5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/5


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti

(2018/C 361/02)

Relatur:

is-Sur MARTIKAINEN (FI/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lapinlahti

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

I.   INTRODUZZJONI

Sfond għall-Istrateġija tal-UE għall-Foresti

1.

Fl-Unjoni Ewropea, il-kompetenza għall-politika dwar il-foresti hija f’idejn l-Istati Membri.

2.

Madankollu, f’diversi oqsma li jaffettwaw il-foresti u l-użu tagħhom, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva jew kompetenza kondiviża mal-Istati Membri. Dawn l-oqsma jinkludu, b’mod partikolari, il-politika kummerċjali u l-politika agrikola komuni, il-politika dwar l-iżvilupp, il-politika dwar il-klima, l-ambjent, l-enerġija, il-bijoekonomija u l-ekonomija ċirkolari.

3.

Dan wassal għall-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE tal-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq kwistjonijiet relatati mal-forestrija u għall-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt tal-impenji globali tal-UE dwar l-użu sostenibbli tal-foresti. L-Istrateġija għall-Foresti għandha tikkunsidra l-għanijiet komuni tal-Istati Membri u d-differenzi bejniethom. Meta l-UE tinnegozja dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-foresti (ara l-punt 2 hawn fuq), fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, pereżempju, għandu tikkunsidra l-fehmiet tal-Istati Membri dwar il-foresti u dawk tar-reġjuni tagħhom. L-Istrateġija għall-Foresti hija għodda effettiva għall-armonizzazzjoni tad-diversi oqsma ta’ politika u sabiex jiġu rrikonċiljati l-perspettivi differenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Ir-rwol tagħha huwa wkoll li tenfasizza għanijiet u miżuri ġodda li għandhom jiġu eżaminati fil-livell tal-UE.

4.

Fl-UE, huma rikonoxxuti xiprinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li ġew approvati f’livell pan-Ewropew u żviluppati bħala parti mill-proċess ta’ Forest Europe. Dawn il-prinċipji, li jiżguraw ġestjoni sostenibbli tal-foresti u li għandhom jinkludu wkoll il-prinċipju tal-“użu kaskata”, huma applikati fl-abbozzar tal-liġijiet tal-foresti u l-konservazzjoni tan-natura f’livell nazzjonali, u meta jkunu qed jitħejjew ċertifikati bbażati fis-suq.

5.

Il-foresti jkopru 43 % tat-territorju tal-Istati Membri tal-UE. Din il-kopertura hija magħmula minn superfiċje ta’ foresti estremament diversa, kemm mil-lat tat-tip ta’ foresta (inkluża superfiċje ta’ foresti mhux imsaġġra) kif ukoll tal-possibbiltajiet għall-użu tagħhom. Aktar minn 60 % ta’ dawn il-foresti huma f’idejn privati, filwaqt li l-bqija huma taħt forom diversi ta’ sjieda pubblika. L-awtoritajiet lokali wkoll għandhom rwol importanti bħala s-sidien tal-foresti. Is-sjieda mill-awtoritajiet lokali hija t-tielet l-aktar forma komuni ta’ sjieda tal-foresti fl-Ewropa.

6.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu sidien tal-foresti. Jistgħu wkoll jiġġestixxu l-foresti u jimplimentaw leġislazzjoni relatata magħhom. Dan ifisser li għandhom esperjenza u għarfien sostanzjali f’dan il-qasam. Għall-awtoritajiet lokali u għall-awtoritajiet reġjonali differenti, il-foresti huma element importanti ta’ żvilupp ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sostenibbli, li għal aktar minn seklu dan ġie rifless fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ ġestjoni bbażati fuq il-prinċipji ta’ persistenza, stabbiltà u rendiment sostenibbli tal-ħafna prodotti tagħhom, kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni solida tal-foresti li tiddefendi u tipproteġi l-foresti. Għalhekkgħandhom jiġu kkonsultati meta tiġi aġġornata l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex biss partijiet interessati importanti fi kwistjonijiet relatati mal-forestrija, iżda wkoll partijiet interessati ġenwini bl-istess mod bħas-sidien tal-foresti.

