew konklużjonijiet minn kumitati xjentifiċi li jiffissaw il-valuri ta’ limitu nazzjonali).

L-SCOEL 40 jevalwa l-effetti tal-aġenti kimiċi fuq is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Il-ħidma tal-SCOEL tappoġġja direttament l-attività regolatorja tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Huwa jiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja u jiżgura li l-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda. L-SCOEL jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-aħħar data xjentifika disponibbli u jgħinha tipproponi limiti ta’ esponiment okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom li jiġu ffissati fil-livell tal-UE skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva.

Għall-iskop ta’ din l-inizjattiva, fejn hu disponibbli, is-servizzi tal-Kummissjoni użaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-SCOEL li għandha x'taqsam mal-aġenti kimiċi (dawn huma ppubblikati fuq l-internet 41 ) kif ukoll informazzjoni xjentifika akkwista xi mkien ieħor adegwatament robusta u fid-dominju pubbliku. F’dan ir-rigward, għad-dibromur tal-etilen u l-epikloroidrina, id-diskussjonijiet fl-ACSH saru b’mod partikolari abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL rilevanti u tal-konklużjonijiet minn kumitati xjentifiċi li jistabbilixxu valuri ta’ limitu nazzjonali.

Wara konsultazzjoni f'żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej, fil-25 ta’ Lulju 2008 d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Kummissjoni ppubblika proċedura miftuħa. L-għan kien li titwettaq valutazzjoni tal-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ għadd ta’ opzjonijiet ta’ politika dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema mir-riskji li ġejjin mill-esponiment possibbli għal aġenti kimiċi karċinoġeniċi fuq il-post tax-xogħol. L-istudju tal-IOM li rriżulta kien fih rapporti sħaħ dwar 25 aġent kimiku karċinoġeniku, inklużi s-7 li jsir riferiment għalihom f’din il-proposta. Ir-riżultat ta’ dan l-istudju (rapport ta’ sinteżi u rapporti individwali dwar l-aġenti kimiċi) jipprovdi l-bażi ewlenija għall-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta 42 .

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rieżaminat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u fit-28 ta’ Ottubru 2016 irċieva opinjoni pożittiva bir-riżervazzjonijiet. 43  

Ġew eżaminati l-għażliet li ġejjin għal valuri ta’ limiti differenti u/jew notazzjonijiet dwar il-ġilda għal kull wieħed mis-7 karċinoġeni:

Xenarju bażi ta’ ebda azzjoni ulterjuri mill-UE għal kull aġent kimiku f’din l-inizjattiva (l-għażla 1).

L-adozzjoni tal-valuri maqbula mill-ACSH (l-għażla 2). Kif diġà ġie indikat, għal kull wieħed mis-7 aġenti kimiċi, fl-ACSH, tqieset id-data xjentifika u teknika bir-riżultat li ġew proposti l-opinjonijiet tal-ACSH dwar il-valuri ta’ limitu u/jew in-notazzjonijiet dwar il-ġilda.

Fejn kien xieraq u skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-aġenti, għal xi wħud mill-aġenti kimiċi, ġew eżaminati wkoll bħala għażla 3 u/jew 4 rispettivament, għażliet ta’ appoġġ li jew jipproponu valur ta’ limitu li, meta jitqabbel mal-valur tal-ACSH, hu aktar baxx (teoretikament aktar protettiv għal saħħet il-ħaddiem) jew hu ogħla (teoretikament inqas protettiv għal saħħet il-ħaddiem). Dawn il-valuri ta’ appoġġ tħejjew fuq l-istudju tal-IOM, li għalihom kienu stabbiliti permezz ta’ preferenza:

i) mir-rakkomandazzjoni tal-SCOEL fejn disponibbli;

ii) bħala valuri li jirriflettu d-data disponibbli (pereżempju, billi tqiesu l-valuri ta’ limitu eżistenti fl-Istat Membru) jew;

iii) abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-kuntrattur (pereżempju, billi tqiesu l-valuri ta’ limitu mhux tal-UE). Meta d-data disponibbli ma kinitx tappoġġja l-iffissar ta’ valur ta’ limitu aktar baxx jew ogħla mill-valur tal-ACSH, dawn l-għażliet twarrbu.

Ġew ikkunsidrati wkoll għażliet oħra ta’ politika bħalma huma l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-użu tal-aġenti kimiċi, awtoregolamentazzjoni, strumenti bbażati fuq is-suq, li jipprovdu informazzjoni xjentifika speċifika għall-industrija mingħajr l-emendar tad-Direttiva, li jirregolaw skont ir-REACH, gwida u appoġġ ieħor għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Fir-rigward tal-interfaċċa bejn ir-REACH u d-Direttiva, dan l-aħħar, f’każ li bħalissa jinsab taħt appell 44 , il-Qorti Ġenerali tal-UE ċċarat it-tifsira tal-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 58(2) tar-REACH għall-għoti ta' eżenzjoni lil użi jew lil kategoriji ta’ użi mir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika eżistenti, li timponi rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-każ ta’ użu tas-sustanza kif applikat fuq għadd ta’ Direttivi tal-UE, inkluża d-Direttiva 2004/37/KE. Il-Qorti Ġenerali tal-UE sostniet li sakemm id-Direttiva 2004/37/KE ma tirreferix għal xi sustanza għajr għall-benżen, għall-monomer tal-klorur tal-vinil jew għat-trab tal-injam iebes, li għalihom tistipula valuri massimi għall-esponiment okkupazzjonali, ma tistax titqies bħala jew “speċifika” jew li timponi “rekwiżiti minimi” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-REACH.

Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati qed jikkollaboraw ma’ partijiet ikkonċernati fl-oqsma tekniċi u ta’ politika rilevanti tagħhom fir-rigward tar-relazzjoni bejn ir-REACH u d-direttivi dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għas-sustanzi kimiċi u se tiżviluppa gwida dwar dan. Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, u s-sħab soċjali kollha esprimew il-fehma tagħhom li d-direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma l-qafas leġiżlattiv xieraq tal-UE biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi fil-forma ta’ valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

Twettqet analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-opzjonijiet differenti ta’ politka għal kull aġent kimiku 45 . L-analiżi twettqet abbażi tal-Istudju ta’ evalwazzjoni tal-IOM dwar is-saħħa, l-aspetti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-emendi proposti fid-Direttiva. It-tqabbil tal-għażliet ta’ politika u s-selezzjoni tal-għażla ppreferuta saru abbażi tal-kriterji li ġejjin: l-informazzjoni xjentifika (b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL), l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza. L-ispejjeż u l-benefiċċji ġew ikkalkulati fuq perjodu ta’ 60 sena, skont il-piż futur tal-kanċer stmat matul l-istess perjodu biex jittieħed kont sewwa tal-perjodu ta’ latenza tal-kanċer.

Għal ċerti karċinoġeni (eż. trikloroetilen; iż-żjut minerali bħala żjut tal-magna użati) ħareġ valur li huwa ppreferut biċ-ċar. Għal oħrajn (eż. epikloroidrina u dibromur tal-etilen) identifika l-ispejjeż/il-benefiċċji tal-linja bażi (l-ebda azzjoni) u l-iffissar ta’ valur ta’ limitu tal-UE tqabblu mill-qrib 46 .

Il-miżuri maqbula mill-ACSH inżammu bħala għażla ta’ politika fir-rispett tal-aġenti kimiċi kollha f’din il-proposta.

Fir-rigward tal-impatt fuq il-ħaddiema, din il-proposta għandha twassal għall-benefiċċji billi ma tħallix lill-ħaddiema jsofru minn kanċer relatat max-xogħol li hu evitabbli, u b’hekk jiġu evitati tbatija u mard. Barra minn hekk, huma mistennijin benefiċċji tas-saħħa importanti fir-rigward tat-trikloroetilen u taż-żjut minerali bħala żjut tal-magna użati. Fil-każ ta’ dawk iż-żewġ aġenti, l-għażla miżmuma tirriżulta wkoll, sal-2069, fi:

Żjut minerali bħala żjut tal-magna użati: 880 ħajja salvata, 90,000 każ anqas ta’ kanċer u benefiċċju tas-saħħa monetizzat ta’EUR 0.3-1.6 biljun relatat mal-evitar ta’ spejjeż tas-saħħa.

Trikloroetilen: 390 ħajja salvata u benefiċċju tas-saħħa monetizzat ta’ EUR 118-430 miljun relatat mal-evitar ta’ spejjeż tas-saħħa.

L-introduzzjoni tal-għażla ppreferuta għalhekk tkun qed tnaqqas il-kanċer u tnaqqas il-piż ekonomiku derivat mill-esponiment tal-ħaddiema għal sustanzi perikolużi.

Rigward l-impatt fuq l-impjegaturi, huwa importanti, mill-perspettiva ekonomika, li ssir distinzjoni bejn il-kostijiet li joħolqu jew ma joħolqux inċentivi għal titjib fis-saħħa u s-sigurtà. Il-vantaġġ għan-negozji li jintroduċu valuri ta’ limitu fl-UE kollha huwa dak li l-proposta se tgħin lill-impriżi li jindirizzaw il-kostijiet li, b’xi mod, jaffettwaw b’mod negattiv il-prospetti tan-negozju tagħhom għaż-żmien fit-tul fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-impatti huma mistennijin li jkunu minimi peress li ser ikun hemm bżonn li jsiru biss aġġustamenti żgħar f’każijiet speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa. L-għażla miżmuma ma hija ser timponi ebda obbligu ta’ informazzjoni addizzjonali u mhux ser twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi.

Fir-rigward tal-impatt fuq l-Istati Membri/l-awtoritajiet nazzjonali, magħrufa l-kostijiet ekonomiċi sostanzjali imposti fuq il-ħaddiema minħabba l-esponiment tagħhom għal sustanzi perikolużi, din il-proposta tgħin ukoll biex jittaffa t-telf finanzjarju mġarrab mis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru. Mill-perspettiva ekonomika, il-kopertura u l-adegwatezza tal-valuri ta’ limitu fl-UE kollha huma l-fattur uniku determinati ta’ min jerfa’ l-piż tal-kostijiet għall-mard okkupazzjonali.

Il-kostijiet amministrattivi u ta’ eżekuzzjoni jvarjaw skont l-istatus attwali ta’ kull aġent kimiku f’kull Stat Membru, iżda ma għandux ikun sinifikanti. Barra minn hekk, l-iffissar tal-valuri ta’ limitu fil-livell tal-UE jelimina l-ħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali li jevalwaw b’mod indipendenti kull karċinoġenu biex b’hekk titneħħa ineffiċjenza ta’ repetizzjoni ta’ kompiti identiċi.