II.   POLITIKA TAL-FORESTI SOSTENIBBLI MILL-PERSPETTIVA TAL-AWTORITAJIET LOKALI U REĠJONALI

7.   Politika tal-foresti ekonomikament sostenibbli:

7.1.

Is-settur tal-forestrija jipproduċi 7 % tat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa u jipprovdi impjiegi għal 3,5 miljun ruħ – sa 4 miljuni jekk jiġi inkluż ukoll is-settur tal-bijoenerġija tal-foresti. Fl-2011, il-valur tal-produzzjoni tal-industrija tal-foresti tal-UE kien ta’ EUR 460 biljun. L-attivitajiet u l-impjiegi tal-forestrija huma kruċjali għar-reġjuni rurali u b’popolazzjoni baxxa, iżda jagħtu wkoll spinta lit-tkabbir ekonomiku fil-bliet u jrawmu l-kooperazzjoni bejn iż-żoni rurali u dawk urbani. L-Istrateġija għall-Foresti għandha tenfasizza t-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-investimenti Ewropej u tidentifika l-opportunitajiet ġodda li dawn joffru, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku tal-atturi tas-settur tal-forestrija fir-reġjuni ultraperiferiċi.

7.2.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol sinifikanti fil-promozzjoni tal-użu min-naħa tan-negozji ta’ riżorsi lokali tal-injam u t-tranżizzjoni għal bijoekonomija. Pereżempju, l-ewwel nett, l-għażla tal-materjal tal-kostruzzjonii u l-produzzjoni tal-enerġija għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet u għat-tisħin tal-binjiet ta’ proprjetà pubblika u, it-tieni, użu akbar tal-bijokarburanti avvanzati fit-trasport pubbliku huma għodod utli li jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija iktar b’saħħitha u għall-impjieg fir-reġjuni. L-iżvilupp u l-użu ta’ bijokarburanti avvanzati mill-foresti, fost affarijiet oħra, jagħmlu parti importanti mill-politika tal-UE dwar il-klima taħt id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Dan jitlob sforzi sostanzjali kemm b’rabta mal-iżvilupp tat-teknoloġija, l-impjanti pilota u l-produzzjoni fuq skala kbira kif ukoll qafas regolatorju fit-tul li joħloq kundizzjonijiet stabbli għall-investimenti sostanzjali meħtieġa.

7.3.

90 % tal-materja prima tal-injam użata fl-Ewropa hija ta’ oriġini Ewropea. Mil-lat tal-impjieg u l-ekonomija fil-livell lokali u reġjonali, għandhom isiru sforzi biex jiġi segwit livell saħansitra ogħla ta’ konsum domestiku, filwaqt li titqies is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-foresti u l-użu tal-injam. Dan jeħtieġ l-iżvilupp ta’ ċerti speċijiet li jinsabu fil-foresti tagħna li bħalissa mhumiex mitluba mis-suq, waqt li jiġu studjati użi u teknoloġiji ġodda.

7.4.

Ir-reviżjoni tal-Istrateġija għall-Foresti għandha tiġi allinjata mal-aġġornament tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija. Għandha tiġi żgurata konsistenza bejn id-diversi politiki tal-UE fl-iżvilupp tal-bijoekonomija tal-foresti u t-trawwim tal-innovazzjoni.

7.5.

Fil-qafas tar-riforma tal-politika agrikola komuni, huwa importanti li jiġu inklużi għodod li jappoġġjaw is-settur tal-foresti fiż-żoni rurali, bħal dawk għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni, għar-riforestazzjoni u għall-konverżjoni tal-foresti, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-foresti, l-appoġġ għall-forestazzjoni ta’ żoni agrikoli marġinali u għall-introduzzjoni u t-tiġdid ta’ sistemi ta’ agroforestrija, il-konservazzjoni tal-foresti bħala parti integrali ta’ sistemi ta’ produzzjoni estensiva tal-bhejjem kif ukoll il-promozzjoni tal-intraprenditorija u t-taħriġ f’dan is-settur.

7.6.

Is-sostenibbiltà ekonomika tiddependi wkoll fuq użu effiċjenti u trasparenti tal-prodotti tal-foresta, qasam li fih it-teknoloġija applikata tista’ taqdi rwol importanti ħafna.