Abbażi tal-esperjenza miġbura mill-ħidma tal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) u wara li ġie kkunsidrat il-mod kif l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni huma organizzati fi Stati Membri differenti, mhux probabbli li l-introduzzjoni ta’ valuri ta’ limitu ġodda fid-Direttiva se jkollha xi impatt fuq l-kostijiet globali taż-żjarat ta’ spezzjoni. Dawn huma ippjanati l-aktar b’mod indipendenti mill-proposta, ibbażati prinċipalment fuq ilmenti mressqa matul sena partikolari u skont l-istrateġiji definiti ta’ spezzjoni minn xi awtorità partikolari. Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ valur ta’ limitu, billi ġġib ċarezza dwar il-livelli aċċettabbli ta’ esponiment, tiffaċilita x-xogħol tal-ispetturi billi tipprovdi għodda utli għall-kontrolli tal-konformità.

Għandu mnejn jiġġarrbu xi kostijiet amministrattivi addizzjonali mill-awtoritajiet rigward il-ħtieġa li jipprovdu lill-persunal informazzjoni u taħriġ dwar ir-reviżjoni, kif ukoll biex issir reviżjoni tal-listi ta’ kontroll tal-konformità. Madanakollu, dawn il-kostijiet huma minuri meta mqabbla mal-kostijiet globali tat-tħaddim imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar.

Mit-tqabbil tal-għażliet u l-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, jista’ jiġi konkluż li l-proposta tilħaq l-għanijiet stabbiliti f'livell globali ta’ kostijiet raġonevoli u li l-proposta hija xierqa.

Il-proposta ma għandhiex impatti ambjentali sinifikanti.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

L-impatt fuq l-SMEs

Din il-proposta ma fihiex reġimi eħfef għall-mikrointrapriżi jew għall-SMEs. Ir-raġuni hi li skont id-Direttiva, l-SMEs mhumiex eżonerati mill-obbligu li jeliminaw jew inaqqsu għal minimu r-riskji li jirriżultaw mill-esponiment okkupazzjonali għall-karċinoġeni jew l-mutaġeni.

Għal ħafna mill-karċinoġeni koperti b’din l-inizjattiva diġà jeżistu valuri ta’ limitu fil-livell nazzjonali, anki jekk il-livell bħala tali jvarja fost l-Istati Membri. L-iffissar tal-valuri ta’ limitu previsti f’din il-proposta ma għandu ikollu l-ebda impatt fuq dawk l-SMEs li jinsabu/huma lokalizzati f’dawk l-Istati Membri fejn il-valuri ta’ limitu nazzjonali jew huma ugwali jew inqas mill-valuri proposti. Madankollu, minħabba differenzi fil-valuri ta’ limitu fil-livell nazzjonali, f’xi każijiet, skont il-prattika tal-industrija, se jkun hemm impatt ekonomiku f’dawk l-Istati Membri (u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dawn il-pajjiżi) li attwalment għandhom limiti ogħla ta’ esponiment okkupazzjonali ffissati għall-karċinoġeni li huma s-suġġett ta’ din il-proposta.

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-impatt fuq il-kostijiet operatorji tan-negozju (inklużi l-SMEs) ser ikunu minimi minħabba li hemm bżonn biss ta’ aġġustamenti biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa. Barra minn hekk, din il-proposta mhix se timponi xi obbligi addizzjonali ta’ informazzjoni jew twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-impriżi u mhux probabbli li tiġġenera xi kostijiet ambjentali sinifikanti.

L-aktar kostijiet sinifikanti previsti fl-istudju tal-IOM assoċjat mal-karċinoġeni kkunsidrati huma relatati mal-investiment f’sistemi magħluqin għall-użu tat-trikloroetilen. L-SMEs huma l-aktar vulnerabbli għall-kost kapitali meħtieġ fiċ-ċaqliq għal sistema magħluqa u jistgħu jagħżlu li jagħlqu jew jeqilbu għal sustanza jew proċess alternattivi (jekk ikun teknikament fattibbli li jagħmlu dan). Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/37/KE, REACH u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet ta’ Solventi) u skont il-karta volontarja promulgata mill-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Solventi Klorinati (ECSA), f’xi setturi, l-investiment f’sistemi magħluqin huwa mistenni jseħħ diġà skont ix-xenarju bażi.

L-impatt fuq il-kompetittività jew il-kummerċ internazzjonali tal-UE

Il-prevenzjoni tar-riskji u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali mhux biss biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-kompetittività. Li l-ħaddiema jinżammu f’saħħithom għandu impatt pożittiv dirett u li jitkejjel fuq il-produttività, u jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq uniku. Id-differenzi kompetittivi fost l-impriżi li jinsabu fi Stati Membri b’valuri ta’ limitu nazzjonali differenti jistgħu jitnaqqsu bl-iffissar ta’ rekwiżiti minimi speċifiċi ċari għall-protezzjoni tal-ħaddiema fil-forma ta’ valuri ta’ limitu fl-UE kollha għal dawk l-aġenti.

Ma għandux ikollha impatt sinifikanti fuq il-kompetittività esterna tal-kumpaniji tal-UE peress li filwaqt li l-pajjiżi mhux fl-UE stabbilixxew firxa wiesgħa ta’ valuri ta’ esponiment 47 , il-valuri ta’ limitu miżmuma ma jikkuntrastawx mal-prattika internazzjonali.

Id-drittijiet fundamentali

L-għanijiet tal-proposta huma konsistenti mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 2 (id-Dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (id-Dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħhom).

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji u tal-persunal addizzjonali għall-baġit tal-UE jew il-korpi stabbiliti mill-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Hu previst il-monitoraġġ ta' għadd ta’ każijiet ta' mard okkupazzjonali u ta’ każijiet relatati mal-kanċer okkupazzjonali bl-użu ta’ sorsi ta’ data disponibbli 48 , kif ukoll il-monitoraġġ tal-kostijiet relatati mal-kanċer okkupazzjonali għall-operaturi ekonomiċi (pereżempju, it-telf ta’ produttività) u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

Titwettaq evalwazzjoni tal-konformità għat-trażpożizzjoni. Fid-dawl tal-isfidi tad-data spjegati hawn fuq, huwa ssuġġerit li jintuża l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni “ex post” li jmiss (2012-2017) biex jiġu definiti l-valuri bażi (il-parametru referenzjarju) li se jippermettu l-valutazzjoni tal-effettività tar-reviżjoni tad-Direttiva. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni prattika tal-emendi proposti tista’ possibilment tkun ibbażata fuq il-perjodu segwenti (2017-2022). Dan jirrifletti l-fatt li minħabba l-perjodi twal ta’ latenza li matulhom jiżviluppa l-kanċer (10 sa 50 sena), mhux se jkun possibbli li jitkejjel l-impatt reali ta’ din ir-reviżjoni qabel 15-20 sena.

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva. Tinħtieġ informazzjoni mhux ambigwa dwar it-trażpożizzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-proposta. Il-piż amministrattiv addizzjonali stmat għall-provvediment ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni mhuwiex sproporzjonat (huwa ta’ darba u m’għandux jirrikjedi l-involviment ta’ ħafna organizzazzjonijiet). Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jitħejjew b’mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ trażpożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar li fih/fihom tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ trażpożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(1) jiddikjara li d-Direttiva hija emendata biż-żieda fl-Anness I ta’ punt ġdid li tinkludi “xogħol li jinvolvi esponiment għal żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqi fil-magna”.

L-entrata l-ġdida hija bbażata fuq id-definizzjoni ta’ “żjut minerali bħala żjut tal-magna użati” mogħtija fl-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (“SCOEL”) Nru 405 dwar iż-Żjut Minerali bħala Żjut tal-Magna Użati, adottata fid-9 ta’ Ġunju 2016. Żjut minerali bħala żjut tal-magna użati jikkonsistu f’taħlitiet ta’ idrokarburi (inklużi paraffini, nafteniċi, u poliaromatiċi kumplessi/alkilati u addittivi lubrikanti).

Artikoli 2 sa 4

L-Artikoli 2 sa 4 fihom id-dispożizzjonijiet tas-soltu dwar it-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 jirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

Anness

It-terminu “valur ta’ limitu” użat f’dan l-Anness huwa definit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva. Il-valuri ta’ limitu jindirizzaw ir-rotta tal-inalazzjoni tal-esponiment, filwaqt li jiddeskrivu l-livell ta’ konċentrazzjoni massima fl-arja għal aġent kimiku partikolari li l-ħaddiema ma għandhomx ikunu esposti għalihom, bħala medja, matul perjodu ta’ żmien definit.

L-entrata li tikkonċerna “taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva hija bbażata fuq l-abbozz finali tar-Rakkomandazzjoni mill-SCOEL Nru 404 li tindirizza taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren bħala kompost indikatur minħabba l-potenza għolja tal-benżo[a]piren. Jeżistu aktar minn 100 idrokarbur aromatiku poliċikliku individwali identifikati, u l-benżo[a]piren huwa wieħed minnhom, iżda frazzjoni żgħira biss mill-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) kollha ġiet studjata tossikoloġikament 49 . Il-benżo[a]piren kif ukoll seba’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi oħrajn soġġetti għar-restrizzjonijiet ta’ REACH 50 huma kklassifikati bħala karċinoġeni, tal-kategorija 1B fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (CLP), u, għalhekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Skont ir-regoli tas-CLP dwar il-klassifikazzjoni ta’ taħlitiet, it-taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi tal-kategorija 1A jew 1B, u għalhekk huma karċinoġeni kif definiti fid-Direttiva 2004/37/KE, fil-każ fejn tal-anqas ingredjent wieħed jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu tal-kategorija 1A jew 1B u huwa preżenti fil-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jew ġeneriċi xierqa jew f’livelli ogħla minnhom, kif stipulati fis-CLP. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li tiġi inkluża entrata ddedikata fl-Anness I tad-Direttiva għal dawn it-taħlitiet.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-entrata proposta rigward “taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva” fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva, u l-entrata attwali 2 fl-Anness I tad-Direttiva rigward “xogħol li jinvolvi esponiment għal idrokarburi aromatiċi poliċikliċi preżenti fi ġmied tal-faħam, qatran tal-faħam jew żift tal-faħam”, l-ewwel irid jiġi ddikjarat li, għall-kuntrarju tal-aħħar entrata, li tikkonċerna l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi individwali preżenti f’ċerti prodotti sekondarji tal-faħam 51 , l-entrata proposta fl-Anness III tikkonċerna t-taħlitiet kollha tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren. Minn dan isegwi li l-entrata proposta fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva tkopri t-taħlitiet tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) preżenti fil-ġmied tal-faħam, fil-qatran tal-faħam jew fiż-żift tal-qatran li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva u li n-notazzjoni dwar il-ġilda assoċjata mal-entrata proposta tapplika wkoll għal taħlitiet tal-PAHs preżenti fil-ġmied tal-faħam, fil-qatran tal-faħam jew fiż-żift tal-qatran li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva.