7.7.

Huwa wkoll neċessarju li jiġu żviluppati u implimentati sistemi dinamiċi u integrati tal-informazzjoni u l-immappjar tal-foresti, li jiffurmaw il-bażi tat-teħid tad-deċiżjonijiet kemm għas-sidien kif ukoll għall-maniġers.

8.   Politika tal-foresti ambjentalment sostenibbli:

8.1.

Il-foresti Ewropej jipproteġu l-bijodiversità, iżommu s-servizzi tal-ekosistema u jaħżnu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-atmosfera. Illum, madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE jinħażnu fil-foresti. Billi jsegwu approċċ fit-tul, b’suċċess, abbażi tal-ispeċifiċitajiet reġjonali, sa 90 % tal-foresti tal-Ewropa jistgħu jkunu naturali jew seminaturali, u jospitaw firxa wiesgħa ta’ speċijiet. L-investiment f’ekonomija sostenibbli tal-foresti ser tkompli tiżgura aktar foresti sostenibbli u sani.

8.2.

L-użu tal-foresti jkun sostenibbli jekk l-injam jikber b’rata iktar mgħaġġla milli jinħasad u jekk jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-bijodiversità. Għandu jiġi osservat li l-erja koperta mill-foresti Ewropej u r-rata tat-tkabbir tagħhom żdiedu sa mis-snin 1990. Flimkien mad-diversità, wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ politika tal-foresti ambjentalment sostenibbli huwa li titwaqqaf id-deforestazzjoni fil-livell globali u fiż-żoni tal-Ewropa li joħolqu l-isfidi. Id-diversità tal-ekosistemi tal-foresti, u t-tifsira differenti li dawn għandhom għaż-żoni tal-madwar f’diversi reġjuni tal-Ewropa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sostenibilità tal-użu tal-foresti.

8.3.

Huwa importanti għal ħafna speċijiet ta’ pjanti u annimali, u għall-użu rikreazzjonali tal-foresti li, b’rabta mal-ġestjoni tal-foresti, jitqiesu d-diversità u n-natura multidimensjonali tal-ekosistemi tal-foresti.

8.4.

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija għall-Foresti għandha tikkunsidra iktar l-importanza multidimensjonali tal-foresti fil-politika dwar il-klima, fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, fil-kisba tal-objettivi ta’ Aichi dwar il-bijodiversità u fl-isforzi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU sabiex il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tiġi ttrattata b’mod ugwali ma’ miżuri oħrajn immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaġixxu b’mod aktar effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet komuni, inkluż fis-settur tal-foresti, jekk ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu jkollha proposti għal azzjoni kif ukoll eżempji konkreti, speċifiċi u diġà ppruvati.

8.5.

Għaddej dibattitu mqanqal fl-Ewropa dwar l-istatus ambjentali u l-iżvilupp tal-foresti u xi kultant dan jirriżulta f’tilwim fil-livell lokali u reġjonali. Huwa importanti li r-riċerka dwar il-foresti Ewropej, il-ġestjoni u l-iżvilupp tagħhom tirċievi r-riżorsi meħtieġa u li data affidabbli dwar il-foresti tkun disponibbli għall-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili minn sorsi pubbliċi, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-djalogu.

8.6.

Ġew żviluppati bosta inizjattivi biex jappoġġjaw id-diversità tal-foresti fl-UE, bħal pereżempju n-netwerk Natura 2000, id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, l-appoġġ għal infrastruttura ekoloġika u l-istrateġija dwar il-bijodiversità tal-2020. L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jgħinu biex jiġu implimentati u għandhom jingħataw iktar ambitu biex jikkontribwixxu għall-kontenut tal-miżuri.

8.7.