Tiġi assenjata “notazzjoni tal-ġilda” għal kull aġent kimiku fejn l-SCOEL ivvaluta li l-assorbiment tal-ġilda jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali lill-piż totali tal-ġisem u konsegwentement għal tħassib dwar l-effetti possibbli fuq is-saħħa. Notazzjoni tal-ġilda tidentifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. L-impjegaturi għandhom l-obbligu li jikkunsidraw tali notazzjonijiet meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u meta jimplimentaw miżuri preventivi u protettivi għal karċinoġenu jew mutaġenu partikolari skont id-Direttiva.

2017/0004 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE), b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha 52 ,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 53 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 54 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2004/37/KE għandha l-għan li tħares il-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom mill-esponiment għall-karċinoġeni jew il-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol u li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal dak l-għan inklużi valuri ta’ limitu, abbażi tad-data xjentifika u teknika disponibbli.

(2)Għal xi karċinoġeni u mutaġeni huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati mezzi oħrajn ta’ assorbiment, inkluża l-possibilità ta' penetrazzjoni mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni.

(3)Il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (“il-Kumitat”) 55 jassisti b’mod partikolari lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-aħħar data xjentifika disponibbli u billi jipproponilha valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi li għandhom jiġu ffissati fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill98/24/KE 56 u d-Direttiva 2004/37/KE. Ġew ikkunsidrati wkoll sorsi oħra ta’ informazzjoni xjentifika, adegwatament robusta u fid-dominju pubbliku.

(4)Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat, fejn disponibbli, in-notazzjonijiet dwar il-ġilda u/jew il-valuri ta’ limitu għar-rotta ta’ inalazzjoni tal-esponiment huma stabbiliti b’rabta mal-perjodu referenzjarju medja ponderata skont il-ħin ta’ tmien sigħat (valuri ta’ limitu tal-esponiment fit-tul) u, għal ċerti karċinoġeni jew mutaġeni, għal perjodi ta’ referenza iqsar, b’mod ġenerali medja ponderata skont il-ħin ta’ ħmistax-il minuta (valuri ta’ limitu tal-esponiment għal ħin qasir), sabiex jitqiesu l-effetti li jirriżultaw mill-esponiment għal ħin qasir.

(5)Hemm biżżejjed evidenza tal-karċinoġeniċità taż-żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna. Dawn iż-żjut tal-magna użati huma ġġenerati minn proċess u, għalhekk, mhumiex soġġetti għal klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 57 . Il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti ġol-ġilda għal dawn iż-żjut, ivvaluta li l-esponiment okkupazzjonali jseħħ permezz tar-rotta dermali u rrakkomanda ħafna li tiġi stabbilita notazzjoni dwar il-ġilda. Għaldaqstant, xieraq li tkun inkluża ħidma li tinvolvi esponiment għal żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE u li tiġi stabbilita notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment dermali sinifikanti.

(6)Ċerti taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) li fihom il-benżo[a]piren jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (tal-kategorija 1A jew 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni kif definiti fid-Direttiva 2004/37/KE. Il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti ġol-ġilda għal dawn it-taħlitiet. Għaldaqstant, xieraq li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment dermali sinifikanti.

(7)It-trikloroetilen jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu għal trikloroetilen b’rabta ma’ perjodu ta’ referenza ta’ tmien sigħat (valur ta’ limitu fit-tul) u perjodu ta’ referenza iqsar (15-il minuta). Għal dan il-karċinoġenu, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għaldaqstant, xieraq li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu ta’ esponiment fit-tul u għal żmien qasir għat-trikloroetilen fil-Parti A tal-Anness III u li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment dermali sinifikanti. Fid-dawl tal-evidenza xjentifika li tevolvi, il-valuri ta’ limitu għal din is-sustanza se jinżammu taħt rieżami partikolarment mill-qrib.

(8)4,4’-Metilendianilina (MDA) jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għall-4,4'-Metilendianilina. Għal dan il-karċinoġenu, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur ta’ limitu fil-Parti A tal-Aness III għall-4,4'-Metilendianilina u li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(9)Epikloroidrina (1-kloro-2,3-epossipropan) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Il-Kumitat ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi derivat valur ta’ limitu ta’ esponiment ibbażat fuq is-saħħa għal dan il-karċinoġenu mhux ta’ limitu u rrakkomanda li jiġi evitat l-esponiment okkupazzjonali. Għall-epikloroidrina, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“ACSH”) qabel fuq valur ta’ limitu prattiku. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għall-epikloroidrina fil-Parti A tal-Anness III u li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(10)Id-dibromur tal-etilen (1,2-dibromoetan, EDB) jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Il-Kumitat ikkonkluda li mhuwiex possibbli li jiġi derivat valur ta’ limitu ta’ esponiment ibbażat fuq is-saħħa għal dan il-karċinoġenu mhux ta’ limitu u rrakkomanda li jiġi evitat l-esponiment okkupazzjonali. Il-Kumitat identifika l-possibiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda għad-dibromatur tal-etilen. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“ACSH”) qabel fuq valur ta’ limitu prattiku. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għad-dibromatur tal-etilen fil-Parti A tal-Anness III u li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(11)Id-diklorur tal-etilen (1,2-dikloroetan, EDC) jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1 B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għad-diklorur tal-etilen. Għad-diklorur tal-etilen, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għad-diklorur tal-etilen fil-Parti A tal-Anness III u li tiddaħħal notazzjoni dwar il-ġilda fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(12)Sabiex tiġi żgurata koerenza interna, huwa xieraq li l-kolonna “Notazzjoni” stabbilita fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE u n-notazzjonijet stabbiliti f’dik il-kolonna għall-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE jiġu ttrasferiti.