F’ħafna Stati Membri u r-reġjuni tal-UE in-nirien tal-foresti jirrappreżentaw it-theddida ewlenija għall-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti (1). Azzjoni tal-komunità lokali hija l-mod l-iktar veloċi u effettiv biex tkun limitata l-ħsara kkawżata minn nirien tal-foresti; L-azzjoni tal-UE għandha tiffoka fuq l-għoti ta’ għajnuna ta’ taħriġ tekniku sabiex il-kapaċità tal-komunitajiet għall-awtoassistenza tkun tista’ tissaħħaħ, inkluża t-tħejjija aħjar ta’ servizzi ta’ tifi tan-nar u ħaddiema oħrajn tal-protezzjoni ċivili biex jipprovdu rispons inizjali u jrażżnu diżastru (2);

8.8.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, bis-saħħa ta’ ċerti reġjuni ultraperiferiċi, l-UE għandha foresti Amażoniċi u subtropikali. Dawn il-foresti primarji jikkostitwixxu laboratorju uniku għar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni (pereżempju r-riċerka farmaċewtika u l-iżvilupp tal-estratti tal-pjanti). Il-bijodiversità tar-reġjuni ultraperiferiċi tirrappreżenta kważi 80 % tal-bijodiversità Ewropea u hija essenzjali għall-bilanċ ekoloġiku tal-pjaneta. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-gwardjani ta’ dan it-teżor inestimabbli u għandhom jingħataw appoġġ adatt għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tiegħu.

9.   Politika tal-foresti soċjalment sostenibbli:

9.1.

Il-foresti jipprovdu bosta servizzi tal-ekosistema u prodotti naturali minbarra l-injam. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ser tiżgura li dan jibqa’ l-każ għaċ-ċittadini fil-futur ukoll. Il-prodotti naturali u l-opportunitajiet ta’ rikreazzjoni offruti mill-foresti għandhom ħafna benefiċċji għas-saħħa.

9.2.

Il-foresti joffru wkoll benefiċċji soċjali estensivi, inkluż mil-lat tal-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, peress li huma ta’ importanza kbira għall-ħajja bbilanċjata taċ-ċittadini. Għaldaqstant, nipproponu li jiġi promoss il-ħolqien ta’ spazji ġodda ta’ foresti permezz ta’ inizjattivi pubbliċi jew privati u bl-appoġġ tal-UE.

9.3.

L-użu ta’ foresti soċjalment sostenibbli jitlob ġesjoni fit-tul tat-territorju. Fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-użu u l-protezzjoni tal-foresti, għandhom jiġu kkonsultati s-sidien tal-foresti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u dawk li jgħixu fir-reġjuni.

9.4.

L-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha ssawwar il-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp fil-livell dinji: l-użu ambjentalment sostenibbli tal-foresti fil-fażi tal-iżvilupp, il-bijodiversità u s-sostenibbiltà soċjali tal-politika tal-foresti (sjieda tal-art, id-drittijiet għall-użu tal-foresti, id-drittijiet tar-residenti lokali) għandhom ikunu fil-quċċata tal-aġenda globali tal-UE.

9.5.

Id-data ta’ riċerka dwar l-iżvilupp u l-użu tal-foresti trid tkun faċilment disponibbli għaċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jiġi appoġġjat it-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan huwa argument favur li r-riċerka tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-foresti Ewropej issir magħrufa fil-wisgħa u li tkun preżentata b’mod estensiv lill-partijiet interessati settorjali u l-pubbliku usa’.

9.6.

Dan t’hawn fuq ser ikun possibbli biss jekk tinżamm kultura tal-foresti li għandha tissaħħaħ u tiġi arrikkita, internament billi jiġu skambjati l-esperjenzi u l-prattiki miż-żona Ewropea kollha tal-foresti, u esternament bili tiġi appoġġjata u sostnuta l-popolazzjoni urbana. tagħhom. Għal dan jeħtieġ li jsir sforz biex ikun hemm għarfien tal-benefiċċji tal-foresti u tal-ġestjoni.

9.7.

L-istrateġiji kollha dwar il-foresti fil-livell reġjonali, nazzjonali u b’mod partikolari f’dak Ewropew, għandu jkollhom bħala l-punt prijoritarju ta’ tluq iż-żamma tal-popolazzjoni li tippermetti l-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi tal-injam.

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Il-politika dwar il-foresti: il-miri tal-20/20/20 (ĠU C 141, 29.5.2010, p. 45).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ara paġna 37 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).