(13)Il-Kummissjoni kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003. Hija wettqet ukoll konsultazzjoni f'żewġ stadji mas-sħab soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

(14)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tagħha.

(15)Il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni 58 kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), b’mod partikolari sabiex tiġi kkunsidrata l-interazzjoni bejn il-valuri ta’ limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u r-relazzjonijiet bejn id-doża u r-rispons, l-informazzjoni dwar l-esponiment attwali, u fejn disponibbli, id-DNELs (Livelli Derivati ta' Bla Effett) derivati għall-kimiċi perikolużi skont dak ir-Regolament.

(16)Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, li huma biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u biex iħarsu s-saħħa tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-esponiment għall-karċinoġeni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(17)Peress li din id-Direttiva tolqot is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, l-iskadenza għat-trażpożizzjoni għandha tkun ta’ sentejn.

(18)Għaldaqstant id-Direttiva 2004/37/KE għandha tiġi emendata b'mod xieraq.

(19)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 59 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ trażpożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ trażpożizzjoni nazzjonali. Fir-rigwward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:

(1). Fl-Anness I għandu jiżdied dan il-punt:

“Xogħol li jinvolvi esponiment għal żjut li qabel intużaw f’magni b’kombustjoni interna biex jillubrifikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna”.

(2). L-Anness III għandu jiġi emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) European estimates of work-related injury and ill health, Work-related Illnesses Identification, Causal Factors and Prevention Safe Work — Healthy Work — For Life , Takala, J., Workplace Safety and Health Institute, Singapore, presentation to EU Presidency Conference, Athens, June 2014.
(2) Work-related cancer in the European Union: Size, impact and options for further prevention, http://rivm.nl/en/Documents_and_publications/Scientific/Reports/2016/mei/Work_related_cancer_in_the_European_Union_Size_impact_and_options_for_further_prevention , p. 11.
(3) Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
(4) COM(2016)248. Din il-proposta kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt (IA) (SWD(2016)152).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(6) Skont dak ir-Regolament, 1017-il aġent kimiku (u gruppi ta’ sustanzi kimiċi) irċevew “klassifikazzjoni armonizzata” obbligatorja bħala karċinoġeni tal-“kategorija 1”, li jattiraw it-tikketta bid-dikjarazzjoni ta' periklu, “jista’ jikkawża l-kanċer”.
(7) Monographs on the evaluation of carcinogenic risk to humans , l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, WHO.
(8) L-Artikolu 1(1) u l-premessa 13 tad-Direttiva.
(9) Il-Premessa 13 tad-Direttiva.
(10) IARC (1984), Polynuclear aromatic hydrocarbons, Part 2, carbon blacks, mineral oils (lubricant base oils and derived products) and some nitroarenes. IARC Monogr Eval Carcinog Risk Chem Hum, 33: 1–222. PMID:6590450 ( http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol1-42/mono33.pdf ).
(11) IARC (1987). Overall evaluations of carcinogenicity: an updating of IARC Monographs volumes 1 to 42. IARC Monogr Eval Carcinog Risks Hum Suppl, 7: 1-440. PMID:3482203.
(12) IARC (2012), ( http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol100F/mono100F.pdf ).
(13) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(14) SCOEL/OPIN/2016-405, Mineral Oils as Used Engine Oils, adottata fid-9 ta’ Ġunju 2016.
(15) Taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni kif definit fid-Direttiva; iż- żjut minerali bħala żjut tal-magna użati.
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, ĠU C 218, 13.9.2003, p. 0001 - 0004
(17) COM (2014) 332 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0332&from=MT
(18) Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker fil-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Settembru 2015 (https://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/state_of_the_union_2015_en.pdf).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1)
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11).
(21) COM(2010) 2020 u COM(2014) 130 final.
(22) Taħlitiet kumplessi ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAH) li fihom il-benżo[a]piren jew taħlitiet ta’ PAH b’piż molekulari baxx, mhumiex prodotti u ma jintużawx bħala tali, iżda huma fformati b’mod speċifiku u simultanju matul il-proċessi ta’ kombustjoni u ta’ piroliżi ta’ materjali organiċi (ara, f’dan ir-rigward, l-abbozz finali tar-Rakkomandazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol għal Taħlitiet ta’ Idrokarburi Aromatiċi Poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren (PAH), Nru 404.
(23) Fil-każ ta’ diklorur tal-etilen, aktar minn 95% tal-volum totali jintuża bħala sustanza intermedja fuq il-post fis-sinteżi tal-monomer tal-klorur tal-vinil; 4,4'-Metilendianilina jintuża l-aktar (99%) bħala sustanza intermedja fil-produzzjoni ta’ 4,4'-metilendifenildiisoċjant (MDI), li jintuża fil-produzzjoni tal-fowm tal-poliuretan; madwar 75% tal-produzzjoni totali tat-trikloroetilen, kif ivvalutat fl-Istudju tal-IOM, intuża f’applikazzjonijiet bħala sustanza intermedja.
(24) Ara t-Tabella 1 fl-Anness 7 fil-valutazzjoni tal-impatt. Ara wkoll l-Anness 10 li, għal kull aġent kimiku, jippreżenta l-valuri ta’ limitu nazzjonali attwali tal-esponiment okkupazzjonali kontra l-għażla ppreferuta (għażla 2) użata għall-valuri ta’ limitu proposti f’din il-proposta fi graffs.
(25) Ara t-Tabella 2 fl-Anness 7 fil-valutazzjoni tal-impatt għall-valuri ta’ limitu nazzjonali fl-Istat Membru mqabbla mal-livelli rrakkomandati mill-ACSH.
(26) Pereżempju għad-dibromur tal-etilen, il-valuri jvarjaw minn 0.002 sa 145 mg/m3. Għad-diklorur tal-etilen, il-valuri jvarjaw minn 4 sa 412 mg/m3. Għat-trikloroetilen, il-valuri jvarjaw minn 3.3 sa 550 mg/m3.
(27) Ara t-Tabella 4 fl-anness 7 fil-valutazzjoni tal-impatt.
(28) Il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Istaff Eżekuttiv u Maniġerjali (CEC), il-Konfederazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-Konzaturi u d-Dresers tal-Komunità Ewropea (COTANCE), l-Assoċjazzjoni Kummerċjali Ewropea tal-Lukandi, ir-Ristoranti u l-Kafetteriji fl-Ewropa (HOTREC), il-Federazzjoni Ewropea tal-Għaqdiet tal-Ħaddiema fis-Setturi tal-Ikel, l-Agrikoltura u t-Turiżmu u Fergħat Alleati (EFFAT), Netwerk Internazzjonali tal-Unjins — Europe Hair & Beauty (UNI-Europa Hair&Beauty).
(29) CISNET EMPL 8676 tal-15 ta’ Ġunju 2006.
(30) Erbgħa mill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi (BusinessEurope, EuroCommerce, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME) u l-Industrija Ewropea tas-Siment), tnejn mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema (il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Ġebel u l-Injam (EFBWW)) u waħda mill-organizzazzjoni indipendenti (is-Soċjetà Brittanika dwar l-Iġjene Okkupazzjonali (BOHS)).
(31) IOM Research Project P937/99, Mejju 2011 – Health, social-economic and environmental aspects of possible amendments to the EU Directive on the protection of workers from the risks related to exposure to carcinogens and mutagens at work.
(32) Laqgħa tad-WPCs fit-23 ta’ Marzu 2011; Laqgħa tad-WPCs fil-15 ta’ Ġunju 2011; Laqgħa tad-WPCs fit-26 ta’ Ottubru 2011;
(33) Laqgħa tad-WPCs fil-21 ta’ Marzu 2012; Laqgħa tad-WPCs fis-6 ta' Ġunju 2012; Laqgħa tad-WPCs fil-21 ta’ Novembru 2012;
(34) Laqgħa tad-WPCs fis-6 ta' Marzu 2013; Laqgħa tad-WPCs fid-19 ta' Ġunju 2013; Laqgħa tad-WPCs fit-2 ta' Ottubru 2013;
(35) Opinjoni dwar l-approċċ u l-kontenut ta’ proposta prevista mill-Kummissjoni dwar l-emenda tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Adottata fil-05/12/2012 (Doc. 2011/12).
(36) Opinjoni supplimentari dwar l-approċċ u l-kontenut ta’ proposta prevista mill-Kummissjoni dwar l-emenda tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Adottata fit-30/05/2013 (Doc. 727/13).
(37) Opinjoni supplimentari Nru 2 dwar l-approċċ u l-kontenut ta’ proposta prevista mill-Kummissjoni dwar l-emenda tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Adottata fit-28/11/2013 (Doc. 2016/13).
(38) It-tliet opinjonijiet adottati tal-ACSH jinkludu, fejn meħtieġ, kummenti speċifiċi mill-gruppi ta' interess (is-sħab soċjali u l-Istati Membri) li b’mod wiesa' jirriflettu l-punti prinċipali miżmuma minn kull grupp ta' interess matul id-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kimiċi “Sustanzi kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol” (WPCs). Ma hemm ebda kummenti speċifiċi f’ħafna każijiet peress li kien hemm fehma ta' kunsens mit-tliet gruppi ta’ interess. Bħala tali, l-Opinjonijiet finali tal-ACSH għandhom jittieħdu bħala li jirrapreżentaw il-fehmiet tal-gruppi kkonċernati rrappreżentati.
(39) Ara t-taqsima 9.2.6 tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni pparteċipat ukoll f’laqgħat organizzati kull sena mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs mal-Industrija Ewropea tal-Ħġieġ u taċ-Ċeramika.
(40) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/EU tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(41) https://circabc.europa.eu .
(42) Il-links li ġejjin qed jngħataw biss għal dawk l-aġenti kimiċi soġġetti għat-tieni emenda tad-Direttiva;
(43) L-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju hija diponibbli http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm
(44) Fil-25 ta' Settembru 2015 il-Qorti Ġenerali tal-UE tat is-Sentenza tagħha fil-Kawża C-360/13, Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO) v il-Kummissjoni Ewropea. Bħalissa l-kawża qiegħda taħt appell, Kawża C-651/15 P.
(45) Ara t-taqsima 5 tal-valutazzjoni tal-impatt għal analiżi ddettaljata tal-impatti tal-għażliet differenti ta’ politika u kif jipparagunaw ma’ xulxin.
(46) Ara t-taqsima 5.9 tal-valutazzjoni tal-impatt, li tiġbor fil-qosor l-għażliet miżmuma fuq il-bażi ta’ diversi kriterji: aċċettazzjoni tal-partijiet ikkonċernati; id-daqs tal-problema; iċ-ċarezza legali; il-benefiċċju tas-saħħa u l-ispejjeż limitati għan-negozju.
(47) Ara t-Tabella 3 fl-anness 7 fil-valutazzjoni tal-impatt.
(48) Dawn jinkludu data li tista’ tinġabar mill-Eurostat dwar il-mard okkupazzjonali jekk ir-riżultati tal-istudju ta’ fattibbiltà li għaddej bħalissa huma pożittivi, kif ukoll dwar problemi oħra ta’ saħħa u mard relatati max-xogħol f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1338/2008, id-data ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ippreżentata skont l-Artikolu 17(a) tad-Direttiva 89/391/KEE u d-data notifikata mill-impjegaturi lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar il-każijiet kollha ta’ kanċer identifikati skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali kif jirriżultaw mill-esponiment okkupazzjonali għal karċinoġenu jew mutaġenu skont l-Artikolu 14(8) tad-Direttiva 2004/37/KE, u li jista’ jkun hemm aċċess għaliha mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/37/KE.
(49) Ara l-abbozz finali tar-Rakkomandazzjoni SCOEL/REC/404.
(50) L-entrata 50 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH fiha ħdejn il-benżo[a]piren il-PAHs li ġejjin: benżo[e]piren (Nru CAS 192-97-2), benż[a]antraċen (Nru CAS 56-55-3), krisen (Nru CAS 218-01-9), , benżo[b]fluworanten (Nru CAS 205-99-2), benżo[j]fluworanten (Nru CAS 205-82-3), benżo[k]fluworanten (Nru CAS 207-08-9), u dibenżo[a,h]antraċen (Nru CAS 53-70-3).
(51) Ara COM (95) 425 final.
(52) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50
(53) ĠU C , , p.
(54) ĠU C , , p.
(55) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(56) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, tal-05.05.1998, p. 11).
(57) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(58) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(59) ĠU 369, 17.12.2011, p.14

Brussell, 10.1.2017

COM(2017) 11 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq
il-post tax-xogħol

{SWD(2017) 7 final}
{SWD(2017) 8 final}


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru CAS ( 1 )

Nru tal-KE ( 2 )

L-ISEM TAL-AĠENT

VALURI TA’ LIMITU

MIŻURI TRANŻIZZJONALI

8 sigħat ( 3 )

Terminu qasir ( 4 )

mg/m3 ( 5 )

ppm ( 6 )

f/ml( 7 )

mg/m3

ppm

f/ml

79-01-6

201-167-4

Trikloroetilen

54,7

10

_

164,1

30

_

101-77-9

202-974-4

4,4'-Metilendianilina

0,08

_

_

_

_

_

106-89-8

203-439-8

Epikloroidrina

1,9

_

_

_

_

_

106-93-4

203-444-5

Dibromur tal-etilen

0,8

0,1

_

_

_

_

107-06-2

203-458-1

Diklorur tal-etilen

8,2

2

_

_

_

_

Il-Kolonna "Notazzjoni" fil-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE u n-notazzjonijiet stabbiliti f'dik il-kolonna huma ttrasferiti għall-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE.

Fil-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KEE, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru CAS ( 8 )

Nru EC ( 9 )

L-ISEM TAL-AĠENT

Notazzjoni( 10 )

_

_

Taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi li fihom il-benżo[a]piren li huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva

ġilda

_

_

Żjut li qabel intużaw f'magni b'kombustjonii interna biex jillibrufikaw u jberrdu l-partijiet li jiċċaqilqu fil-magna.

ġilda

71-43-2

200-753-7

Benżen

ġilda

79-01-6

201-167-4

Trikloroetilen

ġilda

101-77-9

202-974-4

4,4'-Metilendianilina

ġilda

106-89-8

203-439-8

Epikloroidrina

ġilda

106-93-4

203-444-5

Dibromur tal-etilen

ġilda

107-06-2

203-458-1

Diklorur tal-etilen

ġilda

(1) Nru CAS: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.
(2) In-Nru tal-KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(3) Imkejla jew kkalkulati b’rabta ma’ perjodu referenzjarju ta’ medja ponderata skont il-ħin ta’ tmien sigħat (TWA).
(4) Limitu ta’ esponiment għal żmien qasir (STEL). Valur ta’ limitu li ’l fuq minnu ma għandux ikun hemm esponiment u li huwa marbut ma’ perjodu ta’ 15-il minuta, sakemm mhux speċifikat xorta oħra.
(5) mg/m3 = milligrammi għal kull metru kubu ta’ arja f’20°C u 101,3 kPa (pressjoni ta’ merkurju ta’ 760 mm).
(6) ppm = partijiet għal kull miljun għal kull volum fl-arja (ml/m3).
(7) f/ml = fibri għal kull millilitru.
(8) Nru CAS: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.
(9) In-Nru tal-KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(10) Kontribut sostanzjali fil-piż tal-ġisem kollu permezz tal-esponiment tal-ġilda possibbli.